Language of document : ECLI:EU:T:2004:180




SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Il-Ħames Awla)

10 ta' Ġunju 2004 (*)

"Uffiċjali – Sistema dixxiplinarja – Relegazzjoni fl-iskala – Kuntratt ta' sigurtà tal-bini tal-Kummissjoni – Terminu raġonevoli – Proċedura kriminali – Rikors għal danni"

Fil-kawża T-307/01,

Jean-Paul François, uffiċjal tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, residenti f'Wavre (il-Belġju), irrappreżentat minn A. Colson, avocat, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn J. Currall, bħala aġent, assistit minn B. Wägenbaur, avocat, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

li għandha bħala suġġett, minn naħa, talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' April 2001 li imponiet fuq ir-rikorrent il-miżura dixxiplinarja ta' relegazzjoni fl-iskala u, min-naħa l-oħra, talba għal danni u interessi b'kumpens għad-dannu materjali u morali li r-rikorrent qiegħed jallega li sofra,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla),

komposta minn P. Lindh, President, R. García-Valdecasas u J. D. Cooke, Imħallfin,

Reġistratur: I. Natsinas, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta' Diċembru 2003,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1       Ir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 86/610 (KEE, Euratom, KEFA) tal-11 ta' Diċembru 1986 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implementazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tal-21 ta' Diċembru 1977 (ĠU L 360, p.1, iktar 'il quddiem ir-"Regolament li jimplementa r-Regolament Finanzjarju", li kien fis-seħħ meta seħħew il-fatti in kwistjoni [ir-Regolament 86/610 tħassar u ġie sostitwit mir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 3418/93 (Euratom, KEFA, KE) tad-9 ta' Diċembru 1993 (ĠU L 315, p.1)], kien jipprovdi fl-Artikolu 68 tiegħu li:

"Il-kumitat konsultattiv dwar xiri u appalti huwa mitlub li, skond il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 54, 55 u 94 tar-Regolament Finanzjarju, jifformula opinjoni ta' natura konsultattiva dwar:

a)       proposti ta' appalti ta' xogħolijiet, provvisti jew provvista ta' servizzi li jaqbżu l-ammonti indikati fl-Artikoli 54 u 94 tar-Regolament Finanzjarju kif ukoll dwar proposti ta' kuntratti għall-akkwist ta' beni immobbli, irrispettivament mill-ammont;

b)       proposti ta' ftehim addizzjonali għall-appalti koperti fil-paragrafu (a), fil-każijiet kollha fejn l-effett ta' dawn il-ftehim addizzjonali jkun li jibdlu l-ammont involut fil-kuntratt inizjali;

[…]

f)      il-kwistjonijiet li jqumu matul l-għoti jew l-eżekuzzjoni tal-kuntratti (tħassir ta' ordnijiet, talbiet biex jinħafru penali għal dewmien, derogi mid-dispożizzjonijiet ta' l-ispeċifikazzjonijiet u tal-kundizzjonijiet ġenerali…), meta l-kwistjoni tkun gravi biżżejjed biex tiġġustifika talba għal opinjoni;

[…]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]

2       L-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 11 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (iktar 'il quddiem ir-"Regolamenti tal-Persunal") jipprovdi li l-uffiċjal għandu jaqdi l-funzjonijiet tiegħu u għandu jirregola lilu nnifsu billi jkollu biss f'moħħu l-interessi tal-Komunità.

3       L-Artikolu 21 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

"Uffiċjal, ikun xi jkun il-grad tiegħu, għandu jassisti u jgħaddi pariri lis-superjuri tiegħu; huwa għandu jkun reponsabbli mill-qadi tad-dmirijiet assenjati lilu.

Uffiċjal responsabbli minn kwalunkwe fergħa tas-servizz għandu jkun responsabbli mas-superjuri tiegħu dwar l-awtorità mogħtija lilu u biex iwettaq l-istruzzjonijiet mogħtija minnu. Ir-responsabbilta' ta' dawk ta' taħtu bl-ebda mod ma tirrilaxxah mir-responsibbilta' tiegħu stess.

Uffiċjal li jirċievi istruzzjonijiet li jikkunsidra li huma irregolari jew x'aktarx se joħolqu diffikultajiet serji għandu jinforma s-superjur dirett tiegħu, jekk meħtieġ bil-miktub. Jekk l-uffiċjal imbagħad jirċievi konferma bil-miktub ta' l-istruzzjonijiet mis-superjur tiegħu, huwa għandu jwettaqhom sakemm ma jikkostitwixxux ksur fil-liġi kriminali jew fl-istandards tas-sigurtà relevanti."

4       L-Artikolu 86 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li meta uffiċjal jew xi ħadd li qabel kien uffiċjal jinstab li b'xi mod naqas milli josserva, b'mod volontarju jew b'negliġenza, l-obbligi tiegħu taħt dawn l-istess Regolamenti, huwa jkun suġġett għal miżura dixxiplinarja. Fost il-miżuri dixxiplinarji previsti fil-paragrafu 2 ta' din id-dispożizzjoni hemm inkluża r-relegazzjoni fl-iskala.

5       Il-ħames paragrafu ta' l-Artikolu 88 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

"[…] meta uffiċjal jitħarrek għal dawk l-istess atti, deċiżjoni finali tittieħed biss wara li verdett finali tintlaħaq mill-qorti li qed jisma' l-kawża."

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

6       Ir-rikorrent huwa uffiċjal fil-Grad B 3 mal-Kummissjoni. Meta seħħew il-fatti li kienu s-suġġett tal-proċedura dixxiplinarja in kwistjoni, huwa kien assenjat lill-Uffiċċju tas-Sigurtà (iktar 'il quddiem l-"UTS") tad-Direttorat Ġenerali tal-Persunal u ta' l-Amministrazzjoni tal-Kummissjoni u kien imexxi t-taqsima finanzjarja ta' l-UTS. Is-superjuri diretti tar-rikorrent f'dak iż-żmien kienu s-Sur De Haan, Direttur ta' l-UTS, u s-Sur Eveillard, Assistent Direttur u Kap tad-Diviżjoni "Protezzjoni Brussell".

7       Fl-1991, il-Kummissjoni ppubblikat sejħa għal offerti fir-rigward tas-sigurtà tal-bini tagħha fi Brussell. F'Ottubru 1992, il-kuntratt ta' sigurtà, li kien jinvolvi somma ta' ECU 75,000,000, ingħata lill-kumpannija IMS/Group 4 b'effett mill-1 ta' Novembru 1992 għal perijodu ta' ħames snin. Fil-kuntest tal-kariga li kellu dak iż-żmien, ir-rikorrent kellu jieħu sehem fil-preparazzjoni u fl-eżekuzzjoni ta' dan il-kuntratt.

8       Qabel ma ffirmat il-kuntratt ta' sigurtà, il-kumpannija li rebħet is-sejħa talbet garanzija favuriha kontra r-riskju ta' bidliet fir-rata tal-kambju bejn il-frank Belġjan u l-ecu, il-munita li fiha kien sar il-kuntratt. Bi tweġiba għal din it-talba, ġie adottat ftehim addizzjonali għall-kuntratt (l-Anness 1) li emenda l-proposta ta' kuntratt li kienet diġà ġiet sottomessa lill-kumitat konsultattiv dwar xiri u appalti (iktar 'il quddiem il-"KKXA"), mingħajr ma saret konsultazzjoni ġdida miegħu qabel. Dan l-Anness 1 kien jinkludi klawżola li kienet tippermetti l-aġġustament tal-prezzijiet tal-kuntratt skond il-bidliet fil-valur ta' l-ecu fir-rigward tal-frank Belġjan u introduċa bidliet oħra fil-kuntratt ta' sigurtà(1).

9       F'Novembru 1992, inkitbet nota ta' konsultazzjoni fir-rigward tal-ftehim addizzjonali in kwistjoni għall-attenzjoni tal-KKXA. Madankollu, din il-korrispondenza ntilfet fl-arkivji ta' l-UTS. Meta nstabet, f'Jannar 1993, ma ntbagħtietx lill-KKXA.

10     F'Jannar 1993, il-Kontroll Finanzjarju ċaħad il-kunsens tiegħu fir-rigward ta' ordni ta' ħlas dwar l-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta' sigurtà minħabba li l-ħlasijiet kienu previsti fi franki Belġjani u mhux f'ecu, kif jirriżulta mir-rapport ta' l-inkjesta amministrattiva ta' l-14 ta' Lulju 1998 (paġna 13) magħmula mis-Sur Reichenbach, li dak iż-żmien kien id-Direttur tad-Direttorat Ġenerali "Saħħa u Ħarsien tal-Konsumaturi" tal-Kummissjoni, fuq talba tas-Sur Trojan, Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni, kif ukoll mir-rapport tas-6 ta' Jannar 1999 (paġna 12) ippreparat mis-Sinjura Flesch, Direttriċi Ġenerali tas-Servizz tat-Traduzzjoni tal-Kummissjoni lill-Awtorità tal-Ħatra (iktar 'il quddiem l-"ATĦ") u, fl-aħħar nett, mir-rapport ta' l-ATĦ lill-Bord Dixxiplinarju ta' l-24 ta' Frar 1999 (punt 31).

11     Wara din iċ-ċaħda ta' kunsens tal-Kontroll Finanzjarju, Anness 3 tal-kuntratt ġie ffirmat fis-27 ta' Jannar 1993 mid-Direttur ta' l-UTS, is-Sur De Haan, u mid-direttur tal-kumpannija li rebħet il-kuntratt, is-Sur Alexandre(2). Dan l-Anness 3 annulla, b'effett mill-1 ta' Frar 1993, id-dispożizzjonijiet ta' l-Anness 1 dwar il-klawżola ta' reviżjoni fir-rigward tal-bidliet fir-rata tal-kambju bejn il-frank Belġjan u l-ecu(3).

12     Fis-17 ta' Frar 1993, id-Direttorat Ġenerali "Kontroll Finanzjarju" tal-Kummissjoni beda verifika fir-rigward ta' l-attivitajiet ta' l-UTS u, b'mod partikolari, fir-rigward ta' l-għoti tal-kuntratt ta' sigurtà. Ir-rapport finali tiegħu ngħata fis-7 ta' Lulju 1993(4). Dan ir-rapport (f'paġni 10, 11 u 12) jagħmel, b'mod partikolari, referenza għall-bidliet introdotti permezz ta' l-Anness 1 fil-kuntratt ta' sigurtà wara l-konsultazzjoni tal-KKXA u għall-konsegwenzi finanzjarji negattivi li kienu jirriżultaw minn dan l-Anness(5).

13     Wara li fit-18 ta' Awwissu 1997 deher artikolu fil-ġurnal De Morgan li qajjem il-kwistjoni dwar ir-responsabbiltajiet personali fl-għoti tal-kuntratt ta' sigurtà, kif ukoll dwar ir-responsabbiltà ġenerali tal-Kummissjoni fil-verifika tal-ġestjoni ta' l-imsemmi kuntratt(6), it-taqsima li tikkoordina l-ġlieda kontra l-frodi (UCLAF) fetħet inkjesta dwar dan il-kuntratt. L-UCLAF ħarġet ir-rapport tagħha dwar l-inkjesta fit-12 ta' Marzu 1998 u fih iddenunzjat allegati irregolaritajiet gravi fl-għoti tal-kuntratt u fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta' sigurtà in kwistjoni(7). Fil-21 ta' April 1998, is-Sur Trojan talab lis-Sur Reichenbach biex jiftaħ inkjesta fir-rigward tal-kuntratt ta' sigurtà mogħti lil IMS/Group 4. Ir-rapport ta' din l-inkjesta amministrattiva ngħata fl-14 ta' Lulju 1998.

1.     Proċedura dixxiplinarja

14     Fid-29 ta' Lulju 1998, l-ATĦ iddeċidiet li tiftaħ proċedura dixxiplinarja kontra r-rikorrent. L-ATĦ fetħet ukoll proċeduri dixxiplinarji fir-rigward tas-superjuri diretti tar-rikorrent, is-Sinjuri De Haan u Eveillard.

