Language of document : ECLI:EU:C:2023:911

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

23 ta’ Novembru 2023 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Kuntratt ta’ kreditu għall-konsum – Artikolu 3(1) – Żbilanċ sinjifikattiv – Spejjeż tal-kreditu esklużi l-interessi – Artikolu 7(1) – Azzjoni dikjaratorja – Interess ġuridiku – Artikolu 6(1) – Konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola – Konsegwenzi”

Fil-Kawża C‑321/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Rejonowy dla Warszawy - Śródmieścia w Warszawie (il-Qorti Distrettwali taċ-Ċentru tal-Belt ta’ Varsavja f’Varsavja, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Frar 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑5 ta’ Mejju 2022, fil-proċedura

ZL,

KU,

KM

vs

Provident Polska S.A.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, O. Spineanu-Matei (Relatriċi), J.‑C. Bonichot, S. Rodin u L. S. Rossi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: M. Siekierzyńska, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑30 ta’ Marzu 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Provident Polska S.A., minn M. Modzelewska de Raad, adwokat, A. Salbert u B. Wodzicki, radcowie prawni,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, M. Kozak u S. Żyrek, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Brauhoff u N. Ruiz García, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑22 ta’ Ġunju 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1), tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p. 100).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tliet tilwimiet bejn, rispettivament, ZL, KU u KM u Provident Polska S.A. dwar il-validità ta’ diversi klawżoli li jinsabu fi ftehimiet ta’ kreditu għall-konsum li ZL, KU u KM ikkonkludew ma’ Provident Polska jew ma’ kumpannija oħra li d-drittijiet tagħha ġew akkwistati minnha.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

3        L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 jistabbilixxi li:

“Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.”

4        L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi li:

“1.      Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu,

2.      L-istima tan-natura inġusta tal-klawżoli la għandha tirrelata mad-definizzjoni tal-kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt u lanqas mas-suffiċjenza tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra s-servizzi jew il-merkanzija provduti bi tpartit, fuq in-naħa l-oħra, safejn dawn il-klawżoli jkunu f’lingwaġġ sempliċi u ċar.”

5        Skont l-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

6        L-Artikolu 7(1) tal-istess direttiva jistabbilixxi li:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”

7        L-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13 jipprevedi li:

“L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu l-aktar disposizzjonijiet stretti kompatibbli mat-Trattat fil-qasam kopert minn din id-Direttiva, biex jiżguraw grad massimu ta’ protezzjoni għall-konsumatur.”

 Iddritt Pollakk

 IlKodiċi Ċivili

8        L-ustawa – Kodeks cywilny (il-Liġi li Tistabbilixxi l-Kodiċi Ċivili), tat‑23 ta’ April 1964 (Dz. U. Nru 16, pożizzjoni 93), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data tal-fatti tal-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili”), tistabbilixxi fl-Artikolu 58 tagħha li:

“§ 1.      Att ġuridiku li jmur kontra l-liġi jew li huwa intiż sabiex tiġi evitata l-liġi huwa null u bla effett, sakemm dispożizzjoni rilevanti ma tipprovdix mod ieħor, b’mod partikolari jekk tipprovdi li d-dispożizzjonijiet invalidi tal-att ġuridiku jiġu ssostitwiti mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi.

§ 2.      Att ġuridiku li jmur kontra r-regoli ta’ kondotta soċjali huwa null.

§ 3.      Jekk parti biss mill-att ġuridiku hija nulla, il-partijiet l-oħra tal-att jibqgħu fis-seħħ, sakemm ma jirriżultax miċ-ċirkustanzi li l-att ma kienx jiġi eżegwit fl-assenza tad-dispożizzjonijiet nulli.”

9        L-Artikolu 3851(1) u (2) ta’ dan il-kodiċi jistabbilixxi li:

“§ 1.      Klawżoli ta’ kuntratt konkluż ma’ konsumatur li ma ġewx innegozjati b’mod individwali ma għandhomx ikunu vinkolanti fuq il-konsumatur jekk id-drittijiet u l-obbligi tiegħu huma stabbiliti b’mod li jmur kontra l-prattika tajba, billi jippreġudikaw serjament l-interessi tiegħu (klawżoli kuntrattwali illegali). Din id-dispożizzjoni ma taffettwax il-klawżoli li jiddefinixxu l-obbligi prinċipali tal-partijiet, fosthom il-prezz jew ir-remunerazzjoni, jekk dawn ikunu ġew ifformulati b’mod inekwivoku.

§ 2.      Jekk klawżola tal-kuntratt ma tkunx vinkolanti għall-konsumatur fis-sens tal-paragrafu 1, il-partijiet jibqgħu marbuta mill-klawżoli l-oħra tal-kuntratt.”

10      L-Artikolu 405 tal-imsemmi kodiċi jipprevedi li:

“Kull persuna li, mingħajr bażi legali, tkun kisbet vantaġġ pekunjarju għad-detriment ta’ persuna oħra hija obbligata tirrestitwixxi dan il-vantaġġ in natura u, jekk dan ma jkunx possibbli, tirrimborsa l-valur tiegħu.”

11      L-Artikolu 410 tal-Kodiċi Ċivili huwa redatt kif ġej:

“1.      Id-dispożizzjonijiet tal-artikoli preċedenti għandhom japplikaw b’mod partikolari għal eżekuzzjoni indebita.

2.      Eżekuzzjoni hija indebita jekk il-persuna li wettqitha ma kellha l-ebda obbligu jew ma kellha l-ebda obbligu lejn il-persuna li għaliha hija wettqet l-eżekuzzjoni, jew jekk il-bażi għall-eżekuzzjoni waqfet milli teżisti jew jekk l-għan intiż għall-eżekuzzjoni ma nkisibx jew jekk l-att legali li fuqu l-obbligu li titwettaq l-eżekuzzjoni kien ibbażat ma kienx validu u ma sarx validu minn meta twettqet l-eżekuzzjoni.”

12      Skont l-Artikolu 720(1) ta’ dan il-kodiċi:

“Bis-saħħa tal-kuntratt ta’ self, il-persuna li ssellef tobbliga ruħha li titrasferixxi lill-persuna li tissellef il-proprjetà ta’ kwantità definita ta’ flus jew ta’ oġġetti ddeterminati biss fir-rigward tal-ispeċi tagħhom u l-persuna li tissellef tobbliga ruħha li tirrestitwixxi l-istess kwantità ta’ flus jew l-istess kwantità ta’ oġġetti tal-istess speċi u tal-istess kwalità.”

 IlKodiċi ta’ Proċedura Ċivili

13      L-ustawa – Kodeks postępowania cywilnego (il-Liġi li Tistabbilixxi l-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili), tas‑17 ta’ Novembru 1964 (Dz. U. Nru 43, pożizzjoni 296), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data tal-fatti tal-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili”), tipprevedi, fl-Artikolu 189 tagħha, li:

“Rikorrent jista’ jitlob lil qorti sabiex tikkonstata l-eżistenza jew l-ineżistenza ta’ relazzjoni legali jew ta’ dritt, sakemm ikollu interess ġuridiku.”

14      Skont l-Artikolu 316(1) ta’ dan il-kodiċi:

“Wara l-għeluq tas-seduta, il-qorti għandha tagħti s-sentenza tagħha, fuq il-bażi tas-sitwazzjoni kif teżisti fl-għeluq tas-seduta; b’mod partikolari, il-fatt li dejn ikun sar dovut fil-mori tal-kawża ma jipprekludix sentenza li tordna l-ħlas tiegħu.”

 IlLiġi dwar ilKreditu għallKonsum

15      L-ustawa o kredycie konsumenckim (il-Liġi dwar il-Kreditu għall-Konsum), tat‑12 ta’ Mejju 2011 (Dz. U. Nru 126, pożizzjoni 715), fil-verżjoni tagħha applikabbli fid-data tal-fatti tal-kawżi prinċipali, tistabbilixxi, fl-Artikolu 3 tagħha, li:

“1.      ‘Kuntratt ta’ kreditu għall-konsum’ tfisser kuntratt ta’ kreditu ta’ ammont inqas minn 255 550 [zlote Pollakki (PLN)] jew valur korrispondenti f’munita li ma hijiex il-munita Pollakka, li l-persuna li ssellef tagħti jew twiegħed li tagħti lil konsumatur, fil-kuntest tal-attività tagħha.

