Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Polonja) fit-18 ta’ Novembru 2020 – Proċeduri kriminali kontra YP et

(Kawża C-615/20)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Sąd Okręgowy w Warszawie

Partijiet fil-kawża prinċipali

YP et

Domandi preliminari

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u d-dritt sanċit fih għal rimedju ġudizzjarju effettiv kif ukoll id-dritt għal smigħ ġust u pubbliku tal-kawża f’terminu raġonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali stabbiliti fid-dettall fil-punti 2 u 3 ta’ dawn id-domandi, jiġifieri l-Artikolu 80 u l-Artikolu 129 tal-ustawa z dnia 27 lipca 2001 r. – Prawo o ustroju sądów powszechnych (p.u.s.p.) (il-Liġi tas-27 ta’ Lulju 2001 – Liġi dwar is-Sistema tal-Qrati Ordinarji), kif ukoll l-Artikolu 110(2a) tal-Liġi dwar is-Sistema tal-Qrati Ordinarji u l-punt 1a tal-Artikolu 27(1) tal-ustawa z dnia 8 grudnia 2017 r. o Sądzie Najwyższym (il-Liġi tat-8 ta’ Diċembru 2017 dwar il-Qorti Suprema), li jippermettu lill-Awla Dixxiplinari tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) tneħħi l-immunità lil imħallef u tissospendih mill-funzjonijiet tiegħu, u għaldaqstant tipproċedi bit-tneħħija effettiva tal-imħallef mit-teħid ta’ deċiżjoni ta’ kawżi assenjati lilu, fejn:

L-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema ma hijiex “qorti” fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta, tal-Artikolu 6 KEDB u tal-Artikolu 45(1) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja (sentenza tad-19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C-585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982);

Il-membri tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema għandhom rabtiet partikolarment qawwija mas-setgħa leġiżlattiva u eżekuttiva (digriet tat-8 ta’ April 2020, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C-791/19 R, EU:C:2020:277);

Ir-Repubblika tal-Polonja hija obbligata tissospendi l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Liġi tat-8 ta’ Diċembru 2017 dwar il-Qorti Suprema li jirrigwardaw l-hekk imsejħa Awla Dixxiplinari u li tieqaf milli tibgħat kawżi pendenti quddiem din l-awla għal eżami minn kulleġġ ġudikanti li ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ indipendenza (digriet tat-8 ta’ April 2020, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C-791/19 R, EU:C:2020:277).

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 2 TUE u l-valur tal-istat tad-dritt li jinsab fih kif ukoll ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva li jirriżultaw mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li “d-dispożizzjonijiet li jirregolaw is-sistema ta’ mezzi dixxiplinari fil-każ ta’ persuni li għandhom il-kompitu li jiġġudikaw” ikopru wkoll dispożizzjonijiet dwar il-prosekuzzjoni għal responsabbiltà kriminali jew iċ-ċaħda tal-libertà (detenzjoni) ta’ mħallef ta’ qorti nazzjonali, bħall-Aritkolu 181 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja flimkien mal-Artikolu 80 u l-Artikolu 129 tal-Liġi tas-27 ta’ Lulju 2001 – Liġi dwar is-Sistema tal-Qrati Ordinarji, li skonthom:

il-prosekuzzjoni għal responsabbiltà kriminali jew iċ-ċaħda tal-libertà (detenzjoni) ta’ mħallef ta’ qorti nazzjonali, bħala regola teħtieġ, fuq talba tal-prosekutur, awtorizzazzjoni mill-qorti dixxiplinari kompetenti;

il-qorti dixxiplinari, meta tippermetti l-prosekuzzjoni għal responsabbiltà kriminali jew iċ-ċaħda tal-libertà (detenzjoni) ta’ mħallef ta’ qorti nazzjonali, tista’ (u f’xi każijiet għandha l-obbligu) tissospendi lill-imħallef mill-funzjonijiet tiegħu;

meta tissospendi lil imħallef tal-qorti nazzjonali mill-funzjonijiet tiegħu, il-qorti dixxiplinari fl-istess waqt ikollha l-obbligu li tnaqqas ir-remunerazzjoni ta’ dak l-imħallef, sal-limitu ddefinit permezz ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, għaż-żmien tas-sospensjoni?

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet imsemmija fid-domanda 2, għandu jiġi interpretat fis-sens li dawn jipprekludu regoli ta’ Stat Membru, bħall-Artikolu 110(2a) tal-Liġi dwar is-Sistema tal-Qrati Ordinarji u l-punt 1a tal-Artikolu 27(1) tal-Liġi tat-8 ta’ Diċembru 2017 dwar il-Qorti Suprema, li skonthom il-kawżi dwar l-awtorizzazzjoni għall-prosekuzzjoni għal responsabbiltà kriminali jew iċ-ċaħda tal-libertà (detenzjoni) ta’ mħallef ta’ qorti nazzjonali jaqgħu, kemm fl-ewwel kif ukoll fit-tieni istanza, taħt il-kompetenza esklużiva tal-korp, bħall-Awla Dixxiplinari, li jieħu inkunsiderazzjoni (b’mod individwali jew konġunt), li:

