Language of document : ECLI:EU:C:2023:924

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

28 ta’ Novembru 2023 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2000/78/KE – Ħolqien ta’ qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol – Projbizzjoni tad-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq ir-reliġjon jew fuq it-twemmin – Settur pubbliku – Regoli tax-xogħol ta’ amministrazzjoni pubblika li tipprojbixxi l-ilbies viżibbli ta’ kwalunkwe simbolu politiku, filosofiku jew reliġjuż fuq il-post tax-xogħol – Velu Iżlamiku – Rekwiżit ta’ newtralità fil-kuntatti mal-pubbliku, mal-ġerarkija u mal-kollegi tagħhom”

Fil-Kawża C‑148/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-tribunal du travail de Liège (il-Qorti Industrijali ta’ Liège, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Frar 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑2 ta’ Marzu 2022, fil-proċedura

OP

vs

Commune d’Ans

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Prechal, K. Jürimäe, C. Lycourgos, F. Biltgen (Relatur) u N. Piçarra, Presidenti ta’ Awla, M. Safjan, S. Rodin, P. G. Xuereb, I. Ziemele, J. Passer, D. Gratsias, M. L. Arastey Sahún u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

Reġistratur: M. Krausenböck, amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑31 ta’ Jannar 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal OP, minn S. Gioe, avukata,

–        għall-commune d’Ans, minn J. Uyttendaele u M. Uyttendaele, avukati,

–        għall-Gvern Belġjan, minn C. Pochet, L. Van den Broeck u M. Van Regemorter, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas, V. Depenne, A.-L. Desjonquères, u N. Vincent, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Svediż, minn O. Simonsson u C. Meyer-Seitz, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.-R. Killmann, D. Martin u E. Schmidt, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑4 ta’ Mejju 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2)(a) u (b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn OP, membru tal-persunal bil-kuntratt tal-awtorità muniċipali ta’ Ans (iktar ’il quddiem l-“awtorità muniċipali”), u din tal-aħħar dwar il-projbizzjoni imposta minnha fuq il-ħaddiema tagħha milli jilbsu kwalunkwe sinjal viżibbli li jista’ jiżvela l-appartenenza ideoloġika jew filosofika tagħhom jew it-twemmin politiku jew reliġjuż tagħhom.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

3        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 jipprevedi:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.”

4        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Il-kunċett ta’ diskriminazzjoni”, jipprevedi:

“1.      Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.      Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

(a)      Diskriminazzjoni diretta tirriżulta meta persuna tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli minn kif hija ttrattata, ġiet ittrattata jew x’aktarx tiġi ttrattata persuna oħra f’sitwazzjoni komparabbli, abbażi ta’ waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1.

(b)      għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni indiretta meta fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom reliġjon jew twemmin partikolari, diżabilità partikolari, età partikolari, jew orjentazzjoni sesswali partikolari, partikolari fi żvantaġġ partikolari a paragun ma’ persuni oħra ħlief:

(i)      meta dik id-dispożizzjoni, jew dak il-kriterju jew prattika jkunu oġġettivament iġġustifikati minn skop leġittimu u l-mezzi li tintlaħaq ikun approprjati u neċessarji, […]

[…]”

5        L-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda:

[…]

(ċ)      il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga;

[…]”

 Iddritt Belġjan

6        Il-Loi du 10 mai 2007 tendant à lutter contre certaines formes de discrimination (il-Liġi tal‑10 ta’ Mejju 2007 għall-Ġlieda kontra Ċertu Forom ta’ Diskriminazzjoni (Moniteur belge tat‑30 ta’ Mejju 2007, p. 29016), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi Ġenerali kontra d-Diskriminazzjoni”), tittrasponi d-Direttiva 2000/78 fid-dritt Belġjan.

7        L-Artikolu 4 ta’ din il-liġi jipprevedi li:

“Għall-applikazzjoni ta’ din il-liġi, japplikaw dawn it-tifsiriet:

1      relazzjonijiet ta’ xogħol: ir-relazzjonijiet li jinkludu, fost l-oħrajn, l-impjieg, il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-impjieg, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u r-regoli għat-tkeċċija, u dan:

–        kemm fis-settur pubbliku kif ukoll fis-settur privat;

[…]

4      kriterji protetti: l-età, l-orjentazzjoni sesswali, l-istatus ċivili, it-twelid, il-ġid, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku, it-twemmin politiku, il-lingwa, l-istat ta’ saħħa attwali jew futur, id-diżabbiltà, karatteristika fiżika jew ġenetika, l-oriġini soċjali;

[…]

