Language of document :

Rikors ippreżentat fis-17 ta' Awissu 2010 - Seatech International et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni

(Kawża T-337/10)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Seatech International, Inc. (Cartagena, il-Kolombja), Tuna Atlantic, Ltda (Cartagena) u Comextun, Ltda (Cartagena) (rappreżentant: F. Foucault, avukat)

Konvenuti: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla r-Regolament tal-Kummissjoni Nru 468/2010 tat-28 ta' Mejju 2010 sa fejn dan jelenka lill-bastiment Marta Lucia R bħala bastiment involut f'sajd IUU;

tannulla r-Regolament tal-Kunsill Nru 1005/2008, tad-29 ta' Settembru 2008, u konsegwentement l-annullament tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 468/2010, tat-28 ta' Mejju 2010, sa fejn dan jimplementa proċedura għall-elenkar ta' bastimenti involuti f'sajd IUU li ma tosservax il-prinċipju ta' kontradittorju u li hija sors ta' diskriminazzjoni.

tiddikjara u tiddeċiedi li l-bastiment Marta Lucia R mhijiex involuta f'sajd IUU.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan ir-rikors, ir-rikorrenti, proprjetarji u operaturi tal-bastiment tas-sajd Marta Lucia R, kif ukoll xerrejja tal-ħut maqbud, jitolbu l-annullament tar- Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 468/2010, tat-28 ta' Mejju, li jistabbilixxi l-lista tal-UE ta' bastimenti involuti f'sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat 1 (iktar 'il quddiem "il-lista UE IUU"), li jelenka l-bastiment Marta Lucia R bħala bastiment involut f'sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat. Ir-rikorrenti jitolbu wkoll l-annullament tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1005/2008 2 li jistabbilixxi l-proċedura għat-tfassil tal-imsemmija lista UE IUU.

Ir-rikorrenti jsostnu li l-bastiment Mart Lucia R ġie elenkat fil-lista IUU tal-Unjoni Ewropea sempliċementi minħabba l-fatt li kien elenkat fil-lista ta' bastimenti kkunsidrati bħala involuti f'sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat tal- Kummissjoni InterAmerikana għat-Tonn Tropikali (iktar 'il quddiem "l-lista TTC IUU").

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw numru ta' motivi bbażati b'mod partikolari fuq:

ksur tal-prinċipji ta' kontradittorju u tad-drittijiet tad-difiża, inkwantu l-bastiment Marta Lucia R ġie elenkat fil-lista TTC IUU mingħajr ma ġiet osservata proċedura li tiżgura li l-interessati jinstemgħu;

ksur tal-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni, billi l-bastiment Marta Lucia R ġie elenkat awtomatikament fil-lista UE IUU wara li ġie elenkat fil-lista TTC IUU, filwaqt li bastimenti oħra li joperaw fit-territorju tal-Istati Membri ġew elenkati fil-lista UE IUU biss wara proċedura kontradittorja;

il-fatt li d-deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni InterAmerikana għat-Tonn Tropikali hija vvizzjata b'illegalità peress li l-imsemmija Kummissjoni abbużat mill-poter tagħha, inkawntu hija għandha biss missjoni ta' informazzjoni u ta' investigazzjoni dwar il-preżervazzjoni tal-ispeċji, u mhux is-setgħa li tieħu deċiżjonijiet restrittivi; u

il-fatt ma hemm ebda element ta' fatt li jippermetti li s-sajd eżerċitat mill-bastiment Marta Lucia R jiġi kklassifikat bħala illegali, mhux rappurtat u mhux regolat fis-sens Komunitarju.

____________

1 - ĠU L 131, p. 22.

2 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008, tad-29 ta' Settembru 2008, li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat [u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999] (ĠU L 286, p. 1).