2.      Kuntratt ta’ kreditu għall-konsum tfisser b’mod partikolari:

1)      kuntratt ta’ self;

[…]”

16      L-Artikolu 30(1) ta’ din il-liġi, fil-verżjoni tagħha applikabbli fid-data tal-fatti tal-kawżi prinċipali, jistabbilixxi li:

“Il-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum għandu jispeċifika:

[…]

3)      it-tul tal-kuntratt;

[…]

8)      il-kundizzjonijiet u l-iskadenzi għar-rimbors tal-kreditu […]

[…]”

 Ilkawżi prinċipali u ddomandi preliminari

17      ZL, KU u KM ikkonkludew kuntratti ta’ kreditu għall-konsum ma’ Provident Polska jew ma’ kumpannija oħra li d-drittijiet tagħha ġew akkwistati minn Provident Polska.

18      Il-kuntratt konkluż ma’ ZL fl‑11 ta’ Settembru 2019 jirrigwarda self ta’ PLN 8 100 (madwar EUR 1 810), b’rata ta’ interessi annwali ta’ 10 %. Konformement ma’ dan il-kuntratt, l-ammont dovut huwa, bħala total, ta’ PLN 15 531.73 (madwar EUR 3 473), li għandu jkun is-suġġett ta’ 90 pagament ta’ kull ġimgħa ta’ madwar PLN 172 (madwar EUR 38).

19      L-ammont totali dovut jinkludi, minbarra s-somma mislufa ta’ PLN 8 100 (madwar EUR 1 810), spiża totali tas-self li għandha titħallas mill-persuna li tissellef ta’ PLN 7 431.73 (madwar EUR 1 662). Din l-ispiża totali hija komposta, minn naħa, mill-interessi li jammontaw għal PLN 1 275.73 (madwar EUR 285) u, min-naħa l-oħra, mill-ispejjeż esklużi l-interessi li jammontaw għal PLN 6 156 (madwar EUR 1 377), jiġifieri “kummissjoni ta’ ħruġ ta’ flus” ta’ PLN 4 050 (madwar EUR 906), “spejjeż tal-fajl” ta’ PLN 40 (madwar EUR 9) u “spejjeż ta’ pjan flessibbli ta’ rimbors” ta’ PLN 2 066 (madwar EUR 462).

20      Dan il-“pjan ta’ rimbors flessibbli”, li l-persuna li tissellef kellha tissottoskrivi għalih, jinkludi żewġ partijiet. Minn naħa, dan jikkonsisti fl-għoti lill-persuna li tissellef, permezz ta’ ċerti kundizzjonijiet, tal-possibbiltà li tipposponi numru massimu ta’ erba’ skadenzi, li huma posposti għat-tmiem tal-perijodu normali ta’ rimbors, mingħajr żieda fl-interessi. Min-naħa l-oħra, dan jinkludi “garanzija tan-natura sostenibbli tal-obbligu ta’ rimbors”, li permezz tagħha l-persuna li ssellef tirrinunzja għal kull kreditu li jkun għadu dovut skont il-kuntratt ta’ self f’każ ta’ mewt tal-persuna li tissellef matul it-tul ta’ dan il-kuntratt.

21      Konformement mal-punt 6.a tal-kuntratt ta’ self ikkonċernat, l-ammonti dovuti fid‑90 skadenza ta’ kull ġimgħa għandhom jitħallsu esklużivament fi flus kontanti lil aġent tal-persuna li ssellef, waqt iż-żjarat tiegħu fid-dar tal-persuna li tissellef.

22      Il-kuntratt konkluż ma’ KU fit‑13 ta’ Ottubru 2020 jirrigwarda self ta’ PLN 6 240 (madwar EUR 1 395), b’rata ta’ interessi annwali ta’ 7.2 %. Dan l-ammont huwa kompost minn somma ta’ PLN 6 000 (madwar EUR 1 342) mogħtija fi flus kontanti u minn somma ta’ PLN 240 (madwar EUR 53) li dan il-kuntratt jispeċifika li tħallset f’kont skont l-istruzzjonijiet tal-persuna li tissellef li jidhru fit-talba għal self. Konformement mal-imsemmi kuntratt, l-ammont dovut huwa, bħala total, ta’ PLN 9 450.71 (madwar EUR 2 113), li għandu jkun is-suġġett ta’ 60 pagament ta’ kull ġimgħa ta’ madwar PLN 157 (madwar EUR 35).

23      L-ammont totali dovut jinkludi, minbarra s-somma mislufa ta’ PLN 6 240 (madwar EUR 1 395), spiża totali tas-self li għandha titħallas mill-persuna li tissellef ta’ PLN 3 210.71 (madwar EUR 718). Din l-ispiża totali hija komposta, minn naħa, mill-interessi li jammontaw għal PLN 385.87 (madwar EUR 86) u, min-naħa l-oħra, mill-ispejjeż esklużi l-interessi li jammontaw għal PLN 2 824.84 (madwar EUR 632), jiġifieri “kummissjoni ta’ ħruġ ta’ flus” ta’ PLN 556.96 (madwar EUR 125), “spejjeż tal-fajl” ta’ PLN 40 (madwar EUR 9) u “spejjeż ta’ pjan flessibbli ta’ rimbors” ta’ PLN 2 227.88 (madwar EUR 498).

24      L-imsemmi kuntratt jipprevedi li l-iskadenzi ta’ kull ġimgħa għandhom jitħallsu fid-dar tal-persuna li tissellef skont modalitajiet identiċi għal dawk deskritti fil-punt 21 ta’ din is-sentenza.

25      Il-kuntratt konkluż ma’ KM fis‑7 ta’ Awwissu 2019 jirrigwarda self ta’ PLN 6 000 (madwar EUR 1 343), b’rata ta’ interessi annwali ta’ 10 %. Konformement ma’ dan il-kuntratt, l-ammont dovut huwa, bħala total, ta’ PLN 12 318,03 (madwar EUR 2 757), li għandu jkun is-suġġett ta’ 27 pagament ta’ kull xahar ta’ madwar PLN 456 (madwar EUR 102).

26      L-ammont totali dovut jinkludi, minbarra s-somma mislufa ta’ PLN 6 000 (madwar EUR 1 343), spiża totali tas-self li għandha titħallas mill-persuna li tissellef ta’ PLN 6 318.03 (madwar EUR 1 414). Din l-ispiża totali hija komposta, minn naħa, mill-interessi li jammontaw għal PLN 793.83 (madwar EUR 178) u, min-naħa l-oħra, mill-ispejjeż esklużi l-interessi, jiġifieri “kummissjoni ta’ ħruġ ta’ flus” ta’ PLN 4 143.15 (madwar EUR 927) u “spejjeż tal-fajl” ta’ PLN 1 381.05 (madwar EUR 309).

27      ZL, KU u KM adixxew, kull wieħed fir-rigward tiegħu, lis-Sąd Rejonowy dla Warszawy-Śródmieścia w Warszawie (il-Qorti Distrettwali taċ-Ċentru tal-Belt ta’ Varsavja f’Varsavja, il-Polonja), li hija l-qorti tar-rinviju, b’talbiet relatati mal-kuntratti li jorbtuhom ma’ Provident Polska, fil‑15 ta’ April, fis‑17 ta’ Mejju u fl‑14 ta’ Settembru 2021 rispettivament.

28      Fl-aħħar stadju tas-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom quddiem il-qorti tar-rinviju, kull wieħed minnhom talab, essenzjalment, li jiġi kkonstatat li l-klawżoli tal-kuntratt ta’ self li jikkonċernawh dwar l-ispejjeż tal-kreditu esklużi l-interessi ma jistgħux jiġu invokati fil-konfront tiegħu minħabba n-natura inġusta tagħhom, minħabba n-natura manifestament sopravalutata u irraġonevoli tal-ispejjeż u tal-kummissjonijiet imsemmija. Dawn l-ispejjeż u kummissjonijiet huma sproporzjonati meta mqabbla mal-ammont misluf u jikkostitwixxu, fil-fatt, is-sors ewlieni ta’ dħul tal-persuna li ssellef.

29      It-talba ta’ KU tirrigwarda wkoll is-somma ta’ PLN 240 (madwar EUR 53) imsemmija fil-kuntratt ta’ self li jikkonċernah bħala li tħallset f’kont skont l-istruzzjonijiet tal-persuna li tissellef li jidhru fit-talba għal self.

30      Provident Polska titlob li jiġu miċħuda r-rikorsi ta’ ZL, ta’ KU u ta’ KM, u ppreżentat kontra kull wieħed minnhom kontrotalba intiża li jiġu kkundannati jħallsuha somom li jikkorrispondu għal parti mill-ispejjeż u mill-kummissjonijiet previsti mill-kuntratt ta’ self li jikkonċernaha li baqgħu ma tħallsux. Ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali jitolbu li din il-kontrotalba tiġi miċħuda.