6      distinzjoni diretta: is-sitwazzjoni li tirriżulta meta fuq il-bażi ta’ wieħed mill-kriterji protetti, persuna tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli minn persuna oħra tiġi, kienet jew ser tkun ittrattata f’sitwazzjoni paragunabbli;

7      diskriminazzjoni diretta: distinzjoni diretta, ibbażata fuq wieħed mill-kriterji protetti, li ma tistax tkun iġġustifikata fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu II;

8      distinzjoni indiretta: is-sitwazzjoni li tqum meta dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tista’ toħloq, meta mqabbla ma’ persuni oħra, żvantaġġ partikolari għall-persuni kkaratterizzati b’wieħed mill-kriterji protetti;

9      diskriminazzjoni indiretta: distinzjoni indiretta bbażata fuq wieħed mill-kriterji protetti, li ma tistax tiġi ġġustifikata fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu II;

[…]”

8        L-Artikolu 5(1) tal-imsemmija liġi jipprevedi:

“Bl-eċċezzjoni ta’ kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Komunitajiet jew tar-Reġjuni, din il-liġi tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll fis-settur privat, inklużi korpi pubbliċi […]”

9        L-Artikolu 7 tal-Liġi Ġenerali kontra d-Diskriminazzjoni jipprevedi:

“Kull distinzjoni diretta bbażata fuq wieħed mill-kriterji protetti tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta, sakemm din id-distinzjoni diretta ma tkunx oġġettivament iġġustifikata b’għan leġittimu u l-mezzi biex jitwettaq dan l-għan ikunu xierqa u neċessarji.”

10      L-Artikolu 8 ta’ din il-liġi jipprevedi:

“1.      B’deroga mill-Artikolu 7, u bla ħsara għad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan it-titolu, distinzjoni diretta bbażata fuq l-età, l-orjentazzjoni sesswali, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku, jew diżabbiltà fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 5(1), (4), (5) u (7) tista’ tkun iġġustifikata biss minn rekwiżiti tax-xogħol essenzjali u determinanti.

2.      Ikun hemm rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti biss meta:

–        karatteristika speċifika, marbuta mal-età, l-orjentazzjoni sesswali, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku jew ma’ diżabbiltà tkun ġenwina u determinanti minħabba n-natura tal-attivitajiet professjonali speċifiċi kkonċernati jew il-kuntest li fih dawn jitwettqu, u;

–        ir-rekwiżit ikun ibbażat fuq għan leġittimu u jkun fi proporzjon mal-imsemmi għan.

3.      Hija l-qorti li għandha tivverifika, każ b’każ, jekk tali karatteristika partikolari tikkostitwixxix rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti.

[…]”

11      L-Artikolu 9 tal-imsemmija liġi huwa fformulat kif ġej:

“Kull distinzjoni indiretta bbażata fuq wieħed mill-kriterji protetti tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta,

–        sakemm id-dispożizzjoni, il-kriterju jew il-prattika apparentement newtrali li fuqha hija bbażata din id-distinzjoni indiretta ma tkunx oġġettivament iġġustifikata b’għan leġittimu u l-mezzi biex jintlaħaq dan l-għan ikunu xierqa u neċessarji; jew

–        sakemm, fil-każ ta’ distinzjoni indiretta bbażata fuq diżabbiltà, ma jintweriex li ma tista’ tiġi stabbilita l-ebda akkomodazzjoni raġonevoli.”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

12      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali taħdem għall-Komun mill‑11 ta’ April 2016 u mill‑11 ta’ Ottubru 2016 tokkupa l-kariga ta’ “kap tal-uffiċċju”, teżerċita prinċipalment il-funzjonijiet tagħha mingħajr ma tkun f’kuntatt mal-utenti tas-servizz pubbliku (“back office”) Hija eżerċitat il-funzjoni tagħha mingħajr ma tilbes sinjali li jistgħu jiżvelaw it-twemmin reliġjuż tagħha jew għamlet xi talba bil-miktub għal dan il-għan sat‑8 ta’ Frar 2021, meta talbet li tkun tista’ tilbes il-“velu fuq ix-xogħol” mit‑22 ta’ Frar 2021.

13      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Frar 2021, il-kunsill komunali tal-Komun (iktar ’il quddiem il-“kunsill”) ċaħdet din it-talba u pprojbixxa provviżorjament lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali milli tilbes, fl-eżerċizzju tal-attività professjonali tagħha, simboli li jiżvelaw it-twemmin reliġjuż tagħha, sal-adozzjoni ta’ regolamenti ġenerali dwar l-ilbies ta’ tali simboli fl-amministrazzjoni komunali.

14      Fis‑26 ta’ Frar 2021, wara li sema’ lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-kulleġġ adotta t-tieni deċiżjoni, li tikkonferma l-projbizzjoni inkwistjoni sal-adozzjoni ta’ tali regoli ġenerali.