l-istabbiliment tal-Awla Dixxiplinari ikkoinċida mal-bidla fir-regoli għall-ħatra tal-membri tal-korp, bħall-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali għall-Imħallfin, iktar ’il quddiem il-KRS), li jipparteċipa fil-proċess ta’ ħatra tal-imħallfin, u li fuq proposta tiegħu ġew maħtura l-membri kollha tal-Awla Dixxiplinari;

il-leġiżlatur nazzjonali eskluda l-possibbiltà li jiġu ttrasferiti għall-Awla Dixxiplinari mħallfin ta’ qorti nazzjonali tal-aħħar istanza, bħall-Qorti Suprema, li fl-istrutturi tagħha topera din l-awla, b’mod li fl-Awla Dixxiplinari jista’ jkun hemm biss il-membri l-ġodda maħtura fuq proposta tal-KRS fil-kompożizzjoni mibdula tiegħu.

L-Awla Dixxiplinari hija kkaretterizzata minn livell partikolarment għoli ta’ awtonomija fi ħdan il-Qorti Suprema;

Il-Qorti Suprema, fis-sentenzi mogħtija b’eżekuzzjoni tas-sentenza tad-19 ta’ Novembru 2019, A.K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C-585/18, C-624/18 u C-625/18, EU:C:2019:982), ikkonfermat li l-KRS fil-kompożizzjoni mibdula tiegħu ma huwiex korp indipendenti mis-setgħa leġiżlattiva u dik eżekuttiva, u li l-Awla Dixxiplinari ma hijiex “qorti” fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta, tal-Artikolu 6 tal-KEDB u tal-Artikolu 45(1) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja;

It-talba għal awtorizzazzjoni għall-prosekuzzjoni għal responsabbiltà kriminali jew iċ-ċaħda tal-libertà (detenzjoni) ta’ mħallef ta’ qorti nazzjonali toriġina, bħala prinċipju, mill-prosekutur, li bħala superjur ġerarkiku għandu korp tas-setgħa eżekuttiva, bħall-Ministru għall-Ġustizzja, li jista’ jagħti lill-prosekutur struzzjonijiet vinkolanti dwar il-kontenut tal-attivitajiet proċesswali, u fl-istess waqt il-membri tal-Awla Dixxiplinari u l-KRS fil-kompożizzjoni mibdula juru, kif ikkonstatat il-Qorti Suprema fil-ġurisprudenza msemmija fil-punt 2d, rabtiet partikolarment qawwija mas-setgħa leġiżlattiva u eżekuttiva, u fid-dawl ta’ dan l-Awla Dixxiplinari ma tistax titqies bħala terza persuna fil-konfront tal-partijiet fil-kawża;

Ir-Repubblika tal-Polonja kienet obbligata tissospendi l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Liġi tat-8 ta’ Diċembru 2017 dwar il-Qorti Suprema li jirrigwardaw l-Awla Dixxiplinari u li tieqaf milli tibgħat kawżi pendenti quddiem din l-awla għal eżami minn kompożizzjoni li ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ indipendenza, skont id-digriet tat-8 ta’ April 2020, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (C-791/19 R, EU:C:2020:277)?

Fil-każ li tingħata awtorizzazzjoni għall-prosekuzzjoni għal responsabbiltà kriminali u l-imħallef jiġi sospiż milli jwettaq il-funzjonijiet tiegħu u fl-istess waqt ir-remunerazzjoni tiegħu titnaqqas għaż-żmien ta’ din is-sospensjoni, id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet imsemmija fid-domanda 2 u l-prinċipji ta’ supremazija, ta’ kooperazzjoni leali msemmi fl-Artikolu 4(3) TFUE u ta’ ċertezza legali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-għoti ta’ saħħa vinkolanti lill-imsemmija awtorizzazzjoni, speċjalment fil-kuntest tas-sospensjoni ta’ mħallef mill-funzjonijiet tiegħu, jekk din tkun ingħatat minn korp bħalma huwa l-Awla Dixxiplinari, li fil-konfront tiegħu:

kull korp nazzjonali (fosthom il-qorti tar-rinviju li, fil-kulleġġ ġudikanti tagħha jinsab l-imħallef ikkonċernat minn din l-awtorizzazzjoni, kif ukoll korpi li għandhom kompetenza fil-qasam tal-ħatra u tal-bidla tal-kompożizzjoni tal-qorti nazzjonali) għandu l-obbligu li jinjora tali awtorizzazzjoni u li jippermetti lil imħallef ta’ qorti nazzjonali li fil-konfront tiegħu ingħatat tali awtorizzazzjoni jagħmel parti mill-kullleġġ ġudikanti ta’ din il-qorti,

il-qorti li fil-kulleġġ ġudikanti tagħha jinsab l-imħallef ikkonċernat minn din l-awtorizzazzjoni, hija qorti stabbilita minn qabel bil-liġi, jew qorti indipendenti u imparzjali, u b’hekk tista’ tiddeċiedi, bħala “qorti”, kwistjonijiet dwar l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni?

____________