31      Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-klawżoli li jistabbilixxu spejjeż jew kummissjonijiet dovuti lil bejjiegħ jew fornitur jistgħux jiġu ddikjarati inġusti għall-unika raġuni li dawn l-ispejjeż jew dawn il-kummissjonijiet huma manifestament eċċessivi meta mqabbla mas-servizz ipprovdut mill-bejjiegħ jew fornitur.

32      F’dan ir-rigward, hija tindika li huwa normali li impriża ta’ kreditu tfittex li tkopri l-ispejjeż tal-operat tagħha kif ukoll ir-riskji ta’ nuqqas ta’ ħlas u li tikseb profitt. Madankollu jidhrilha li, fil-kawżi prinċipali, ir-remunerazzjoni li l-persuna li ssellef tikseb f’perjodu ta’ żmien relattivament qasir taqbeż tali standard, peress li din ir-remunerazzjoni tikkorrispondi għal diversi għexieren ta’ punti perċentwali tal-ammont misluf, jew saħansitra hija qrib dan l-ammont.

33      Hija tqis li l-ispejjeż marbuta mal-“pjan ta’ rimbors flessibbli” u mal-“kummissjoni ta’ ħruġ ta’ flus” huma għoljin ħafna u ma jikkorrispondux għal servizz reali, u li l-ispejjeż reali koperti mill-“ispejjeż tal-fajl” huma negliġibbli. Hija tirrileva li dawn l-ispejjeż, l-istess bħall-“kummissjoni ta’ ħruġ ta’ flus”, huma relatati b’mod definittiv biss mal-għoti tas-self ikkonċernat.

34      L-eżami tal-informazzjoni fir-rigward tal-kawżi prinċipali kif ukoll fir-rigward ta’ madwar għaxra oħra li kienu s-suġġett ta’ deċiżjonijiet reċenti ta’ diversi awli tal-qorti li minnha tagħmel parti l-qorti tar-rinviju jwassalha sabiex tqis li l-mudell ekonomiku tal-konvenuta fil-kawża prinċipali jista’ jikkonsisti fl-għoti ta’ self li jirrigwarda ammonti żgħar għal perijodi qosra billi jsir profitt mhux biss mill-interessi, iżda fuq kollox mill-ispejjeż tal-kreditu esklużi l-interessi, li ġeneralment jirrappreżentaw bejn 70 u 90 % tal-ammont misluf.

35      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tosserva li proporzjon sinjifikattiv tas-self mogħti mill-konvenuta fil-kawża prinċipali jikkonċerna l-istess persuni. Hija tqis, f’dan ir-rigward, li huwa magħruf li l-persuni li jikkuntrattaw self għal żmien qasir huma ġeneralment persuni li għandhom diffikultajiet ta’ ġestjoni tal-finanzi tagħhom u li, fin-nuqqas li jkunu jistgħu jiksbu self minn bank, jindirizzaw ruħhom lil istituzzjonijiet ta’ kreditu li jagħtu self b’kundizzjonijiet sfavorevoli ħafna, li l-ispejjeż tagħhom huma tant għoljin li l-persuni li jissellfu ħafna drabi ma jkollhomx soluzzjoni oħra ħlief li jieħdu self ġdid sabiex jirrimborsaw dak preċedenti, u b’hekk jidħlu fi “spirali ta’ dejn”, għal ammonti dejjem ikbar, li jispiċċaw sabiex jaqbżu sew is-somma mislufa inizjalment.

36      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 u mal-prinċipju ta’ effettività tal-Artikolu 189 u tal-Artikolu 316(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, kif interpretati mis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja).

37      Skont dawn id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, azzjoni għal konstatazzjoni tista’ tintlaqa’ biss jekk ir-rikorrent juri li huwa għandu interess ġuridiku u li dan l-interess jippersisti sakemm jingħalqu d-dibattiti. Il-qorti tar-rinviju tesponi li, skont il-ġurisprudenza tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), tali interess jeżisti meta l-kjarifika ta’ sitwazzjoni legali tkun oġġettivament iġġustifikata minn dubji u tkun neċessarja. Dan huwa eskluż, b’mod partikolari, meta protezzjoni iktar kompleta ta’ dritt allegat tista’ tinkiseb permezz ta’ azzjoni ġudizzjarja oħra, pereżempju għaliex kien hemm ksur ta’ dan id-dritt li, fih innifsu, joħloq dritt għal benefiċċju li jista’ jiġi protett.

38      Fil-każ ta’ debitur, dan ikollu interess li tiġi kkonstatata l-portata, jew saħansitra l-eżistenza, tal-obbligu tiegħu sakemm il-kreditur tiegħu ma jkunx talab l-eżekuzzjoni ta’ dan l-obbligu. Meta tintalab din l-eżekuzzjoni, huwa fil-kuntest tal-proċedura dwar din it-talba għal eżekuzzjoni li dan id-debitur għandu jiżgura d-difiża tiegħu. Bl-istess mod, jekk debitur ikun ħallas somma għall-eżekuzzjoni ta’ obbligu li huwa jqis dubjuż, huwa jkollu azzjoni iktar estiża minn azzjoni għal konstatazzjoni, jiġifieri azzjoni għall-irkupru ta’ ammonti mħallsa indebitament.

39      Id-domanda tal-qorti tar-rinviju toriġina mill-fatt li, għalkemm konsumatur juri n-nuqqas ta’ infurzabbiltà jew in-nullità ta’ kuntratt jew ta’ partijiet minnu, l-azzjoni għal konstatazzjoni tiegħu għandha tiġi miċħuda jekk ma jurix l-interess ġuridiku tiegħu. Barra minn hekk, l-assenza ta’ definizzjoni legali ta’ dan il-kunċett toħloq diverġenzi fid-deċiżjonijiet mogħtija f’dan ir-rigward u, konsegwentement, inċertezza għall-konsumaturi, li tista’ twassalhom sabiex jastjenu milli jressqu azzjoni għall-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżoli ta’ kuntratt konkluż ma’ bejjiegħ jew fornitur, fid-dawl tar-riskju li din l-azzjoni tiġi miċħuda minħabba nuqqas ta’ interess ġuridiku u li għalhekk għandhom ibatu l-ispejjeż tagħha.

40      Fit-tielet u l-aħħar lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-prinċipju ta’ ċertezza legali jipprekludux l-annullament tal-kuntratti konklużi minn ZL u KU minħabba l-invalidità tal-klawżola li tgħid li l-pagamenti ta’ kull ġimgħa jistgħu jsiru biss fi flus kontanti permezz ta’ aġent ta’ Provident Polska waqt iż-żjarat tiegħu fid-dar tal-persuna li tissellef. Fil-fatt, din il-klawżola hija inġusta, għaliex ma tippreżentax vantaġġ għall-persuna li tissellef, iżda tipprekludiha milli twettaq ir-rimborsi ta’ kull ġimgħa permezz tal-mezz normali ta’ ħlasijiet bankarji, u tista’ tiġi spjegata biss mill-possibbiltà li hija toffri lill-persuna li ssellef li teżerċita pressjoni emozzjonali fuq il-persuna li tissellef. Konsegwentement, l-imsemmija klawżola ma torbotx lil dan tal-aħħar.

41      Il-qorti tar-rinviju tesponi f’dan ir-rigward li t-tneħħija tal-element inġust tal-klawżola li tistabbilixxi l-modalitajiet għar-rimbors tas-self twassal għar-reviżjoni tal-kontenut tagħha billi taffettwa s-sustanza tagħha, b’tali mod li għandha tkun din il-klawżola kollha li ma torbotx lill-konsumatur. Issa, fl-assenza tal-imsemmija klawżola, il-kuntratti kkonċernati ma jkunux jistgħu jiġu eżegwiti iktar, peress li ma jkun fihom ebda dispożizzjoni dwar il-modalitajiet ta’ rimbors u ma jkunx possibbli li jiġu interpretati bħala li jawtorizzaw rimborsi permezz ta’ ħlas bankarju, peress li l-partijiet kellhom l-intenzjoni li jeskludu din il-modalità ta’ rimbors. Barra minn hekk, ma hemmx lok li jiġu applikati dispożizzjonijiet supplenti tad-dritt nazzjonali, peress li l-impossibbiltà li jiġu eżegwiti l-kuntratti kkonċernati ma tesponix lill-konsumaturi kkonċernati għal konsegwenzi partikolarment dannużi, peress li huma obbligati jirrimborsaw biss l-ammont prinċipali tas-self.

