Language of document :

Rikors ippreżentat fis-6 ta' Ottubru 2011 - Alouminion vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-542/11)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Alouminion A.E. (Marusi, il-Greċja) (rappreżentanti: G. Dellis u N. Korogiannákis, avukati)

Konvenuta:    Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2011) 4916 finali, tat-13 ta' Lulju 2011, dwar l-għajnuna mill-Istat Nru C2/2010 (ex NN 62/2009) implementata mill-Greċja favur Alouminion tis Elladas A.E.;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan ir-rikors ir-rikorrenti titlob, abbażi tar-raba' paragrafu tal-Artikolu 263(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (iktar 'il quddiem: "TFUE"), l-annullament, bil-konsegwenzi li jinsabu fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C (2011) 4916 finali, tat-13 ta' Lulju 2011 bin-numru C2/2010 (ex NN 62/2009), dwar l-għoti ta' għajnuna mill-Istat lill-impriża Alouminion tis Ellados (iktar 'il quddiem id-"Deċiżjoni").

Insostenn tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi:

ksur tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 659/1999, u ksur tar-regoli dwar il-qsim tal-kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-qrati nazzjonali kif ukoll tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja. Il-Kummissjoni evalwat iċ-ċirkustanzi ta' fatt b'mod manifestament żbaljat, ħadet inkunsiderazzjoni elementi manifestament żbaljati u b'mod ċar wettqet żball ta' liġi meta kkwalifikat bħala "ġdida" l-allegata għajnuna. Il-miżura kkontestata ġiet adottata taħt l-istess skema [ta' għajnuna mill-Istat] bħal dik tal-allegata għajnuna eżistenti, filwaqt li d-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni ma hiijiex motivata biżżejjed;

ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE sa fejn il-Kummissjoni kkonstatat b'mod żbaljat l-eżistenza ta' vantaġġ, ma applikatx il-kriterju tal-imprenditur privat u ma eżaminatx il-kontribut tar-raġunijiet kummerċjali oġġettivi li jiġġustifikaw it-tariffa kuntrattwali tal-1960

ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn il-Kummissjoni kkonstatat b'mod żbaljat li l-għajnuna hija selettiva, minkejja l-obbligu tad-DEI (Dimosia Epichirisi Ilektrismu, entità nazzjonali tal-elettriku) li tistabbilixxi b'mod uniformi t-tariffi għal kategoriji ta' konsumaturi simili u b'mod differenti għal kategoriji ta' konsumaturi differenti, skont il-grad ta' differenzazzjoni ta' dawn tal-aħħar;

ksur tal-Artikolu 107(1)TFUE, sa fejn il-Kummissjoni kkonstatat b'mod żbaljat li l-kummerċ bejn l-Istati Membri huwa distort u affettwat, għalkemm ir-rikorrenti ma tikseb ebda vantaġġ fir-rigward tal-impriżi l-oħra tal-aluminju minħabba l-karatteristiċi uniformi tal-aluminju u l-avviż tal-prezzijiet iffissati fil-lista tal-Borża;

metodoloġija żbaljata fil-kalkolu tal-ammont tal-allegat vantaġġ;

ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni u

ksur tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi minħabba l-pożizzjoni preċedenti tal-Kummissjoni li skontha l-iffissar kuntrattwali tat-tariffi mid-DEI favur ir-rikorrenti ma kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat illegali, kif ukoll tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti.

____________