15     Fid-29 ta' Lulju 1998, l-ATĦ innotifikat lir-rikorrent dwar l-akkużi fir-rigward ta' l-eżistenza, min-naħa tiegħu, ta' "imġiba […] professjonali [improprja] u ta' negliġenzi gravi fir-rigward tar-rispett tar-regoli dwar il-ġestjoni finanzjarja, b'mod partikolari fil-preparazzjoni u fl-eżekuzzjoni [tal-kuntratt ta' sigurtà konkluż mal-kumpannija IMS/Group 4]" (iktar 'il quddiem l-akkuża nru. 1)(8). Permezz ta' nota tat-23 ta' Settembru 1998, l-ATĦ informat lir-rikorrent dwar is-sitt akkużi addizzjonali(9) segwenti:

"Akkuża nru 2:

Tolleranza ta' u saħansitra parteċipazzjoni f'manipulazzjoni, wara d-data prevista biex jintefgħu, ta' offerti rċevuti fil-kuntest ta' l-għoti ta' appalt dwar […] is-sigurtà [u s-]sorveljanza tal-bini [tal-Kummissjoni], [fl-]1992 (b'valur ta' madwar ECU 750,000,000 fuq [ħames] snin); liema manipulazzjoni kienet tikkonsisti fl-għoti ta' dettalji dwar offerta waħda jew aktar lil waħda mill-kumpanniji li ssottomettew offerta (IMS/Group 4), ir-riċeviment ta' offerta ġdida mingħand din il-kumpannija b'reviżjoni 'l isfel tal-prezzijiet u s-sostituzzjoni ta' l-offerta oriġinali, u dan sabiex l-għoti ta' dan l-appalt lil din il-kumpannija jkun influwenzat b'mod diżonest, frawdolenti, u bi ksur tar-regoli rilevanti kif ukoll, fost l-oħrajn, tad-dispożizzjonijiet ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 17 tar-Regolamenti tal-Persunal.

Akkuża nru 3:

Parteċipazzjoni fil-preparazzjoni ta' Anness ma' (l-abbozz ta') kuntratt ta' sigurtà ta' l-1992, [wara] li l-KKXA approva l-proposta li l-appalt jingħata lill-kumpannija IMS/Group 4 u tal-kundizzjonijiet ta' l-abbozz ta' kuntratt, jew permezz ta' azzjoni maħsuba sabiex tippermetti lill-kumpannija biex [tikkumpensa] t-telf subit [minħabba] l-offerta l-ġdida, u għalhekk b'mod frawdolenti, jew b'negliġenza gravi, peress li l-klawżoli ta' l-Anness kienu, f'parti minnhom, kuntrarji għall-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti u ta' l-ispeċifikazzjonijiet kif approvati mill-KKXA, u [dan] b'detriment għall-interessi finanzjarji tal-Kummissjoni.

Akkuża nru 4:

[Wara] l-preparazzjoni ta' l-Anness imsemmi iktar 'il fuq, ommissjoni jew volontarja […] jew minħabba negliġenza gravi li jgħarraf jew li [jorganizza] konsultazzjoni mal-KKXA u/jew mal-Kontroll Finanzjarju, [dwar] l-Anness u l-bidla fil-kuntratt li kienet tirriżulta minn dan l-Anness meta mqabbel ma' l-abbozz ta' kuntratt approvat mill-KKXA, jew qabel, jew wara l-konklużjoni tal-kuntratt li kien jinkorporah.

Akkuża nru 5:

Tolleranza ta' u saħansitra parteċipazzjoni fl-użu b'mod abbużiv tal-kuntratt ta' sigurtà mħejji b'dan il-mod, fejn kien sistematikament propost li jitħaddmu diversi persuni fl-[UTS] u f'servizzi oħra sabiex iwettqu xi kompiti amministrattivi jew kompiti oħra bħala korrispettiv għall-preparazzjoni mill-kumpannija ta' kuntratti ta' impjieg ta' ħaddiema, bi ksur tal-klawżoli tal-kuntratt konkluż mill-Kummissjoni, tal-proċeduri previsti għall-ingaġġ tal-persunal u tad-dispożittiv ta' l-intestatura rilevanti [tal-baġit], mingħajr awtorizzazzjoni valida mingħand, u mingħajr ma kienu informati s-servizzi kompetenti f'dawn l-oqsma u permezz ta' użu ħażin tal-klawżoli tal-kuntratt dwar il-ħlas ta' ħin addizzjonali marbut ma' kompiti ta' sigurtà.

Akkuża nru 6:

B'mod aktar ġenerali, li ma wettaqx il-funzjonijiet [tiegħu] bħala l-persuna responsabbli mit-taqsima finanzjarja ta' l-[UTS] bl-interessi tal-Komunità biss f'moħħu u dan kuntrarjament għad-dispożizzjonijiet ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 11 tar-Regolamenti tal-Persunal.

Akkuża nru 7:

Li jagħmel tajjeb, kompletament jew parzjalment, għall-ħsara sofferta mill-Komunitajiet minħabba nuqqasijiet personali gravi (Artikolu 22 tar-Regolamenti tal-Persunal)."

16     Fis-6 ta' Ottubru 1998, ir-rikorrent instema' skond l-Artikolu 87 tar-Regolamenti tal-Persunal mis-Sinjura Flesch, Direttriċi Ġenerali tas-Servizz tat-Traduzzjoni tal-Kummissjoni, maħtura għal dan il-għan mill-ATĦ.

17     Fis-6 ta' Jannar 1999, is-Sinjura Flesch ssottomettiet ir-rapport tagħha lill-ATĦ fejn ikkonstatat, fir-rigward tar-rikorrent, nuqqasijiet professjonali, negliġenzi fir-rigward tar-regoli dwar l-appalti pubbliċi, tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju kif ukoll tal-proċeduri amministrattivi u tal-baġit, u ksur tar-Regolamenti tal-Persunal(10). Wara li ntbagħat dan id-dokument, l-ATĦ ressqet rapport datat l-24 ta' Frar 1999 fejn elenkat is-seba' akkużi mressqa kontra r-rikorrent(11) quddiem il-Bord Dixxiplinarju.

18     Fl-opinjoni motivata tiegħu, mogħtija fid-9 ta' Marzu 2000, il-Bord Dixxiplinarju qies li l-akkużi nri 1, 3, 4, 5 u 6 kienu stabbiliti u ċaħad l-akkużi nri 2 u 7. Fl-opinjoni tiegħu, il-Bord Dixxiplinarju rrakkomanda li tiġi imposta miżura dixxiplinarja stabbilita fl-Artikolu 86(2)(d) tar-Regolamenti tal-Persunal kontra r-rikorrent, jiġifieri r-relegazzjoni fl-iskala, filwaqt li ppropona li, f'dan il-każ, il-miżuta dixxiplinarja kellha tirrigwarda żewġ skali.

19     Fil-25 ta' Mejju 2000, ir-rikorrent instema' mill-ATĦ u ssottometta sottomissjonijiet bil-miktub(12).

20     Fil-5 ta' April 2001, l-ATĦ adottat deċiżjoni li imponiet il-miżura dixxiplinarja ta' tnaqqis ta' skala, b'effett mill-1 ta' Mejju 2001. L-ATĦ irreferiet għall-opinjoni tal-Bord Dixxiplinarju li qies li l-akkużi nri 1, 3, 4, 5 u 6 bħala stabbiliti, u kkonfermathom. Fir-rigward tat-test ta' din id-deċiżjoni dixxiplinarja, l-akkużi miżmuma kontra r-rikorrent jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej:

–       imġiba professjonali improprja u negliġenzi gravi fir-rigward tar-rispett tar-regoli ta' ġestjoni finanzjarja, b'mod partikolari, fil-preparazzjoni u fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta' sigurtà konkluż f'Ottubru 1992 bejn il-Kummissjoni u l-kumpannija IMS/Group 4, b'mod partikolari minħabba l-parteċipazzjoni tar-rikorrent fil-preparazzjoni ta' anness ma' dan il-kuntratt li l-klawżoli tiegħu rriżultaw kuntrarji għall-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti u għall-ispeċifikazzjonijiet kif ġew approvati mill-KKXA u għall-interessi finanzjarji tal-Kummissjoni (akkużi nri 1 u 3);

–       negliġenza gravi li tikkonsisti fl-ommissjoni tal-konsultazzjoni obligatorja tal-KKXA dwar l-anness in kwistjoni, bi ksur ta' l-Artikolu 111 tad-dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-eżekuzzjoni tar-Regolament Finanzjarju (akkuża nru 4);

–       użu abbużiv tal-kuntratt ta' sigurtà sabiex ikun propost li jiġu ingaġġati diversi persuni ma' l-UTS, ma' servizzi oħra tal-Kummissjoni u band'oħra sabiex iwettqu kompiti amministrattivi jew kompiti oħrajn, bħala korrispettiv għall-preparazzjoni mill-kumpannija IMS/Group 4 ta' kuntratti ta' impjieg ta' ħaddiema, u dan bi ksur tal-kuntratt dwar l-ingaġġ ta' gwardjani, tal-proċeduri previsti fir-rigward ta' l-ingaġġ tal-persunal u tad-dispożittiv ta' l-intestatura rilevanti tal-baġit, mingħajr awtorizzazzjoni valida mingħand, u mingħajr ma kienu informati s-servizzi kompetenti f'dawn l-oqsma, u dan kontra l-ħlas ta' l-overtime previst fir-rigward ta' kompiti ta' sigurtà, biċ-ċirkustanza attenwanti li kien hemm nuqqas kroniku ta' persunal ta' l-UTS u li din il-prattika ma kinitx barra min-normal f'dak iż-żmien (akkuża nru 5);

–       li ma wettaqx il-funzjonijiet tiegħu bl-interessi tal-Komunità biss f'moħħu, kuntrarjament għad-dispożizzjonijiet ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 11 tar-Regolamenti tal-Persunal (akkuża nru 6).

21     Fir-rigward ta' l-akkuża nru 2, id-deċiżjoni tal-5 ta' April 2001 tipprovdi li:

"Hija l-ATĦ li, jekk ikun il-każ, għandha tiftaħ mill-ġdid il-proċedura dixxiplinarja abbażi ta' l-Artikolu 11 ta' l-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, b'mod partikolari fis-sitwazzjoni fejn l-investigazzjoni ġudizzjarja li qiegħda ssir […] tistabbilixxi li kien hemm manipulazzjoni ta' l-offerta tal-kumpannija IMS/Group 4 wara t-28 ta' Awwissu 1992 u qabel ma' l-inkartament ġie ppreżentat lill-KKXA."

22     Il-proċedura dixxiplinarja li nfetħet kontra s-Sur Eveillard irriżultat ukoll fl-adozzjoni ta' miżura dixxiplinarja. Il-Qorti tal-Prim'Istanza rċeviet rikors kontra din id-deċiżjoni fil-kawża T-258/01, Eveillard vs Il-Kummissjoni. Għall-kuntrarju, ma kienx hemm deċiżjoni finali fil-każ tas-Sur De Haan, li miet fit-30 ta' Awwissu 2000, ftit taż-żmien wara li ngħatat l-opinjoni tal-Bord Dixxiplinarju fir-rigward tiegħu.

23     Fid-29 ta' Mejju 2001, ir-rikorrent ippreżenta ilment, taħt l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, kontra d-deċiżjoni ta' l-ATĦ tal-5 ta' April 2001.

24     Permezz ta' deċiżjoni ta' l-10 ta' Settembru 2001, l-ATĦ ċaħdet l-ilment tar-rikorrent. F'din id-deċiżjoni l-ATĦ ikkonfermat l-akkużi miżmuma kontra r-rikorrent filwaqt li introduċiet xi preċiżazzjonijiet bi tweġiba għall-allegazzjonijiet tiegħu. Fl-ewwel lok, fir-rigward ta' l-akkużi nri 3 u 4, dwar il-preparazzjoni ta' l-anness in kwistjoni u n-nuqqas ta' konsultazzjoni mal-KKXA, l-ATĦ qieset li l-element improprju kien jinstab fil-fatt li r-rikorrent ma informax lis-superjur dirett tiegħu, u dan kuntrarjament għar-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 21 tar-Regolamenti tal-Persunal, dwar l-obbligu li jkun ikkonsultat il-KKXA, u ma ġibidx l-attenzjoni tiegħu għall-fatt li l-anness in kwistjoni kien imur kontra l-interessi finanzjarji tal-Kummissjoni. Fit-tieni lok, fir-rigward ta' l-akkuża nru 5, ibbażata fuq l-użu b'mod abbużiv tal-kuntratt ta' sigurtà, l-ATĦ ċanfret lir-rikorrent talli ma informax lis-superjur dirett tiegħu dwar l-irregolarità, li skondha huwa kellu għarfien dwarha, fir-rigward tal-fatt li l-kollega tiegħu, is-Sur Burlet, kien qiegħed iwettaq kompiti purament amministrattivi filwaqt li kien qiegħed jitħallas mill-kumpannija li rebħet il-kuntratt ta' sigurtà. Fit-tielet lok, fir-rigward ta' l-akkuża nru 6, dwar il-fatt li r-rikorrent ma wettaqx il-funzjonijiet tiegħu bl-interessi tal-Komunità biss f'moħħu, l-ATĦ ippreċiżat li r-rikorrent ma informax lis-superjur dirett tiegħu, bi ksur ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 11 tar-Regolamenti tal-Persunal, dwar il-konsegwenzi ta' l-ommissjoni tal-konsultazzjoni mal-KKXA meta għall-persuna responsabbli minn taqsima finanzjarja kellu jkun ovvju li l-kontenut ta' l-anness kien joħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni.

