Language of document :

Rikors ippreżentat fl-4 ta' Ottubru 2011 - Melkveebedrijf Overenk et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-540/11)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Partijiet

Rikorrenti: Melkveebedrijf Overenk B.V. (Sint Anthonis, il-Pajjiżi l-Baxxi); Maatschap Veehouderij Kwakernaak (Oosterwolde, il-Pajjiżi l-Baxxi); Mulders Agro VOF (Heerle, il-Pajjiżi l-Baxxi); Melkbedrijf Engelen V.O.F. (Grashoek, il-Pajjiżi l-Baxxi), Melkveebedrijf de Peel B.V. (Asten, il-Pajjiżi l-Baxxi); u M. Moonen (Nederweert, il-Pajjiżi l-Baxxi) (rappreżentanti: P. Mazel u A. van Beelen, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitlobu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikkjara r-rikors ammissibbli;

prinċipalment, tilqa' r-rikors għad-danni skont l-Artikolu 340 TFUE u tiddikkjara li r-rikorrenti għandhom dritt għal kumpens finanzjarju fl-ammont tad-danni, kif indikat fl-Annessi 13 sa 18, li l-Kummissjoni għandha l-obbligu li tħallas minħabba d-dannu subit bħala konsegwenza tal-adozzjoni illegali u l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1468/2006 , tal-4 ta' Ottubru 2006, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 595/2004 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1788/2003 li jistabbilixxi levy fil-qasam tal-ħalib u l-prodotti mill-ħalib;

sussidjarjament, tilqa' r-rikors għad-danni skont l-Artikolu 340 TFUE u tikkonstata li r-rikorrenti għandhom dritt għal kumpens finanzjarju fl-ammont tad-danni, kif indikat fl-Annessi 13 sa 18, li l-Kummissjoni għandha l-obbligu li tħallas minħabba d-dannu subit bħala konsegwenza tal-adozzjoni illegali u l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1468/2006, tal-4 ta' Ottubru 2006, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 595/2004 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1788/2003 li jistabbilixxi levy fil-qasam tal-ħalib u l-prodotti mill-ħalib;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw erba' motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Kummissjoni minħabba aġir illegali, minħabba li dan imur kontra l-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, li jikkonsisti fi ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità. L-emendar tas-sistema ta' korrezzjoni negativa tax-xaħam fil-ħalib permezz tar-Regolament (KE) Nru 1468/2006 1 għad-dispożizzjonijiet ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1788/2003 kien sa mill-bidu inadegwat sabiex jikkontribwixxi għat-twettiq tal-għan tal-imsemmija regolamenti, jiġifieri, t-tnaqqis tal-iskwilibriju bejn l-offerta u t-talba fis-suq tal-ħalib u l-prodotti mill-ħalib u l-eċċessi strutturali li jirriżultaw minnu. Barra minn hekk, l-emenda inkwistjoni tattribwixxi responsabbiltà oneruża u sproporzjonata fuq ir-rikorrenti li tqiegħed f'periklu l-ġestjoni tal-impriża. F'dan ir-rigward, jeżisti ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità.

It-tieni motiv, ibbażat fuq ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Kummissjoni minħabba aġir illegali, minħabba li dan imur kontra l-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni bi ksur tad-dritt ta' proprjetà u tal-libertà tal-eżerċizzju tal-attivitajiet professjonali fis-sens tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Bl-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1468/2006 il-Kummissjoni kkunsidrat b'mod żbaljat li din il-leġiżlazzjoni kienet ibbażata fuq għan leġittimu ta' interess ġenerali, u għamlet ukoll kunsiderazzjoni żbaljata tal-interessi involuti, li għandu jiġi kkwalifikat bħala aġir illegali tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, id-dannu li sofrew ir-rikorrenti, u li għadhom iridu jsofru minħabba dan in-nuqqas, għandu jiġi kkumpensat.

It-tielet motiv, ibbażat fuq ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Kummissjoni minħabba aġir illegali dovut għal ksur tal-prinċipju ta' "égalité devant les charges publiques" (trattament ugwali fir-rigward tal-obbligi pubbliċi). Id-dannu li sofrew ir-rikorrenti u li għadhom iridu jsofru bħala konsegwenza tal-korrezzjoni negattiva tax-xaħam fil-ħalib, adottata bir-Regolament (KE) Nru 1468/2006, huwa fattwali u reali, u jaffettwa b'mod sproporzjonat lir-rikorrenti bħala kategorija speċjali ta' impriżi meta pparagunati ma' impriżi oħra fl-istess settur. Barra minn hekk dan id-dannu jissupera l-limiti tar-riskju ekonomiku marbut mal-attivitajiet fis-settur ikkonċernat mingħajr ma r-regolament li jemenda li huwa l-bażi tad-dannu ma huwa ġġustifikat minn interess ekonomiku ġenerali. Fid-dawl ta' dak li jippreċedi, l-Unjoni Ewropea, jew tal-inqas, il-Kummissjoni għandha tikkumpensa dan id-dannu, jew tal-inqas tikkumpensah raġonevolment.

Ir-raba' motiv, ibbażat fuq ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Kummissjoni minħabba aġir illegali, kuntrarjament għall-prinċipji fundamentali tad-dritt Komunitarju, li jikkonsisti fil-ksur tad-dritt ta' proprjetà u tal-libertà tal-eżerċizzju tal-attivitajiet professjonali fis-sens tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Fid-dawl tan-nuqqas ta' għan leġittimu ta' interess ġenerali għall-emendar tal-korrezzjoni tax-xaħam fil-ħalib, in-nuqqas ta' osservanza tar-rekwiżit "fair balance" (ekwilibriju ġust) fl-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1468/2006 u l-fatt li l-Kummissjoni ma pprovdietx f'dan ir-rigward għal kumpens adegwat għall-prevenzjoni jew għall-istabbiliment mill-ġdid tad-drittijiet tal-proprjetà tal-produtturi kkonċernati affettwati minn dan ir-regolament u d-dannu hekk ikkawżat, hemm preżunzjoni ta' responsabbiltà tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 340 TFUE għad-dannu li r-rikorrenti sofrew u li għadhom iridu jsofru, li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għal raġunijiet ta' kumpens.

____________

1 - Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1468/2006, tal-4 ta' Ottubru 2006, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 595/2004 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1788/2003 li jistabbilixxi levy fil-qasam tal-ħalib u l-prodotti mill-ħalib (ĠU L 338M, p. 526).