Language of document : ECLI:EU:T:2014:859

Kawża T‑542/11

Alouminion AE

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Għajnuna mill-Istat — Aluminium — Tariffa preferenzjali tal-elettriku mogħtija permezz ta’ kuntratt — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern — Rexissjoni ta’ kuntratt — Sospensjoni ġudizzjarja, fi proċeduri għal miżuri provviżorji, tal-effetti tar-rexissjoni ta’ kuntratt — Għajnuna ġdida”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tat-8 ta’ Ottubru 2014

Għajnuna mogħtija mill-Istati — Għajnuna eżistenti u għajnuna ġdida — Kunċett — Kuntratt, konkluż qabel l-adeżjoni tal-Istat ikkonċernat mal-Komunitajiet Ewropej, li jagħti tariffa preferenzjali tal-elettriku — Rexissjoni ta’ kuntratt — Digriet ta’ qorti nazzjonali li tkun qed tiddeċiedi fi proċeduri għal miżuri provviżorji li jissospendi l-effetti tar-rexissjoni ta’ kuntratt — Klassifikazzjoni bħala għajnuna ġdida — Assenza

(Artikolu 108(1) u (3) TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 1(b) u (ċ))

Bis-saħħa tal-Artikolu 108(3) TFUE, kull proġett ta’ għajnuna ġdida għandu jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni qabel ma jiġi implementat u li kull għajnuna ġdida mogħtija mingħajr awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni hija illegali.

Skont l-Artikolu 1(ċ) u (b) tar-Regolament Nru 659/1999, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 TFUE, għajnuna ġdida tfisser kull għajnuna, jiġifieri, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali, li m’hijiex għajnuna eżistenti, li jinkludu tibdil lill-għajnuna eżistenti” u għajnuna eżistenti tfisser għajnuna awtorizzata, li tfisser skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali li kienu awtorizzati mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Għandhom jitqiesu bħala għajnuna ġdida l-miżuri meħuda wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat li jagħtu jew ibiddlu għajnuna, indipendentement mill-fatt dwar jekk dawn il-bidliet jirrigwardawx għajnuna eżistenti.

F’dan ir-rigward, l-estensjoni ta’ għajnuna eżistenti toħloq għajnuna ġdida separata mill-għajnuna estiża u li l-bidla fit-tul tal-għajnuna eżistenti għandha titqies bħala għajnuna ġdida.

Madankollu, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108(1) u (3) TFUE, l-introduzzjoni ta’ għajnuna ġdida jew it-tibdil ta’ għajnuna eżistenti għandha tiġi evalwata b’riferiment għad-dispożizzjonijiet li jistabbilixxuha, għall-modalitajiet tagħhom u għal-limiti tagħhom. Għalhekk, huwa biss fil-każ li l-bidla taffettwa s-sustanza stess tal-iskema inizjali li din l-iskema tinbidel għal skema ta’ għajnuna ġdida.

Issa, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ippreżentat kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara bħala għajnuna ġdida s-sospensjoni, minn qorti nazzjonali li tkun qed tiddeċiedi fi proċeduri għal miżuri provviżorji u provviżorjament u ex nunc, tal-effetti tar-rexissjoni tal-kuntratt, konkluż bejn il-kumpannija pubblika tal-elettriku u kumpannija qabel l-adeżjoni tal-Istat Membru fil-Komunitajiet Ewropej, li jagħti tariffa preferenzjali tal-elettriku lill-imsemmija kumpannija, l-intervent tal-Imħallef għal miżuri provviżorji, peress li jżomm provviżorjament tali tariffa matul ċertu perijodu, ma kellux la l-għan u lanqas l-effett li jbiddel is-sustanza tal-għajnuna eżistenti. Fil-fatt, dan l-intervent la biddel id-dispożizzjonijiet kuntrattwali jew leġiżlattivi dwar it-tariffa preferenzjali, u lanqas biddel il-modalitajiet jew il-limiti tal-imsemmija tariffa, iżda kien jikkonsisti biss f’evalwazzjoni dwar ir-regolarità tar-rexissjoni tal-kuntratt.

Għaldaqstant, l-Imħallef għal miżuri provviżorji, minflok ma ta għajnuna ġdida, illimita ruħu li jiddeċiedi provviżorjament fuq il-kawża li kienet tressqet quddiemu, li kienet tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-kuntratt li minnu toriġina t-tariffa preferenzjali kienx għadu jipproduċi l-effetti tiegħu. Minn dan jirriżulta neċessarjament li s-sospensjoni tar-rexissjoni tal-kuntratt wara l-ewwel digriet għal miżuri provviżorji ma għandhiex titqies bħala vantaġġ ġdid u separat mill-għajnuna eżistenti.

(ara l-punti 48-50, 53-56)