Language of document : ECLI:EU:T:2013:284

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

30 ta’ Mejju 2013 (*)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Trade mark Komunitarja verbali ultrafilter international — Raġuni assoluta għal rifjut — Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 — Abbuż ta’ dritt”

Fil-Kawża T‑396/11,

ultra air GmbH, stabbilita f’Hilden (il-Ġermanja), irrappreżentata minn C. König, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn G. Schneider, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjent quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Donaldson Filtration Deutschland GmbH, stabbilita f’Haan (il-Ġermanja), irrappreżentata minn N. Siebertz u M. Teworte-Vey, avukati,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI tat-18 ta’ Mejju 2011 (Każ R 374/2010‑4), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn ultra air GmbH u Donaldson Filtration Deutschland GmbH,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn N. J. Forwood (Relatur), President tal-Awla, F. Dehousse u J. Schwarcz, Imħallfin,

Reġistratur: C. Heeren, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Lulju 2011,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Novembru 2011,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Diċembru 2011,

wara s-seduta tad-29 ta’ Jannar 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Fid-29 ta’ Marzu 1999, l-intervenjenti, ultrafilter GmbH, li saret Donaldson Filtration Deutschland GmbH, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s‑sinjal verbali ultrafilter international.

3        Il-prodotti u s-servizzi li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu taħt il‑klassijiet 7, 11, 37, 41 u 42 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        Klassi 7: “Filtri li jnixxfu, li jippurifikaw u li jkessħu l-arja, l-gassijiet u l-likwidi; qoxra tal-filters, materjali tal-filters; separaturi tal-kondensita mekkaniċi jew elettriċi; separaturi taż-żejt; separaturi tal-ilma”;

–        Klassi 11: “Apparat u installazzjonijiet li jnixxfu, li jippurifikaw u li jkessħu l-arja, l-gassijiet u l-likwidi; partijiet u aċċessorji ta’ dawn l-apparati u installazjonijiet, b’mod partikolari membrani għall-pompi, swiċis li jillivellaw, valvoli, b’mod partikolari valvoli eletromagnetiċi, kontrolluri għal valvoli, kontrolluri bil-ħin, strumenti ta’ kejl, b’mod partikolari, strumenti ta’ kejl ta’ pressjoni, pressometri, b’mod partikolari, pressometri li jindikaw it-temperatura, pressometri li jindikaw il-livell, qafliet għal sistemi ta’ filtrazzjoni, inklużi qafliet strutturali ta’ konnessjoni u ta’ ffissar, apparat għal ventilazzjoni”;

–        Klassi 37: “Ikkummissjonar, tiswija u manutenzjoni tal-apparati u tal-installazjonijiet imsemmija iktar ’il fuq”;

–        Klassi 41: “Taħriġ tekniku; taħriġ għall-bejgħ u dwar il-prodotti”;

–        Klassi 42: “Servizzi ta’ inġenjerija; Pariri dwar il-pjanifikazzjoni, l-installazzjoni u l-użu tal-installazjonijiet u tal-apparat imsemmi iktar ’il fuq”.

4        Permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Jannar 2001, l-eżaminatur ċaħad l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja abbażi tal-Artikolu 7(1)(b) u (ċ) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 7(1)(b) u (ċ) tar-Regolament Nru 2007/2009) minħabba li t-trade mark kontenzjuża kienet deskrittiva u ma kinitx ta’ karattru distintiv. Fuq appell ippreżentat mill-intervenjenti, it-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI annulla din id-deċiżjoni b’deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 2003 (Każ R 375/2001‑2), u ddikjara li t-trade mark ikkontestata kienet kisbet karattru distintiv fis-sens tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94, (li sar l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009), fl-Istati Membri Ġermanofoni u Anglofoni.

5        It-trade mark ikkontestata ġiet irreġistrata bħala trade mark Komunitarja, bin-numru 1121839, fis-27 ta’ Settembru 2005.

6        Fil-5 ta’ Mejju 2008, ir-rikorrenti, ultra air GmbH, ressqet quddiem l-UASI, abbażi tal-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009) talba intiża sabiex it-trade mark ikkontestata tiġi ddikjarata invalida minħabba li kienet ġiet irreġistrata bi ksur tal-Artikolu 7(1)(b) u (ċ) u tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94.