42      Huwa f’dan il-kuntest li s-Sąd Rejonowy dla Warszawy-Śródmieścia w Warszawie (il-Qorti Distrettwali taċ-Ċentru tal-Belt ta’ Varsavja f’Varsavja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 3(1) tad-[Direttiva 93/13] għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li tiġi kklassifikata bħala klawżola kuntrattwali inġusta dispożizzjoni li tagħti lill-bejjiegħ jew fornitur miżata jew kummissjoni ta’ ammont manifestament ogħla meta mqabbel mas-servizz offrut minnu?

2)      L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 kif ukoll il-prinċipju ta’ effettività, għandhom jiġu interpretat fis-sens li jipprekludu dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali jew interpretazzjoni ġudizzjarja ta’ dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali li skonthom rekwiżit essenzjali għat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ azzjoni tal-konsumatur kontra l-bejjiegħ jew fornitur għall-konstatazzjoni ta’ nullità jew ineffettività tal-kuntratt jew tal-partijiet fih li jinkludu klawżoli inġusti huwa l-interess ġuridiku tal-konsumatur?

3)      L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 kif ukoll il-prinċipji ta’ effettività, ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu li jiġi kkunsidrat li kuntratt ta’ self, li fir-rigward tiegħu ġiet ikkonstatata n-natura inġusta tal-unika klawżola kuntrattwali li tipprevedi l-mod ta’ kif jitħallas lura s-self, ma jistax ikompli jorbot wara li din il-klawżola tkun ġiet eskluża u li għalhekk huwa null?”

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lewwel domanda

43      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li klawżola dwar spejjeż esklużi l-interessi ta’ kuntratt ta’ self konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur li tipprevedi l-ħlas minn dan tal-aħħar ta’ spejjeż jew ta’ kummissjoni ta’ ammont manifestament sproporzjonat meta mqabbel mas-servizz ipprovdut bħala korrispettiv tista’ tkun inġusta.

44      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, klawżola li ma tkunx ġiet innegozjata individwalment ta’ kuntratt titqies inġusta jekk, minkejja r-rekwiżit ta’ bona fide, hija toħloq, għad-detriment tal-konsumatur, żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt.

45      Hija ġurisprudenza stabbilita li l-eżami tal-eżistenza ta’ tali żbilanċ sinjifikattiv ma jistax ikun limitat għal evalwazzjoni ekonomika ta’ natura kwantitattiva, ibbażata fuq paragun bejn l-ammont totali tat-tranżazzjoni li kienet is-suġġett tal-kuntratt, minn naħa, u l-ispejjeż li għalihom huwa responsabbli l-konsumatur skont il-klawżola kuntrattwali inkwistjoni, min-naħa l-oħra. Fil-fatt, żbilanċ sinjifikattiv jista’ jirriżulta mis-sempliċi fatt ta’ preġudizzju suffiċjentement serju għas-sitwazzjoni legali li fiha jitqiegħed il-konsumatur, bħala parti fil-kuntratt inkwistjoni, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli, kemm jekk fil-forma ta’ restrizzjoni għall-kontenut tad-drittijiet li, skont dawn id-dispożizzjonijiet, huwa għandu skont dan il-kuntratt kif ukoll jekk fil-forma ta’ ostakolu għall-eżerċizzju tagħhom jew inkella tal-impożizzjoni fuqu ta’ obbligu addizzjonali, li ma huwiex previst fir-regoli nazzjonali (sentenzi tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Kiss u CIB Bank, C‑621/17, EU:C:2019:820, punt 51, u tas‑16 ta’ Marzu 2023, Caixabank (Kummissjoni għall-ftuħ ta’ self), C‑565/21, EU:C:2023:212, punt 51).

46      Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-qorti nazzjonali, meta tikkonstata li evalwazzjoni ekonomika ta’ natura kwantitattiva ma turix żbilanċ sinjifikattiv, ma tistax tillimita l-eżami tagħha għal din l-evalwazzjoni. F’tali każ, hija għandha teżamina jekk tali żbilanċ jirriżultax minn element ieħor, bħal restrizzjoni għal dritt li jirriżulta mid-dritt nazzjonali jew obbligu supplimentari li ma huwiex previst minn dan id-dritt.

47      Min-naħa l-oħra, meta evalwazzjoni ekonomika ta’ natura kwantitattiva turi żbilanċ sinjifikattiv, dan jista’ jiġi kkonstatat mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġu eżaminati elementi oħra. Fil-każ ta’ kuntratt ta’ kreditu, tali konstatazzjoni tista’ b’mod partikolari ssir jekk is-servizzi pprovduti bħala korrispettiv tal-ispejjeż esklużi l-interessi ma jaqgħux b’mod raġonevoli taħt is-servizzi mwettqa fil-kuntest tal-konklużjoni jew tal-ġestjoni ta’ dan il-kuntratt, jew jekk l-ammonti imposti fuq il-konsumatur bħala spejjeż ta’ għoti u ta’ ġestjoni ta’ self jidhru manifestament sproporzjonati meta mqabbla mal-ammont misluf. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tieħu inkunsiderazzjoni, f’dan ir-rigward, l-effett tal-klawżoli kuntrattwali l-oħra sabiex jiġi ddeterminat jekk l-imsemmija klawżoli joħolqux żbilanċ sinjifikattiv għad-detriment tal-persuna li tissellef (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2020, Profi Credit Polska, C‑84/19, C‑222/19 u C‑252/19, EU:C:2020:631, punt 95).

48      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar il-proporzjonalità tar-relazzjoni bejn l-ammont misluf lil kull wieħed mir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali u l-ammont totali tal-ispejjeż esklużi l-interessi imposti fuqhom, peress li dan l-aħħar ammont jidher manifestament sproporzjonat meta mqabbel, fl-istess ħin, mas-servizzi li huma normalment inerenti għall-għoti u għall-ġestjoni ta’ kreditu kif ukoll għall-ammont ta’ krediti mogħtija. Mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza jirriżulta li tali konstatazzjoni hija ta’ natura li tikkaratterizza żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13.

49      Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika minn qabel jekk l-eżami tan-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli kuntrattwali inkwistjoni, dwar l-ispejjeż tal-kreditu esklużi l-interessi, huwiex eskluż skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13.

50      Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, u bla ħsara għall-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, l-evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali la tirrigwarda d-definizzjoni tas-suġġett prinċipali tal-kuntratt u lanqas l-adegwatezza bejn il-prezz u r-remunerazzjoni, minn naħa, u s-servizzi jew l-oġġetti li għandhom jiġu pprovduti bħala korrispettiv, min-naħa l-oħra, sakemm dawn il-klawżoli jkunu redatti b’mod ċar u li jinftiehem.

51      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li kummissjoni li tkopri r-remunerazzjoni tas-servizzi marbuta mal-eżami, mal-għoti jew mal-ipproċessar ta’ self jew ta’ kreditu jew ta’ servizzi simili inerenti għall-attività tal-persuna li ssellef ikkawżata mill-għoti ta’ dan is-self jew ta’ dan il-kreditu ma tistax titqies li taqa’ taħt l-impenji prinċipali li jirriżultaw minn ftehim ta’ kreditu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2023, Caixabank (Kummissjoni għall-ftuħ ta’ self), C‑565/21, EU:C:2023:212, punti 22 u 23).

52      Min-naħa l-oħra, il-klawżoli dwar il-korrispettiv dovut mill-konsumatur lill-persuna li ssellef jew li jinċidu fuq il-prezz effettiv li għandu jitħallas lil din tal-aħħar mill-konsumatur jaqgħu, bħala prinċipju, taħt it-tieni kategorija ta’ klawżoli msemmija fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk l-ammont tal-korrispettiv jew tal-prezz kif stipulat fil-kuntratt huwiex adegwat għas-servizz ipprovdut bħala korrispettiv mill-persuna li ssellef (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Kiss u CIB Bank, C‑621/17, EU:C:2019:820, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

53      Madankollu, il-Gvern Pollakk jirreferi għall-fatt li l-Artikolu 3851(1) tal-Kodiċi Ċivili, li jikkostitwixxi t-traspożizzjoni tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 fid-dritt Pollakk, jawtorizza l-eżami tar-relazzjoni bejn il-prezz u s-servizz meta jkunu involuti klawżoli li ma humiex marbuta mas-servizzi prinċipali tal-partijiet, u b’hekk jistabbilixxi protezzjoni iktar estiża tal-konsumatur. Issa, sa fejn tali dispożizzjoni nazzjonali effettivament tagħti portata iktar stretta lill-eċċezzjoni stabbilita fl-imsemmi Artikolu 4(2), billi tippermetti stħarriġ iktar estiż tan-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli kuntrattwali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, hija tagħmel parti mill-għan ta’ protezzjoni tal-konsumaturi mfittex mill-imsemmija direttiva u taqa’ taħt il-possibbiltà, mogħtija lill-Istati Membri mill-Artikolu 8 tagħha, li jadottaw jew li jżommu dispożizzjonijiet iktar stretti intiżi li jiżguraw livell ta’ protezzjoni ogħla lill-konsumatur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2020, Profi Credit Polska, C‑84/19, C‑222/19 u C‑252/19, EU:C:2020:631, punti 83 sa 85).