25     Permezz tad-deċiżjoni tagħha ta' l-10 ta' Settembru 2001, l-ATĦ offriet lir-rikorrent kumpens ta' 500 euro bħala dannu morali kkawżat minħabba l-inċertezza prolongata li seta' sab ruħu fiha minħabba l-fatt li ż-żmien bejn l-aħħar opinjoni tal-Bord Dixxiplinarju mogħtija fil-proċeduri dixxiplinarji diġà msemmija – jiġifieri l-opinjoni adottata fl-4 ta' Lulju 2000 fil-proċedura mibdija kontra s-Sur Eveillard – u d-deċiżjoni ta' l-ATĦ dwar ir-rikorrent kien ta' disa' xhur.

2.     Proċedura kriminali quddiem il-qrati Belġjani

26     Fit-23 ta' April 1998, wara r-rapport ta' inkjesta ta' l-UCLAF, il-Kummissjoni indirizzat ilment lill-procureur du roi ta' Brussell dwar l-allegati irregolaritajiet fl-għoti u fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta' sigurtà. Dan l-ilment, li kellu mehmuż miegħu r-rapport ta' l-UCLAF tat-12 ta' Marzu 1998, kien jikkonċerna l-kundizzjonijiet ta' l-għoti tal-kuntratt, b'mod partikolari l-possibbiltà ta' manipulazzjoni ta' l-offerta tal-kumpannija IMS/Group 4, kif ukoll it-tħejjija ta' l-annessi mal-kuntratt u n-nuqqas ta' konsultazzjoni mal-KKXA, jekk is-servizzi effettivament ġewx ipprovduti u r-regolarità tal-proċeduri ta' ingaġġ ta' persuni li jirċievu salarji fil-kuntest ta' dan il-kuntratt.

27     Fl-1 ta' Marzu 2001, il-Komunità Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni, ikkostitwiet ruħha bħala parti ċivili fil-proċedura mibdija quddiem il-qrati Belġjani kontra r-rikorrent u s-Sinjuri Eveillard u Alexandre; dan ta' l-aħħar kien id-direttur eżekuttiv tal-kumpannija li rebħet il-kuntratt.

28     Fis-27 ta' Marzu 2001, il-procureur du roi ta' Brussell, wara li kien tressaq l-att ta' l-akkuża, iddikjara li ma kienx hemm lok li titkompla l-proċedura .

29     Fl-4 ta' Mejju 2001, il-Kummissjoni ppreżentat rikors quddiem l-imħallef istruttorju fejn talbet li jittieħdu miżuri istruttorji addizzjonali, liema rikors ġie miċħud permezz ta' digriet tal-31 ta' Mejju 2001.

30     Fil-15 ta' Ġunju 2001, il-Kummissjoni ressqet appell kontra dan id-digriet. Permezz ta' sentenza tas-6 ta' Awwissu 2001, ix-chambre des mises en accusation tal-court d'appel ta' Brussell iddikjarat l-appell tal-Kummissjoni bħala infondat.

31     Fid-19 ta' Marzu 2002, ix-chambre du conseil tat- tribunal de première instance ta' Brussell tat digriet fejn ċaħdet it-talbiet imressqa mill-Kummissjoni fis-seduta tat-12 ta' Marzu 2002. Ix-chambre du conseil qieset li ma kien hemm l-ebda raġuni li tiġġustifika għaliex dan id-dokument kien ġie ppreżentat tard u li ma kien hemm l-ebda prova inkriminanti fir-rigward ta' l-elementi li jikkonstitwixxu r-reati kkonċernati.

32     Fit-2 ta' April 2002, il-Kummissjoni appellat minn dan id-digriet quddiem il-cour d'appell ta' Brussell.

33     Fit-30 ta' April 2002, il-procureur général tal-cour d'appel ta' Brussell talab lix-chambre des mises en accusation tal-cour d'appel tiddikjara l-appell tal-Kummissjoni bħala infondat peress li skondu ma kienx hemm provi inkriminanti kontra l-akkużati.

34     Fit-28 ta' Mejju 2002, ix-chambre des mises en accusation tal-cour d'appel ta' Brussell tat sentenza fejn iddikjarat infondat l-appell tal-Kummissjoni. Fis-sentenza tagħha, il-cour d'appel ta' Brussell iddeċidiet li ma kienet teżisti l-ebda prova inkriminanti kontra l-akkużati fir-rigward tal-kapi ta' l-att ta' akkuża dwar, b'mod partikolari, il-bidla ta' l-offerta, l-adozzjoni ta' l-anness in kwistjoni u l-ħruġ ta' kontijiet, fil-kuntest tal-kuntratt ta' sigurtà, għal servizzi li m'għandhomx x'jaqsmu ma' l-eżekuzzjoni ta' dan il-kuntratt. Il-cour d'appel ta' Brussell qieset ukoll li l-Kummissjoni ma ppruvatx li kienet soffriet xi dannu. Minħabba li l-Kummissjoni ma ressqet l-ebda appell kontra din is-sentenza, din id-deċiżjoni ġudizzjarja saret finali.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

35     Permezz ta' rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fl-10 ta' Diċembru 2001, ir-rikorrent ressaq dan ir-rikors.

36     Fuq ir-rapport ta' l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza (Il-Ħames Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. Fil-kuntest tal-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti tal-Prim'Istanza stiednet lill-partijiet biex jipproduċu ċerti dokumenti u biex iwieġbu bil-miktub għal ċerti domandi. B'mod partikolari, il-Qorti tal-Prim'Istanza stiednet lill-Kummissjoni biex tipproduċi l-inkartament dixxiplinarju tar-rikorrent. Il-partijiet issodisfaw dawn it-talbiet fit-terminu mogħti.

37     Is-sottomissjonijiet tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza nstemgħu matul is-seduta pubblika tat-2 ta' Diċembru 2003.

38     Waqt is-seduta, ir-rikorrent, bi tweġiba għal domanda tal-Qorti tal-Prim'Istanza, ippreċiża li l-ammont mitlub bħala kumpens għad-dannu materjali u morali li qiegħed jallega li sofra jammonta għal EUR 37,500. Il-Kummissjoni, ukoll bi tweġiba għal domanda tal-Qorti tal-Prim'Istanza, irtirat l-argumenti tagħha li l-kap tat-talbiet dwar l-allegat dannu materjali subit mir-rikorrent huwa inammissibbli minħabba li kienet ippreżentatu għall-ewwel darba fl-istadju tal-kontroreplika.

39     Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–       tannulla d-deċiżjoni ta' l-ATĦ tal-5 ta' April 2001;

–       tikkundanna lill-konvenuta tħallas is-somma ta' 37,500 euro bħala kumpens għad-dannu materjali u morali subit;

–       tikkundanna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż kollha.

40     Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–       tiċħad ir-rikors;

–       tiddeċiedi dwar l-ispejjeż skond id-dritt.

 Id-dritt

1.     Fuq it-talbiet għal annullament

41     In sostenn tat-talbiet tiegħu għal annullament, ir-rikorrent jinvoka, fl-ewwel lok, raġuni bbażata fuq ksur tar-regoli ta' proċedura u tad-drittijiet tad-difiża matul il-proċedura dixxiplinarja; fit-tieni lok, raġuni bbażata fuq żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti li bihom huwa akkużat; fit-tielet lok, raġuni bbażata fuq ksur tal-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni u, fir-raba' lok, raġuni bbażata fuq ksur tal-prinċipju ta' aspettattivi leġittimi u tal-bona fede.

 Fuq l-ewwel raġuni, ibbażata fuq ksur tar-regoli ta' proċedura u tad-drittijiet tad-difiża matul il-proċedura dixxiplinarja

42     Ir-rikorrent isostni li l-proċedura dixxiplinarja kienet vizzjata b'difetti proċedurali li skondu jirriżultaw mill-ksur, mill-ATĦ, tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal li jorganizzaw din il-proċedura, kif ukoll mill-ksur tad-drittijiet tad-difiża. Ir-rikorrent iqajjem, b'mod partikolari, l-ilmenti segwenti: id-dewmien eċċessiv fl-adozzjoni tal-miżura dixxiplinarja, in-nuqqas ta' sospensjoni tal-proċedura dixxiplinarja minkejja l-eżistenza ta' proċedura kriminali, aċċess imdewwem u inkomplet għall-inkartament, in-nuqqas ta' inseriment fl-inkartament u u n-nuqqas ta' trażmissjoni ta' dokumenti importanti u n-nuqqas li jinstemgħu xhieda importanti.

 Fuq id-dewmien fl-adozzjoni tal-miżura dixxiplinarja

–       L-argumenti tal-partijiet

43     Ir-rikorrent jenfasizza li l-miżura dixxiplinarja ngħatatlu aktar minn tmien snin wara li seħħew il-fatti li bihom kien akkużat minkejja li, f'dan il-perijodu, huwa kien kompla jwettaq l-inkarigu tiegħu u jagħti s-servizz tiegħu mingħajr l-ebda kumment min-naħa ta' l-amministrazzjoni.

44     Il-Kummissjoni tfakkar li r-Regolamenti tal-Persunal, fid-dispożizzjonijiet tagħhom dwar is-sistema dixxiplinarja applikabbli għall-uffiċjali, ma jipprevedu l-ebda terminu ta' preskrizzjoni fir-rigward tal-ftuħ ta' proċedura dixxiplinarja.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

45     Ir-Regolamenti tal-Proċedura, fl-Artikoli 86 sa 89 u fl-Anness IX, dwar is-sistema dixxiplinarja applikabbli għall-uffiċjali Komunitarji, ma jipprevedu l-ebda terminu ta' preskrizzjoni fir-rigward tal-ftuħ ta' proċedura dixxiplinarja kontra uffiċjal akkużat li naqas minn wieħed mill-obbligi tiegħu stabbiliti minn dawn l-istess Regolamenti. F'dan ir-rigward għandu jingħad li terminu ta' preskrizzjoni, sabiex jissodisfa l-għan tiegħu li jħares iċ-ċertezza legali, għandu jiġi stabbilit minn qabel mil-leġiżlatur Komunitarju (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-17 ta' Ottubru 1991, de Compte vs Il-Parlament, T-26/89, Ġabra p. II-781, punt 68, u tat-30 ta' Mejju 2002, Onidi vs Il-Kummissjoni, T-197/00, Ġabra SP p. I-A-69 u II-325, punt 88).

46     Madankollu, għandu jiġi mfakkar li, biex jitnaqqsu l-konsegwenzi negattivi li jistgħu jirriżultaw min-nuqqas ta' terminu ta' preskrizzjoni fir-rigward ta' l-eżerċizzju, min-naħa ta' l-amministrazzjoni, tal-kompetenzi tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fin-nuqqas ta' terminu bħal dan, ir-rekwiżit fundamentali taċ-ċertezza legali jipprekludi li l-Kummissjoni tista' ddum indefinittivament biex teżerċita s-setgħat tagħha, u li, għaldaqstant, il-ġudikatura Komunitarju, waqt eżami ta' ilment ibbażata fuq id-dewmien ta' l-azzjoni mdewwma tal-Kummissjoni, ma għandhiex tillimita ruħha għal konstatazzjoni li ma jeżisti l-ebda terminu ta' preskrizzjoni, iżda għandha tivverifika jekk il-Kummissjoni ressqitx l-azzjoni b'mod eċċessivament tard (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-14 ta' Lulju 1972, Geigy vs Il-Kummissjoni, 52/69, Ġabra p. 787, punt 21, dwar is-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multi fil-każ ta' ksur tar-regoli dwar il-kompetizzjoni, u ta' l-24 ta' Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, C-74/00 P u C-75/00 P, Ġabra p. I-7869, punt 140, fil-qasam ta' l-istħarriġ ta' għajnuniet mogħtija mill-Istat taħt it-Trattat KEFA).