15      Fid‑29 ta’ Marzu 2021, il-kunsill muniċipali tal-Komun emenda r-regoli tax-xogħol tiegħu billi daħħal obbligu ta’ “newtralità esklużiva” fuq il-post tax-xogħol, mifhum li jipprojbixxi lill-ħaddiema kollha fil-Komun milli jilbsu, fuq dan il-post, kwalunkwe simbolu viżibbli li jista’ jiżvela il-konvinzjonijiet tagħhom, b’mod partikolari, reliġjużi jew filosofiċi, kemm jekk huma f’kuntatt mal-pubbliku jew le. L-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament jipprevedi b’mod partikolari:

“Il-ħaddiema għandhom igawdu mil-libertà ta’ espressjoni filwaqt li josservaw il-prinċipju ta’ newtralità, l-obbligu tagħhom ta’ riżerva u d-dmir tagħhom ta’ lealtà.

Il-ħaddiema huma obbligati josservaw il-prinċipju ta’ newtralità, u dan jimplika li huma għandhom jastjenu minn kull forma ta’ proselitiżmu u li huma pprojbiti milli jilbsu kwalunkwe simbolu prominenti li jista’ jiżvela l-appartenenza ideoloġika jew filosofika tagħhom jew it-twemmin politiku jew reliġjuż tagħhom. Din ir-regola tapplika għalihom kemm fil-kuntatti tagħhom mal-pubbliku kif ukoll fir-relazzjonijiet tagħhom mal-ġerarkija u mal-kollegi tagħhom.

[…]”

16      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali bdiet diversi proċeduri sabiex jiġi kkonstatat li l-libertà tar-reliġjon tagħha kienet ġiet miksura, b’mod partikolari azzjoni għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni, imressqa quddiem il-qorti tar-rinviju, kontra ż-żewġ deċiżjonijiet individwali msemmija fil-punti 13 u 14 ta’ din is-sentenza kif ukoll kontra l-emenda tar-regolament tax-xogħol inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Insostenn ta’ din l-azzjoni, hija ssostni li hija ġiet iddiskriminata minħabba r-reliġjon tagħha.

17      Fir-rigward ta’ dawn id-deċiżjonijiet individwali, il-qorti tar-rinviju tqis li l-projbizzjoni tal-ilbies tal-velu Iżlamiku mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi differenza fit-trattament direttament ibbażata fuq ir-reliġjon ta’ din tal-aħħar meta mqabbla mal-membri l-oħra tal-persunal tal-Komun, peress li simboli oħra ta’ twemmin, b’mod partikolari, reliġjużi, milbusa b’mod diskret, ġew ittollerati mill-Komun fuq il-post tax-xogħol fil-passat u għadhom hekk sal-lum. Barra minn hekk, hija tqis li din id-differenza fit-trattament ma hijiex iġġustifikata minn rekwiżiti professjonali ġenwini u determinanti, fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Liġi Ġenerali kontra d-Diskriminazzjoni, sa fejn ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali teżerċita l-funzjonijiet tagħha prinċipalment fil-“back office”, u għalhekk tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta, fis-sens tad-Direttiva 2000/78. Konsegwentement, hija ddeċidiet li l-azzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet fondata għall-perijodu bejn it‑18 ta’ Frar 2021, data tal-adozzjoni tal-ewwel waħda minn dawn id-deċiżjonijiet individwali, u d‑29 ta’ Marzu 2021, data tal-adozzjoni tal-emenda tar-regoli tax-xogħol inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

18      Fir-rigward ta’ din l-emenda, il-qorti tar-rinviju tiddikjara li din hija intiża sabiex tiżgura li kemm l-atti magħmula mill-membru tal-persunal tas-servizz pubbliku kif ukoll id-dehra ta’ dan tal-aħħar ikunu strettament newtrali, irrispettivament min-natura tal-funzjonijiet tiegħu u mill-kuntest li fih huma eżerċitati. Hija tikkunsidra li r-regola introdotta mill-imsemmija emenda tikkostitwixxi apparentement diskriminazzjoni indiretta peress li hija newtrali, iżda li l-applikazzjoni li ssir minnha mill-Komun hija b’ġeometrija varjabbli. Għalhekk, skont din il-qorti, din ir-regola hija “esklużiva” fir-rigward tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali u “iktar inklużiva” għall-kollegi tagħha li għandhom twemmin ieħor. Konsegwentement, l-imsemmija qorti ppermettiet provviżorjament lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tilbes simbolu viżibbli li jista’ jiżvela t-twemmin reliġjuż tagħha, iżda biss meta hija taħdem f’“back office” u mhux meta hija tkun f’kuntatt mal-utenti jew meta teżerċita funzjoni ta’ awtorità.

