KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fid-29 ta’ Ottubru 2009 1(1)
Kawża C‑406/08
Uniplex (UK) Ltd
vs
NHS Business Services Authority
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Justice (England and Wales), Queen’s Bench Division, Leeds District Registry (ir-Renju Unit)]
“Kuntratti pubbliċi – Direttiva 89/66/KEE – Stħarriġ ġudizzjarju fid-dritt nazzjonali – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Termini ta’ dekadenza – Data minn meta jibda jiddekorri t-terminu – Jekk ir-rikorrent kienx jaf jew ‘kellux ikun jaf’ bil-ksur tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi – Ħtieġa li jinbdew proċeduri ‘malajr kemm jista’ jkun’”
I – Introduzzjoni
1. Din it-talba għal deċiżjoni preliminari mill-High Court of Justice (England and Wales) (2) toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej l-okkażjoni biex tippreċiża l-ġurisprudenza tagħha fir-rigward ta’ rimedji legali mogħtija fis‑settur tal-kuntratti pubbliċi lill-offerent li jkun ġie eskluż.
2. Huwa magħruf li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, għal dan it-tip ta’ rimedji legali, termini raġonevoli ta’ dekadenza. Iżda jeħtieġ jiġi ċċarat, b’mod partikolari, minn liema mument, fil-kuntest tal-proċedura, jibdew jiddekorru dawn it-termini: jekk hux mill-mument meta jkun ġie kommess il-ksur ikkontestat tar-regoli dwar il-kuntratti jew jekk huwiex mill-mument meta l-offerent eskluż ikun sar jaf jew kellu jkun jaf b’dak il-ksur. Din il-kwistjoni, li l-konsegwenzi prattiċi tagħha ma għandhomx jiġi sottovalutati, tinqala’ hawnhekk fir-rigward ta’ regola tad-dritt Ingliż li tgħid li t-terminu biex tinbeda proċedura ta’ reviżjoni min-naħa tal-offerent eskluż jibda jiddekorri indipendentement minn jekk dan tal-aħħar kienx jaf bil-ksur tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, filwaqt li l-proroga ta’ dan it-terminu taqa’ fis-setgħa diskrezzjonali tal-qorti nazzjonali kompetenti.
3. Fir-rigward tal-kwistjonijiet ta’ dritt mqajma, dan il-każ jippreżenta xi punti ta’ xebh mal-kawża C-456/08, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, li fil-kuntest tagħha ppreżentajt ukoll il-konklużjonijiet tiegħi llum.
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt Komunitarju
4. Il-kuntest ġuridiku ta’ dan il-każ huwa kkostitwit mid-Direttiva 89/665/KEE(3) kif emendata bid-Direttiva 92/50/KEE (4) (5).
5. L-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/665/KEE jistabbilixxi dan li ġej:
“1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li, fir-rigward ta’ proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti li jaqgħu fl-iskop tad-Direttivi 71/305/KEE u 77/62/KEE u 92/50/KEE […] id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kuntrattwali jistgħu jiġu riveduti effettivament, u b’mod partikolari, malajr kemm jista’ jkun skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli li ġejjin, u, b’mod partikolari, l-Artikolu 2(7) fuq il-bażi li dawn id-deċiżjonijiet kisru l-liġi tal-Komunità fil-qasam ta’ l-akkwist pubbliku jew tar-regoli nazzjonali li jimplimentaw dik il-liġi.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ma jkun hemm ebda diskriminazzjoni bejn intrapriżi li jallegaw ħsara fil-kuntest tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt bħala riżultat tad-distinzjoni magħmula b’din id-Direttiva bejn regoli nazzjonali li jimplimentaw il-liġi tal-Komunità u regoli nazzjonali oħrajn.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ reviżjoni huma disponibbli, taħt regoli dettaljati li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, ta’ l-anqas għal kull persuna li jkollha jew kellha interess li takkwista kuntratt partikolari ta’ provvista pubblika jew xogħlijiet publiċi u li tkun sofriet ħsara jew qiegħda f’riskju li ssofri ħsara minn ksur allegat. B’mod partikolari, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li persuna li tfittex reviżjoni għandha tkun qabel innotifikat lill-awtorità kuntrattwali bil-ksur allegat u bl-intenzjoni tagħha li tfittex reviżjoni” (6).
6. L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 89/665/KEE fih ukoll din id-dispożizzjoni:
“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri meħuda li jikkonċernaw il-proċeduri ta’ reviżjoni speċifikati fl-Artikolu 1 jinkludi dispożizzjoni għall-poteri biex:
[…]
b) jew iwarrbu jew jiżguraw it-twarrib ta’ deċiżjonijiet meħuda illegalment […];
c) jagħtu kumpens lill-persuni milquta minn ksur”.
B – Id-dritt nazzjonali
7. Għall-Ingilterra, Wales u l-Irlanda ta’ Fuq, id-Direttiva 89/665/KEE ġiet trasposta fit-Taqsima 9 tal-Public Contracts Regulations 2006 (7) (PCR 2006) u estratt mill-Artikolu 47 huwa dan li ġej:
“(1) L-obbligu fuq
(a) awtorità kontraenti biex tosserva d-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-Regolamenti, minbarra l-artikoli […] u kull obbligu Komunitarju eżegwibbli fir-rigward ta’ kuntratt pubbliku, ftehim qafas jew kompetizzjoni ta’ disinn […]
[…]
huwa dover fil-konfront ta’ kull operatur ekonomiku.
[…]
(6) L-operatur ekonomiku li, minħabba l-ksur tal-obbligi taħt il-paragrafi 1 jew 2, isofri jew jirriskja li jsofri dannu jew telf għandu d-dritt li jibda proċeduri kontra dan il-ksur billi jaġixxi quddiem il-High Court.
7. Biex jibda proċeduri fis-sens ta’ dan l-artikolu jeħtieġ li:
a) l-operatur ekonomiku li jibda proċeduri jkun informa lill-awtorità kontraenti jew lill-konċessjonarju, skont il-każ, bil-ksur anki allegat tal-obbligu fil-konfront tiegħu taħt il-paragrafi 1 jew 2 min-naħa tal-awtorità kontraenti, kif ukoll bl-intenzjoni tiegħu li jaġixxi kontra dak il-ksur skont dan l-artikolu; u
b) il-proċeduri jsiru malajr kemm jista’ jkun, u fi kwalunkwe każ fi żmien tliet xhur mid-data minn meta jkunu rriżultaw ir-raġunijiet għall-azzjoni, sakemm il-qorti ma tikkunsidrax li teżisti raġuni valida biex jiġi estiż dak it-terminu.