47     B'mod aktar partikolari, fir-rigward tas-sistema dixxiplinarja applikabbli għall-uffiċjali Komunitarji, għandu jiġi mfakkar, preliminarjament li, għalkemm ir-Regolamenti tal-Persunal ma jipprovdux għal terminu ta' preskrizzjoni fir-rigward tal-ftuħ ta' proċedura dixxiplinarja, huma madankollu jistabbilixxu, fl-Anness IX tagħhom, speċifikament fl-Artikolu 7, termini stretti fir-rigward tad-dewmien fl-iżvolġiment tal-proċedura dixxiplinarja. Skond ġurisprudenza stabbilita, minkejja li huwa veru li mhumiex perentorji, dawn it-termini jistabbilixxu madankollu regola ta' amministrazzjoni tajba li bl-għan li, fl-interess kemm ta' l-amministrazzjoni kif ukoll ta' l-uffiċjali, ikun evitat dewmien mhux ġustifikat fl-adozzjoni tad-deċiżjoni li tikkonkludi l-proċedura dixxiplinarja (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-4 ta' Frar 1970, Van Eick vs Il-Kummissjoni, 13/69, Ġabra p.3; tad-29 ta' Jannar 1985, F vs Il-Kummissjoni, 228/83, Ġabra p. 275, u tad-19 ta' April 1988, M vs Il-Kunsill, 175/86 u 209/86, Ġabra p. 1891; sentenza de Compte vs I-Parlament, iċċitata iktar 'il fuq, punt 88). Mit-tama ta' amministrazzjoni tajba li ġiet murija mil-leġiżlatur Komunitarju jirriżulta li l-awtoritajiet dixxiplinarji għandhom l-obbligu li jwettqu l-proċedura dixxiplinarja b'diliġenza u li jaġixxu b'mod li kull att proċedurali jitwettaq f'terminu raġonevoli wara l-att preċedenti (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-26 ta' Jannar 1995, D vs Il-Kummissjoni, T-549/93, Ġabra p. I-A-13 u II-43, punt 25, u Onidi vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 91). In-nuqqas li jkun rispettat dan it-terminu, li jista' jiġi evalwat biss fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, jista' jwassal għall-annullament ta' l-att magħmul wara li jintemm dan it-terminu (sentenzi D v s Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 25, u de Compte vs Il-Parlament, iċċitata iktar 'il fuq, punt 88).

48     Dan id-dover ta' diliġenza u ta' rispett tat-terminu raġonevoli japplika wkoll għall-ftuħ tal-proċedura dixxiplinarja, b'mod partikolari fil-każ u mill-mument meta l-amministrazzjoni ssir taf dwar fatti u mġiba li jistgħu jammontaw għal ksur ta' l-obbligi ta' uffiċjal taħt ir-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, anki fin-nuqqas ta' terminu ta' preskrizzjoni, l-awtoritajiet dixxiplinarji għandhom l-obbligu li jaġixxu b'mod li l-ftuħ tal-proċedura twassal għal miżura dixxiplinarja f'terminu raġonevoli (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-19 ta' Ġunju 2003, Voigt vs BĊE, T-78/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 64). Nuqqas li jkun rispettat terminu raġonevoli sabiex tinfetaħ il-proċedura dixxiplinarja, li, f'dan il-każ, ukoll jiddependi miċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, jista' jivvizzja l-proċedura dixxiplinarja li tkun infetħet tard wisq mill-amministrazzjoni b'illegalità u, għaldaqstant, iwassal għall-annullament tal-miżura dixxiplinarja adottata fit-tmiem ta' din il-proċedura (ara, b'analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta' Novembru 2001, Z vs Il-Parlament, C-270/99 P, Ġabra p. I-9197, punti 43 u 44; is-sentenzi D vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 25, u de Compte vs Il-Parlament, iċċitata iktar 'il fuq, punt 88).

49     Għandu jingħad ukoll li l-prinċipju ta' ċertezza legali jkun mhedded jekk l-amministrazzjoni ddewwem eċċessivament il-ftuħ tal-proċedura dixxiplinarja. Fil-fatt, kemm l-evalwazzjoni mill-amministrazzjoni tal-fatti u ta' l-imġiba li jistgħu jammontaw għal nuqqas dixxiplinarju kif ukoll l-eżerċizzju mill-uffiċjal tad-drittijiet tiegħu tad-difiża jistgħu jsiru partikolarment diffiċli jekk jgħaddi perijodu twil ta' żmien bejn meta jseħħu dawn il-fatti u mġiba u l-bidu ta' l-inkjesta dixxiplinarja. Fil-fatt, minn naħa, xhieda u dokumenti importanti – provi inkriminanti jew le – jistgħu jisparixxu, u, min-naħa l-oħra, isir diffiċli għall-persuni kollha kkonċernati u għax-xhieda li jiftakru b'eżattezza l-fatti tal-każ u ċ-ċirkustanzi li fihom dawn seħħew. Għalhekk, għandu jiġi mfakkar, bħala eżempju, li, f'dan il-każ, is-Sur De Haan, li, kif diġà ġie indikat, kien imexxi l-UTS fiż-żmien meta seħħew il-fatti, miet fit-30 ta' Awwissu 2000, jiġifieri ħafna wara li seħħew il-fatti li bihom huwa akkużat ir-rikorrent f'din il-kawża, iżda, madankollu, qabel il-konklużjoni tal-proċedura dixxiplinarja fir-rigward tiegħu.

50     Konsegwentement, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma tistax, f'dan il-każ, tillimita l-eżami tagħha tal-fondatezza ta' dan l-ilment għall-konstatazzjoni li ma hemm l-ebda terminu ta' preskrizzjoni fil-qasam in kwistjoni. Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni ħaditx azzjoni b'mod eċċessivament tard.

51     Għandu jiġi mfakkar li l-kuntratt ta' sigurtà, li l-konklużjoni u l-eżekuzzjoni tiegħu huma fil-bażi tal-proċedura dixxiplinarja meħuda kontra r-rikorrent, kien iffirmat f'Ottubru 1992. Il-preparazzjoni u l-konklużjoni ta' l-anness in kwistjoni, li ħa sehem fihom ir-rikorrent, liema parteċipazzjoni tikkostitwixxi l-akkuża nru 3 imressqa kontrih, seħħew matul ix-xahar ta' Ottubru 1992. In-nota ta' konsultazzjoni dwar dan l-anness, li l-fatt li ma ntbagħtietx huwa, skond l-ATĦ, fil-bażi ta' l-akkuża nru 4, instabet f'Jannar 1993 u, skond il-Kummissjoni, kellha tintbagħat lil KKXA mhux aktar tard minn dan il-mument. Fir-rigward tal-fatti li huma s-suġġett ta' l-akkuża nru 5, ibbażata fuq l-allegat ksur mir-rikorrent ta' l-obbligu li jinforma lis-superjur dirett tiegħu dwar il-fatt li l-kollega tiegħu, is-Sur Burlet, kien qiegħed iwettaq kompiti amministrattivi minkejja li kien qiegħed jitħallas taħt il-kuntratt ta' sigurtà, għandu jingħad li s-Sur Burlet, li kien diġà ħadem ma' l-UTS bejn il-15 ta' Lulju 1992 u l-15 ta' Marzu 1993 bħala uffiċjal supplenti, ġie ingaġġat minn IMS/Group 4 fis-16 ta' Marzu 1993 bħala impjegat amministrattiv responsabbli għal kompiti amministrattivi fil-Kummissjoni, iżda li madankollu huwa ħadem fl-UTS f'dik il-kapaċità sas-16 ta' Mejju 1993 biss u wara ngħata perijodi suċċessivi ta' leave mingħajr ħlas mill-kumpannija IMS/Group 4(13).

52     Mill-inkartament jirriżulta li l-Kummissjoni saret taf dwar l-allegati irregolaritajiet fir-rigward tal-konklużjoni u l-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta' sigurtà ħafna qabel id-data tal-ftuħ tal-proċedura dixxiplinarja. Fil-fatt, mir-rapport ta' l-inkjesta amministrattiva ta' l-14 ta' Lulju 1998 (paġna 13) mħejji mis-Sur Reichenbach jirriżulta li l-uffiċju tal-President tal-Kummissjoni kien ġie informat fil-bidu tas-sena 1993 dwar l-allegati irregolaritajiet fir-rigward tal-kuntratt ta' sigurtà(14). F'Jannar 1993, il-Kontroll Finanzjarju ċaħad l-approvazzjoni tiegħu minħabba li l-pagamenti kienu previsti fi franki Belġjani u mhux f'ecu (ara l-punt 10 iktar 'il fuq). Dan ir-rifjut ta' approvazzjoni wassal għall-annullament parzjali ta' l-anness kontenzjuż, permezz ta' ftehim addizzjonal iffirmat fis-27 ta' Jannar 1993 (ara l-punt 11 iktar 'il fuq). Fis-17 ta' Frar 1993, id-Direttorat Ġenerali "Kontroll Finanzjarju" tal-Kummissjoni beda verifika dwar l-attivitajiet ta' l-UTS u l-għoti tal-kuntratt ta' sigurtà. Ir-rapport finali tad-Direttorat Ġenerali "Kontroll Finanzjarju" tas-7 ta' Lulju 1993 jirreferi għal nuqqasijiet fil-proċeduri ta' kontroll u ta' approvazzjoni ta' l-operazzjonijiet finanzjarji u tal-kuntratti u jitratta, b'mod aktar partikolari, l-bidliet introdotti fil-kuntratt ta' sigurtà sottomess lill-KKXA, liema bidliet, josserva dan ir-rapport, ma kinux ġew approvati minn dan il-kumitat, kienu kontra l-ispeċifikazzjonijiet u l-kundizzjonijiet tal-kuntratt u kienu jinvolvu żieda fl-ispejjeż tas-servizzi u distorsjoni fil-kompetizzjoni. Ir-rapport ta' inkjesta amministrattiva ta' l-14 ta' Lulju 1998 jirreferi għal din il-verifika tax-xahar ta' Lulju 1993 filwaqt li josserva li din il-verifika kienet semmiet "problemi sostanzjali" izda ma kienet ittieħdet l-ebda azzjoni amministrattiva jew dixxiplinarja apparti l-fatt li s-Sur Eveillard ma kienx baqa' fil-kariga ta' kap tad-diviżjoni "Protezzjoni Brussell".

53     Issa, kien biss fid-29 ta' Lulju 1998 li l-ATĦ fetħet proċedura dixxiplinarja kontra r-rikorrent. Għaldaqstant, il-proċedura dixxiplinarja nfetħet kważi sitt snin wara li seħħew il-fatti in kwistjoni. Il-miżura dixxiplinarja, min-naħa tagħha, ingħatat biss fil-5 ta' April 2001, kważi tliet snin wara li nfetħet il-proċedura dixxiplinarja.

54     Għaldaqstant, u fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, il-Qorti tal-Prim'Istanza jidhrilha li, minħabba li l-fatti li bihom huwa akkużat ir-rikorrent seħħew f'Ottubru 1992 u, minħabba li l-Kummissjoni kienet saret taf dwar l-allegati irregolaritajiet in kwistjoni mhux aktar tard mill-perijodu ta' bejn Jannar u Lulju 1993, din l-istituzzjoni ħadet azzjoni eċċessivament tard peress li kien biss fid-29 ta' Lulju 1998 li fetħet proċedura dixxiplinarja kontra r-rikorrent. Dan il-ksur min-naħa tal-Kummissjoni tar-rekwiżit li jiġi rispettat terminu raġonevoli biex tinfetaħ proċedura dixxiplinarja jammonta għal ksur ċar tal-prinċipju ta' ċertezza legali u ta' amministrazzjoni tajba u għal ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent u, għaldaqstant, iwassal għall-irregolarità ta' din il-proċedura dixxiplinarja.

55     Minn dak li għadu kemm intqal jirriżulta li dan l-ilment huwa fondat.

 Fuq in-nuqqas ta' sospensjoni tal-proċedura dixxiplinarja sakemm ingħalqet il-proċedura ġudizzjarja

–       L-argumenti tal-partijiet

56     Ir-rikorrent josserva li l-ATĦ ma laqgħatx it-talbiet ripetuti tiegħu għas-sospensjoni tal-proċedura dixxiplinarja sakemm tingħalaq l-istruttorja tal-proċedura kriminali mibdija kontrih quddiem il-qrati Belġjani. Ir-rikorrent isostni li kien evidenti li r-riżultat ta' din il-proċedura kien ser ikun li ma kienx hemm lok li titkompla.

