Language of document : ECLI:EU:C:2023:920

SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (L‑Għaxar Awla)

23 ta’ Novembru 2023 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KE) Nru 1085/2006 – Għajnuna mogħtija skont l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA) – Regolament (KE) Nru 718/2007 – Artikolu 7(1) u (3) – Konklużjoni ta’ Ftehim Qafas bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-pajjiż benefiċjarju kkonċernat – Regoli għall-kooperazzjoni rigward l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni Ewropea lil dan il-pajjiż benefiċjarju– Taxxi u piżijiet fiskali – Ftehim Qafas IPA Albanija-KE – Kuntratt iffinanzjat mill-Unjoni – Espert li għandu l-kwalità la ta’ uffiċjal u lanqas ta’ membru tal-persunal tal-Unjoni – Artikolu 26(2)(c) – Eżenzjoni mit-taxxa fl-Albanija – Residenza fiskali fil-Kroazja – Taxxa fuq id-dħul fil-Kroazja”

Fil-Kawża C‑682/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Upravni sud u Zagrebu (il-Qorti Amministrattiva ta’ Żagreb, Il-Kroazja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Ottubru 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑2 ta’ Novembru 2022, fil-proċedura

LM

vs

Ministarstvo financija Republike Hrvatske, Samostalni sektor za drugostupanjski upravni postupak,

IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (L‑Għaxar Awla),

komposta minn Z. Csehi, President tal-Awla, E. Regan (Relatur), President tal-Ħames Awla, u D. Gratsias, Imħallef,

Avukat Ġenerali: L. Medina,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Kroat, minn G. Vidović Mesarek, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn O. Glinicka, M. Mataija, W. Roels u D. Schaffrin, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 26(2)(c) tal-Ftehim Qafas konkluż fit‑18 ta’ Ottubru 2007 bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Albanija u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, dwar ir-regoli għall-kooperazzjoni rigward l-assistenza finanzjarja mogħtija mill-Komunitajiet Ewropej lir-Repubblika tal-Albanija fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-għajnuna mogħtija taħt l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim Qafas”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn LM, ċittadina Kroata, u l-Ministarstvo financija Republike, samostalni sektor za drugostupanjski upravni postupak (il-Ministeru għall-Finanzi, dipartiment responsabbli mill-proċedura amministrattiva tat-tieni livell, il-Kroazja) (iktar ’il quddiem il-“Ministeru għall-Finanzi”), dwar it-tassazzjoni, bħala taxxa fuq id-dħul fil-Kroazja, tal-ammonti li hija rċeviet bħala espert fil-kuntest ta’ proġett iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea fl-Albanija.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 IrRegolament (KE) Nru 1085/2006

3        Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 tas‑17 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA) (ĠU 2006, L 210, p. 82), li kien applikabbli sal‑31 ta’ Diċembru 2013, kien jipprovdi, fl-Artikolu 1 tiegħu, intitolat “Benefiċjarji u għan ġenerali”:

“Il-Komunità għandha tgħin lill-pajjiżi elenkati fl-Anness I u II fl-allinjament progressiv tagħhom ma’ l-istandards u l-politika ta’ l-Unjoni Ewropea, inkluż fejn xieraq l-acquis communautaire, bil-ħsieb li dawn ikunu jistgħu jaslu għas-sħubija”.

4        L-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Implementazzjoni ta’ l- Assistenza”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-Kummissjoni [Ewropea] u l-pajjiżi benefiċjarji għandhom jikkonkludu ftehim kwadru dwar l-implimentazzjoni ta’ l-assistenza”.

5        L-Anness II tal-imsemmi regolament kien isemmi, fl-ewwel inċiż tiegħu, l- “Albanija”.

 IrRegolament (KE) Nru 718/2007

6        L-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 718/2007 tat‑12 ta’ Ġunju 2007 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 tas‑17 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi strument għall-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni (IPA) (ĠU 2007, L 170, p. 1), intitolat “Ftehimiet ta’ qafas u ftehimiet settorjali”, kien jipprevedi:

“1.      Il-Kummissjoni u l-pajjiż benefiċjarju għandhom jikkonkludu ftehim ta’ qafas, sabiex jistabbilixxu u jaqblu dwar ir-regoli għall-kooperazzjoni fir-rigward ta’ l-assistenza finanzjarja tal-KE lill-pajjiż benefiċjarju. Fejn meħtieġ, il-ftehim ta’ qafas jista’ jiġi kkumplimentat bi ftehim settorjali, jew ftehimiet settorjali, li jkopri/u dispożizzjonijiet speċifiċi għall-komponenti.