[…]
9. Fil-proċeduri li jkunu nbdew skont dan l-artikolu, jekk il-kuntratt li fil-konfront tiegħu sar il-ksur ikun ġie konkluż, il-qorti ma tkunx kompetenti tagħti rimedji oħrajn għajr ir-rikonoxximent tad-dritt għall-ħlas ta’ kumpens marbut mal-ksur tal-obbligi taħt il-paragrafu 1 jew 2”.
III – Il-fatti u l-kawża prinċipali
8. Uniplex (UK) Ltd (8) hija kumpannija stabbilita fir-Renju Unit u operatur ekonomiku għall-finijiet tad-Direttiva 2004/18 u tal-PCR 2006. Hija d-distributur esklużiv għar-Renju Unit tal-emostatiċi prodotti minn Gelita Medical BV, kumpannija stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi.
9. L-NHS Business Services Authority (9) hija korp pubbliku li tappartjeni lin-National Health Service (servizz tas-saħħa nazzjonali) tar-Renju Unit, ġestita direttament mill-Istat. Hija awtorità kontraenti għall-finijiet tad-Direttiva 2004/18/KE u tal-PCR 2006.
10. Fis-26 ta’ Marzu 2007, l-NHS nediet sejħa għal offerti, fi proċedura ristretta, għal ftehim qafas għall-provvista ta’ emostatiċi lill-istituzzjonijiet tal-NHS(10). Is-sejħa għal offerti rilevanti ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit-28 ta’ Marzu 2007.
11. B’ittra tat-13 ta’ Ġunju 2007, l-NHS bagħtet stedina għall-preżentazzjoni ta’ offerti lil ħames partijiet interessati, fosthom anki Uniplex. It-terminu għall-preżentazzjoni tal-offerti ġie ffissat għad-19 ta’ Lulju. Uniplex ippreżentat l-offerta tagħha fit-18 ta’ Lulju 2007.
12. Fit-22 ta’ Novembru 2007, l-NHS għarrfet bil-miktub lil Uniplex li kienet aġġudikat il-ftehim qafas lil tliet offerenti, filwaqt li Uniplex ma kinitx fosthom. Fil-komunikazzjoni kien hemm ukoll il-kriterji tal-għoti, l-ismijiet tal-offerenti magħżula, il-punti li ngħataw lil Uniplex u l-firxa tal-punti (minimu/massimu) li ngħataw lil dawk magħżula. Abbażi tal-kriterji li użat l-NHS, Uniplex ġabet l-iktar punti baxxi fost il-ħames offerenti li ġew mistiedna jippreżentaw offerta u li kienu għamlu offerta. Bl-istess komunikazzjoni, Uniplex ġiet infurmata bid-dritt tagħha li tikkontesta l-għoti tal-offerta u li titlob iktar informazzjoni.
13. Fuq talba ta’ Uniplex tat-23 ta’ Novembru 2007, l-NHS ipprovdiet, fit-13 ta’ Diċembru 2007, dettalji dwar il-metodu ta’ evalwazzjoni tagħha abbażi ta’ kriterji ta’ għoti, u wriet wkoll il-karatteristiċi u l-vantaġġi tal-offerti ta’ dawk magħżula meta mqabbla mal-offerta ta’ Uniplex.
14. Fit-28 ta’ Jannar 2008, Uniplex bagħtet lill-NHS ittra ta’ intimazzjoni fejn eċċepiet diversi ksur tar-regoli dwar il-kuntratti pubbliċi.
15. B’ittra tal-11 ta’ Frar 2008, l-NHS għarrfet lil Uniplex li kien hemm bidla fiċ-ċirkustanzi. Kien irriżulta li l-offerta ta’ Assut (UK) Ltd ma kinitx tikkonforma mar-rekwiżiti mitlubin u li B. Braun (UK) Ltd, li ġiet ir-raba’ fl-evalwazzjoni tal-offerti, daħlet fil-ftehim qafas minflok Assut (UK) Ltd.
16. Wara skambju ulterjuri ta’ korrispondenza bejn Uniplex u l-NHS, fejn fost l-oħrajn ġie diskuss il-mument minn meta beda jiddekorri t-terminu għall-bidu ta’ eventwali proċeduri, fit-12 ta’ Marzu 2008, Uniplex bdiet proċeduri fil-High Court, jiġifieri l-qorti tar-rinviju. Fost l-oħrajn hija talbet li jiġi ddikjarat li kien hemm ksur tar-regoli dwar il-kuntratti pubbliċi, li l-NHS tiġi kkundannata tħallas id-danni konnessi ma’ dan il-ksur u – jekk ikun fil-kompetenza tal-qorti adita – li l-NHS tiġi ordnata idaħħal lir-rikorrent fil-ftehim qafas.
17. Il-qorti tar-rinviju tqajjem dubji dwar it-tempestività tal-proċeduri mibdija minn Uniplex u dwar il-ħtieġa, eventwali, li teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha li tipproroga dan it-terminu skont l-Artikolu 47(7)(b) tal-PCR 2006.
IV – Id-domandi preliminari u l-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
18. B’digriet tat-30 ta’ Lulju 2008, li wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Settembru 2008, il-High Court issospendiet il-kawża u bagħtet lill-Qorti tal-Ġustizzja dawn id-domandi preliminari:
“Meta operatur ekonomiku jikkontestata, fi proċeduri nazzjonali, l-għoti ta’ ftehim qafas minn awtorità kontraenti wara proċedura għall-għoti ta’ kuntratt li fiha huwa kien offerent u li kellha ssir b’mod konformi mad-Direttiva 2004/18/KE (u d-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ implementazzjoni), u jitlob, f’dawk il-proċeduri, il-konstatazzjoni u l-kumpens għall-ksur tad-dispożizzjonijiet applikabbli dwar il- kuntratti pubbliċi fir-rigward ta’ din il-proċedura u dan l-għoti:
a) dispożizzjoni nazzjonali bħal-Artikolu 47(7)(b) tal-Public Contracts Regulations 2006, li tistipula li dan ir-rikors għandu jiġi ppreżentat malajr kemm jista’ jkun u f’kull każ f’terminu ta’ mhux iktar minn tliet xhur minn meta ngħata lok għall-motivi li wasslu għall-bidu tal-proċeduri, sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma tikkunsidrax li hemm raġuni valida għall-proroga ta’ dan it-terminu, għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 89/665/KEE, u tal-prinċipju tad-dritt Komunitarju ta’ ekwivalenza, tar-rekwiżit tad-dritt Komunitarju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, u/jew tal-prinċipju ta’ effettività, u billi jittieħed inkunsiderazzjoni kull prinċipju ieħor rilevanti tad-dritt Komunitarju, fis-sens li tagħti lill-offerent dritt suġġettiv u inkundizzjonat fil-konfront tal-awtorità kontraenti b’tali mod li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors li jikkontesta tali proċedura għall-għoti ta’ kuntratt u għoti tali jibda jiddekorri minn meta l-offerent kien jaf, jew kellu jkun jaf, li l-proċeduri tal-għoti tal-kuntratt pubbliku kisru r-regoli Komunitarji f’dan il-qasam, jew mill-ksur tad-dispożizzjonijiet applikabbli?
b) f’kull każ, kif għandha għaldaqstant il-qorti nazzjonali tapplika:
(i) kull rekwiżit sabiex ir-rikors jiġi ppreżentat malajr kemm jista’ jkun u
(ii) kull setgħa diskrezzjonali sabiex tipproroga t-terminu ta’ dekadenza nazzjonali sabiex sabiex jiġi ppreżentat tali rikors?”