57     Il-Kummissjoni tosserva li proċedura dixxiplinarja u proċedura kriminali ma għandhomx l-istess għan, minħabba li din ta' l-aħħar tikkonċerna l-possibbiltà ta' ksur tal-kodiċi kriminali, filwaqt li l-proċedura dixxiplinarja tikkonċerna n-nuqqasijiet fir-rigward ta' ċerti obbligi previsti fir-Regolamenti tal-Persunal li, mid-definizzjoni stess tagħhom, m'għandhom l-ebda karattru kriminali, bil-miżuri dixxiplinarji li, barra minn dan, jistgħu jikkonċernaw biss ir-relazzjoni ta' impjieg bejn il-persuna kkonċernata u l-persuna li tħaddimha. Il-Kummissjoni tfakkar li l-proċedura applikabbli fir-rigward ta' sistema dixxiplinarja ta' uffiċjali mhijiex ġudizzjarja iżda amministrattiva (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Lulju 1998, N vs Il-Kummissjoni, C-252/97 P, Ġabra p. I-4871, punt 52).

58     Waqt is-seduta, u bi tweġiba għal domanda tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-Kummissjoni sostniet li, f'dan il-każ, ma kien hemm l-ebda relazzjoni bejn il-proċedura kriminali u l-proċedura dixxiplinarja minħabba li l-fatti u l-kwalifika legali tagħhom kienu differenti fiż-żewġ proċeduri. Il-proċedura kriminali kellha bħala suġġett, b'mod partikolari, li tipprova allegati reati ta' falsifikazzjoni u ta' użu ta' dokumenti foloz u ta' frodi, filwaqt li għan tal-proċedura dixxiplinarja kien li tissanzjona negliġenzi u ommissjonijiet li jammontaw għal nuqqasijiet ta' l-obbligi professjonali tar-rikorrent. Skond il-Kummissjoni, kien minħabba din ir-raġuni li l-ATĦ iddeċidiet, matul il-proċedura dixxiplinarja, li tifred l-aspett dixxiplinarju mill-aspett kriminali. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li s-sospensjoni tal-proċedura dixxiplinarja sakemm tingħalaq il-proċedura kriminali kienet twassal għal dewmien konsiderevoli fl-iżvolġiment tal-proċedura dixxiplinarja.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

59     Il-ħames paragrafu ta' l-Artikolu 88 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li, "meta uffiċjal jitħarrek għal dawk l-istess atti, deċiżjoni finali tittieħed biss wara li verdett finali jintlaħaq mill-qorti li qed tisma' l-kawża". Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-ATĦ hija pprojbita milli tagħti deċiżjoni finali, mill-aspett dixxiplinarju, dwar is-sitwazzjoni ta' l-uffiċjal ikkonċernat billi tippronunzja ruħha dwar fatti li fl-istess waqt huma s-suġġett ta' proċedura kriminali sakemm ma d-deċiżjoni mogħtija mill-qorti kriminali li tkun qiegħda tisma' l-każ tkun saret finali (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-13 ta' Marzu 2003, Pessoa u Costa vs Il-Kummissjoni, T-166/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 45). Għaldaqstant, b'differenza mit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 7 ta' l-Anness IX tar-Regolamenti tal-Proċedura li taħtu l-Bord Dixxiplinarju jista' jiddeċiedi, f'każ ta' proċedura quddiem qorti kriminali, li hemm lok li jissospendi l-għoti ta' l-opinjoni tiegħu sakemm tingħata d-deċiżjoni tal-qorti, il-ħames paragrafu ta' l-Artikolu 88 tar-Regolamenti tal-Persunal ma jagħtix diskrezzjoni lill-ATĦ responsabbli li tagħti d-deċiżjoni finali dwar is-sitwazzjoni ta' uffiċjali li fir-rigward tiegħu tkun infetħet proċedura dixxiplinarja. (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-19 ta' Marzu 1999, Tzoanos vs Il-Kummissjoni, T-74/96, Ġabra SP, p. I-A-129 u II-343, punti 32 u 33).

60     Qabel kollox għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta mill-inkartament dixxiplinarju tiegħu, permezz ta' ittra tat-8 ta' April 1999, ir-rikorrent indika lill-President tal-Bord Dixxiplinarju li l-proċedura dixxiplinarja li kienet infetħet kontrih kienet titlob b'mod ċar li, qabel kollox, ikun hemm deċiżjoni dwar il-fondatezza ta' l-akkużi mressqa kontrih mill-aspett kriminali quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Belġju u talab, abbażi tal-ħames paragrafu ta' l-Artikolu 88 tar-Regolamenti tal-Persunal, is-sospensjoni tal-proċedura dixxiplinarja sakemm tingħalaq l-istruttorja kriminali(15). B'riżultat ta' din l-ittra, fit-23 ta' April 1999 il-President tal-Bord Dixxiplinarju talab lid-Direttorat Ġenerali tal-Persunal u ta' l-Amministrazzjoni tal-Kummissjoni informazzjoni dwar l-eżistenza, il-portata u l-istat tal-proċedura kriminali in kwistjoni(16). Wara dan, is-servizzi ta' dan id-Direttorat Ġenerali talbu informazzjoni mingħand l-UCLAF permezz ta' ittra ta' l-4 ta' Mejju 1999(17). L-UCLAF irrispondiet permezz ta' ittra tat-28 ta' Mejju 1999 fejn ikkonfermat li l-każ kien tressaq quddiem il-procureur du roi ta' Brussell mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni fit-23 ta' April 1998 u li dan kien wassal biex, fit-19 ta' Mejju 1998, infetħet proċedura istruttorja quddiem l-imħallef istruttorju Belġjan is-Sur Van Espen(18). Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li, fid-dikjarazzjoni bil-miktub tiegħu lill-ATĦ tal-25 ta' Mejju 2000, ir-rikorrent reġa' talab is-sospensjoni tal-proċedura dixxiplinarja sakemm tingħalaq il-proċedura kriminali(19).

61     Il-proċedura kriminali mibdija kontra r-rikorrent ingħalqet bis-sentenza tat-28 ta' Mejju 2002 tax-chambre des mises en accusation tal-cour d'appel ta' Brussell. Konsegwentament, fin-nuqqas ta' appell mill-Kummissjoni biex tiġi annullata, din is-sentenza tikkostitwixxi d-deċiżjoni finali tal-qrati Belġjani fir-rigward tar-rikorrent taħt il-ħames paragrafu ta' l-Artikolu 88 tar-Regolamenti tal-Persunal.

62     Issa, għandu jiġi mfakkar, f'dan ir-rigward, li l-proċedura dixxiplinarja li kienet tikkonċerna r-rikorrent ġiet konkluża qabel it-28 ta' Mejju 2002, id-data meta ngħatat s-sentenza tax-chambre des mises en accusation tal-cour d'appel ta' Brussell. Fil-fatt, l-ATĦ adottat id-deċiżjoni li imponiet miżura dixxiplinarja fuq ir-rikorrent fil-5 ta' April 2001. Fl-10 ta' Settembru 2001, l-ATĦ ċaħdet l-ilment magħmul mir-rikorrent fid-29 ta' Mejju 2001 taħt l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal u b'hekk ikkonfermat din id-deċiżjoni.

63     Madankollu, l-Kummissjoni ssostni li f'dan il-każ ma kien hemm l-ebda relazzjoni bejn il-proċedura kriminali u l-proċedura amministrattiva u li, għaldaqstant, hija ma kinitx obbligata li tistenna l-għeluq tal-proċedura kriminali qabel ma tagħti d-deċiżjoni finali tagħha dwar is-sitwazzjoni tar-rikorrent fil-kuntest tal-proċedura dixxiplinarja. Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk il-fatti li kienu s-suġġett tal-proċeduri kriminali u dawk sanzjonati fil-kuntest tal-proċedura dixxiplinarja kinux identiċi jew le (sentenzi Tzoanos vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 35, u Onidi vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 81).

64     Għaldaqstant għandu jiġi mfakkar li, fit-23 ta' April 1998, il-Kummissjoni indirizzat ilment lill-procureur du roi ta' Brussell dwar l-allegati irregolaritajiet fl-għoti u fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta' sigurtà (ara l-punt 26 iktar 'il fuq). Dan l-ilment, li miegħu kien mehmuż ir-rapport ta' l-UCLAF tat-12 ta' Marzu 1998, kien jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta' l-għoti ta' l-appalt, b'mod partikolari l-possibbiltà ta' manipulazzjoni ta' l-offerta tal-kumpannija IMS/Group 4, it-tħejjija ta' l-annessi tal-kuntratt u n-nuqqas ta' konsultazzjoni mal-KKXA, kif ukoll l-eżistenza effettiva tas-servizzi ġewx effettivament ipprovduti u r-regolarità tal-proċeduri ta' ingaġġ ta' persuni li jirċievu salarji fil-kuntest ta' dan il-kuntratt.

65     B'riżultat ta' dan l-ilment u tal-miżuri preskritti mill-imħallef istruttorju, l-Office central pour la répression de la corruption, tal-pulizija ġudizzjarja ta' Brussell, ipprepara rapport ta' sinteżi, datat il-21 ta' Ġunju 2000, bir-riżultati ta' l-inkjesta dettaljata mwettqa fil-kawża in kwistjoni. F'dan ir-rapport, il-Kummissarju tal-pulizija ġudizzjarja ta' Brussell, is-Sur L. qies, fl-ewwel lok, li ma ġiex ipprovat li l-offerta tal-kumpannija IMS/Group 4 kienet ġiet modifikata; fit-tieni lok, li kien ġie ffirmat anness li jemenda l-kuntratt b'mod sostantiv iżda li, minkejja li l-proċedura ta' verifika preliminari ma kinitx ġiet irrispettata kompletament, il-Kontroll Finanzjarju kien madankollu ġie informat b'dan l-anness qabel ma ġie ffirmat u, fit-tielet lok, li ċerti aġenti tal-kumpannija IMS/Group 4, li s-servizzi tagħhom kienu ġew fatturati taħt il-kuntratt ta' sigurtà, kienu fil-fatt wettqu funzjonijiet li minnhom ibbenefikat il-Kummissjoni u li ma kellhom x'jaqsmu xejn ma' dan il-kuntratt, iżda l-Kummissjoni kienet taf sewwa b'dan l-użu b'mod abbużiv, li kien komuni f'dak iż-żmien.

66     Fid-dikjarazzjoni tagħha ta' l-1 ta' Marzu 2001 fejn ikkostitwiet ruħha bħala parti ċivili quddiem l-imħallef istruttorju, il-Kummissjoni sostniet li kienet soffriet dannu li jirriżulta minn falsifikazzjoni ta' dokumenti mwettqa fil-kuntest tas-sejħiet għal offerti, kif ukoll mill-inklużjoni ta' kontijiet għal servizzi mogħtija minn persuni li ma kinux wettqu kompiti taħt il-kuntratt ta' sigurtà.

67     Fid-dikjarazzjoni tiegħu tas-27 ta' Marzu fejn irtira li ma kienx hemm lok li titkompla l-proċedura wara li kien tressaq l-att ta' l-akkuża, il-procureur du roi kkonkluda li ma kienx hemm provi inkriminanti biżżejjed kontra r-rikorrent u l-akkużati l-oħra, is-Sinjuri Eveillard u Alexandre, fir-rigward ta', fl-ewwel lok, il- falsifikazzjoni ta' dokumenti, pubbliċi jew privati, fit-tieni lok, manipulazzjonijiet fil-kuntest tas-sejħa għal offerti, u, fit-tielet lok, l-eżistenza ta' persunal li mhux assenjat għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta' sigurtà iżda li xorta waħda jitħallas taħt dan il-kuntratt.

68     Fis-sentenza tagħha tas-6 ta' Awwissu 2001, ix-chambre des mises en accusation tal-cour d'appel ta' Brussell qieset, l-ewwel nett, li l-operazzjonijiet finanzjarji in kwistjoni kienu ġew parzjalment approvati mill-KKXA u li, l-bqija kienu rċevew l-awtorizzazzjoni tal-Kontroll Finanzjarju u, it-tieni nett, li l-prattika fir-rigward ta' l-użu b'mod abbużiv tal-kuntratt ta' sigurtà seħħet bl-għarfien tal-Kummissjoni li l-organi tagħha kienu organizzaw u approvaw din il-prattika.