54      Barra minn hekk, jekk in-natura inġusta ta’ tali klawżola tiġi allegata quddiem il-qorti nazzjonali minħabba l-assenza ta’ servizz effettiv mill-persuna li ssellef li jista’ jikkostitwixxi l-korrispettiv ta’ kummissjoni li hija tipprevedi, il-kwistjoni hekk imqajma ma tirrigwardax l-adegwatezza bejn l-ammont ta’ din il-kummissjoni u kwalunkwe servizz, u għalhekk ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2015, Matei, C‑143/13, EU:C:2015:127, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      Barra minn hekk, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk il-konsumatur ikunx ġie informat bir-raġunijiet li jiġġustifikaw il-ħlas tal-imsemmija kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Kiss u CIB Bank, C‑621/17, EU:C:2019:820, punt 41).

56      Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li l-esklużjoni msemmija fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 hija, fi kwalunkwe każ, bla ħsara għall-osservanza tar-rekwiżit ta’ trasparenza li din id-dispożizzjoni timponi, li għandha l-istess portata bħar-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva u għandha tinftiehem bħala li timponi l-obbligu mhux biss li l-klawżola kkonċernata tinftiehem mill-konsumatur fuq livell grammatikali, iżda wkoll li dan il-konsumatur ikun jista’ jevalwa, abbażi ta’ kriterji preċiżi u li jinftiehmu, il-konsegwenzi ekonomiċi li jirriżultaw għalih minn din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Kiss u CIB Bank, C‑621/17, EU:C:2019:820, punti 36 u 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

57      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, mingħajr ma l-persuna li ssellef tkun obbligata tispeċifika fil-kuntratt in-natura tas-servizzi kollha pprovduti bħala korrispettiv tal-ispejjeż jew tal-kummissjonijiet previsti minn ċerti klawżoli kuntrattwali, huwa importanti, minn naħa, li n-natura tas-servizzi effettivament ipprovduti tkun tista’ raġonevolment tinftiehem jew tiġi dedotta mill-kuntratt ikkunsidrat fil-globalità tiegħu u, min-naħa l-oħra, li l-konsumatur ikun f’pożizzjoni li jivverifika li ma jkunx hemm sovrappożizzjoni bejn id-diversi spejjeż jew bejn is-servizzi mitluba minnu. Dan l-eżami għandu jsir fid-dawl tal-punti ta’ fatt rilevanti kollha, fosthom mhux biss il-klawżoli tal-kuntratt ikkonċernat, iżda wkoll ir-reklamar u l-informazzjoni pprovduti mill-persuna li ssellef fil-kuntest tan-negozjati tal-kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Kiss u CIB Bank, C‑621/17, EU:C:2019:820, punti 44 u 45).

58      Minn dan isegwi li, jekk il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-klawżoli kkonċernati ma humiex redatti b’mod ċar u li jinftiehem, dawn għandhom, fi kwalunkwe każ, ikunu s-suġġett ta’ evalwazzjoni tal-eventwali natura inġusta tagħhom, anki jekk din il-qorti tqis barra minn hekk li dawn il-klawżoli jifformaw parti mis-suġġett prinċipali tal-kuntratt jew li huma fil-fatt ikkontestati fir-rigward tal-adegwatezza tal-prezz jew tar-remunerazzjoni meta mqabbla mas-servizzi pprovduti bħala korrispettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2015, Matei, C‑143/13, EU:C:2015:127, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sakemm l-eżami tan-natura eventwalment inġusta ta’ klawżola dwar spejjeż esklużi l-interessi ta’ kuntratt ta’ self konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur ma jkunx eskluż skont l-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 8 tagħha, in-natura inġusta ta’ tali klawżola tista’ tiġi kkonstatata fid-dawl tal-fatt li din il-klawżola tipprevedi l-ħlas minn dan il-konsumatur ta’ spejjeż jew ta’ kummissjoni ta’ ammont manifestament sproporzjonat meta mqabbel mas-servizz ipprovdut bħala korrispettiv.

 Fuq ittieni domanda

60      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, kif interpretata fil-ġurisprudenza, li teżiġi, sabiex tkun tista’ tintlaqa’ l-azzjoni ġudizzjarja ta’ konsumatur intiża sabiex jiġi kkonstatat in-nuqqas ta’ infurzabbiltà ta’ klawżola inġusta li tinsab f’kuntratt konkluż ma’ bejjiegħ jew fornitur, il-prova ta’ interess ġuridiku, meta jitqies li tali interess ikun nieqes meta dan il-konsumatur ikollu rimedju ieħor iktar protettiv tad-drittijiet tiegħu, b’mod partikolari azzjoni għall-irkupru ta’ ammonti mħallsa indebitament, jew meta jkun jista’ jinvoka dan in-nuqqas ta’ infurzabbiltà fil-kuntest tad-difiża tiegħu għal kontrotalba għal eżekuzzjoni mressqa kontrih minn dan il-bejjiegħ jew fornitur abbażi ta’ din il-klawżola.

61      Qabelxejn, għandu jitfakkar li, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni speċifika tal-Unjoni f’dan il-qasam, il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal-protezzjoni tal-konsumaturi prevista fid-Direttiva 93/13 jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri bis-saħħa tal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar. Madankollu, dawn il-modalitajiet ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza), u lanqas ma għandhom jiġu applikati b’mod li, fil-prattika, l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jsir impossibbli jew eċċessivament diffiċli (prinċipju ta’ effettività) (sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, CAJASUR Banco, C‑35/22, EU:C:2023:569, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      Għaldaqstant, bla ħsara għall-osservanza ta’ dawn iż-żewġ prinċipji, il-kwistjoni tal-interess ġuridiku ta’ konsumatur fil-kuntest ta’ azzjoni intiża sabiex jiġi kkonstatat in-nuqqas ta’ infurzabbiltà ta’ klawżoli inġusti kif ukoll dik tal-oneru tal-ispejjeż ta’ tali azzjoni jaqgħu taħt l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri.

63      Għal dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari l-prinċipju ta’ effettività, li huwa l-uniku wieħed mill-imsemmija prinċipji li jissemma f’din id-domanda, għandu jiġi rrilevat li kull każ li fih tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tagħmilx impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi analizzat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tagħha u l-karatteristiċi partikolari tagħha quddiem il-varji istanzi nazzjonali. Minn din il-perspettiva, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-prinċipji li fuqhom hija bbażata s-sistema ġudizzjarja nazzjonali, bħall-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment korrett tal-proċedura (sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, CAJASUR Banco, C‑35/22, EU:C:2023:569, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64      Barra minn hekk, minħabba n-natura u l-importanza tal-interess pubbliku li tirrappreżenta l-protezzjoni tal-konsumaturi, li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ inferjorità fil-konfront tal-bejjiegħa jew fornituri, id-Direttiva 93/13 timponi fuq l-Istati Membri, kif jirriżulta mill-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-erbgħa u għoxrin premessa tagħha, l-obbligu li jipprevedu mezzi adegwati u effettivi “biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri” (sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, CAJASUR Banco, C‑35/22, EU:C:2023:569, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65      Għalhekk, l-imsemmija direttiva tagħti lil konsumatur id-dritt li jadixxi qorti sabiex tiġi kkonstatata n-natura inġusta ta’ klawżola ta’ kuntratt li bejjiegħ jew fornitur ikun ikkonkluda miegħu u sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tagħha (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Caixabank u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria, C‑224/19 u C‑259/19, EU:C:2020:578, punt 98 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