[…]

“3.      Partikolarment, il-ftehim ta’ qafas għandu jistabbilixxi d-dispożizzjonijet li jikkonċernaw:

[…]

(k)      ir-regoli dwar taxxi, dazji doganali u miżati fiskali;

[…]”.

 IlFtehim Qafas

7        L-Artikolu 26 tal-Ftehim Qafas, intitolat “Regoli dwar taxxi, dazji doganali u piżijiet fiskali oħra”, jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Id-dispożizzjonijiet iddettaljati li ġejjin huma applikabbli:

[…]

ċ)      Il-benefiċċju u/jew dħul miksub abbażi ta’ ftehim konkluż mal-Komunitajiet Ewropej huwa taxxabbli fl-Albanija skont is-sistema fiskali nazzjonali/lokali. Madankollu, persuni naturali u ġuridiċi, inklużi ħaddiema li huma temporanjament stabbiliti barra minn pajjiżhom, li ġejjin minn Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew minn Stati eliġibbli oħra taħt l-[Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA)], li jwettqu kuntratti ffinanzjati minn fondi Komunitarji, għandhom ikunu eżentati minn dawn it-taxxi fl-Albanija.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

 Id-dritt Kroat

8        L-Artikolu 3(1) taż-zakon o porezu na dohodak (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul), tat‑3 ta’ Diċembru 2004 (Narodne novine, br. 177/04, 73/08, 80/10, 114/11, 22/12, 144/12, 43/13, 120/13, 125/13, 148/13, 83/14, 143/14, 136/2015), jipprovdi:

“Ir-resident huwa persuna fiżika li għandha d-domiċilju jew ir-residenza abitwali tagħha fir-Repubblika tal-Kroazja”.

9        Skont l-Artikolu 6(1) ta’ din il-liġi:

“Il-bażi tat-taxxa fuq id-dħul hija l-ammont totali tad-dħul abbażi tad-dħul professjonali tal-impjegati u tal-persuni li jaħdmu għal rashom, skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, tad-dħul nett mill-proprjetà u mid-drittijiet patrimonjali, mid-dħul mill-kapital, mid-dħul minn investimenti kif ukoll minn dħul ieħor, li resident fiskali jagħmel fit-territorju nazzjonali jew barra mill-pajjiż (prinċipju ta’ dħul globali), wara li jitnaqqas it-tnaqqis individwali, skont l-Artikoli 36 u/jew 54 ta’ din il-liġi”.

10      L-Artikolu 38(1) tal-opći porezni zakon (il-Liġi Ġenerali dwar it-Taxxa) (Narodne novine, br. 147/2008, 18/2011, 78/2012, 136/2012, 73/2013, 26/2015, 44/2016) jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din il-liġi, il-persuna taxxabbli għandha titqies li għandha d-domiċilju tagħha fil-post fejn għandha akkomodazzjoni fi proprjetà jew li għandha fil-pussess tagħha tali akkomodazzjoni fi proprjetà b’mod kontinwu għal mill-inqas 183 jum matul sena kalendarja jew sentejn kalendarji. Is-soġġorn fl-akkomodazzjoni ma huwiex obbligatorju”.