19. Fil-kuntest tal-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra Uniplex u l-NHS, il-Gvernijiet tar-Renju Unit u tal-Irlanda kif ukoll il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ippreżentaw osservazzjonijiet miktubin u orali (11). Fis-seduta anki l-Gvern Ġermaniż kien irrappreżentat.
V – Analiżi
20. Biż-żewġ domandi preliminari proposti, il-High Court essenzjalment qed tistaqsi x’inhuma r-rekwiżiti taħt id-dritt Komunitarju għall-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tat-termini ta’ dekadenza fil-proċeduri ta’ reviżjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.
21. Id-Direttiva 89/665 ma tistabbilixxi l-ebda regoli espliċiti tat-termini applikabbli għall-proċeduri fl-Artikolu 1 tagħha (12). Iżda l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet, f’ġurisprudenza stabbilita, li l-Istati Membri, fil-kuntest tal-awtonomija proċedurali tagħhom, jistgħu jistabbilixxu termini ta’ dekadenza raġonevoli għal proċeduri, dejjem jekk jiġu rrispettati l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (13). Iż-żewġ prinċipji ċċitati jissemmew ukoll fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/665: il-prinċipju ta’ ekwivalenza fil-paragrafu 2 u l-prinċipju ta’ effettività fil-paragrafu 1 (14).
22. F’dan il-każ huwa l-prinċipju ta’ effettività li huwa ta’ interess ewlieni. Huwa stabbilit li r-Renju Unit jista’ jistabbilixxi termini ta’ dekadenza għall-proċeduri kontra d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kontraenti (15). Fil-fatt is-suġġett tad-diskussjoni bejn il-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet huma biss xi aspetti speċifiċi li jirrigwardaw l-interpertazzjoni u l-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali fuq it-termini tal-proċeduri. B’mod partikolari huwa kkontestat jekk dispożizzjoni li tirregola t-termini tal-proċeduri, bħal dik stabbilita mil-leġiżlazzjoni Ingliża fl-Artikolu 47(7)(b) tal-PCR 2006, tikkunsidrax biżżejjed ir-regoli Komunitarji. F’dan ir-rigward il-qorti tar-rinviju titlob spjegazzjonijiet fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ aspetti li ġejjin:
– jekk jistax jiġi stabbilit li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors jibda jiddekorri mill-mument tal-ksur tar-regoli dwar l-għoti tal-kuntratti pubbliċi jew inkella għandux jibda jiddekorri mill-mument meta r-rikorrent sar jaf jew kellu jkun jaf b’dak il-ksur (l-ewwel domanda),
– jekk azzjoni magħmula fil-kuntest ta’ proċedura ta’ reviżjoni tistax tiġi miċħuda meta ma tinbediex “malajr kemm jista’ jkun” (l-ewwel parti tat-tieni domanda), u
– kif għandha l-qorti teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha fir-rigward tal-għoti eventwali ta’ proroga tat-terminu (it-tieni parti tat-tieni domanda).
23. Mir-risposta għad-domandi msemmija iktar ’il fuq jiddependi jekk il-qorti tar-rinviju għandhiex tikkunsidra r-rikors ippreżentat minn Uniplex fil-kuntest tal-kawża prinċipali bħala ppreżentat fit-terminu skont l-Artikolu 47(7)(b) tal-PCR 2006.
24. Iktar ’il quddiem ser neżamina, qabelxejn, l-ewwel domanda (il-parti A) u t-tieni parti tat-tieni domanda (il-parti B), li huma relatati mill-qrib, biex imbagħad ngħaddi għall-ewwel parti tat-tieni domanda (il-parti C).
25. Kuntrarjament għal dak li sostnew fis-seduta l-NHS, ir-Renju Unit u l-Irlanda, ma jistax ikun deċiżiv għal risposta għal dawn id-domandi li dispożizzjoni bħar-Regolament 47(7)(b) tal-PCR 2006 tirrifletti tradizzjoni twila fl-Istat Membru kkonċernat.
26. Huwa veru li fl-interpretazzjoni tar-regoli tad-dritt Komunitarju wieħed dejjem għandu jevalwa jekk dawn jistgħux jidħlu fil-kuntest leġiżlattiv nazzjonali biex dan jiġi rrispettat kemm jista’ jkun. Iżda jibqa’ kompitu ewlieni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiżgura l-osservanza tad-dritt fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 220 KE) u, f’kollaborazzjoni mal-qrati nazzjonali, tara li d-drittijiet tal-individwi, kif irrikonoxxuti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, jistgħu jiġu eżerċitati b’mod effikaċi.
A – Fuq ir-rilevanza li wieħed ikun jaf bil-ksur tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għall-finijiet ta’ meta jibda jiddekorri t-terminu għall-preżentata ta’ rikors (l-ewwel domanda)
27. Bl-ewwel domanda l-qorti tar-rinviju essenzjalment qed tistaqsi jekk jistax jibda jiddekorri t-terminu biex titressaq azzjoni fil-kuntest ta’ proċedura ta’ reviżjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi mill-mument tal-ksur ta’ dawk ir-regoli jew, minflok, għandux ikun hemm riferiment għall-mument meta r-rikorrenti jkun sar jaf jew kellu jkun jaf bil-ksur tagħha.
28. L-opinjonijiet tal-partijiet fuq dan il-punt huma diverġenti: Uniplex, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni jikkunsidraw li, fi kwalunkwe każ, fir-rigward tar-rimedji legali li ma jaffettwawx il-validità tal-kuntratti, it-terminu ta’ dekadenza ma jistax jibda jiddekorri qabel il-mument meta r-rikorrent sar jaf jew kellu jkun jaf bil-ksur allegat tar-regoli dwar l-għoti tal-kuntratti pubbliċi. Iżda l-NHS, il-Gvern tar-Renju Unit u l-Gvern tar-Repubblika tal-Irlanda jsostnu bil-qawwa l-argument li mhux possibbli li l-mument meta jibda jiddekorri t-terminu ta’ kontestazzjoni jiġi suġġett għall-fatt jekk ir-rikorrent kienx jaf jew setax kien jaf bil-ksur tar-regoli tal-kuntratti; għandha titqies bħala suffiċjenti l-possibbiltà mogħtija lill-qorti nazzjonali li tipproroga t-terminu fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha.