19      Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/78 ta’ dispożizzjoni ta’ regoli tax-xogħol, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi obbligu ta’ “newtralità esklużiva” fuq il-ħaddiema kollha ta’ amministrazzjoni pubblika, anki fuq dawk li ma humiex f’relazzjoni mal-utenti.

20      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tribunal du travail de Liège (il-Qorti Industrijali ta’ Liège, il-Belġju) iddeċiediet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 2(2)(a) u (b) tad-Direttiva [2000/78] jista’ jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza lil amministrazzjoni pubblika li torganizza ambjent amministrattiv kompletament newtrali u b’hekk li tipprojbixxi l-ilbies ta’ simboli ta’ twemmin mill-membri kollha tal-persunal, irrispettivament minn jekk dawn ikunux f’kuntatt dirett mal-pubbliku jew le?

2)      L-Artikolu 2(2)(a) u (b) tad-Direttiva [2000/78] jista’ jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza lil amministrazzjoni pubblika li torganizza ambjent amministrattiv kompletament newtrali u b’hekk li tipprojbixxi l-ilbies ta’ simboli ta’ twemmin mill-membri kollha tal-persunal, irrispettivament minn jekk dawn ikunux f’kuntatt dirett mal-pubbliku jew le, anki jekk din il-projbizzjoni newtrali tidher li taffettwa l-iktar lin-nisa, u għalhekk x’aktarx tikkostitwixxi diskriminazzjoni moħbija bbażata fuq il-ġeneru?”

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lewwel domanda

21      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(2)(a) u (b) tad-Direttiva 2000/78 għandux jiġi interpretat fis-sens li regola interna ta’ amministrazzjoni komunali li tipprojbixxi, b’mod ġenerali u mingħajr distinzjoni, lill-membri tal-persunal ta’ din l-amministrazzjoni l-ilbies viżibbli, fuq il-post tax-xogħol, ta’ kwalunkwe simbolu li jiżvela, b’mod partikolari, twemmin filosofiku jew reliġjuż, tista’ tiġi ġġustifikata mir-rieda tal-imsemmija amministrazzjoni li tistabbilixxi ambjent amministrattiv totalment newtrali.

22      Preliminarjament, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-kunċett ta’ “reliġjon” li jinsab fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 ikopri kemm il-forum internum, jiġifieri l-fatt li wieħed ikollu twemmin, kif ukoll il-forum externum, jiġifieri l-manifestazzjoni fil-pubbliku tal-fidi reliġjuża (sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2017, G 4S Secure Solutions, C‑157/15, EU:C:2017:203, punt 28). F’dan ir-rigward, għandu jiżdied li dan l-Artikolu 1 jiċċita bl-istess mod ir-reliġjon u t-twemmin, bħall-Artikolu 19 TFUE, li jipprovdi li l-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea jista’ jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiġġieled kull diskriminazzjoni bbażata, b’mod partikolari, fuq “ir-reliġjon jew twemmin”, jew l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea li jirrigwarda, fost ir-raġunijiet differenti ta’ diskriminazzjoni li huwa jsemmi, “ir-reliġjon jew it-twemmin”. Minn dan isegwi li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78, it-termini “reliġjon” u “twemmin” għandhom jiġu analizzati bħala ż-żewġ naħat tal-istess u l-unika raġuni ta’ diskriminazzjoni (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, WABE u MH Müller Handel, C‑804/18 u C‑341/19, EU:C:2021:594, punt 47).

23      Min-naħa l-oħra, peress li, konformement mal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2000/78, din tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll fis-settur privat, inklużi l-korpi pubbliċi, dispożizzjoni bħal dik li tinsab fl-Artikolu 9 tar-regoli tax-xogħol tal-Komun, li tipprojbixxi lill-persunal tagħha l-ilbies viżibbli fuq il-post tax-xogħol ta’ kwalunkwe simbolu ta’ twemmin, b’mod partikolari, filosofiku jew reliġjuż, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, tali dispożizzjoni għandha titqies li taqa’ taħt il-“kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(ċ) tal-imsemmija direttiva.

24      Wara li saru dawn il-preċiżazzjonijiet, għandu jiġi osservat li l-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju tirrigwarda kemm l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78, dwar id-“diskriminazzjoni diretta”, kif ukoll l-Artikolu 2(2)(b) ta’ din id-direttiva, dwar id-“diskriminazzjoni indiretta”.