69     Fid-digriet tagħha tad-19 ta' Marzu 2002, ix-chambre du conseil du tribunal de première instance ta' Brussell ikkonkludiet li ma kien hemm l-ebda prova inkriminanti fir-rigward ta' l-elementi li jikkostitwixxu r-reati kkonċernati u li, b'mod partikolari, l-inkartament ma kienx fih l-inqas ħjiel li seta' jwassal biex wieħed jaħseb li r-rikorrent u s-Sinjuri Eveillard u Alexandre kellhom xi tip ta' intenzjoni frawdolenti.

70     Fl-aħħar nett, fit-28 ta' Mejju 2002, ix-chambre des mises en accusation tal-cour d'appel ta' Brussell tat sentenza fejn iddikjarat infondat l-appell ippreżentat mill-Kummissjoni fit-2 ta' April 2002 kontra d-digriet tad-19 ta' Marzu 2002. Fis-sentenza tagħha, il-cour d'appel ta' Brussell iddeċidiet li ma kienet teżisti l-ebda prova inkriminanti kontra l-akkużati fir-rigward ta' l-akkużi dwar il-modifika ta' l-offerta, l-adozzjoni ta' l-anness in kwistjoni u l-ħruġ ta' kontijiet, fil-kuntest tal-kuntratt ta' sigurtà, fir-rigward ta' servizzi li m'għandhomx x'jaqsmu ma' l-eżekuzzjoni ta' dan il-kuntratt.

71     Minn dak kollu li għadu kemm intqal jirriżulta li l-imġiba li kienet is-suġġett tal-proċedura kriminali tista' tiġi kklassifikata fi tliet gruppi distinti: fl-ewwel lok, il-kundizzjonijiet ta' l-għoti ta' l-appalt ta' sigurtà, u b'mod partikolari l-allegata manipulazzjoni ta' l-offerta li finalment intlaqgħat; fit-tieni lok, il-preparazzjoni u l-konklużjoni ta' l-anness li bidel il-kontenut tal-kuntratt u n-nuqqas ta' konsultazzjoni mal-KKXA f'dan ir-rigward u, fit-tielet lok, l-eżistenza ta' persuni imħallsin taħt il-kuntratt ta' sigurtà fir-rigward ta' servizzi li ma jaqgħux fost il-kompiti previsti f'dan il-kuntratt.

72     L-ewwel wieħed minn dawn il-gruppi ta' fatti, dwar l-allegata manipulazzjoni ta' l-offerta, kien jikkoinċidi mas-suġġett ta' l-akkuża nru 2 ifformulata mill-ATĦ kontra r-rikorrent permezz ta' nota tat-23 ta' Settembru 1998. Madankollu, din l-akkuża ma kinitx sussegwentement sostnuta mill-Bord Dixxiplinarju li ċaħadha fl-opinjoni tiegħu tad-9 ta' Marzu 2000. It-tieni grupp ta' fatti, dwar il-konklużjoni ta' l-anness in kwistjoni u n-nuqqas ta' konsultazzjoni mal-KKXA, kien is-suġġett ta' l-akkużi nri 3 u 4, li kienu kkonstatati kontra r-rikorrent mill-ATĦ fid-deċiżjoni tal-5 ta' April 2001 li imponietlu miżura dixxiplinarja, u kienu kkonfermati mid-deċiżjoni ta' l-10 ta' Settembru 2001 li ċaħdet l-ilment. Bl-istess mod, it-tielet grupp ta' fatti kien jikkostitwixxi l-bażi ta' l-akkuża nru 5 li wkoll kienet ikkonstatata mill-ATĦ kontra r-rikorrent.

73     Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-proċedura dixxiplinarja mibdija kontra r-rikorrent kienet tikkonċerna l-istess fatti bħal dawk li kienu s-suġġett tal-proċedura kriminali. Għaldaqstant, minħabba li l-kundizzjonijiet biex jiġi applikat il-ħames paragrafu ta' l-Artikolu 88 tar-Regolamenti tal-Persunal kienu ġew sodisfatti, il-Kummissjoni ma setgħatx tagħti deċiżjoni finali dwar is-sitwazzjoni ta' l-uffiċjal, mill-aspett dixxiplinarju, sakemm tingħata deċiżjoni finali mill-qrati kriminali.

74     Din il-konklużjoni ma tistax tiġi megħluba bl-argument tal-Kummissjoni li, minn naħa, l-kwalifiki legali rispettivi tal-fatti in kwistjoni kienu differenti fil-kuntest tal-proċedura kriminali u tal-proċedura dixxiplinarja u, min-naħa l-oħra, in-negliġenzi u l-ommissjonijiet li fil-fatt kien akkużat bihom ir-rikorrent matul il-proċedura dixxiplinarja ma kinux jammontaw għal reat kriminali li jista' jkun sanzjonat fil-kuntest ta' proċeduri kriminali mibdija quddiem il-qrati Belġjani.

75     It-teżi tal-Kummissjoni tistrieħ fuq qari żbaljat tal-ħames paragrafu ta' l-Artikolu 88 tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, għandu jiġi ppreċiżat li din id-dispożizzjoni hija bbażata fuq żewġ ġustifikazzjonijiet. Minn naħa, dan l-Artikolu jissodisfa l-ħtieġa li ma tintlaqatx il-pożizzjoni ta' l-uffiċjal in kwistjoni fil-kuntest tal-proċeduri kriminali li jkunu nfetħu kontrih minħabba fatti li jkunu wkoll is-suġġett ta' proċedura dixxiplinarja fi ħdan l-istituzzjoni tiegħu (sentenza Tzoanos vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 34). Min-naħa l-oħra, is-sospensjoni tal-proċedura dixxiplinarja sakemm tingħalaq il-proċedura kriminali tippermetti li l-konstatazzjonijiet fattwali magħmula mill-qorti kriminali jittieħdu in kunsiderazzjoni fil-kuntest tal-proċedura dixxiplinarja meta d-deċiżjoni ta' din il-qorti tkun saret finali. F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-ħames paragrafu ta' l-Artikolu 88 tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxu l-prinċipju li "l-proċedura kriminali żżomm sospiża dik dixxiplinarja", liema prinċipju huwa ġustifikat b'mod partikolari mill-fatt li l-qrati kriminali nazzjonali għandhom poteri investigattivi iktar wiesgħa minn dawk li għandha l-ATĦ (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-21 ta' Novembru 2000, A vs Il-Kummissjoni, T-23/00, Ġabra SP p. I-A-263 u II-1211, punt 37). Għaldaqstant, fil-każ fejn l-istess fatti jistgħu jammontaw għal reat kriminali u għal ksur ta' l-obbligi ta' l-uffiċjal taħt ir-Regolamenti tal-Persunal, l-amministrazzjoni hija marbuta mill-konstatazzjonijiet fattwali magħmula mill-qorti kriminali fil-kuntest tal-proċedura kriminali. Meta din il-qorti tkun ikkonstatat l-eżistenza tal-fatti tal-każ, l-amministrazzjoni tkun imbagħad tista' tikkwalifikahom legalment fir-rigward tal-kunċett ta' nuqqas dixxiplinarju billi, b'mod partikolari, tivverifika jekk dawn jammontawx għal nuqqasijiet fir-rigward ta' l-obbligi taħt ir-Regolamenti tal-Persunal (ara, f'dan is-sens, is-sentenza A vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 35).

76     Fl-aħħar nett, l-argument tal-Kummissjoni li s-sospensjoni tal-proċedura dixxiplinarja kienet ser iddewwem konsiderevolment l-iżvolġiment tagħha, u b'hekk id-deċiżjoni finali dwar is-sitwazzjoni tar-rikorrent, ma jistax jintlaqa'. Fil-fatt, minħabba li l-Kummissjoni kienet stenniet aktar minn ħames snin u nofs biex tiftaħ il-proċedura dixxiplinarja kontra r-rikorrent, hija ma setgħatx tuża r-riskju li jista' jkun hemm dewmien biex tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha li ma tistenniex l-għeluq tal-proċedura ġudizzjarja qabel ma tagħti deċiżjoni finali dwar is-sitwazzjoni tar-rikorrent mill-aspett dixxiplinarju. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent fil-fatt talab diversi drabi biex il-proċedura dixxiplinarja tiġi sospiża. Issa, peress li d-deċiżjonijiet tal-qrati kriminali Belġjani kienu favur li li jiġi ddikjarat li ma kienx hemm lok li jitkompla l-każ kontra r-rikorrent, ir-rikorrent ma kienx qiegħed jagħmel dawn it-talbiet għal sospensjoni sempliċiment bħala mezz biex joħloq dewmien iżda fil-fatt kellu kull interess li l-proċedura dixxiplinarja tieħu in kunsiderazzjoni deċiżjoni finali tal-qorti kriminali li tiddikjara bħala infondati l-akkużi miġjuba kontrih.

77     Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni kisret il-ħames paragrafu ta' l-Artikolu 88 tar-Regolamenti tal-Persunal billi adottat miżura dixxiplinarja kontra r-rikorrent mingħajr ma stenniet id-deċiżjoni finali mill-qorti kriminali u, għalhekk, hemm lok li jintlaqa' l-ilment imressaq mir-rikorrent.

78     Minn dak kollu li għadu kemm intqal jirriżulta li l-Kummissjoni kisret ir-regoli ta' proċedura, id-drittijiet tad-difiża u l-prinċipji ta' ċertezza legali u ta' amministrazzjoni tajba. Għaldaqstant, l-ewwel raġuni għandha tiġi ddikjarata fondata mingħajr ma huwa meħtieġ li jkunu eżaminati l-ilmenti l-oħra mressqa mir-rikorrent.

 Fuq it-tieni raġuni, ibbażata fuq żball manifest fil-kunsiderazzjoni tal-fatti li bihom huwa akkużat ir-rikorrent

 Fuq l-ilment nru 4, dwar l-ommissjoni ta' konsultazzjoni mal-KKXA

–       L-argumenti tal-partijiet

79     Ir-rikorrent isostni li mhux ikkontestat li huwa effettivament ipprepara n-nota ta' konsultazzjoni fir-rigward ta' l-anness in kwistjoni li kienet indirizzata lill-KKXA u li din in-nota kienet ġiet approvata mis-Sur Eveillard u ġiet iffirmata mis-Sur De Haan. Din in-nota intilfet fl-arkivji ta' l-UTS u għalhekk ma kinitx waslet għand id-destinatarju tagħha minħabba raġunijiet totalment indipendenti mill-volontà tar-rikorrent. Meta din in-nota nstabet, ir-rikorrent informa lis-superjur dirett tiegħu dwar il-ħtieġa li din tintbagħat, anki jekk tard, u kien b'għarfien sħiħ tal-fatti li s-superjuri diretti tiegħu dehrilhom li ma kienx hemm bżonn li din in-nota tintbagħat lill-KKXA filwaqt li r-rikorrent ma kienx f'pożizzjoni li jaġixxi kontra d-deċiżjonijiet tagħhom.

80     Il-Kummissjoni tosserva li huwa stabbilit li l-anness in kwistjoni ma kienx ġie sottomess lill-KKXA biex dan jagħti opinjoni, li r-rikorrent ma pprovax li huwa kien informa lis-superjur dirett tiegħu b'mod xieraq dwar l-obbligu li jkun ikkonsultat il-KKXA u li hu kien imissu kkonferma dan bil-miktub. Fir-rigward ta' l-allegazzjonijiet tar-rikorrent li huwa ma kienx f'pożizzjoni li jaġixxi kontra d-deċiżjonijiet tas-superjur dirett tiegħu, il-Kummissjoni tfakkar dak li jipprovdi it-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 21 tar-Regolamenti tal-Persunal u tosserva li l-ġurisprudenza dwar dan l-Artikolu tikkonferma li uffiċjal ma jistax jistrieħ fuq l-eventwali responsabbiltà tas-superjuri diretti tiegħu biex jeħles mir-responsabbiltajiet tiegħu (sentenza Tzoanos vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punti 188 et seq).

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

81     Skond l-Artikolu 68 tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament li jimplementa r-Regolament Finanzjarju, il-konsultazzjoni minn qabel tal-KKXA dwar l-anness in kwistjoni kienet obbligatorja f'dan il-każ meta wieħed iqis il-fatt li dan l-anness bidel b'mod sostanzjali l-kundizzjonijiet finanzjarji tal-kuntratt ta' sigurtà. F'dan ir-rigward għandu jingħad li l-akkuża mressqa speċifika kontra r-rikorrent hija li huwa ma kienx informa lis-superjur dirett tiegħu b'mod xieraq dwar l-obbligu li jiġi kkonsultat il-KKXA.