7        Permezz tad-deċiżjoni tad-29 ta’ Jannar 2010, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-UASI laqgħet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u ddikjarat l-invalidità tat-trade mark ikkontestata għall-prodotti u s-servizzi kollha, abbażi tal-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, flimkien mal-Artikolu 7(1)(b) u (ċ) tal-imsemmi regolament.

8        Fis-16 ta’ Marzu 2010, ir-rikorrenti appellat quddiem l-UASI, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009, mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

9        Permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Mejju 2011 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI laqa’ l-appell, annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u ċaħad it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità mressqa mir-rikorrenti. Skont il-Bord tal-Appell, it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienet ivvizzjata minn abbuż ta’ dritt u kellha tiġi miċħuda bħala inammissibbli. F’dan ir-rigward il-Bord tal-Appell essenzjalment qies li permezz tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tagħha, ir-rikorrenti fil-verità kellha l-intenzjoni li tuża hija stess bħala trade mark il-kelma “ultrafilter” (waħedha jew flimkien ma kliem oħra). Għaldaqstant hija kellha għanijiet oħra għajr dawk tal-interess pubbliku previsti fl-Artikolu 7(1)(b) u (ċ) u fl-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009. L-intenzjonijiet moħbija li jikkostitwixxu abbuż ta’ dritt huma evidenzjati wkoll mill-fatt li l-ex amministratur tal-proprjetarju tat-trade mark kontenzjuża u amministratur attwali tal-persuna li ressqet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, kien huwa nnifsu li ddefenda, fl-2003, il-karattru deskrittiv miksub bl-użu ta’ din it-trade mark. Peress li l-abbuż ta’ dritt huwa “ostakolu ġenerali għall-proċedimenti”, hemm lok li l-applikazzjonijiet u l-azzjonijiet abbużivi li jikkostitwixxu proċedimenti li jservu sabiex jintlaħqu għanijiet differenti minn dawk koperti mis-sistema ġuridika, jiġu esklużi mingħajr ma jkun meħtieġ li jsir riferiment għad-dritt proċedurali tal-Istati Membri skont l-Artikolu 83 tar-Regolament Nru 207/2009.

 It-talbiet tal-partijiet

10      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tiċħad l-appell ippreżentat mill-intervenjenti quddiem il-Bord tal-Appell;

–        tikkundanna lill-UASI u lill-intervenjenti għall-ispejjeż.

11      L-UASI u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

12      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti essenzjalment tqajjem żewġ motivi bbażati rispettivament fuq ksur tal-Artikolu 56(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 u fuq ksur tal-Artikolu 52(1)(a) tal-istess regolament.

13      Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li, kif ġie kkonfermat fil-ġurisprudenza, l-Artikolu 56(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 jagħti lil kull persuna fiżika jew ġuridika d-dritt li jressqu talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażata fuq l-Artikolu 52 tal-istess regolament, mingħajr ma jissuġġetta dan id-dritt għall-ibbilanċjar ta’ eventwali interessi personali tal-persuna li tressaq it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u l-interess ġenerali mħares minn din l-aħħar dispożizzjoni. F’dan il-kuntest, l-Artikolu 56(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, li jirregola b’mod eżawrjenti l-kwistjoni, ma jħalli ebda marġni għat-teħid inkunsiderazzjoni tal-eventwali mala fede tal-persuna li ressqet talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, b’tali mod li abbuż ta’ dritt ma jistax jikkostitwixxi ostakolu li jipprekludi l-eżami ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

14      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma kienet ħatja ta’ ebda abbuż ta’ dritt peress li, l-ewwel nett, id-deċiżjonijiet tal-qrati nazzjonali prodotti mill-intervenjenti quddiem il-Bord tal-Appell jikkonċernaw każijiet ta’ kompetizzjoni żleali li ma għandhom ebda rabta mal-użu tat-trade mark ikkontestata. It-tieni nett, peress li l-għan imħares bl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 207/2009 huwa preċiżament dak li tiġi prekluża l-monopolizzazzjoni tas-sinjali vvizzjati minn raġunijiet assoluti għal rifjut, l-użu liberu ta’ sinjal bħal dan huwa effettivament konformi ma din id-dispożizzjoni u għalhekk ma jistax jikkostitwixxi abbuż ta’ dritt. It-tielet nett, il-fatt li l-persuna li tressaq talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienet preċedentement talbet, mingħajr suċċess, ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark, ma jistax jipprekludiha milli titlob id-dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade mark li tixxiebah ivvizzjata minn raġuni assoluta għal rifjut. Fl-aħħar u r-raba’ nett, anki ċ-ċirkustanza li l-amministratur tar-rikorrenti kien amministratur tal-intervenjenti meta din tal-aħħar irreġistrat it-trade mark ikkontestata huwa irrilevanti.