25      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li regola interna stabbilita minn persuna li timpjega li tipprojbixxi fuq il-post tax-xogħol biss l-ilbies ta’ simboli ta’ twemmin, b’mod partikolari, filosofiċi jew reliġjużi li huma prominenti u ta’ daqs kbir tista’ tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78, fil-każijiet fejn il-kriterju dwar l-ilbies ta’ tali simboli jkun marbut b’mod inseparabbli ma’ reliġjon jew twemmin partikolari wieħed jew iktar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, WABE u MH Müller Handel, C‑804/18 u C‑341/19, EU:C:2021:594, punti 72 sa 78 kif ukoll tat‑13 ta’ Ottubru 2022, S.C.R.L. (Ħwejjeġ b’konnotazzjoni reliġjuża), C‑344/20, EU:C:2022:774, punt 31). Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li r-regola inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt tali każ inkwistjoni.

26      Għall-kuntrarju, regola interna stabbilita minn persuna li timpjega li tipprojbixxi fuq il-post tax-xogħol l-ilbies ta’ kwalunkwe simbolu viżibbli ta’ twemmin, b’mod partikolari, filosofiku jew reliġjuż ma tikkostitwixxix tali diskriminazzjoni diretta peress li tkopri mingħajr distinzjoni kull manifestazzjoni ta’ tali twemmin u tittratta b’mod identiku lill-ħaddiema kollha tal-impriża, billi timponilhom, b’mod ġenerali u mingħajr distinzjoni, b’mod partikolari, newtralità tal-ilbies li tipprekludi l-ilbies ta’ tali simboli (sentenzi tal‑14 ta’ Marzu 2017, G 4S Secure Solutions, C‑157/15, EU:C:2017:203, punti 30 u 32, kif ukoll tal‑15 ta’ Lulju 2021, WABE u MH Müller Handel, C‑804/18 u C‑341/19, EU:C:2021:594, punt 52).

27      Fil-fatt, peress li kull persuna jista’ jkollha reliġjon jew twemmin reliġjuż, filosofiku jew spiritwali, tali regola, sakemm tiġi applikata b’mod ġenerali u mingħajr distinzjoni, ma tistabbilixxix differenza fit-trattament ibbażata fuq kriterju marbut b’mod inseparabbli mar-reliġjon jew ma’ dan it-twemmin (sentenzi tal‑15 ta’ Lulju 2021, WABE u MH Müller Handel, C‑804/18 u C‑341/19, EU:C:2021:594, punt 52, kif ukoll tat‑13 ta’ Ottubru 2022, S.C.R.L. (Ħwejjeġ b’konnotazzjoni reliġjuża), C‑344/20, EU:C:2022:774, punti 33u 34).

28      Għaldaqstant, sakemm il-qorti tar-rinviju tikkonstata li, minkejja l-mod ġenerali u mingħajr distinzjoni li bih huwa fformulat l-Artikolu 9 tar-regoli tax-xogħol inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet suġġetta għal trattament differenti meta mqabbla ma’ ħaddiema oħra li kienu ġew awtorizzati juru t-twemmin tagħhom, b’mod partikolari, reliġjuż jew filosofiku permezz tal-ilbies ta’ simbolu viżibbli li jiżvela tali twemmin jew b’mod ieħor u li hija, minħabba f’hekk, ġarrbet diskriminazzjoni diretta bbażata fuq ir-reliġjon jew fuq it-twemmin, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a), skont id-Direttiva 2000/78, din il-qorti għandha teżamina jekk ir-regola li tinsab fl-Artikolu 9 tar-regoli tax-xogħol tal-Komun tistax twassal għal żvantaġġ partikolari għall-persuni li jaderixxu ma’ reliġjon jew ma’ twemmin partikolari, li effettivament tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq waħda minn dawn ir-raġunijiet, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) ta’ din id-direttiva.

29      F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li regola interna stabbilita minn persuna li timpjega u li tipprojbixxi fuq il-post tax-xogħol l-ilbies viżibbli ta’ kwalunkwe simbolu ta’ twemmin, b’mod partikolari, filosofiku jew reliġjuż, tista’ tikkostitwixxi differenza fit-trattament indirettament ibbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jekk jiġi stabbilit li l-obbligu apparentement newtrali li jinsab f’din ir-regola jwassal, fil-fatt, għal żvantaġġ partikolari għall-persuni affiljati ma’ reliġjon jew ma’ twemmin partikolari. (ara, f’dan is-sens, sentenzi tal‑14 ta’ Marzu 2017, G 4S Secure Solutions, C‑157/15, EU:C:2017:203, punt 34, u tal‑15 ta’ Lulju 2021, WABE u MH Müller Handel, C‑804/18 u C‑341/19, EU:C:2021:594, punt 59).