 Ilkawża prinċipali u ddomanda preliminari

11      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kkonkludiet ma’ Deutsche Stiftung für internationale rechtliche Zusammenarbeit eV (Fondazzjoni Ġermaniża għall-kooperazzjoni legali internazzjonali, iktar ’il quddiem l-“IRZ”), li għandha s-sede tagħha f’Bonn (il-Ġermanja), kuntratt, li permezz tiegħu hija ġiet irreklutata bħala espert, fil-kuntest tal-Proġett Nru 346–900 “Konsolidazzjoni tas-sistema ġuridika fl-Albanija (Euralius IV)”, bl-għan li twettaq missjoni fl-Albanija għal mill-inqas 220 jum matul is-sena 2016. Dan il-proġett, iffinanzjat mill-Unjoni fil-qafas tal-programm nazzjonali “IPA 2013”, ġie implimentat minn grupp ta’ kumpanniji kummerċjali kif ukoll mill-IRZ.

12      Għal dan l-għan, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li kienet kisbet mingħand l-awtoritajiet kompetenti Albaniżi awtorizzazzjoni ta’ xogħol u karta tal-identità, ikkonkludiet kuntratt ta’ kiri sabiex tokkupa akkomodazzjoni u eżerċitat l-attivitajiet tagħha ta’ kuljum f’uffiċċju f’Tirana (l-Albanija). Hija ddikjarat li hija ddomiċiljata fl-Albanija u li hija koperta mill-assigurazzjoni tas-saħħa hemmhekk. Matul dan l-istess perijodu, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet proprjetarja ta’ proprjetà immobbli fil-Kroazja u kienet meqjusa bħala residenta fiskali mill-awtoritajiet fiskali Kroati.

13      Għat-twettiq tal-missjoni tagħha ta’ espert, l-IRZ ħallas lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, bħala kumpens u bħala spejjeż ta’ soġġorn għas-sena 2016, ammont totali ta’ EUR 140 400.

14      Permezz ta’ avviż ta’ taxxa tal‑20 ta’ Diċembru 2017, l-Amministrazzjoni Fiskali ta’ Zagreb (il-Kroazja), settur ta’ Trnje, fil-kapaċità tagħha bħala awtorità fiskali tal-ewwel livell, issuġġettat dan l-ammont kollu għat-taxxa fuq id-dħul fil-Kroazja. L-ammont ta’ taxxa li għandha titħallas mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali bħala taxxa fuq id-dħul, wara l-applikazzjoni tat-tnaqqis u tar-rati tat-taxxa, b’hekk tela’ għal 458 045.30 kuna Kroati (HRK) (madwar EUR 62 000).

15      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqet ilment kontra dan l-avviż ta’ taxxa mal-Ministeru għall-Finanzi, għar-raġuni, b’mod partikolari, li l-Artikolu 26(2)(c) tal-Ftehim Qafas jeskludi li l-ammonti li hija rċeviet bħala espert fl-Albanija jistgħu jiġu suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul fil-Kroazja.

16      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Novembru 2021, il-Ministeru għall-Finanzi, filwaqt li ċaħad dan l-argument, madankollu laqa’ l-ilment, annulla l-avviż ta’ taxxa u bagħat lura l-kawża quddiem l-awtorità fiskali tal-ewwel livell, minħabba li din ma kinitx stabbilixxiet b’mod korrett il-fatti rilevanti kollha relatati mal-livell ta’ dħul u mar-residenza fiskali tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-Kroazja.

17      Din tal-aħħar għalhekk ippreżentat rikors quddiem l-Upravni sud u Zagrebu (il-Qorti Amministrattiva ta’ Żagreb, Il-Kroazja), li hija l-qorti tar-rinviju, sabiex tikseb l-annullament tal-avviż ta’ taxxa tal‑20 ta’ Diċembru 2017 u tad-deċiżjoni tat‑22 ta’ Novembru 2021.

18      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni li kemm mill-Artikolu 26(2)(c) tal-Ftehim Qafas kif ukoll mill-Artikolu 12 tal-Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet ta’ l-Unjoni Ewropea jirriżulta li hija ma tistax tkun suġġetta għat-taxxa fuq id-dħul fil-Kroazja fir-rigward tal-ammont imħallas mill-IRZ. Hija tenfasizza li esperti ċittadini ta’ Stati Membri oħra li ġew irreklutati għall-istess proġett ma kinux suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul f’dawn l-Istati Membri.