29. Dan l-aħħar argument huwa rifless fil-prattika li tiġi segwita kemm mill-Qrati Ingliżi (16) kif ukoll minn dawk Irlandiżi (17). Skont il-ġurisprudenza tagħhom, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku taħt l-Artikolu 47(7)(b) tal-PCR 2006 (18) jibda jiddekorri indipendentement mill-fatt li l-offerent jew il-kandidat ikkonċernat kien jaf jew kellux ikun jaf bil-ksur ikkontestat tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Il-fatt li rikorrent ma jkunx jaf bil-ksur jista’ jkun rilevanti l-iktar għall-finijiet tal-konċessjoni ta’ proroga tat-terminu u għalhekk huwa wieħed mid-diversi elementi li l-qorti nazzjonali għandha tikkunsidra fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li tingħatalha(19).
30. Fid-dawl ta’ dan l-orjentament prevalenti tal-qrati Ingliżi (20), hawnhekk għandu jiġi evalwat jekk huwiex kompatibbli mar-rekwiżiti tad-dritt Komunitarju li terminu għall-preżentata ta’ rikors bħal dak taħt l-Artikolu 47(7)(b) tal-PCR 2006 jibda jiddekorri indipendentement mill-fatt jekk ir-rikorrent kienx jaf jew setax kien jaf bil-ksur tar-regoli dwar l-għoti tal-kuntratti pubbliċi.
31. L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 jimponi li d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kontraenti għandhom “jiġu riveduti effettivament, u b’mod partikolari, malajr kemm jista’ jkun” biex jiġi vverifikat jekk inkisrux id-dispożizzjonijiet dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Għalhekk insibu kemm il-prinċipju ta’ effettività (“effettivament”) kif ukoll il-ħtieġa ta’ għaġla (“malajr kemm jista’ jkun”). Madankollu l-ebda rekwiżit minn dawn ma jista’ jipprevali fuq l-ieħor (21). Għalhekk għandu jkun hemm kompromess ekwu bejn iż-żewġ ħtiġijiet differenti, u dan għandu jiġi evalwat fid-dawl tat-tip u l-konsegwenzi tar-rimedju legali partikolari u d-drittijiet ikkontestati u l-interessi tal-partijiet kollha involuti.
32. Fil-konklużjonijiet li jiena ppreżentajt fil-kuntest tal-kawża Pressetext Nachrichtenagentur ipproponejt soluzzjoni bbażata fuq id-distinzjoni bejn il-ħarsien tad-dritt primarju u l-ħarsien tad-dritt sekondarju (22).
– Id-distinzjoni bejn il-ħarsien tad-dritt primarju u l-ħarsien tad-dritt sekondarju
33. Fil-każ li r-rimedju legali jkollu l-iskop li jiġi ddikjarat invalidu kuntratt konkluż diġà mal-offerent magħżul (ħarsien tad-dritt primarju), terminu ta’ dekadenza assolut relattivament qasir għandu jiġi kkunsidrat bħala raġonevoli. Il-konsegwenzi legali partikolarment gravi tal-invalidità ta’ kuntratt konkluż diġà fil-fatt jiġġustifikaw li jkun hemm terminu li jibda jiddekorri indipendentement mill-fatt li r-rikorrent kien jaf, jew tal-anqas kellux ikun jaf bl-illegalità tal-għoti tal-kuntratt abbażi tar-regoli dwar il-kuntratti pubbliċi. Fil-fatt, kemm fuq l-awtorità kontraenti kif ukoll fuq l-kontroparti kuntrattwali, hemm ħtieġa ċara, li għandha tiġi mħarsa, ta’ ċertezza legali fir-rigward tal-validità tal-kuntratt konkluż (23). Ir-rekwiżit li l-proċedura ssir “malajr kemm jista’ jkun” skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 għalhekk għandu rwol partikolarment importanti fil-kuntest tal-ħarsien tad-dritt primarju.
34. Iżda s-sitwazzjoni hija differenti fil-każ li r-rimedju legali għandu l-iskop biss li jiġi ddikjarat li hemm ksur tar-regoli dwar l-għoti tal-kuntratti pubbliċi u eventwalment li jirrikonoxxi kumpens għad-danni (ħarsien tad-dritt sekondarju). Rimedju bħal dan ma jaffettwax kuntratt konkluż diġà ma’ awtorità kontraenti. Il-ħtiġijiet tal-kontraenti ta’ ċertezza fl-ippjanar u l-interess f’eżekuzzjoni mgħaġġla tal-kuntratt pubbliku bl-ebda mod ma jintlaqtu ħażin. Għal din ir-raġuni ma hemmx għalfejn li din il-proċedura intiża biex tikseb il-ħarsien ta’ dritt sekondarju tiġi suġġetta għal terminu ta’ dekadenza iebes bħal fil-każ fejn ikun irid jitħares id-dritt primarju. Għall-kuntrarju, il-ħtieġa li tiġi ggarantita proċedura effiċjenti, imposta fuq l-Istati Membri fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665, iġġiegħel lil wieħed ixaqleb lejn kunsiderazzjoni iktar attenta tal-interessi ta’ ħarsien tal-offerent jew kandidat eskluż u għall-konċessjoni ta’ termini itwal li jibdew jiddekorru biss mill-mument meta l-persuna kkonċernata saret taf jew kellha tkun taf bil-ksur irrapportat tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi (24).
35. Għall-kuntrarju ta’ dak li qalu l-NHS u l-Gvern tar-Renju Unit, din id-distinzjoni bejn il-ħarsien tad-dritt primarju u tad-dritt sekondarju ma ġġibx “nuqqas ta’ trasparenza” jew “inċertezza tad-dritt”. Lanqas ma hija rilevanti biss għal ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża Pressetext Nachrichtenagentur, fejn l-awtorità kontraenti kienet għażlet “għoti dirett” li ma ġiex ippreċedut b’pubblikazzjoni ta’ sejħa għall-offerti.