66      Barra minn hekk, l-obbligu tal-Istati Membri li jipprevedu modalitajiet proċedurali li jippermettu li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-Direttiva 93/13 kontra l-użu ta’ klawżoli inġusti jimplika rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li huwa stabbilit ukoll fl-Artikolu 47 tal-Karta. Din il-protezzjoni għandha tapplika, b’mod partikolari, għal dak li jirrigwarda d-definizzjoni tal-modalitajiet proċedurali relatati mal-azzjonijiet ibbażati fuq id-dritt tal-Unjoni. Madankollu, il-protezzjoni tal-konsumatur ma hijiex assoluta. B’hekk, il-fatt li proċedura partikolari tipprevedi ċerti rekwiżiti proċedurali li l-konsumatur ikollu josserva sabiex jinvoka d-drittijiet tiegħu ma jfissirx li, minħabba f’hekk, il-konsumatur ma jibbenefikax minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Sziber, C‑483/16, EU:C:2018:367, punti 49 u 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

67      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-eżistenza ta’ interess ġuridiku tikkostitwixxi l-kundizzjoni essenzjali u ewlenija ta’ kull azzjoni ġudizzjarja (sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2017, Bionorica u Diapharm vs Il‑Kummissjoni, C‑596/15 P u C‑597/15 P, EU:C:2017:886, punt 83). Billi jevita, b’mod partikolari, li l-qrati jkunu mgħobbija b’azzjonijiet li fil-fatt ikollhom l-għan li jiksbu konsultazzjonijiet legali, ir-rekwiżit ta’ interess ġuridiku jsegwi interess ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u jista’ jipprevali fuq l-interessi tal-individwi (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Sziber, C‑483/16, EU:C:2018:367, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68      Konsegwentement, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 30 sa 32 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jitqies li tali rekwiżit huwa, bħala prinċipju, leġittimu.

69      Huwa biss jekk regoli proċedurali jkunu tant kumplessi u jkollhom rekwiżiti tant iebsa li jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan tagħhom li dawn ir-regoli jaffettwaw b’mod sproporzjonat id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-konsumatur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Sziber, C‑483/16, EU:C:2018:367, punt 52) u, konsegwentement, imorru kontra l-prinċipju ta’ effettività, sa fejn dawn jirrendu eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lill-konsumaturi mid-Direttiva 93/13.

70      F’dan il-każ, mill-elementi li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-konsumaturi, li huma r-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, kienu diġà eżegwixxew parzjalment l-obbligi stipulati fil-klawżoli kkonċernati meta ppreżentaw azzjonijiet intiżi sabiex tiġi kkonstatata n-natura inġusta tagħhom. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tidher li tindika li, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali kif interpretati fil-ġurisprudenza nazzjonali, l-azzjonijiet għal konstatazzjoni li tressqu quddiemha għandhom jiġu miċħuda minħabba nuqqas ta’ interess ġuridiku, u l-konsumaturi kkundannati għall-ispejjeż ta’ dawn l-azzjonijiet, għal żewġ raġunijiet.

71      L-ewwel, meta persuna tkun diġà eżegwixxiet, f’dan il-każ parzjalment, obbligu kuntrattwali, in-nuqqas ta’ interess ġuridiku għall-konstatazzjoni tal-ineżistenza ta’ dan l-obbligu jirriżulta mill-fatt li din il-persuna jkollha azzjoni meqjusa li hija iktar protettiva tad-drittijiet tagħha, jiġifieri azzjoni għall-irkupru ta’ ammonti mħallsa indebitament, li fil-kuntest tagħha hija tkun tista’ tikseb il-kundanna tal-parti kontraenti tagħha għar-rimbors tas-somom imħallsa b’eżekuzzjoni tal-obbligu kontenzjuż.

72      It-tieni, meta persuna tikkontesta l-eżistenza ta’ obbligu li hija tkun għadha ma eżegwixxietx, anki jekk parzjalment, hija titlef l-interess ġuridiku tagħha għal konstatazzjoni meta l-parti kontraenti tagħha tressaq azzjoni intiża sabiex tikseb l-eżekuzzjoni ta’ dan l-obbligu, f’dan il-każ kontrotalba, minħabba l-possibbiltà li tinvoka l-ineżistenza tal-obbligu kkonċernat fil-kuntest tad-difiża tagħha għall-azzjoni ta’ din il-parti kontraenti.

73      Il-Gvern Pollakk jikkontesta madankollu li l-ġurisprudenza tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 189 u tal-Artikolu 316(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili għandha l-implikazzjonijiet deskritti mill-qorti tar-rinviju. Madankollu, għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali u li tiddeċiedi jekk l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tagħhom magħmula mill-qorti nazzjonali hijiex korretta, peress li tali interpretazzjoni taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2020, Sociálna poisťovňa, C‑799/19, EU:C:2020:960, punti 44 u 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Huwa għalhekk abbażi tal-indikazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju li saru l-kunsiderazzjonijiet li ġejjin.

74      Fl-ewwel sitwazzjoni, imsemmija fil-punt 71 ta’ din is-sentenza, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, iċ-ċaħda tal-azzjoni tal-konsumatur għall-konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali minħabba nuqqas ta’ interess ġuridiku xieraq, iżda mhux ta’ kull interess ġuridiku, u l-kundanna tiegħu għall-ispejjeż billi jiġi ordnat iressaq azzjoni aħjar ikun jammonta għall-introduzzjoni, fil-proċeduri li għandhom l-għan li jagħtu lill-konsumaturi l-protezzjoni mixtieqa mid-Direttiva 93/13, ta’ sors ta’ kumplessità, piż, spejjeż u inċertezza legali bla bżonn, li jista’ jiddiswadihom milli jinvokaw id-drittijiet li huma jisiltu minn din id-direttiva, bi ksur tal-prinċipju ta’ effettività.

75      Barra minn hekk, kif ġie enfasizzat fl-istess punt tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, f’kuntest bħal dak tal-kawżi prinċipali, iċ-ċaħda tal-azzjoni għal konstatazzjoni tal-konsumatur u l-obbligu tiegħu li jressaq azzjoni iktar protettiva tad-drittijiet tiegħu filwaqt li l-qorti tar-rinviju tkun fi kwalunkwe każ obbligata teżamina l-kwistjoni legali kkonċernata minn din l-azzjoni għal konstatazzjoni fil-kuntest tal-kontrotalba mressqa mill-bejjiegħ jew fornitur imur kontra l-interess ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, b’mod partikolari r-rekwiżit tal-ekonomija tal-proċeduri.

76      Fl-aħħar nett, sa fejn hemm lok li jitqies li t-tieni domanda tirrigwarda wkoll it-tieni sitwazzjoni, imsemmija fil-punt 72 ta’ din is-sentenza, li fiha l-konsumatur, wara li jkun ippreżenta azzjoni għall-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, jitlef l-interess ġuridiku tiegħu matul il-proċedura minħabba t-tressiq mill-bejjiegħ jew fornitur ta’ kontrotalba intiża sabiex jikseb l-eżekuzzjoni tal-obbligi stipulati f’din il-klawżola, il-fatt li l-konsumatur jiġi mċaħħad mill-azzjoni tiegħu u li jiġi kkundannat għall-ispejjeż tagħha, indipendentement mill-konstatazzjoni eventwali tan-natura inġusta tal-imsemmija klawżola inġusta, ikun ifisser li jitqiegħed fuqu riskju finanzjarju li huwa iktar u iktar inġustifikat peress li r-realizzazzjoni ta’ dan ir-riskju tkun tiddependi esklużivament minn inizjattiva proċedurali tal-bejjiegħ jew fornitur. Issa, jekk l-eżitu tat-tqassim tal-ispejjeż tal-azzjoni tal-konsumatur ikun jiddependi minn tali inizjattiva tal-bejjiegħ jew fornitur, dan ikun ta’ natura li jiddisswadi lill-konsumatur milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jadixxi qorti sabiex tiġi kkonstatata n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali u sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tagħha, bi ksur tal-prinċipju ta’ effettività (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Caixabank u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria, C‑224/19 u C‑259/19, EU:C:2020:578, punt 98 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

77      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, kif interpretata fil-ġurisprudenza, li teżiġi, sabiex tkun tista’ tintlaqa’ l-azzjoni ġudizzjarja ta’ konsumatur intiża sabiex jiġi kkonstatat in-nuqqas ta’ infurzabbiltà ta’ klawżola inġusta li tinsab f’kuntratt konkluż ma’ bejjiegħ jew fornitur, il-prova ta’ interess ġuridiku, meta jitqies li tali interess ikun nieqes meta dan il-konsumatur ikollu azzjoni għall-irkupru ta’ ammonti mħallsa indebitament, jew meta jkun jista’ jinvoka dan in-nuqqas ta’ infurzabbiltà fil-kuntest tad-difiża tiegħu għal kontrotalba għal eżekuzzjoni mressqa kontrih minn dan il-bejjiegħ jew fornitur abbażi ta’ din il-klawżola.