19      Min-naħa tiegħu, il-Ministeru għall-Finanzi jsostni li l-Ftehim Qafas ma jorbotx lill-awtoritajiet fiskali Kroati u li l-Artikolu 26(2)(c) tiegħu għandu biss l-effett li jeskludi d-dritt tar-Repubblika tal-Albanija li timponi ammont bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Għalhekk, dan tal-aħħar jaqa’ taħt it-taxxa fuq id-dħul fil-Kroazja, peress li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet residenti f’dan l-Istat Membru.

20      Fid-deċiżjoni tagħha, il-qorti tar-rinviju tindika li hija biss l-interpretazzjoni tal-Artikolu 26(2)(c) tal-Ftehim Qafas li hija rilevanti sabiex tiġi deċiża l-kawża prinċipali. Fil-fatt, il-Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet ta’ l-Unjoni Ewropea ma huwiex applikabbli għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, peress li din la hija membru tal-persunal u lanqas uffiċjal tal-Unjoni. Din il-qorti tenfasizza, barra minn hekk, li, konformement mad-dritt nazzjonali, il-persuna kkonċernata għandha, għall-finijiet ta’ din il-kawża, titqies li hija residenti fiskali fil-Kroazja, peress li hija kienet proprjetarja ta’ akkomodazzjoni fit-territorju Kroat matul is-sena 2016.

21      Skont l-imsemmija qorti, sa fejn l-Istati Membri għandhom, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom fil-qasam tat-taxxi diretti, josservaw il-limitazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, huwa essenzjali li jiġi ċċarat il-punt dwar jekk tali limitazzjoni tirriżultax mill-Artikolu 26(2)(c) tal-Ftehim Qafas u, fl-affermattiv, li tiġi ddeterminata l-portata tagħha.

22      Kieku din id-dispożizzjoni kellha tiġi interpretata fis-sens li tagħti lir-Repubblika tal-Albanija d-dritt esklużiv li tissuġġetta għat-taxxa fuq id-dħul l-ammonti rċevuti mill-esperti rreklutati għal żmien tul għal proġett tal-IPA ffinanzjat mill-Unjoni, ir-Repubblika tal-Kroazja ma tkunx tista’ tissuġġetta għat-taxxa fuq id-dħul l-ammont inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Konsegwentement, huwa eskluż li l-awtoritajiet fiskali ta’ dan l-Istat Membru jistgħu jmexxu proċedura fir-rigward tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali sabiex jiġi kkonstatat obbligu li titħallas it-taxxa fuq id-dħul fuq dan l-ammont. F’każ bħal dan, l-avviż tat-taxxa tal‑20 ta’ Diċembru 2017 u d-deċiżjoni tat‑22 ta’ Novembru 2021 għandhom jiġu annullati.

23      Madankollu, tqum il-kwistjoni dwar jekk l-eżenzjoni tal-ammont inkwistjoni fil-kawża prinċipali mit-taxxa fuq id-dħul fl-Albanija tagħtix lill-Istati Membri l-possibbiltà li jissuġġettawha għat-taxxa fuq id-dħul. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ddeterminat jekk din l-eżenzjoni għandhiex l-għan uniku li tipproteġi, permezz ta’ miżuri fiskali, l-indipendenza tal-esperti ċittadini ta’ Stat Membru rreklutati għal żmien twil fir-rigward ta’ eventwali influwenzi tal-pajjiż benefiċjarju tal-proġett IPA jew jekk din hijiex intiża wkoll sabiex tippermetti lill-Istati Membri jintaxxaw l-ammonti rċevuti miċ-ċittadini tagħhom irreklutati bħala esperti.

24      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Upravni sud u Zagrebu (il-Qorti Amministrattiva ta’ Żagreb) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 26(2)(c) tal-Ftehim Qafas […] għandu jiġi interpretat fis-sens li jeskludi l-kompetenza ta’ Stat Membru, f’dan il-każ [dik tar-] Repubblika tal-Kroazja, li jissuġġetta għat-taxxa fuq id-dħul l-ammonti mħallsa matul is-sena 2016 lil ċittadin ta’ dan l-Istat Membru, impjegat għal żmien twil bħala espert, għal missjoni mwettqa fit-territorju [tar-Repubblika] tal-Albanija taħt proġett li l-benefiċjarji tiegħu huma istituzzjonijiet pubbliċi tar-Repubblika tal-Albanija u li huwa ffinanzjat mill-Unjoni Ewropea taħt l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni IPA 2013?”