30      Konformement mal-Artikolu 2(2)(b)(i) tad-Direttiva 2000/78, tali differenza fit-trattament ma tikkostitwixxix madankollu diskriminazzjoni indiretta, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) ta’ din id-direttiva, jekk tkun iġġustifikata oġġettivament minn għan leġittimu, u jekk il-mezzi sabiex jintlaħaq dan l-għan huma xierqa u neċessarji (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, WABE u MH Müller Handel, C‑804/18 u C‑341/19, EU:C:2021:594, punt 60).

31      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, minkejja li hija finalment il-qorti nazzjonali, li hija l-unika kompetenti sabiex tevalwa l-fatti, li għandha tistabbilixxi jekk u sa fejn id-dispożizzjoni tar-regoli tax-xogħol inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti, il-Qorti tal-Ġustizzja, mitluba tagħti risposti utli lill-qorti nazzjonali, hija kompetenti sabiex tagħti indikazzjonijiet, misluta mill-proċess tal-kawża prinċipali kif ukoll osservazzjonijiet bil-miktub u orali li ġew sottomessi lilha, b’tali mod li tippermetti lil din l-istess qorti tiddeċiedi t-tilwima konkreta mressqa quddiemha.

32      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ għan leġittimu, jirriżulta, minn naħa, mit-talba għal deċiżjoni preliminari li, skont il-Komun, l-Artikolu 9 tar-regoli tax-xogħol inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jipprevedi l-projbizzjoni tal-ilbies viżibbli ta’ kwalunkwe simbolu li jiżvela t-twemmin, b’mod partikolari, filosofiku jew reliġjuż tal-membri tal-persunal tal-Komun, irrispettivament minn jekk dawn tal-aħħar ikunux f’kuntatt mal-pubbliku jew le, għandu l-għan li jimplimenta l-prinċipju ta’ newtralità tas-servizz pubbliku, li għandu l-bażi legali tiegħu fl-Artikoli 10 u 11 tal-Kostituzzjoni Belġjana, fil-prinċipju ta’ imparzjalità u fil-prinċipju ta’ newtralità tal-Istat.

33      F’dan ir-rigward, kull Stat Membru, inkluż, jekk ikun il-każ, l-entitajiet infrastatali tiegħu, b’osservanza tal-kompetenzi rrikonoxxuti lilhom, għandu jingħata marġni ta’ diskrezzjoni fil-kunċett tan-newtralità tas-servizz pubbliku li huwa jixtieq jippromwovi fuq il-post tax-xogħol. Għalhekk, il-politika ta’ “newtralità esklużiva” li amministrazzjoni pubblika, f’dan il-każ komunali, hija intiża biex timponi fuq il-ħaddiema tagħha, skont il-kuntest tagħha stess u fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, sabiex tistabbilixxi fi ħdanha ambjent amministrattiv totalment newtrali tista’ titqies li hija oġġettivament iġġustifikata minn għan leġittimu, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b)(i) tad-Direttiva 2000/78. Bl-istess mod, tista’ tkun l-għażla ta’ amministrazzjoni pubblika oħra, skont il-kuntest tagħha stess u fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, favur politika oħra ta’ newtralità, bħal awtorizzazzjoni ġenerali u mingħajr distinzjoni tal-ilbies ta’ simboli viżibbli ta’ twemmin, b’mod partikolari, filosofiċi jew reliġjużi, inkluż fil-kuntatti mal-utenti, jew projbizzjoni tal-ilbies ta’ tali simboli limitata għas-sitwazzjonijiet li jinvolvu tali kuntatti.

34      Fil-fatt, id-Direttiva 2000/78 tistabbilixxi biss qafas ġenerali favur l-ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol, li jħalli marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri u, jekk ikun il-każ, lill-entitajiet infrastatali tagħhom, li jippermettilhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest tagħhom stess, fid-dawl tad-diversità tal-approċċi tagħhom fir-rigward tal-post li huma jixtiequ jagħtu, fi ħdanhom, lir-reliġjon jew it-twemmin filosofiku fis-settur pubbliku. Il-marġni ta’ diskrezzjoni hekk irrikonoxxut lill-Istati Membri u, jekk ikun il-każ, lill-entitajiet infrastatali tagħhom, fl-assenza ta’ kunsens fil-livell tal-Unjoni, għandu madankollu jmur id f’id ma’ stħarriġ, li jaqa’ fuq il-qrati nazzjonali u tal-Unjoni, li jikkonsisti b’mod partikolari fil-verifika ta’ jekk il-miżuri meħuda, skont il-każ, fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali humiex iġġustifikati bħala prinċipju u jekk humiex proporzjonati. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, WABE u MH Müller Handel, C‑804/18 u C‑341/19, EU:C:2021:594, punti 86 sa 88 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