36. Iżda d-distinzjoni bejn ħarsien tad-dritt primarju u ħarsien tad-dritt sekondarju għandha validità ġenerali. Hija tippermetti li jintlaħaq bilanċ ġust bejn proċedura “effiċjenti” u “malajr kemm jista’ jkun” u hija riflessa fl-istess Direttiva 89/665. Fil-verżjoni oriġinali ta’ dik id-direttiva diġà kien hemm, fl-Artikolu 2(1)(b)(c), distinzjoni bejn l-annullament ta’ deċiżjonijiet illegali, minn naħa, u r-rikonoxximent ta’ kumpens għad-danni, min-naħa l-oħra Għall-futur, din id-distinzjoni bejn il-ħarsien tad-dritt primarju u l-ħarsien tad-dritt sekondarju ser tkun iktar ċara fid-dawl tal-Artikoli 2(d), 2(e) u 2(f) tad-Direttiva 89/665 kif emendata bid-Direttiva 2007/66 u speċjalment b’riferiment għat-termini ta’ dekadenza(25).
37. Dan il-każ ma jirriferix għall-ħarsien tad-dritt primarju imma unikament għall-ħarsien tad-dritt sekondarju. Dan il-fatt joħroġ b’ċarezza partikolari mill-qari tas-sentenza introduttiva tad-domandi preliminari li għamlet il-High Court fejn isir riferiment biss għad-dikjarazzjoni tal-ksur tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u għar-rikonoxximent tal-kumpens għad-danni. Għalhekk, it-talba għal deċiżjoni preliminari inkwistjoni tidħol f’dan il-kuntest (26).
38. Għal din ir-raġuni, ma hemm l-ebda motiv biex għat-talbiet ta’ Uniplex jiġu applikati, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, l-istess termini ta’ dekadenza stretti li kienu japplikaw fil-każ li jintalab l-annullament ta’ kuntratt jew il-kundanna tal-awtorità kontraenti biex tagħmel il-kuntratt.
– It-terminu jibda jiddekorri mill-mument meta r-rikorrent kien jaf jew “kellu jkun jaf” bil-ksur tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi
39. Il-prinċipju ta’ effettività, kif imfisser fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665, jimponi li t-terminu tad-dekadenza għall-proċeduri għall-kumpens għad-danni u l-azzjonijiet intiżi biex jiksbu dikjarazzjoni ta’ ksur tar-regoli dwar kuntratti pubbliċi jibda jiddekorri biss mill-mument meta r-rikorrent sar jaf jew kellu jkun jaf bil-ksur allegat tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi (27).
40. F’dan is-sens esprimiet ruħha wkoll il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Universale-Bau et (28): ir-raġuni wara r-regoli li jirregolaw it-termini li jkollhom effett ta’ dekadenza tiġi individwata mill-Qorti tal-Ġustizzja bl-għan li d-deċiżjonijiet illegali tal-awtorità kontraenti, mill-mument li jsiru magħrufin mill-persuni kkonċernat (29), jiġu rrappurtati u korretti malajr kemm jista’ jkun (30).
41. Naturalment hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina l-mument meta l-persuna ikkonċernata saret taf jew messha kienet taf bil-ksur allegat tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi (31). Madankollu, sabiex din tal-aħħar tingħata risposta utli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fi spirtu ta’ kooperazzjoni mal-qrati nazzjonali, tipprovdilha l-indikazzjonijiet kollha li tqis li huma neċessarji (32).
42. Is-sempliċi fatt li l-offerent jew il-kandidat sar jaf bin-nuqqas li l-offerta tiegħu ġiet milqugħa, waħdu, ma jippermettilux li jkun jaf bi ksur eventwali tar-regoli dwar il-kuntratti pubbliċi. Isegwi għalhekk li minn din il-ġrajja waħidha ma jistax jibda jiddekorri t-terminu biex jintalab rimedju legali għall-ħarsien tad-dritt sekondarju. Kif osservat b’mod korrett Uniplex, l-offerent jew il-kandidat eskluż ma jistax jibbaża r-rikors tiegħu fuq is-sempliċi fatt li l-offerta tiegħu ma ġietx milqugħa.
43. Huwa biss fil-mument meta l-offerent jew il-kandidat eskluż isir jaf bir-raġunijiet sostanzjali li waslu għan-nuqqas tal-għoti tal-kuntratt li wieħed jista’ jgħid, b’mod ġenerali, li huwa sar jaf jew kellu jkun jaf bil-ksur allegat tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi (33). Huwa biss minn dak il-mument li huwa jista’ jipprepara b’mod komplet eventwali rikors u jevalwa l-probabbiltà ta’ eżitu pożittiv tiegħu(34). Għall-kuntrarju qabel ma jkun jaf b’dawk il-motivazzjonijiet, ġeneralment ma jkunx jista’ juża d-dritt tiegħu li jibda proċedura(35).
44. F’dan is-sens id-Direttiva 2004/18 bħalissa diġà timponi fuq l-awtoritajiet kontraenti, fl-Artikolu 41 (1) u (2), l-obbligu li jgħarrfu lill-offerenti jew lill-kandidati esklużi bir-raġunijiet għar-rifjut tal-offerta tagħhom. Għall-futur, l-Artikolu 2(c) tad-Direttiva 89/665, introdott bid-Direttiva 2007/66, jistabbilixxi li l-komunikazzjoni tad-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti lil kull wieħed mill-offerenti jew kandidati għandha tkun akkumpanjata b’rapport fil-qosor tar-raġunijiet rilevanti u li t-termini ta’ dekadenza eventwali stabbiliti għall-preżentata ta’ rikors jistgħu jibdew jiddekorru biss wara ċertu numru ta’ jiem skont il-kalendarju minn dik il-komunikazzjoni.
45. Għal raġunijiet ta’ kompletezza, jeħtieġ jitfakkar li meta jibda jiddekorri t-terminu biex ssir azzjoni għall-kumpens għad-danni dan ma għandux jiġi subordinat għall-fatt li r-rikorrent kienx jew kellux ikun jaf bid-dannu li ġie kkawżat lilu (36). Id-danni konnessi mal-ksur ta’ obbligu kultant isiru magħrufa biss wara ċertu żmien. Li wieħed joqgħod jistenna sal-mument meta d-danni jistgħu jiġu kkunsidrati magħrufa jikkuntrasta mal-prinċipju ta’ proċedura “malajr kemm jista’ jkun” stabbilit fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665. Għall-kuntrarju, għandha tiġi rikonoxxuta l-possibbiltà, jekk hemm bżonn, lill-offerent jew kandidat ikkonċernat, li jagħmel azzjoni biex jikseb dikjarazzjoni tal-ksur tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, bir-riżerva li jiġu kkwantifikati u sostnuti d-danni subiti fil-kuntest ta’ proċedura suċċessiva għall-kumpens għad-danni.