 Fuq iddomanda preliminari

25      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 26(2)(c) tal-Ftehim Qafas għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi t-tassazzjoni, bħala taxxa fuq id-dħul, tal-ammonti rċevuti minn resident fiskali ta’ dan l-Istat Membru, li la huwa uffiċjal u lanqas membru tal-persunal tal-Unjoni, fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ missjoni mwettqa fl-Albanija taħt l-IPA.

26      Għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni t-termini tagħha, il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha (sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2022, Centre public d’action sociale de Liège (Irtirar jew sospensjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn), C‑825/21, EU:C:2022:810, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      F’dak li jirrigwarda l-kliem tal-Artikolu 26(2)(c) tal-Ftehim Qafas, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni, li għandha l-għan li timplimenta l-Artikolu 7(3)(k) tar-Regolament Nru 718/2007, tipprevedi, fl-ewwel sentenza tagħha, li d-dħul li jirriżulta minn kuntratti konklużi mal-Unjoni huwa “taxxabbli fl-Albanija” skont il-leġiżlazzjoni fiskali ta’ din tal-aħħar, filwaqt li tippreċiża, fit-tieni sentenza tagħha, li l-persuni “li ġejjin minn” l-Istati Membri li jeżegwixxu kuntratti ffinanzjati mill-Unjoni għandhom “ikunu eżentati minn dawn it-taxxi fl-Albanija”.

28      Għalhekk, mill-formulazzjoni stess tat-tieni sentenza tal-Artikolu 26(2)(c) tal-Ftehim Qafas jirriżulta b’mod ċar li l-eżenzjoni fiskali prevista minnha għall-benefiċċju tal-persuni li għandhom, minħabba, b’mod partikolari, in-nazzjonalità tagħhom jew il-post ta’ residenza tagħhom, il-kwalità ta’ residenti fiskali ta’ Stat Membru hija marbuta esklużivament mat-taxxa fuq id-dħul li hija dovuta minn dawn il-persuni “fl-Albanija”, skont l-ewwel sentenza ta’ dan l-Artikolu 26(2)(c), minħabba attività eżerċitata minnhom f’dan il-pajjiż terz fil-kuntest ta’ proġett iffinanzjat mill-Unjoni taħt l-IPA.

29      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 26(2)(c) tal-Ftehim Qafas ma jittrattax il-kwistjoni tat-taxxa fuq id-dħul li tista’, jekk ikun il-każ, tkun dovuta minn dawn l-istess persuni fi Stat Membru skont il-leġiżlazzjoni fiskali tal-istess Stat Membru.

30      Għalhekk jidher li s-sempliċi formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni diġà tippermetti li jiġi konkluż li din ma tipprekludix lil Stat Membru, bħal, bħal f’dan il-każ, ir-Repubblika tal-Kroazja, milli jissuġġetta għat-taxxa fuq id-dħul l-ammonti mħallsa lil espert li għandu r-residenza fiskali tiegħu f’dan l-Istat Membru minħabba missjoni eżerċitata fl-Albanija fil-kuntest ta’ proġett iffinanzjat mill-Unjoni taħt l-IPA, peress li l-imsemmija dispożizzjoni sempliċement tiddefinixxi l-portata tal-kompetenza fiskali ta’ dan il-pajjiż terz biss fir-rigward tal-persuni li jeżerċitaw attività fit-territorju tiegħu fil-kuntest ta’ tali proġett.

31      Issa, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma jistax ikollha r-riżultat li ċċaħħad lill-formulazzjoni ċara u preċiża ta’ din id-dispożizzjoni minn kull effett utli. Għalhekk, meta s-sens ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jkun jirriżulta mingħajr ambigwità mill-formulazzjoni stess tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax titbiegħed minn din l-interpretazzjoni (sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2022, VD u SR, C‑339/20 u C‑397/20, EU:C:2022:703, punt 71 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

32      Fi kwalunkwe każ, l-interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 26(2)(c) tal-Ftehim Qafas kif esposta fil-punt 30 ta’ din is-sentenza hija kkorroborata mill-kuntest li minnu tifforma parti din id-dispożizzjoni kif ukoll mill-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li l-imsemmija dispożizzjoni tagħmel parti minnha.