 Fuq ittielet domanda

78      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, moqri fid-dawl tal-prinċipji ta’ effettività, ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li kuntratt ta’ self konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur jiġi ddikjarat null fil-każ li jiġi kkonstatat li hija biss il-klawżola ta’ dan il-kuntratt li tistabbilixxi l-modalitajiet konkreti ta’ ħlas tas-somom dovuti fl-iskadenzi perijodiċi li hija inġusta u li l-imsemmi kuntratt ma jistax jibqa’ jeżisti mingħajr din il-klawżola.

79      Il-qorti tar-rinviju tindika f’dan ir-rigward li l-unika klawżola li tistabbilixxi l-modalitajiet kollha kif ukoll l-iskadenzi tar-rimbors tas-self ikkonċernat tinkludi dispożizzjoni li tgħid li l-konsumatur jista’ jwettaq il-pagamenti ta’ kull ġimgħa biss fi flus kontanti permezz ta’ aġent ta’ Provident Polska waqt iż-żjarat tiegħu fid-dar tal-konsumatur. Hija tqis li tali dispożizzjoni hija abbużiva, għar-raġuni, essenzjalment, li hija ma tissodisfa ebda għan ieħor ħlief li tqiegħed lill-persuna li ssellef f’pożizzjoni li teżerċita pressjoni illeġittima fuq il-persuna li tissellef. Konsegwentement, hemm lok li din id-dispożizzjoni tiġi invalidata u, konsegwentement, il-klawżola kollha li minnha tagħmel parti, peress li intervent limitat għat-tħassir tal-imsemmija dispożizzjoni jwassal għar-reviżjoni tal-kontenut ta’ din il-klawżola billi tinbidel is-sustanza tagħha. Issa, fl-assenza ta’ klawżoli oħra li jippermettu li jiġu ddeterminati l-modalitajiet ta’ rimbors ta’ dan is-self, ikun impossibbli li jiġu eżegwiti l-kuntratti kkonċernati.

80      Għal dak li jirrigwarda l-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola ta’ kuntratt li jorbot konsumatur ma’ bejjiegħ jew fornitur, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom jipprovdu li klawżoli inġusti li jidhru f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur ma jorbtux lill-konsumaturi, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti mid-drittijiet nazzjonali tagħhom, u li l-kuntratt jibqa’ vinkolanti għall-partijiet taħt l-istess termini, jekk jista’ jibqa’ jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.

81      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, din id-dispożizzjoni, u b’mod partikolari t-tieni parti tas-sentenza tagħha, ma hijiex intiża li twassal għan-nullità tal-kuntratti kollha li jinkludu klawżoli inġusti, iżda sabiex tissostitwixxi l-bilanċ formali li l-kuntratt jistabbilixxi bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-kontraenti b’bilanċ reali ta’ natura li jistabbilixxi mill-ġdid l-ugwaljanza bejn dawn tal-aħħar, filwaqt li huwa speċifikat li l-kuntratt inkwistjoni għandu, bħala prinċipju, jibqa’ jeżisti mingħajr ebda bidla għajr dik li tirriżulta mit-tneħħija tal-klawżoli inġusti. Sakemm din il-kundizzjoni tal-aħħar tkun issodisfatta, il-kuntratt inkwistjoni jista’ jinżamm sa fejn, konformement mar-regoli tad-dritt intern, tali tkomplija tal-kuntratt mingħajr il-klawżoli inġusti tkun legalment possibbli, fatt li għandu jiġi vverifikat skont approċċ oġġettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Dziubak, C‑260/18, EU:C:2019:819, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82      Dan l-approċċ oġġettiv jimplika, b’mod partikolari, li s-sitwazzjoni ta’ waħda mill-partijiet fil-kuntratt ma tistax titqies li hija l-kriterju determinanti li jirregola d-destin futur ta’ kuntratt li jkun fih klawżola inġusta waħda jew iktar, b’tali mod li l-evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali tal-possibbiltà li tali kuntratt jibqa’ jeżisti mingħajr dawn il-klawżoli ma tistax tkun ibbażata biss fuq in-natura eventwalment vantaġġuża għall-konsumatur tal-annullament ta’ dan il-kuntratt kollu kemm hu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Bank BPH, C‑19/20, EU:C:2021:341, punti 56 u 57 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

83      Għaldaqstant, it-tieni parti tas-sentenza tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 ma tistabbilixxix hija stess il-kriterji li jirregolaw il-possibbiltà li kuntratt jibqa’ jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti, iżda tħalli f’idejn l-Istati Membri sabiex jiddefinixxu, fil-liġijiet nazzjonali tagħhom, il-modalitajiet li fil-kuntest tagħhom tiġi stabbilita l-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola li tinsab f’kuntratt u jimmaterjalizzaw l-effetti legali konkreti ta’ din il-konstatazzjoni. Fi kwalunkwe każ, tali konstatazzjoni għandha tippermetti li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni fid-dritt u fil-fatt li kienet tkun dik tal-konsumatur fl-assenza ta’ din il-klawżola inġusta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punt 66).

84      Konsegwentement, jekk qorti nazzjonali tqis li, b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt intern tagħha, iż-żamma ta’ kuntratt mingħajr il-klawżoli inġusti li jkun fih ma tkunx possibbli, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 ma jipprekludix, bħala prinċipju, li dan jiġi invalidat (sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Dziubak, C‑260/18, EU:C:2019:819, punt 43).

85      Madankollu, l-għan li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni fid-dritt u fil-fatt li kienet tkun dik tal-konsumatur fl-assenza tal-klawżola inġusta għandu jintlaħaq b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li jeżiġi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta dan id-dritt ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2023, Bank M. (Konsegwenzi tal-annullament tal-kuntratt), C‑520/21, EU:C:2023:478, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

86      Konsegwentement, sakemm id-determinazzjoni skont approċċ oġġettiv tal-konsegwenzi li għandhom jinsiltu, konformement mad-dritt nazzjonali, mill-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola għal dak li jirrigwarda l-persistenza jew le tal-kuntratt li fih tinsab ma tħalli ebda marġni ta’ diskrezzjoni u lanqas ta’ interpretazzjoni lill-qorti nazzjonali, din ma tistax tikkonkludi li dan il-kuntratt għandu jiġi invalidat jekk is-sitwazzjoni fid-dritt u fil-fatt li kienet tkun dik tal-konsumatur fl-assenza ta’ din il-klawżola inġusta tista’ tiġi stabbilita mill-ġdid filwaqt li tħalli jeżisti l-imsemmi kuntratt.

87      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-qorti nazzjonali tista’ tissostitwixxi klawżola inġusta b’dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali ta’ natura supplimentari jew b’dispożizzjoni applikabbli fil-każ ta’ ftehim tal-partijiet fil-kuntratt inkwistjoni bil-kundizzjoni li din is-sostituzzjoni tkun konformi mal-għan tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 u tippermetti li jiġi stabbilit mill-ġdid bilanċ reali bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kontraenti. Madankollu, din il-possibbiltà eċċezzjonali hija limitata għall-każijiet li fihom l-invalidazzjoni tal-klawżola inġusta tobbliga lill-qorti tannulla l-kuntratt kollu kemm hu, bl-effett li tesponi lill-konsumatur għal konsegwenzi partikolarment dannużi, b’tali mod li dan jiġi ppenalizzat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Jannar 2015, Unicaja Banco u Caixabank, C‑482/13, C‑484/13, C‑485/13 u C‑487/13, EU:C:2015:21, punt 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑12 ta’ Jannar 2023, D.V. (Onorarji ta’ avukat – Prinċipju ta’ tariffa fis-siegħa), C‑395/21, EU:C:2023:14, punt 60).

88      F’dan il-każ, tali possibbiltà hija eskluża mill-qorti tar-rinviju, peress li l-invalidazzjoni tal-kuntratti kkonċernati ma tkunx ta’ preġudizzju għall-konsumaturi li jkunu ffirmawhom.