Fuq is-setgħa diskrezzjonali tal-qorti nazzjonali li tagħti proroga tat-terminu
46. L-NHS, ir-Renju Unit u l-Irlanda jeċċepixxu li protezzjoni ġudizzjarja effettiva ma teħtieġx neċessarjament li t-termini ta’ dekadenza stabbiliti għar-rimedji legali fil-kuntest tal-proċeduri ta’ reviżjoni jistgħu jiddekorru biss mill-mument meta l-offerent jew il-kandidat isir jaf jew kellu jsir jaf bl-allegat ksur tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Regoli bħal dawk fl-Artikolu 47(7)(b) tal-PCR 2006 joffru, fil-fehma tagħhom, protezzjoni ġudizzjarja effettiva, filwaqt li jiġi rrikonoxxut li l-qorti nazzjonali għandha setgħa diskrezzjonali li tipproroga t-terminu għall-preżentata ta’ rikors.
47. Dan l-argument ma jidhirx li huwa konvinċenti.
48. Fid-dawl tal-qari flimkien tal-Artikolu 1(1) u (3) tad-Direttiva 89/665 għandu jiġi ggarantit, għal min għandu jew kellu interess għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku u li kien jew jirriskja li jkun milqut minħabba ksur irrapportat, dritt suġġettiv li jibda proċedura kontra deċiżjoni tal-awtorità kontraenti (37). Kif diġà għedt fil-kawża eżaminata parallelament Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, l-eżerċizzju effettiv ta’ dan id-dritt ma jistax jitħalla fis-setgħa diskrezzjonali ta’ korp nazzjonali, anki jekk dan ikun qorti indipendenti (38).
49. L-Artikolu 47(7)(b) tal-PCR 2006 ma jipprovdi lill-qorti nazzjonali l-ebda kriterju għall-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha li tagħti eventwalment proroga tat-terminu. Fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-partijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet qablu li l-fatt li r-rikorrent ma kienx jaf bi ksur tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi jirrappreżenta biss wieħed mid-diversi elementi li għandha tevalwa l-qorti nazzjonali. Għalhekk isegwi li n-nuqqas ta’ dan l-għarfien jista’, imma mhux neċessarjament iwassal għall-għoti ta’ proroga tat-terminu. Minbarra dan, kif innotat l-Irlanda, il-qorti nazzjonali tista’ tillimita l-proroga eventwali għal uħud mill-ilmenti u tirrifjutahom fil-konfront ta’ oħrajn, biex b’hekk il-proċedura tal-offerent u tal-kandidat eskluż tkun tista’ tiġi ddikjarata ammissibbli parzjalment biss.
50. B’dan il-mod ma huwiex possibbli għall-persuna kkonċernata li tevalwa, f’każ individwali, kemm għandu jintalab rimedju legali jew le. Sitwazzjoni regolatorja bħal din tista’ tiskoraġġixxi l-eżerċizzju tad-dritt li ssir proċedura kontra d-deċiżjonijiet tal-awtorità kontraenti min-naħa tal-offerrent jew tal-kandidat eskluż, iktar u iktar jekk ikun ġej minn Stat Membru ieħor. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-għan li tiġi ggarantita proċedura ta’ reviżjoni effettiva, kif jistabbilixxi l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 ma jkunx jista’ jintlaħaq b’ċertezza.
Problemi prattiċi fid-determinazzjoni jekk rikorrent “jafx” jew “kellux ikun jaf”
51. L-NHS u r-Renju Unit isostnu wkoll li jekk t-terminu ta’ dekadenza jibda jiddekorri mill-jum meta l-offerent jew il-kandidat eskluż ikun sar jaf jew kellu jkun jaf bil-ksur allegat tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, dan iwassal għal problemi prattiċi gravi. Pereżempju ma jkunx faċli li wieħed jiġġudika għal liema ħaġa konkretament qed jirreferi dak l-għarfien jew meta nkiseb jew minn meta għandu jiġi preżunt.
52. Fuq dan il-punt biżżejjed li jiġi kkunsidrat li l-istess problemi prattiċi jinqalgħu anki meta l-qorti, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha rigward l-għoti ta’ proroga eventwali tat-terminu, tintalab tevalwa meta r-rikorrent sar jaf jew kellu jkun jaf bil-ksur li jkun ikkontesta tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Regola bħal dik fl-Artikolu 47(7)(b) tal-PCR 2007 ma tippermetti bl-ebda mod li jiġu evitati problemi prattiċi, imma sempliċiment tikkunsidrahom minn lat differenti.
– Fuq l-effett deterrenti tal-azzjoni għall-kumpens għad-danni
53. L-Irlanda teċċepixxi wkoll li meta jiġu stabbiliti termini wesgħin wisq biex tista’ ssir azzjoni għall-kumpens għad-danni jista’ jkollhom effett ta’ deterrent fil-konfront tal-awtoritajiet kontraenti (’l hekk imsejjaħ “chilling effect”) u jwasslu għal dewmien li jinħass fil-proċeduri tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi. Ma’ dan l-argument assoċjaw ruħhom, fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, anki l-NHS u r-Renju Unit.
54. Iżda anki din l-affermazzjoni ma tidhirx li hija konvinċenti.
55. Ma hemmx dubju li l-eżitu pożittiv eventwali ta’ azzjonijiet għall-kumpens min-naħa ta’ offerenti jew kandidati esklużi jwassal għal piż finanzjarju sinjifikattiv fuq l-awtorità kontraenti. Iżda din tal-aħħar għandha tassumi dan ir-riskju jekk għandha l-intenzjoni li tiggarantixxi protezzjoni ġudizzjarja effettiva fil-kuntest tal-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Dan it-tentattiv li jitnaqqsu għall-minimu r-riskji finanzjarji li jirriżultaw għall-awtoritajiet kontraenti jispiċċa biex invarjabbilment jippreġudika l-effettività tal-protezzjoni ġudizzjarja.
56. Approċċ restrittiv iżżejjed tar-rekwiżiti għall-kisba tal-ħarsien tad-dritt sekondarju fil-fatt jipperikola li jintlaħqu l-għanijiet tal-istess proċedura. Fil-fatt wieħed minn dawn l-għanijiet huwa l-garanzija tal-protezzjoni ġudizzjarja għall-offerenti u kandidati kkonċernati. Il-proċeduri għandu jkollhom pjuttost effett regolatorju fil-konfront tal-awtoritajiet kontraenti, billi għandhom l-għan li jiggarantixxu r-rispett tar-regoli Komunitarji dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi – partikolarment ir-rekwiżit ta’ trasparenza u tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni – kif ukoll sabiex jiġi ppenalizzat ksur eventwali.