82     Issa, għandu jiġi osservat li s-Sur Eveillard, is-superjur tar-rikorrent, ikkonferma quddiem il-Bord Dixxiplinarju li hu kien ġie informat mir-rikorrent li kien meħtieġ li l-KKXA jiġi kkonsultat dwar il-ftehim addizzjonali mal-kuntratt ta' sigurtà(20). Bl-istess mod, il-Kummissjoni ma tikkontestax il-fatt li r-rikorrent, f'Novembru 1992, ipprepara nota ta' konsultazzjoni dwar l-anness tal-kuntratt, indirizzata lill-KKXA, u li din in-nota ġiet approvata mis-Sur Eveillard u ffirmaha s-Sur De Haan. Hemm qbil ukoll li din in-nota ntilfet fl-arkivji ta' l-UTS. Lanqas ma huwa kkontestat li d-deċiżjoni li din in-nota ta' konsultazzjoni, meta nstabet, ma tintbagħatx lill-KKXA ittieħdet mis-Sinjuri De Haan u Eveillard, superjuri tar-rikorrent.

83     Fid-dawl ta' dak li għadu kemm intqal, il-Qorti tal-Prim'Istanza jidhrilha li t-teżi tal-Kummissjoni li r-rikorrent kien imissu ppreżenta t-twissijiet tiegħu bil-miktub u li, minħabba li m'għamilx hekk, huwa kien responsabbli flimkien magħhom għall-fatt li ma ġiex ikkonsultat il-KKXA ma tistax tintlaqa' fiċ-ċirkustanzi ta' dan il-każ. Fil-fatt, billi r-rikorrent informa bil-fomm lis-superjuri tiegħu bl-obbligu ta' konsultazzjoni, billi bagħat il-kuntratt flimkien ma' l-anness tiegħu lill-Kontroll Finanzjarju u billi pprepara n-nota ta' konsultazzjoni indirizzata lill-KKXA, l-akkuża bbażata fuq il-fatt li huwa ma informax lis-superjur dirett tiegħu b'mod xieraq ma tistax tintlaqa' abbażi tas-sempliċi fatt li huwa m'għamilx dan bil-miktub.

84     Barra minn hekk, fir-rigward tan-nuqqas ta' konsultazzjoni mal-KKXA f'Jannar 1993 meta nstabet in-nota ta' konsultazzjoni, għandu jiġi osservat li l-effettività konsultazzjoni mdewwma bħal din kienet tkun limitata. Fil-fatt, mhux biss il-kuntratt ta' sigurtà kien diġà qiegħed jiġi mwettaq, iżda, fis-27 ta' Jannar 1993, b'riżultat ta' rifjut ta' awtorizzazzjoni min-naħa tal-Kontroll Finanzjarju dwar ordni ta' ħlas, l-Anness 3 tal-kuntratt kien ġie ffirmat biex jannulla, b'effett mill-1 ta' Frar 1993, l-istipulazzjonijiet ta' l-Anness 1 dwar il-klawżola ta' reviżjoni fir-rigward tal-bidliet fir-rata tal-kambju bejn l-ecu u l-frank Belġjan.

85     Għaldaqstant, l-akkuża nru 4 dwar in-nuqqas li tintbagħat in-nota ta' konsultazzjoni dwar il-ftehim addizzjonal in kwistjoni lill-KKXA mhix fondata.

 Fuq l-akkuża nru 5 dwar l-użu b'mod abbużiv tal-kuntratt ta' sigurtà

–       L-argumenti tal-partijiet

86     Fir-rigward ta' l-akkuża nru 5, dwar l-użu b'mod abbużiv tal-kuntratt ta' sigurtà, b'mod partikolari fir-rigward ta' l-ingaġġ tas-Sur Burlet biex jassumi kompiti amministrattivi waqt li kien jitħallas mill-kumpannija li rebħet il-kuntratt, ir-rikorrent josserva li din il-prattika kienet komuni f'dak iż-żmien, li l-ġerarkija tal-Kummissjoni kienet taf b'din il-prattika u li, fl-aħħar mill-aħħar, hija kienet organizzata u approvata mill-Kummissjoni stess. Ir-rikorrent bl-ebda mod ma kien assuma r-responsabbiltà għall-ingaġġ tas-Sur Burlet, liema responsabbiltà barra minn hekk ma kinitx taqa' fil-kariga tiegħu li kienet limitata għall-preparazzjoni tad-dokumenti biex jitħallsu l-kontijiet tal-kumpannija li rebħet il-kuntratt.

87     Il-Kummissjoni tfakkar li r-rikorrent huwa akkużat li ttollera, saħansitra pparteċipa, fl-użu b'mod abbużiv tal-kuntratt ta' sigurtà, fatt li r-rikorrent ma kkontestax, u mhux li kien responsabbli għall-ingaġġ ta' impjegati, fosthom tas-Sur Burlet. Huwa dan l-għarfien tal-fatti, flimkien man-nuqqas li jirrapportahom u n-nuqqas li jiddistakka ruħu minnhom permezz ta' mezzi xierqa, li huwa s-suġġett ta' l-akkuża nru 5. Fir-rigward tat-teżi tar-rikorrent dwar in-nuqqas ta' intervent dirett min-naħa tiegħu fil-ġestjoni tal-kuntratt ta' sigurtà, il-Kummissjoni tosserva li l-funzjoni tiegħu bħala l-persuna responsabbli mit-taqsima finanzjarja ta' l-UTS ma kinitx teħilsu minn kull responsabbiltà f'dan ir-rigward u li, għall-kuntrarju, minħabba f'hekk, aktar kien imissu informa lis-superjur dirett tiegħu dwar l-użu b'mod abbużiv ta' dan il-kuntratt. Il-fatt li prattika bħal din kienet "prattika komuni" f'dak iż-żmien, fatt li l-Kummissjoni tikkontesta, ma jbiddel la n-natura illegali ta' l-imġiba in kwistjoni u lanqas ma jeħles lir-rikorrent mir-responsabbiltà tiegħu f'dan ir-rigward.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

88     Qabel kollox għandu jiġi ppreċiżat li l-prattika in kwistjoni ma kinitx tikkonsisti fl-użu tal-kuntratt ta' sigurtà biex jitħallsu b'mod frawdolenti persuni li ma taw l-ebda servizz lill-Kummissjoni, iżda fl-ingaġġ, fil-kuntest ta' dan l-istess kuntratt, ta' persuni biex effettivament iwettqu kompiti fi ħdan il-Kummissjoni, liema kompiti kienu madankollu differenti minn dawk previsti fil-kuntratt ta' sigurtà.

89     Mid-diversi dokumenti ta' l-inkartament jirriżulta li l-ingaġġ ta' impjegati biex iwettqu kompiti amministrattivi fil-kuntest ta' l-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta' sigurtà kien prattika komuni f'dak iż-żmien u li, fi ħdan il-Kummissjoni, kien hemm għarfien ġenerali dwar din il-prattika. B'hekk, id-deċiżjoni li imponiet miżura dixxiplinarja qieset bħala ċirkustanza attenwanti fir-rigward tar-rikorrent il-fatt li "l-prattika ta' l-UTS ma kinitx barra min-normal f'dak iż-żmien". Ir-rapport ta' sinteżi maħruġ fil-21 ta' Ġunju 2000 mill-commissaire judiciare de l'Office central pour la répression de la corruption, tal-pulizija ġudizzjarja ta' Brussell, is-Sur L., wara inkjesta magħmula mill-pulizija ġudizzjarja ta' Brussell, osserva f'dan ir-rigward (paġna 10) li "milli jidher [dan l-allegat użu b'mod abbużiv tal-kuntratt] kien isir bl-għarfien ta' kulħadd, u anki bis-sodisfazzjoni ġenerali ta' kulħadd" u li "għaldaqstant huma l-organi stess tal-Kummissjoni Ewropea li organizzaw u approvaw din il-prattika". Id-deċiżjonijiet sussegwenti tal-qrati kriminali Belġjani wkoll ipprovaw li din il-prassi kien organizzata u sostnuta mill-organi tal-Kummissjoni.

90     L-eżistenza u l-aċċettazzjoni ġenerali ta' prattika bħal din fi ħdan il-Kummissjoni huma kkonfermati wkoll fl-ittra tal-5 ta' Ottubru 1987 tas-Sur Hay, li f'dak iż-żmien kien Direttur Ġenerali tal-Persunal u ta' l-Amministrazzjoni tal-Kummissjoni, indirizzata lis-Sur De Haan. Is-suġġett ta' din l-ittra kien it-tqassim ta' kompetenzi bejn l-UTS u d-Direttorat Ġenerali tal-Persunal u ta' l-Amministrazzjoni u hija kienet tirreferi għal laqgħa tat-23 ta' Lulju 1987 tal-kumitat ta' sigurtà. Skond din l-ittra: "Il-kumitat ta' sigurtà [kien] żamm il-prinċipju li 'l-impjegati intergarde li jassumu kompiti ta' sigurtà jew [ta'] għassa jew kompiti mħallta [jkunu] mqiegħda taħt l-awtorità u l-ġestjoni ta' l-UTS. Dawk l-impjegati biss li għandhom kompiti purament amministrattivi jaqgħu taħt id-[Direttorat Ġenerali tal-Persunal u ta' l-Amministrazzjoni]. Jekk ikun il-każ, jista' jsir kuntratt separat għal din il-kategorija ta' impjegati'." F'dan ir-rigward, is-Sur Hay, wara li kkonstata li "kważi l-impjegati ta' sigurtà kollha [kellhom f'dak iż-żmien] kompiti amministrattivi u ta' sigurtà, minkejja li n-numri rispettivi [kienu] jvarjaw skond fejn kienu assenjati u/jew il-bini" u li, min-naħa l-oħra, "l-impjegati b'kompiti purament amministrattivi kienu ftit ħafna", osserva li "ma [kienx jidhirlu] xieraq li jsiru kuntratti distinti li jxekklu l-ġestjoni baġitarja u li jistgħu, biż-żmien, isiru sors ta' kunflitti dwar il-kompetenzi jekk in-natura tal-kompiti ta' wieħed jew l-ieħor minn dawn l-aġenti jkollha tinbidel f'waħda aktar amministrattiva jew aktar ta' kontroll".

91     Minn dak li għadu kemm intqal jirriżulta li l-prassi li kienet tikkonsisti fl-ingaġġar ta' impjegati biex iwettqu kompiti amministrattivi taħt il-kuntratt ta' sigurtà kienet mhux biss magħrufa mill-Kummissjoni u ma kinitx barra min-normal, kif tfakkar id-deċiżjoni tal-5 ta' April 2001, iżda kienet ġiet organizzata u awtorizzata mid-Direttorati Ġenerali kompetenti tal-Kummissjoni u kienet tagħmel parti mill-politika tagħhom dwar il-ġestjoni ta' l-impjegati, biex jittaffa n-nuqqas kroniku ta' ħaddiema impjegati magħhom, sabiex jimtlew il-pożizzjonijiet allokati fis-servizzi differenti tal-Kummissjoni.

92     Il-Qorti tal-Prim'Istanza jidhrilha li mhux ġustifikat li uffiċjal tal-kategorija B li, skond l-Artikolu 5(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-funzjonijiet tiegħu huma funzjonijiet eżekuttivi u mhux ta' ġestjoni bħal ma huma l-funzjonijiet ta' uffiċjali tal-kategorija A, jkun akkużat li naqas mill-obbligi tiegħu taħt ir-Regolamenti tal-Persunal minħabba s-sempliċi fatt li ma tax informazzjoni dwar il-fatt li kollega kien imħallas mill-kumpannija li rebħet il-kuntratt ta' sigurtà, prattika li kienet ġiet organizzata mis-servizzi differenti tal-Kummissjoni, kienet ġenerali, promossa mill-ġerarkija ta' l-istituzzjoni u, għalkemm irregolari, ma kinitx ta' natura frawdolenti fiha nfisha.

93     Fid-dawl ta' dawn iċ-ċirkustanzi u, b'mod partikolari, tal-fatt li r-rikorrent la kellu sehem dirett fl-implementazzjoni ta' prattika bħal din u lanqas fir-rigward ta' l-ingaġġ tas-Sur Burlet, għandu jiġi konkluż li l-ATĦ ma tistax tixli lir-rikorrent b'akkuża bbażata fuq is-sempliċi fatt li ma tax informazzjoni li s-Sur Burlet, kollega tiegħu, kien wettaq kompiti purament amministrattivi matul tliet xhur filwaqt li kien jitħallas mill-kumpannija li rebħet il-kuntratt ta' sigurtà, jew li ma ddistakkax ruħu b'mezzi xierqa.