89      Għandu jitfakkar ukoll li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13 jipprekludu li klawżola meqjusa inġusta tinżamm parzjalment, permezz tal-eliminazzjoni tal-elementi li jirrenduha inġusta, meta tali eliminazzjoni tkun tfisser reviżjoni tal-kontenut tal-imsemmija klawżola billi taffettwa s-sustanza tagħha (sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Bank BPH, C‑19/20, EU:C:2021:341, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

90      Madankollu, dan ma huwiex il-każ meta l-element inġust ta’ klawżola jikkonsisti f’obbligu kuntrattwali distint mid-dispożizzjonijiet l-oħra, li jista’ jkun is-suġġett ta’ eżami individwalizzat tan-natura inġusta tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Bank BPH, C‑19/20, EU:C:2021:341, punt 71), peress li d-dispożizzjoni li tipprevedi tali obbligu tista’ titqies li hija separabbli mid-dispożizzjonijiet l-oħra tal-klawżola kkonċernata.

91      Fil-fatt, id-Direttiva 93/13 ma teżiġix li l-qorti nazzjonali teskludi, minbarra l-klawżola ddikjarata inġusta, dawk li ma jkunux ġew ikklassifikati bħala tali, peress li l-għan imfittex mil-leġiżlatur fil-kuntest ta’ din id-direttiva jikkonsisti fil-protezzjoni tal-konsumatur u fl-istabbiliment mill-ġdid tal-bilanċ bejn il-partijiet billi tiġi eskluża l-applikazzjoni tal-klawżoli meqjusa inġusti, filwaqt li tinżamm, bħala prinċipju, il-validità tal-klawżoli l-oħra tal-kuntratt inkwistjoni (sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Bank BPH, C‑19/20, EU:C:2021:341, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan japplika wkoll għad-diversi dispożizzjonijiet tal-istess klawżola, sakemm it-tħassir ta’ dispożizzjoni inġusta ma jippreġudikax is-sustanza stess ta’ din il-klawżola.

92      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-unika klawżola li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet kollha relatati mar-rimbors tas-self ikkonċernat, bħall-ammonti li għandhom jitħallsu u d-diversi skadenzi, tinkludi wkoll dispożizzjoni dwar il-modalitajiet konkreti li skonthom dawn il-pagamenti għandhom jiġu eżegwiti, jiġifieri fid-dar tal-persuna li tissellef lil aġent tal-persuna li ssellef.

93      Bla ħsara għall-evalwazzjoni li għandha ssir mill-qorti tar-rinviju fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha relatati mal-kuntratti kkonċernati u mad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali, jidher li dispożizzjoni li tiddetermina tali modalitajiet konkreti ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ ħlas tal-konsumatur tikkostitwixxi obbligu kuntrattwali distint mid-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ klawżola unika bħal dik deskritta fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza u hija ta’ natura anċillari meta mqabbla mal-elementi tal-kuntratt li jiddefinixxu s-sustanza ta’ din il-klawżola, bħal dawk relatati mad-determinazzjoni tal-ammonti li għandhom jitħallsu u tal-iskadenzi li fihom għandhom isiru dawn il-pagamenti. Barra minn hekk, it-tneħħija ta’ din id-dispożizzjoni ma tidhirx li hija ta’ natura li taffettwa s-sustanza stess tal-klawżola kkonċernata, peress li l-konsumatur jibqa’ obbligat jeżegwixxi l-obbligu tiegħu ta’ rimbors konformement mal-kundizzjonijiet l-oħra li tipprevedi din il-klawżola billi jagħżel kwalunkwe metodu ta’ ħlas minn fost dawk li huma ammissibbli skont id-dritt nazzjonali.

94      Fl-aħħar nett, għandu jingħad ukoll, minn naħa, li l-konstatazzjoni ġudizzjarja tan-natura inġusta ta’ klawżola jew, jekk ikun il-każ, ta’ element ta’ klawżola ta’ kuntratt kopert mid-Direttiva 93/13 għandu, bħala prinċipju, ikollu bħala konsegwenza l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni fid-dritt u fil-fatt tal-konsumatur li kien jinsab fiha fl-assenza ta’ din il-klawżola jew ta’ dan l-element (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2023, Bank M. (Konsegwenzi tal-annullament tal-kuntratt), C‑520/21, EU:C:2023:478, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-osservanza tal-prinċipju ta’ effettività hija għalhekk, bħala prinċipju, funzjoni tal-adozzjoni ta’ miżuri li jippermettu l-istabbiliment mill-ġdid ta’ din is-sitwazzjoni.

95      Min-naħa l-oħra, miżuri li jikkostitwixxu l-implimentazzjoni konkreta tal-projbizzjoni ta’ klawżoli inġusti ma jistgħux jitqiesu li jmorru kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2023, Bank M. (Konsegwenzi tal-annullament tal-kuntratt), C‑520/21, EU:C:2023:478, punt 72). Fil-fatt, bla ħsara, b’mod partikolari, għall-applikazzjoni ta’ ċerti regoli proċedurali interni, b’mod partikolari dik li tagħti l-awtorità ta’ res judicata lil deċiżjoni ġudizzjarja, dan il-prinċipju ma jistax jippreġudika s-sustanza tad-dritt li l-konsumaturi jisiltu mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 li ma jkunux marbuta bi klawżola meqjusa inġusta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punti 67, 68 u 71).

96      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda hija li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, moqri fid-dawl tal-prinċipji ta’ effettività, ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li kuntratt ta’ self konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur jiġi ddikjarat null fil-każ li jiġi kkonstatat li hija biss il-klawżola ta’ dan il-kuntratt li tistabbilixxi l-modalitajiet konkreti ta’ ħlas tas-somom dovuti fl-iskadenzi perijodiċi li hija inġusta u li l-imsemmi kuntratt ma jistax jibqa’ jeżisti mingħajr din il-klawżola. Madankollu, meta klawżola tinkludi dispożizzjoni separabbli mid-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ din il-klawżola, li tista’ tkun is-suġġett ta’ eżami individwalizzat tan-natura inġusta tagħha, li t-tneħħija tagħha tippermetti li jiġi stabbilit mill-ġdid bilanċ reali bejn il-partijiet mingħajr ma taffettwa s-sustanza tal-kuntratt ikkonċernat, din id-dispożizzjoni, moqrija fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, ma timplikax li l-imsemmija klawżola, jew dan il-kuntratt, għandhom jiġu invalidati kollha kemm huma.

 Fuq lispejjeż

97      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

sakemm l-eżami tan-natura eventwalment inġusta ta’ klawżola dwar spejjeż esklużi l-interessi ta’ kuntratt ta’ self konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur ma jkunx eskluż skont l-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 8 tagħha, in-natura inġusta ta’ tali klawżola tista’ tiġi kkonstatata fid-dawl tal-fatt li din il-klawżola tipprevedi l-ħlas minn dan il-konsumatur ta’ spejjeż jew ta’ kummissjoni ta’ ammont manifestament sproporzjonat meta mqabbel mas-servizz ipprovdut bħala korrispettiv.

2)      L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, kif interpretata fil-ġurisprudenza, li teżiġi, sabiex tkun tista’ tintlaqa’ l-azzjoni ġudizzjarja ta’ konsumatur intiża sabiex jiġi kkonstatat in-nuqqas ta’ infurzabbiltà ta’ klawżola inġusta li tinsab f’kuntratt konkluż ma’ bejjiegħ jew fornitur, il-prova ta’ interess ġuridiku, meta jitqies li tali interess ikun nieqes meta dan il-konsumatur ikollu azzjoni għall-irkupru ta’ ammonti mħallsa indebitament, jew meta jkun jista’ jinvoka dan in-nuqqas ta’ infurzabbiltà fil-kuntest tad-difiża tiegħu għal kontrotalba għal eżekuzzjoni mressqa kontrih minn dan il-bejjiegħ jew fornitur abbażi ta’ din il-klawżola.

3)      L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, moqri fid-dawl tal-prinċipji ta’ effettività, ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jipprekludix li kuntratt ta’ self konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur jiġi ddikjarat null fil-każ li jiġi kkonstatat li hija biss il-klawżola ta’ dan il-kuntratt li tistabbilixxi l-modalitajiet konkreti ta’ ħlas tas-somom dovuti fl-iskadenzi perijodiċi li hija inġusta u li l-imsemmi kuntratt ma jistax jibqa’ jeżisti mingħajr din il-klawżola. Madankollu, meta klawżola tinkludi dispożizzjoni separabbli mid-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ din il-klawżola, li tista’ tkun is-suġġett ta’ eżami individwalizzat tan-natura inġusta tagħha, li t-tneħħija tagħha tippermetti li jiġi stabbilit mill-ġdid bilanċ reali bejn il-partijiet mingħajr ma taffettwa s-sustanza tal-kuntratt ikkonċernat, din id-dispożizzjoni, moqrija fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, ma timplikax li l-imsemmija klawżola, jew dan il-kuntratt, għandhom jiġu invalidati kollha kemm huma.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.