57. Sempliċiment bħala osservazzjoni jingħad li lanqas regola fuq it-termini għall-preżentata ta’ rikors bħal dik fl-Artikolu 47(7)(b) tal-PCR 2006 ma tippermetti li effett deterrent bħal dan jiġi eskluż. Dan billi, kif intqal diġà, dik ir-regola tirrikonoxxi li l-qorti għandha setgħa diskrezzjonali li tagħti proroga tat-termini favur offerent jew kandidat eskluż, partikolarment jekk dan qabel ma kienx jaf bil-ksur allegat tar-regoli dwar l-għoti tal-kuntratti pubbliċi. Il-possibbiltà li jiġu estiżi t-termini jfisser għalhekk li l-awtorità kontraenti tista’ tibqa’ esposta għal talbiet ta’ kumpens għad-danni għal żmien twil wara l-konklużjoni tal-kuntratt mal-offerenti jew kandidati magħżula. Minħabba l-imprevedibbiltà tal-evalwazzjoni diskrezzjonali tal-qorti, ir-riskji għall-awtorità kontraenti jidhru, fl-applikazzjoni tal-Artikolu 47(7)(b) tal-PCR 2006 li inqas jistgħu jiġu kkalkulati pparagunat ma’ dak li jiġri b’regoli li fihom it-terminu ta’ dekadenza jibda jiddekorri hekk kif il-persuna kkonċernata saret taf jew kellha tkun taf bil-ksur allegat tar-regoli fl-għoti tal-kuntratti pubbliċi.
B – Fuq is-setgħa diskrezzjonali tal-qorti nazzjonali li tagħti proroga tat-terminu (it-tieni parti tat-tieni domanda preliminari)
58. It-tieni parti tat-tieni domanda hija marbuta mill-qrib mal-ewwel domanda. Il-qorti tar-rinviju sostanzjalment tistaqsi liema passi għandha tieħu fil-każ li l-offerent jew kandidat eskluż ma jkunx jaf inizjalment bil-ksur allegat tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, u lanqas ma kien f’pożizzjoni li jkun jaf dwaru, u għal dik ir-raġuni ma setax jibda proċedura fit-terminu ta’ tliet xhur stabbilit fl-Artikolu 47(7)(b) tal-PCR 2006.
59. Skont ġurisprudenza stabbilita, il-qrati tal-Istati Membri huma obbligati li jinterpretaw u japplikaw id-dritt nazzjonali b’mod li jikkonforma mad-direttivi(39). B’riferiment speċifiku għall-proċeduri ta’ reviżjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, dawn huma obbligati li jinterpretaw ir-regoli nazzjonali li jistabbilixxu termini ta’ dekadenza b’mod li tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ effettività li jirriżulta mid-Direttiva 89/665(40).
60. Kif urejt diġà fir-rigward tal-ewwel domanda(41), it-termini ta’ dekadenza stabbiliti għal azzjonijiet intiżi għad-dikjarazzjoni ta’ ksur u għal azzjonijiet għall-kumpens inerenti f’kuntratti pubbliċi jistgħu jibdew jiddekorru biss mill-mument meta r-rikorrent sar jaf jew kellu jkun jaf bil-ksur allegat tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Għalhekk il-qorti tar-rinviju għandha tagħmel milli tista’ fil-limiti tal-kompetenza tagħha biex tasal għal soluzzjoni bħal din (42).
61. Għalhekk il-qorti tar-rinviju hija obbligata l-ewwel nett, li tapplika t-terminu taħt l-Artikolu 47(7)(b) tal-PCR 2006 b’mod li jikkonforma mad-direttivi, biex b’hekk jiġi ggarantit li – fil-każ ta’ azzjonijiet dikjaratorji jew kumpensatorji – it-terminu ma jibdiex jiddekorri sa mill-mument meta jkun seħħ il-ksur tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, imma biss mill-mument meta r-rikorrent ikun sar jaf jew kellu jkun jaf b’dak il-ksur.
62. Meta ma jkunx possibbli li jiġi interpretat f’dan is-sens l-Artikolu 47(7)(b) tal-PCR 2006, il-qorti tar-rinviju, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li hija rikonoxxuta fil-konfront tagħha fir-rigward tal-proroga tat-terminu, għandha, subordinatament, issib soluzzjoni li tikkonforma mad-direttiva. L-għan ta’ proċedura effettiva stabbilita fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 jispiċċa biex “ixejjen” is-setgħa diskrezzjonali tal-qorti nazzjonali. Għalhekk din tkun obbligata li tagħti lir-rikorrent bħal Uniplex proroga tat-terminu.
63. It-tul ta’ din l-proroga għandu jkun tali li tal-anqas jippermetti lir-rikorrent li jkollu, mill-mument minn meta sar jaf jew kellu jkun jaf bil-ksur allegat tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, terminu ta’ tliet xhur stabbilit fl-Artikolu 47(7)(b) tal-PCR 2006 għall-preparazzjoni u l-preżentata tal-proċedura tiegħu. Il-qorti nazzjonali hija mbagħad libera li tagħti, fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u wara li jiġu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi tal-każ speċifiku, proroga ikbar, jekk tqis li dan huwa meħtieġ biex tinstab soluzzjoni ekwa.
C – Fuq il-ħtieġa li l-proċedura tinbeda malajr kemm jista’ jkun (l-ewwel parti tat-tieni domanda preliminari)
64. Fl-ewwel parti tat-tieni domanda l-qorti tar-rinviju essenzjalment qed tistaqsi jekk fil-kuntest ta’ azzjoni tistax tiġi miċħuda proċedura bħala inammissibbli, meta din ma tkunx saret “malajr kemm jista’ jkun” (bl-Ingliż “promptly”).
65. Abbażi tar-regola fuq it-termini għall-preżentata ta’ rikors stabbilita fl-Artikolu 47(7)(b) tal-PCR 2006, proċedura hija ammessa biss meta tiġi ppreżentata “malajr kemm jista’ jkun, u fi kwalunkwe każ fi żmien 3 xhur mid-data meta jkunu ħarġu r-raġunijiet għall-azzjoni”. Il-ħtieġa li tiġi attivata l-proċedura malajr kemm jista’ jkun evidentement tippermetti lill-qorti Ingliża li tiċħad fid-diskrezzjoni tagħha, għaliex ikunu inammissibbli, anki proċeduri li jsiru qabel ma jiddekorri t-terminu ta’ tliet xhur. Fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-partijiet tal-kawża prinċipali u l-Gvern tar-Renju Unit (43) qablu flimkien f’dikjarazzjoni li fil-prattika l-qrati Ingliżi effettivament jużaw il-possibbiltà li proċedura tiġi ddikjarata inammissibbli għaliex ma tkunx ġiet ippreżentata “malajr kemm jista’ jkun” (“lack of promptness”) (44).