35      Barra minn hekk, mid-Direttiva 2000/78 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma wettaqx huwa stess il-konċiljazzjoni neċessarja bejn il-libertà tal-ħsieb, tat-twemmin u tar-reliġjon u l-għanijiet leġittimi li jistgħu jiġu invokati bħala ġustifikazzjoni għal inugwaljanza fit-trattament, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b)(i) ta’ din id-direttiva, iżda ħalla l-kompitu li ssir din il-konċiljazzjoni lill-Istati Membri u, jekk ikun il-każ, lill-entitajiet infrastatali kif ukoll lill-qrati tagħhom (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, WABE u MH Müller Handel, C‑804/18 u C‑341/19, EU:C:2021:594, punt 87).

36      Għaldaqstant, dispożizzjoni bħall-Artikolu 9 tar-regoli tax-xogħol inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ titqies li għandha għan leġittimu, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b)(i) tad-Direttiva 2000/78.

37      Fit-tieni lok, kif tfakkar fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, regola interna bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sabiex tevita l-klassifikazzjoni ta’ “diskriminazzjoni indiretta”, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78, għandha wkoll tkun adatta sabiex tiżgura l-applikazzjoni tajba tal-għan segwit mill-persuna li timpjega. F’dan il-każ, dan jippreżupponi li l-għan ta’ “newtralità esklużiva” li stabbilixxa l-Komun huwa verament imfittex b’mod koerenti u sistematiku, u li l-projbizzjoni tal-ilbies ta’ kwalunkwe simbolu viżibbli ta’ twemmin, b’mod partikolari, filosofiku u reliġjuż li jinkludi l-Artikolu 9 tar-regoli tax-xogħol inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija limitata għal dak li huwa strettament neċessarju. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, WABE u MH Müller Handel, C‑804/18 u C‑341/19, EU:C:2021:594, punt 68).

38      F’dan ir-rigward, qabel kollox, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-Komun għandux dan l-għan b’mod verament koerenti u sistematiku fir-rigward tal-ħaddiema kollha.

39      Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li l-għan leġittimu li jikkonsisti f’li jiġi żgurat, permezz ta’ politika ta’ “newtralità esklużiva” kif stabbilita mill-Artikolu 9 tar-regoli tax-xogħol inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ambjent amministrattiv totalment newtrali jista’ jiġi segwit b’mod effettiv biss jekk ebda manifestazzjoni viżibbli ta’ twemmin, b’mod partikolari, filosofika jew reliġjuża ma tkun ammessa meta l-ħaddiema jkunu f’kuntatt mal-utenti tas-servizz pubbliku jew ikunu f’kuntatt bejniethom peress li l-ilbies ta’ kwalunkwe simbolu, anki ta’ daqs żgħir, jikkomprometti l-kapaċità tal-miżura li tilħaq l-għan allegatament imfittex u għalhekk jikkontesta l-koerenza stess ta’ din il-politika. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, WABE u MH Müller Handel, C‑804/18 u C‑341/19, EU:C:2021:594, punt 77). Tali regola hija għalhekk neċessarja.

40      Hija wkoll il-qorti tar-rinviju li għandha twettaq, fid-dawl tal-elementi karatteristiċi kollha tal-kuntest li fih din ir-regola ġiet adottata, ibbilanċjar tal-interessi inkwistjoni billi tieħu inkunsiderazzjoni, minn naħa, id-drittijiet u l-prinċipji fundamentali inkwistjoni, jiġifieri, f’dan il-każ, id-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon iggarantit fl-Artikolu 10 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; li għandu bħala korollarju l-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon stabbilita fl-Artikolu 21 tagħha u, min-naħa l-oħra, tal-prinċipju ta’ newtralità li bl-applikazzjoni tiegħu l-amministrazzjoni pubblika kkonċernata hija intiża li tiggarantixxi, permezz tal-imsemmija regola limitata għall-post tax-xogħol, lill-utenti tas-servizzi tagħha u lill-membri tal-persunal tagħha ambjent amministrattiv mingħajr manifestazzjonijiet viżibbli ta’ twemmin, b’mod partikolari, filosofiku jew reliġjuż.

41      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li regola interna ta’ amministrazzjoni komunali li tipprojbixxi, b’mod ġenerali u mingħajr distinzjoni, lill-membri tal-persunal ta’ din l-amministrazzjoni l-ilbies viżibbli, fuq il-post tax-xogħol, ta’ kwalunkwe simbolu li jiżvela, b’mod partikolari, twemmin filosofiku jew reliġjuż, tista’ tiġi ġġustifikata mir-rieda tal-imsemmija amministrazzjoni li tistabbilixxi, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest xieraq tiegħu, ambjent amministrattiv totalment newtrali sa fejn din ir-regola tkun adatta, neċessarja u proporzjonata fir-rigward ta’ dan il-kuntest u fid-dawl tad-diversi drittijiet u interessi involuti.