15      L-UASI u l-intervenjenti jsostnu l-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata.

16      F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità skont l-Artikolu 56(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 ma taqax taħt proċedura ġudizzjarja iżda taħt waħda amministrattiva (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Frar 2010, Lancôme vs UASI, C‑408/08 P, Ġabra p. I‑1347, punt 36).

17      L-Artikolu 56(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprovdi li talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażata fuq raġuni assoluta għal invalidità tista’ titressaq minn kull persuna fiżika jew ġuridika jew minn kull grupp imwaqqaf bil-għan li jirrappreżenta l-interessi ta’ manifatturi, ta’ produtturi, ta’ fornituri ta’ servizzi, ta’ negozjanti jew ta’ konsumaturi u li għandhom locus standi in judicio. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 56(1)(b) u (ċ) tal-istess regolament, li jirrigwarda t-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażati fuq raġuni relattiva għal invalidità, jirriżerva d-dritt għat-tressiq ta’ tali talba għal ċerti persuni partikolari li għandhom interess ġuridiku. Għalhekk, mill-istruttura ta’ dan l-artikolu jirriżulta li l-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jirrestrinġi ċ-ċirku ta’ persuni li jistgħu jressqu talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità fit-tieni każ, iżda mhux fl-ewwel wieħed (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lancôme vs UASI, punt 16 iktar ’il fuq, punt 39).

18      Filwaqt li r-raġunijiet relattivi għal rifjut ta’ reġistrazzjoni jipproteġu l-interessi tal-proprjetarji ta’ ċerti drittijiet preċedenti, l-għan tar-raġunijiet assoluti għal rifjut ta’ reġistrazzjoni huwa l-protezzjoni tal-interess ġenerali li huwa l-bażi tagħhom, u dan jispjega għaliex l-Artikolu 56(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 ma jeħtieġx li l-applikant ikollu interess ġuridiku (sentenza Lancôme vs UASI, punt 16 iktar ’il fuq, punt 40).

19      Ir-raġuni assoluta għal rifjut stabbilita fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 hija intiża sabiex tiġi prekluża r-reġistrazzjoni ta’ trademarks li ma għandhomx karattru distintiv, li huwa l-uniku li jirrendihom kapaċi jissodisfaw il-funzjoni essenzjali tat-trade mark, li hija li tiggarantixxi lill-konsumatur jew lill-utent finali l-identità ta’ oriġini tal-prodott jew tas-servizz kopert mit-trade mark, billi tippermettilu jiddistingwi mingħajr possibbiltà ta’ konfużjoni dan il-prodott jew dan is-servizz minn dawk li għandhom oriġini oħra. Għaldaqstant, l-interess ġenerali li fuqu huwa msejjes l-Artikolu 7(1)(b) ta’ dan ir-regolament isir evidentement ħaġa waħda mal-imsemmija funzjoni essenzjali tat-trade mark (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Jannar 2006, Deutsche SiSi-Werke vs UASI, C‑173/04 P, Ġabra p. I‑551, punti 60 u 61). Barra minn hekk, l-interess ġenerali li fuqu huwa msejjes l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 207/2009 jikkonsisti f’li jiġi żgurat li s-sinjali deskrittivi ta’ karatteristika waħda jew iktar tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom issir applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala trade mark ikunu jistgħu jintużaw liberament mill-operaturi ekonomiċi kollha li joffru tali prodotti jew servizzi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Marzu 2011, Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI, C‑51/10 P, Ġabra p. I‑1541, punt 37).

20      Minn dan jirriżulta li l-proċedura amministrattiva prevista fl-Artikolu 56(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, flimkien mal-Artikolu 52(1)(a) tal-istess regolament, għandha b’mod partikolari l-għan li tippermetti li l-UASI jerġa’ jeżamina l-validità tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark u, jekk ikun meħtieġ, jadotta l-pożizzjoni li huwa messu adotta ex officio skont l-Artikolu 37(1) tar-Regolament Nru 207/2009.