66. L-applikazzjoni ta’ terminu ta’ dekadenza madankollu ma tistax twassal biex tiġi miċħuda l-prattika effiċjenti tal-eżerċizzju tad-dritt li tiġi proposta proċedura kontra deċiżjoni dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi (45).
67. L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 jimponi li d-deċiżjonijiet li jieħdu l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jkunu s-suġġett ta’ proċeduri ta’ reviżjoni li jsiru “effettivament, u b’mod partikolari, malajr kemm jista’ jkun” fil-każ ta’ ksur tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Kif urejt f’iktar dettall fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża C‑456/08, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (46), l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu qafas leġiżlattiv ċar fis-settur ikkonċernat biex jilħqu dak l-għan li għamlet id-Direttiva. Huma obbligati joħolqu sitwazzjoni legali preċiża, ċara u komprensibbli biżżejjed li tippermetti lill-individwi li jirrikonoxxu d-drittijiet u d-doveri tagħhom.
68. Fl-każ ta’ dispożizzjoni rigward t-termini għall-preżentata ta’ rikors, bħall-Artikolu 47(7)(b) tal-PCR 2006, il-ħtieġa ta’ ċarezza, ċertezza u prevedibbiltà hija partikolarment rilevanti. In-nuqqas ta’ ċarezza fir-rigward tat-termini fis-seħħ jista’ fil-fatt ikollu konsegwenzi negattivi u ta’ entità kunsiderevoli għall-individwi u għall-impriżi minħabba l-effetti ta’ dekadenza li jista’ jkun hemm.
69. Ma humiex prevedibbli l-effetti ta’ terminu ta’ dekadenza bħal dak fl-Artikolu 47(7)(b) tal-PCR 2006, li t-tul tiegħu jitħalla fid-diskrezzjoni tal-qorti bis-saħħa tal-kriterju tal-preżentata “malajr kemm jista’ jkun”. L-offerenti u l-kandidati kkonċernati jkunu qegħdin fi stat ta’ inċertezza dwar iż-żmien għad-dispożizzjoni tagħhom biex jiġi ppreparat b’mod komplet ir-rikors u ma humiex f’pożizzjoni li jevalwaw korrettament il-marġini ta’ eżitu pożittiv ta’ rimedju bħal dak. Għalhekk ma jintlaħaqx l-għan stabbilit fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 li tiġi ggarantita proċedura effettiva għal dak li jirrigwarda d-deċiżjonijiet meħudin mill-awtorità kontraenti (47).
70. Konsegwentement, l-qrati nazzjonali ma jistgħux jiddikjaraw inammissibbli għaliex “mhux ippreżentat malajr kemm jista’ jkun” rikors ippreżentat fit-terminu ta’ tliet xhur stabbilit fl-Artikolu 47(7)(b) tal-PCR 2006. Fil-fatt huma obbligati li jinterpretaw u japplikaw ir-regoli tad-dritt nazzjonali f’konformità mad-direttivi (48). B’riferiment speċifiku għall-proċeduri dwar għoti ta’ kuntratti pubbliċi, huma għandhom jinterpretaw kemm jista’ jkun possibbli – kif intqal diġà – id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu terminu ta’ dekadenza b’mod tali li tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ effettività stabbilit mid-Direttiva 89/665 (49).
71. F’dan ir-rigward nixtieq nosserva li l-kriterju “malajr kemm jista’ jkun” ma għandux neċessarjament jinftiehem bħala terminu ta’ dekadenza awtonomu. Meta regola tassoċja ma’ indikazzjoni preċiża ta’ żmien imfissra f’jiem, ġimgħat, xhur jew snin l-espressjoni “malajr kemm jista’ jkun” jew waħda bħalha b’kontenut analogu, dan ir-riferiment jista’ jiġi interpretat anki fis-sens li jesprimi l-ħtieġa ta’ għaġla tal-proċedura u biex min jagħmel it-talba jew ir-rikorrent, fl-interess tiegħu stess, ikollu l-oneru li jieħu, kemm jista’ jkun malajr, il-passi meħtieġa għall-ħarsien bl-aħjar mod tad-drittijiet tiegħu (50).
72. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika jekk l-espressjoni “malajr kemm jista’ jkun” taħt l-Artikolu 47(7)(b) tal-PCR 2006 tistax tiġi interpretata mhux bħala kundizzjoni awtonoma ta’ ammissibbiltà imma bħala sempliċi riferiment għal-ħtiġijiet ta’ għaġla.
73. Fil-każ meta ma jkunx possibbli, b’dan il-mod, li wieħed jasal għal interpretazzjoni li tikkonforma mad-Direttiva tal-Artikolu 47(7)(b), tal-PCR 2006 il-qorti nazzjonali hija obbligata tapplika r-regoli Komunitarji kollha kemm huma u tħares id-drittijiet li din tirrikonoxxi lill-individwi, jekk jeħtieġ, billi ma tapplikax dawk ir-regoli li l-applikazzjoni tagħhom, fil-każ konkret, twassal għal riżultat kuntrarju għad-dritt Komunitarju (51).
VI – Konklużjoni
74. Fid-dawl tal-osservazzjonijiet li saru iktar ’il fuq, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi d-domandi preliminari li saru mill-High Court of Justice kif ġej:
“1) L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/655/KEE jimponi li t-terminu tad-dekadenza biex isiru proċeduri intiżi sabiex jiġi ddikjarat il-ksur tar-regoli dwar l-għoti ta’ xogħlijiet pubbliċi u biex jitressqu azzjonijiet għall-kumpens għad-danni jibda jiddekorri biss mill-mument meta r-rikorrent sar jaf jew kellu jkun jaf bl-allegat ksur tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.
2) L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665/KEE jipprekludi regoli li jirrigwardaw it-termini għall-preżentata ta’ rikors li jippermettu lill-qorti nazzjonali, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, li tiċħad bħala inammissibbli l-proċeduri intiżi sabiex jiddikjaraw ksur tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi kif ukoll azzjonijiet għall-kumpens għad-danni billi jsir riferiment għall-ħtieġa li rikors jiġi ppreżentat malajr kemm jista’ jkun.
3) Il-qorti nazzjonali hija obbligata li tagħmel mill-aħjar, fil-limiti tal-kompetenzi tagħha, sabiex tikseb riżultat kompatibbli mal-għan tad-Direttiva 89/665/KEE. Meta riżultat bħal dan ma jkunx jista’ jinkiseb permezz ta’ interpretazzjoni u applikazzjoni konformi mad-direttiva tar-regoli li jirrigwardaw it-termini għall-preżentata ta’ rikors, il-qorti nazzjonali hija obbligata li ma tapplikax dawn ir-regoli.”