 Fuq ittieni domanda

42      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(2)(a) u (b) tad-Direttiva 2000/78 għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil awtorità pubblika torganizza ambjent amministrattiv totalment newtrali billi tipprojbixxi l-ilbies viżibbli ta’ simboli li jiżvelaw, b’mod partikolari, twemmin filosofiku jew reliġjuż lill-membri kollha tal-persunal tagħha, kemm jekk huma f’kuntatt dirett mal-pubbliku kif ukoll jekk le, meta din il-projbizzjoni tidher li tolqot maġġoranza ta’ nisa u għalhekk tista’ tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess.

43      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li jirriżulta mill-ispirtu ta’ kooperazzjoni li għandu jipprevali fil-funzjonament tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari li huwa indispensabbli li l-qorti nazzjonali tesponi, fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, ir-raġunijiet preċiżi għaliex hija tqis li risposta għad-domandi tagħha dwar l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni hija neċessarja għas-soluzzjoni tat-tilwima li hija adita biha (sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, in-neċessità li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi li din tosserva bir-reqqa r-rekwiżiti li jikkonċernaw il-kontenut ta’ talba għal deċiżjoni preliminari u li jissemmew b’mod espliċitu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tad‑19 ta’ April 2018, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi, C‑152/17, EU:C:2018:264, punt 21 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

45      Għalhekk, minn naħa, skont l-Artikolu 94(a) tar-Regoli tal-Proċedura, huwa indispensabbli li l-qorti tar-rinviju tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi magħmula minnha jew li, mill-inqas, tispjega l-ipoteżijiet fattwali li fuqhom huma bbażati dawn id-domandi. Fil-fatt, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha biss is-setgħa li tagħti deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni ta’ test tal-Unjoni abbażi tal-fatti indikati lilha mill-qorti nazzjonali (sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2023, Bursa Română de Mărfuri, C‑394/21, EU:C:2023:146, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      Min-naħa l-oħra, kif jistabbilixxi l-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura, huwa indispensabbli li d-deċiżjoni tar-rinviju stess tinkludi l-espożizzjoni tal-motivi li wasslu lill-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Irish Ferries, C‑570/19, EU:C:2021:664, punt 133 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-informazzjoni pprovduta fid-deċiżjonijiet tar-rinviju sservi mhux biss sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposti utli, iżda wkoll sabiex tippermetti lill-gvernijiet tal-Istati Membri kif ukoll lill-partijiet ikkonċernati l-oħra jippreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiżgura li din il-possibbiltà tiġi ssalvagwardata, fid-dawl tal-fatt li, skont din id-dispożizzjoni, huma biss id-deċiżjonijiet tar-rinviju li jiġu nnotifikati lill-partijiet interessati (sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Irish Ferries, C‑570/19, EU:C:2021:664, punt 134 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      F’dan il-każ, fir-rigward tal-eżistenza ta’ eventwali diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess, invokata f’din it-tieni domanda, għandu jitfakkar li din ir-raġuni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU 2006, L 204, p. 23), li, fl-Artikolu 2(1)(b) tagħha, tiddefinixxi espressament il-kunċett ta’ diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess, u mhux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78, l-uniku att imsemmi fl-imsemmija domanda.

49      Barra minn hekk, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludix indikazzjonijiet li jippermettu li tiġi ddeterminata l-ipoteżi fattwali li fuqha hija bbażata t-tieni domanda kif ukoll ir-raġunijiet li għalihom risposta għal din id-domanda, addizzjonali għar-risposta għall-ewwel domanda, hija neċessarja għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

50      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni domanda hija inammissibbli.

 Fuq lispejjeż

51      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78 tas27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

regola interna ta’ amministrazzjoni komunali li tipprojbixxi, b’mod ġenerali u mingħajr distinzjoni, lill-membri tal-persunal ta’ din l-amministrazzjoni l-ilbies viżibbli, fuq il-post tax-xogħol, ta’ kwalunkwe simbolu li jiżvela, b’mod partikolari, twemmin filosofiku jew reliġjuż, tista’ tiġi ġġustifikata mir-rieda tal-imsemmija amministrazzjoni li tistabbilixxi, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest xieraq tiegħu, ambjent amministrattiv totalment newtrali sa fejn din ir-regola tkun adatta, neċessarja u proporzjonata fir-rigward ta’ dan il-kuntest u fid-dawl tad-diversi drittijiet u interessi involuti.


Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.