21      F’dan il-kuntest, l-UASI għandu jevalwa jekk it-trade mark inkwistjoni hijiex deskrittiva u/jew jekk hijiex ta’ karattru distintiv, mingħajr ma r-raġunijiet u l-aġir preċedenti tal-persuna li tressaq talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ma jkunu jistgħu jaffettwaw il-portata tal-kompitu fdat f’idejn l-UASI fir-rigward tal-interessi ġenerali li fuqhom huma msejsa l-Artikolu 7(1)(b) u (ċ) u l-Artikolu 56(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009. Fil-fatt, peress li, meta japplika d-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kuntest ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, l-UASI ma jiddeċidix dwar il-kwistjoni ta’ jekk id-dritt tal-proprjetarju tat-trade mark jiħux il-preċedenza fuq xi dritt tal-persuna li tressaq talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, iżda jivverifika li d-dritt tal-proprjetarju tat-trade mark ġie stabbilit b’mod validu fid-dawl tar-regoli li jirregolaw in-natura reġistrabbli tagħha, ma tistax tqum il-kwistjoni ta’ “abbuż ta’ dritt” min-naħa tal-persuna li tressaq talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

22      Għalhekk, bil-kontra ta’ dak li jsostni l-UASI, il-fatt li l-persuna li tressaq talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tista’ tressaq din it-talba bil-għan li iktar ’il quddiem tqiegħed is-sinjal inkwistjoni fuq il-prodotti tagħha jikkorrispondi preċiżament għall-interess ġenerali ta’ disponibbiltà u ta’ użu liberu mħares mill-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 207/2009. Għaldaqstant, bil-kontra ta’ dak li ġie deċiż mill-Bord tal-Appell, tali ċirkustanza fl-ebda każ ma tista’ tikkostitwixxi abbuż ta’ dritt. Din l-evalwazzjoni hija kkonfermata bl-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 207/2009, li jgħid li t-trade mark Komunitarja tista’ tiġi ddikjarata invalidà fuq il-bażi ta’ kontrotalba fi proċedimenti ta’ vjolazzjoni, u dan jippreżupponi li l-konvenut f’din l-azzjoni jista’ jikseb id-dikjarazzjoni ta’ invalidità anki jekk huwa uża t-trade mark u għandu l-intenzjoni li jkompli jużaha.

23      Min-naħa l-oħra, hija ċ-ċaħda tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità minħabba “abbuż ta’ dritt” li ġġib fix-xejn l-għanijiet imfittxija mill-Artikolu 7(1)(b) u (ċ) tar-Regolament Nru 207/2009, peress li tali ċaħda tipprekludi l-eżami tal-mertu deskritt fil-punt 21 iktar ’il fuq.

24      Bl-istess mod, il-fatt li l-amministratur tal-persuna li tressaq talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kien l-amministratur tal-proprjetarju tat-trade mark meta ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark, bl-ebda mod ma jaffettwa d-dritt tal-persuna li tressaq talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità li tadixxi lill-UASI b’talba fis-sens tal-Artikolu 56(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009. Fil-fatt, fid-dawl tan-natura u tal-għan tal-proċedimenti inkwistjoni, li huwa l-ħarsien tal-interessi ġenerali li fuqhom huwa msejjes l-Artikolu 7(1)(b) u (ċ) tar-Regolament Nru 207/2009, għandu bilfors jiġi kkonstatat li l-proprjetarju ta’ trade mark deskrittiva jew li ma hijiex ta’ karattru distintiv ma jikseb ebda dritt għaż-żamma tar-reġistrazzjoni tat-trade mark tiegħu biss minħabba l-fatt li l-persuna li tressaq talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità hija amministrata minn persuna fiżika li fl-imgħoddi kienet aġixxiet sabiex is-sinjal inkwistjoni jiġi rreġistrat.