33      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tassazzjoni diretta taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, madankollu dawn tal-aħħar huma obbligati li jeżerċitawha fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2022,Airbnb Ireland u Airbnb Payments UK, C‑83/21, EU:C:2022:1018, punt 41).

34      Minn dan isegwi li, f’oqsma li ma humiex oqsma li fihom id-dritt fiskali tal-Unjoni huwa s-suġġett ta’ armonizzazzjoni, id-determinazzjoni tal-karatteristiċi kostituttivi tat-taxxa taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, b’osservanza tal-awtonomija fiskali tagħhom. Dan japplika, b’mod partikolari, għad-determinazzjoni tal-bażi tat-taxxa u tal-fatt li jagħti lok għal din it-taxxa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2022, Fiat Chrysler Finance Europe vs Il-Kummissjoni, C‑885/19 P u C‑898/19 P, EU:C:2022:859, punt 73).

35      Issa, il-Ftehim Qafas bl-ebda mod ma għandu l-għan li jillimita l-kompetenzi tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta, iżda, kif jirriżulta mill-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 718/2007, jikkostitwixxi biss strument ta’ kooperazzjoni dwar l-għajnuna finanzjarja pprovduta mill-Unjoni lill-Albanija bħala pajjiż terz benefiċjarju.

36      F’dan il-kuntest, l-eżenzjoni mit-taxxa prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 26(2)(c) tal-Ftehim Qafas, peress li ma tikkonċernax il-persuni kollha rreklutati fil-kuntest ta’ proġett iffinanzjat mill-Unjoni taħt l-IPA fl-Albanija, imsemmija fl-ewwel sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, iżda tirrigwarda biss lir-residenti fiskali tal-Istati Membri li jeżerċitaw attività f’dan il-pajjiż terz, hija intiża li tipprekludi li dawn tal-aħħar isofru eventwali taxxa doppja fuq id-dħul tagħhom minħabba din l-attività eżerċitata barra mill-Istat Membru tar-residenza fiskali tagħhom.

37      Barra minn hekk, huwa stabbilit li, kif sostniet il-Kummissjoni, din l-eżenzjoni fiskali hija intiża li tiżgura l-indipendenza tar-residenti fiskali tal-Istati Membri rreklutati taħt l-IPA fil-konfront tal-awtoritajiet tal-pajjiż terz benefiċjarju kkonċernat. Issa, l-eżenzjoni mit-taxxa fuq id-dħul fl-Istat Membru tar-residenza fiskali tagħhom ma tikkontribwixxix sabiex jintlaħaq dan l-għan.

38      Għaldaqstant, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 26(2)(c) tal-Ftehim Qafas għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi t-tassazzjoni, bħala taxxa fuq id-dħul, tal-ammonti rċevuti minn resident fiskali ta’ dan l-Istat Membru, li la huwa uffiċjal u lanqas membru tal-persunal tal-Unjoni, fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ missjoni mwettqa fl-Albanija taħt l-IPA.

 Fuq lispejjeż

39      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 26(2)(c) tal-Ftehim Qafas konkluż fit18 ta’ Ottubru 2007 bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Albanija u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, dwar ir-regoli għall-kooperazzjoni rigward l-assistenza finanzjarja mogħtija mill-Komunitajiet Ewropej lir-Repubblika tal-Albanija fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-għajnuna mogħtija taħt l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA), għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi t-tassazzjoni, bħala taxxa fuq id-dħul, tal-ammonti rċevuti minn resident fiskali ta’ dan l-Istat Membru, li la huwa uffiċjal u lanqas membru tal-persunal tal-Unjoni Ewropea, fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ missjoni mwettqa fl-Albanija taħt l-IPA.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Kroat.