Language of document :

Rikors ippreżentat fl-1 ta' Marzu 2010 - Prionics vs Il-Kummissjoni u EFSA

(Kawża T-112/10)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Prionics AG (rappreżentanti: H. Janssen u M. Franz, avukati)

Konvenuti: Il-Kummissjoni Ewropea u L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA)

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara null u bla effett is-"Scientific Opinion on Analytical sensitivity of approved TSE rapid tests" tal-EFSA u tal-Kummissjoni sa fejn din l-opinjoni ma tirrakkomdanax li fil-preżent, matul il-monitoraġġ tal-BSE, jintużaw tnejn mill-prodotti tar-rikorrenti, Prionics(-Check LIA u Prionics(-Check PrioSTRIP

tikkundanna lill-EFSA u lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti tikkontesta l-opinjoni xjentifika tal-EFSA, tal-10 ta' Diċembru 2009, dwar is-sensittività analitika tat-testijiet rapidi tal-Enċefalopatija Sponġiformi Trasmissibbli awtorizzati (iktar 'il quddiem l-"opinjoni tal-EFSA"). F'din l-opinjoni huwa rrakkomandat, inter alia, li tiġi evalwata mill-ġdid, billi jsiru l-esperimenti meħtieġa, is-sensittività analitika ta' żewġ sistemi ta' testijiet tar-rikorrenti fir-rigward tal-BSE (Prionics(r)-Check LIA u Prionics(r)-Check PrioSTRIP).

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba' motivi.

Fl-ewwel motiv, ir-rikorrenti tallega ksur tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba peress li l-konvenuti bbażaw ir-rakkomandazzjoni tagħhom fl-opinjoni tal-EFSA fuq evalwazzjoni żbaljata tal-fatti u fuq informazzjoni kunfliġġenti.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju li, fi proċedura li tista' twassal għal miżura li tista' tikkawża preġudizzju lill-persuna kkonċernata, id-difiża għandha dritt tinstema'. F'dan il-kuntest ir-rikorrenti tinvoka wkoll ksur tal-prinċipji ġenerali ta' dritt ta' trattament ugwali u tal-protezzjoni taċ-ċertezza legali peress li l-EFSA, bi ksur tar-regolamenti amministrattivi ppubblikati tagħha stess, ma rrispettatx id-dritt tar-rikorrenti li tinstema' qabel il-pubblikazzjoni tal-opinjoni tal-EFSA.

Fit-tielet motiv, ir-rikorrenti tallega ksur tal-prinċipji ġenerali ta' dritt ta' trattament ugwali u tal-protezzjoni taċ-ċertezza legali peress li, fl-opinjoni tagħha, l-EFSA kisret ir-regolamenti amministrattivi ppubblikati tagħha stess u ma pprovdiet l-ebda informazzjoni dwar ir-rimedji disponibbli kontra din l-opinjoni.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tallega ksur tad-dritt fundamentali tal-libertà tagħha li twettaq attività ekonomika u tal-libertà ta' intrapriża minħabba l-pubblikazzjoni tal-opinjoni tal-EFSA mingħajr ma tqieset il-ħsara konsegwenti għar-rikorrenti.

____________