Language of document : ECLI:EU:T:2012:274

Kawża T-395/11

Elti d.o.o.

vs

Id-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Montenegro

“Rikors għal annullament — Kuntratti pubbliċi għal provvisti — Proċedura taʼ sejħa għal offerti — Diġitizzazzjoni tas-servizz pubbliku tax-xandir fil-Montenegro — Deċiżjoni taʼ għoti tal-kuntratt adottata mid-Delegazzjoni tal-Unjoni għall-Montenegro — Assenza taʼ kwalità taʼ konvenut — Inammissibbiltà”

Sommarju tad-digriet

Rikors għal annullament — Kwalità ta’ konvenut — Delegazzjoni tal-Unjoni — Assenza ta’ kwalità ta’ korp jew ta’ organu tal-Unjoni — Atti adottati mill-kap ta’ delegazzjoni tal-Unjoni fil-kuntest ta’ proċedura ta’ kuntratt pubbliku għal provvisti — Atti imputabbli lill-Kummissjoni — Inammissibbiltà tar-rikors

(Artikoli 221 TFUE u 263 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 51 u Artikoli 59, 60a u 85; Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427)

Mill-Artikolu 221 TFUE, mid-Deċiżjoni 2010/427, li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), kif ukoll mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 51 u mill-Artikoli 59, 60(a) u 85 tar-Regolament Nru 1605/2002, rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-bagit generali tal-Komunitajiet Ewropej, jirriżulta li l-istatus ġuridiku tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni huwa kkaratterizzat minn dipendenza organika u funzjonali doppja fir-rigward tas-SEAE u tal-Kummissjoni, dipendenza li ma tippermettilhomx li jiġu kkunsidrati bħala korp fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE.

Barra minn hekk, l-atti adottati bis-saħħa tas-setgħat iddelegati huma normalment imputati lill-istituzzjoni li tiddelega, li hija responsabbli għad-difiża tal-att inkwistjoni quddiem il-qrati. Din is-soluzzjoni tapplika a fortiori għad-delegazzjonijiet firmatarji u fil-każ ta’ sottodelega. Għalhekk, l-atti adottati mill-kap ta’ delegazzjoni tal-Unjoni, li jaġixxi fil-kwalità tiegħu ta’ uffiċjal awtorizzat b’sottodelega tal-Kummissjoni, fil-kuntest ta’ proċedura rigward kuntratt pubbliku għal provvisti, ma jippermettux li jiġi rrikonoxxut li l-imsemmija delegazzjoni għandha l-kwalità ta’ konvenut u huma, fil-kawża inkwistjoni, imputabbli lill-Kummissjoni.

Minn dak li ntqal jirriżulta li delegazzjoni tal-Unjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala korp jew organu tal-Unjoni u ma jistax jiġi rrikonoxxut li għandha l-kwalità ta’ konvenut u li r-rikors ippreżentat kontra tali delegazzjoni huwa inammissibbli.

(ara l-punti 46, 62-64, 73, 74)