25      L-istess konklużjoni tgħodd ukoll fir-rigward tal-argumenti tal-intervenjenti bbażati fuq atti ta’ kompetizzjoni żleali li r-rikorrenti wettqet fil-konfront tagħha. F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-Artikolu 56(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 ma jissuġġettax l-ammissibbiltà u l-fondatezza ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għal bona fide tal-persuna li tressaq talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ Diċembru 2009, Iranian Tobacco vs UASI – AD Bulgartabac (TIR 20 FILTER CIGARETTES), T‑245/08, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 26). Fil-fatt, anki jekk jitqies li t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tifforma parti minn pjan globali ta’ konfrontazzjoni kummerċjali li jinvolvi wkoll metodi ta’ kompetizzjoni żleali, il-kanċellazzjoni ta’ trade mark deskrittiva jew li ma hijiex ta’ karattru distintiv hija konsegwenza legali imposta mill-Artikolu 57(5) u (6) tar-Regolament Nru 207/2009, mingħajr ma l-proprjetarju tagħha jikseb id-dritt li jżommha rreġistrata minħabba l-fatt li l-persuna li tressaq talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità twettaq, f’kuntesti oħra, atti ta’ kompetizzjoni żleali.

26      Fl-aħħar nett, ir-riferiment li l-UASI għamel għall-Artikolu 9 tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92) hija irrilevanti. Din id-dispożizzjoni, l-istess bħall-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 207/2009, ta’ kontenut analogu, tikkonċerna l-każijiet fejn proprjetarju ta’ trade mark jittollera, għal perijodu ta’ ħames snin, l-użu ta’ trade mark sussegwenti, ċirkustanza li tneħħilu d-dritt li jressaq talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark sussegwenti abbażi tat-trade mark preċedenti. Issa, din id-dispożizzjoni tirregola r-relazzjonijiet bejn żewġ trade marks irreġistrati legalment billi tistabbilixxi li, f’ċerti ċirkustanzi, trade mark ma tistax tiġi kkanċellata minħabba l-eżistenza ta’ trade mark oħra identika jew li tixxiebah. Għalhekk il-leġiżlatur sempliċement jirregola r-relazzjoni bejn żewġ interessi ta’ natura privata li jikkuntrastaw lil xulxin fil-kuntest tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 89/104, analogu għall-proċedimenti ta’ oppożizzjoni tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 207/2009. Min-naħa l-oħra, din ir-regola bl-ebda mod ma tikkonċerna l-possibbiltà li trade mark tiġi kkanċellata, raġuni li ma hijiex ibbażata fuq il-probabbiltà ta’ konfużjoni ma’ trade mark preċedenti iżda fuq il-karattru deskrittiv tagħha jew fuq il-fatt li ma hijiex ta’ karattru distintiv, jiġifieri raġunijiet assoluti għal rifjut stabbiliti favur l-interess ġenerali, li jivvizzjaw ir-reġistrazzjoni sa mill-bidu u li l-applikazzjoni tagħhom għandha titwarrab, skont l-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 207/2009, biss jekk it-trade mark inkwistjoni kisbet karattru distintiv wara r-reġistrazzjoni tagħha.

27      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ liġi meta annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u meta ċaħad it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bħala inammissibbli minħabba allegat “abbuż ta’ dritt”.

28      Għaldaqstant, hemm lok li l-ewwel motiv jiġi milqugħ u li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata.

29      Fir-rigward tat-tieni motiv tar-rikorrenti, dwar bdil tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi osservat li, għalkemm l-Artikolu 65(3) tar-Regolament Nru 207/2009 jagħti lill-Qorti Ġenerali s-setgħa li tbiddel id-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell, din il-possibbiltà hija, bħala prinċipju, limitata għas-sitwazzjonijiet fejn il-kawża hija fi stat li tiġi deċiża (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Ġunju 2008, Gabel Industria Tessile vs UASI – Creaciones Garel (GABEL), T‑85/07, Ġabra p. II‑823, punt 28). F’dan il-każ, kif isostni l-UASI bil-għan li t-tieni motiv jiġi ddikjarat inammissibbli, il-Bord tal-Appell ma ddeċidiex fuq il-mertu tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, kwistjoni li hija s-suġġett ta’ appell ippreżentat quddiemu mill-intervenjenti. Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li l-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża u li dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

30      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-UASI tilef, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti, kif mitlub minn din tal-aħħar. Peress li l-intervenjenti tilfet, hija għandha tbati l-ispejjeż tagħha, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id‑deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal‑Uffiċċju għall‑Armonizzazzjoni fis‑Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) tat-18 ta’ Mejju 2011 (Każ R 374/2010‑4) hija annullata.

2)      L-UASI għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk ta’ ultra air GmbH.

3)      Donaldson Filtration Deutschland GmbH għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Forwood

Dehousse

Schwarcz

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-30 ta’ Mejju 2013.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.