Language of document :

Rikors ippreżentat fl-14 ta' Ottubru 2011 - Ghreiwati vs Il-Kunsill

(Kawża T-543/11)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Emad Ghreiwati (Al Maliki, is-Sirja) (rappreżentant: P.-F. Gaborit, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni 2011/522/PESK, ir-Regolament (UE) Nru 878/2011, id-Deċiżjoni 2011/628/PESK u r-Regolament (UE) Nru 950/2011, tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, sa fejn dawn jikkonċernaw lil Emad Ghreiwati;

tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż kollha tal-istanza.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta' motivazzjoni u fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal rikors ġudizzjarju effettiv, sa fejn:

l-atti kkontestati, li jżidu isem ir-rikorrent mal-lista tal-persuni kkonċernati bil-miżuri restrittivi kontra s-Sirja, ma jurux il-motivazzjoni tal-miżura restrittiva meħuda kontrieh;

dawn id-deċiżjonjiet ma kinux ġew innotifikati, u

l-elementi meqjusa sabiex fuqhom jiġu bbażati l-miżuri restrittivi li jikkonċernaw lir-rikorrent għadhom qatt ma ġew ikkomunikati lilu minkejja talba indirizzata lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

It-tieni motiv ibbażat, sussidjarjament, fuq żball manifest ta' evalwazzjoni, sa fejn la l-kwalità tar-rikorrent bħala President tal-Kamra tal-Industrija ta' Damasku, u lanqas il-kwalità tiegħu bħala partner fil-kumpanija Zouheir Ghreiwati ma jippermettu li jiġi allegat kwalunkwe sostenn ekonomiku lir-reġim Sirjan.

____________