94     Għaldaqstant, l-akkuża nru 5, dwar l-użu b'mod abbużiv tal-kuntratt ta' sigurtà, mhijiex fondata.

 Fuq l-akkuża nru 1, dwar l-eżistenza ta' mġiba professjonali improprja minħabba negliġenzi gravi fir-rigward tar-rispett tar-regoli dwar il-ġestjoni finanzjarja

–       L-argumenti tal-partijiet

95     Ir-rikorrent ifakkar li r-rapport ta' verifika tas-Sur De Moor stabbilixxa li kien ta' min isemmi biss ċerti żbalji li jirriżultaw minn ġestjoni ħażina. Ir-rikorrent jsostni li hu qatt ma kien irċieva l-inqas kritika mingħand is-superjuri diretti tiegħu u li, għall-kuntrarju, dawn kienu kkumplimentawh diversi drabi, kif jirriżulta mir-rapporti perjodiċi ta' evalwazzjoni fir-rigward tiegħu.

96     Il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrent ma kkontestax il-verità ta' l-akkuża nru 1. Ir-rapporti perjodiċi ta' evalwazzjoni msemmija mir-rikorrent ma kinux intiżi biex jevalwaw jew jikkwalifikaw il-fatti li fuqhom hija bbażata l-proċedura dixxiplinarja.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

97     Il-Qorti tal-Prim'Istanza jidhrilha li l-akkuża nru 1, dwar l-eżistenza ta' mġiba professjonali improprja u dwar it-twettiq ta' negliġenzi gravi fir-rigward tar-rispett tar-regoli dwar il-ġestjoni finanzjarja, b'mod partikolari, fil-preparazzjoni u l-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta' sigurtà ma' IMS/Group 4, mhijiex akkuża awtonoma u li tirreferi għall-parteċipazzjoni tar-rikorrent fil-preparazzjoni ta' l-anness in kwistjoni u għan-nuqqas ta' konsultazzjoni mal-KKXA. Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-kunsiderazzjonijiet li jsostnu din l-akkuża m'għandhomx eżistenza awtonoma u indipendenti minn dawk li fuqhom huma bbażati l-akkużi nri 3 u 4.

 Fuq l-akkuża nru 6, dwar il-ksur mir-rikorrent ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 11 tar-Regolamenti tal-Persunal billi ma wettaqx il-funzjonijiet tiegħu bl-interessi tal-Komunità biss f'moħħu

–       L-argumenti tal-partijiet

98     Ir-rikorrent jikkontesta r-raġunament ta' l-ATĦ li huwa ma wettaqx il-funzjonijiet tiegħu fl-interessi tal-Komunità biss f'moħħu billi ma informax lis-superjur dirett tiegħu dwar il-konsegwenzi ta' l-ommissjoni ta' konsultazzjoni mal-KKXA.

99     Il-Kummissjoni tosserva li l-ftehim addizzjonal mal-kuntratt ta' sigurtà laqgħat b'mod negattiv l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet u li r-rikorrent ma jikkontestax din iċ-ċirkustanza.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

100   Din l-akkuża tirreferi għall-istess imġiba li hija msemmija fl-akkużi nri 1, 3 u 4, u, b'mod partikolari, għall-konsegwenzi li jirriżultaw mill-irregolaritajiet li bihom huwa akkużat ir-rikorrent, b'mod partikolari, il-preparazzjoni ta' l-anness in kwistjoni u n-nuqqas ta' konsultazzjoni mal-KKXA. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim'Istanza jidhrilha li din l-akkuża ma għandhiex bażi awtonoma u indipendenti minn dik ta' l-akkużi nri 1, 3 u 4.

101   Minn dak kollu li għadu kemm intqal jirriżulta li t-tieni raġuni għandha tiġi ddikjarata wkoll bħala fondata, mingħajr ma jkun meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar il-fondatezza ta' l-akkuża nru 3, u dan fid-dawl tan-natura unika u indiviżibbli tal-miżura dixxiplinarja inkluża fid-deċiżjoni kkontestata u tal-fatt li din il-miżura dixxiplinarja tistrieħ fuq l-akkużi kkonfermati f'din id-deċiżjoni meta kkunsidrati kollha kemm huma (ara, f'dan is-sens, sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Lulju, Zavvos vs Il-Kummissjoni, T-21/01, Ġabra SP, p. I-A-101 u II-483, punt 316, u tal-11 ta' Settembru 2002, Willeme vs Il-Kummissjoni, T-89/01, Ġabra SP, p. I-A-153 u II-803, punt 83).

102   Għaldaqstant, dan ir-rikors għandu jiġi ddikjarat fondat u d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, mingħajr ma jkun meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar ir-raġunijiet l-oħra invokati mir-rikorrent.

2.     Fuq it-talbiet għal kumpens

 L-argumenti tal-partijiet

103   Ir-rikorrent jallega li sofra dannu morali konsiderevoli minħabba l-iżvilupp ta' din il-kawża, b'mod partikolari minħabba l-fastidju li sofra mill-1992 'l hawn mingħand ċerti investigaturi u minħabba l-akkużi gravi magħmula kontrih, liema akkużi ġew imxerda kemm fi ħdan l-istituzzjoni kif ukoll barra minnha u ħammġu r-reputazzjoni u l-unur tiegħu. L-atmosfera ta' suspett maħluqa b'dan il-mod mill-awtorità, skond ir-rikorrent, fixklet il-ħajja soċjali u familjari tiegħu. Barra minn hekk, huwa kellu wkoll problemi ta' saħħa kkawżati mill-istress maħluq minn din is-sitwazzjoni. Il-Kummissjoni, minkejja l-inkjesti dettaljati magħmula mill-awtoritajiet Belġjani, ma ħasbitiex darbtejn biex taħli l-ħin sabiex toħloq dewmien fl-għeluq tal-proċess kriminali, liema proċess ħeles lir-rikorrent minn kull akkuża.

104   Fir-rigward tal-kwantifikazzjoni ta' dan id-dannu, ir-rikorrent qiegħed jissuġġerixxi ammont, ikkalkulat ex aequo et bono, ta' EUR 37,500. Ir-rikorrent jirreferi wkoll għall-iżball magħmul mill-Kummissjoni meta imponietlu miżura dixxiplinarja u għall-fatt li huwa kien obbligat iressaq appell taħt l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal kontra d-deċiżjoni li rrifjutat li ttih promozzjoni għall-grad B 2. Huwa jsostni li, biex jagħmel tajjeb għad-diversi proċeduri, huwa kellu jbati l-ispejjeż ta' avukat li, skond kalkolu provviżorju, jammontaw għal EUR 7,736.81.

105   F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni essenzjalment tiċħad li l-inkjesta magħmula f'dan il-każ tista' tiġi kkwalifikata bħala fastidju u ssostni li l-allegata ħsara magħmula lill-unur tar-rikorrent u l-problemi ta' saħħa tiegħu jirriżultaw, jekk għas-saħħa ta' l-argument wieħed jissupponi li ġew ipprovati, mill-fatt li, minħabba li ma rrispettax l-obbligi tiegħu taħt ir-Regolamenti tal-Persunal, huwa espona ruħu għar-riskju ta' proċedura dixxiplinarja. Fir-rigward ta' l-ilment imressaq mir-rikorrent kontra d-deċiżjoni li rrifjutat li tagħtih promozzjoni, il-Kummissjoni tosserva li din il-proċedura m'għandha l-ebda rilevanza għal din il-kawża. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tikkonkludi li d-dannu ma ġiex stabbilit u li m'hemmx lok għal kumpens. Fir-rigward tad-dewmien ta' l-inkjesta, il-Kummissjoni tfakkar li r-Regolamenti tal-Persunal ma jipprovdu għall-ebda terminu ta' preskrizzjoni fir-rigward tal-ftuħ ta' proċedura dixxiplinarja u li, għalkemm fil-bidu tal-proċedura dixxiplinarja l-ATĦ għandha tassumi li l-persuna kkonċernata hija innoċenti, hija tista' tbiddel il-fehma tagħha wara li jiġu aċċertati l-fatti li bihom tkun akkużata din il-persuna.

106   F'kull każ, il-Kummissjoni tindika li hija qiegħda ttenni l-offerta ta' ta' EUR 500 bħala kumpens għad-dannu morali u għall-inċertezza prolongata li fiha sab ruħu r-rikorrent bejn id-data ta' l-aħħar opinjoni tal-Bord Dixxiplinarju u l-mument tad-deċiżjoni dixxiplinari finali.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

107   Skond ġurisprudenza stabbilita, biex il-Komunitajiet ikunu responsabbli jeħtieġ li jiġu stabbiliti l-illegalità ta' l-imġiba li biha huma akkużati l-istituzzjonijiet, li d-dannu effettivament jeżisti u r-rabta kawżali bejn l-imġiba u d-dannu allegat (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Frar 1994, Latham vs Il-Kummissjoni, T-3/92, Ġabra SP, p. I-A-23 u II-83, punt 63; tal-15 ta' Frar 1996, Ryan-Sheridan vs EFILWC, T-589/93, Ġabra SP p. I-A-27 u II-77, punt 141; tat-28 ta' Settembru 1999, Hauten vs BEI, T-140/97, Ġabra SP p. I-A-171 u II-897, punt 83, u Willeme vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 94).

108   Fir-rigward ta' l-ewwel kundizzjoni, jiġifieri l-illegalità ta' l-imġiba ta' l-istituzzjoni, għandu jiġi osservat li, f'din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonkludiet li l-Kummissjoni, f'dan il-każ, kienet kisret diversi drabi r-Regolamenti tal-Persunal u l-prinċipji li jirregolaw il-proċedura dixxiplinarja, liema ksur ħarġu b'mod konkret fid-deċiżjoni kontenzjuża tal-5 ta' April 2001. Il-Qorti tal-Prim'Istanza jidhrilha li l-imġiba tal-Kummissjoni tidher li tammonta għal nuqqas amministrattiv ta' natura tali li tinvolvi r-responsabbiltà ta' l-istituzzjoni. Għaldaqstant, f'dan l-istadju, għandhom jiġu eżaminati jekk id-dannu allegat effettivament jeżisti u r-rabta kawżali bejn l-imġiba li biha hija akkużata l-Kummissjoni u dan id-dannu.

109   Fl-ewwel lok, fir-rigward tad-dannu materjali, il-Qorti tal-Prim'Istanza jidhrilha li r-rikorrent, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu, ma ppreċiżax fhix jikkonsisti u lanqas l-ammont ta' dan id-dannu. Fil-fatt, ir-rikorrent irrefera biss għall-ispejjeż ta' l-avukat li kellu jbati biex jagħmel tajjeb għad-diversi proċeduri, kif ukoll għall-applikazzjoni żbaljata tal-miżura dixxiplinarja u għall-fatt li huwa kien obbligat iressaq ilment kontra deċiżjoni li rrifjutat li tagħtih promozzjoni. Fir-rigward ta' l-avukat, għandu jiġi kkunsidrat li, fin-nuqqas ta' rabta kawżali bejn dan l-allegat dannu u n-nuqqas tal-Kummissjoni, l-ispejjeż li jikkonċernaw l-iżvolġiment tal-proċeduri kriminali ma jistgħux jitħallsu lura fil-kuntest ta' din il-kawża. Fir-rigward, b'mod ġenerali, tal-konsegwenzi finanzjarji ta' l-applikazzjoni tal-miżura dixxiplinarja u, b'mod partikolari, tat-telf ta' dħul inerenti fid-deċiżjoni ta' relegazzjoni fl-iskala, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 233 KE, il-Kummissjoni hija marbuta li tieħu l-miżuri neċessarji mitluba mill-eżekuzzjoni ta' din is-sentenza. Fl-aħħar nett, fir-rigward ta' l-allegati danni marbutin mar-rifjut ta' promozzjoni invokati mir-rikorrent, dawn ma jikkonċernawx din il-proċedura.

110   Fir-rigward tad-dannu morali, skond ġurisprudenza stabbilita, ħlief f'ċirkustanzi partikolari, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata minn uffiċjal tammonta, fiha nfisha, għal kumpens xieraq u, bħala prinċipju, biżżejjed għad-dannu li dan l-uffiċjal jista' jkun sofra (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-27 ta' Frar 1992, Plug vs Il-Kummissjoni, T-165/89, Ġabra p. II-367, punt 118; Hautem vs BEI, iċċitata iktar 'il fuq, punt 82, u Willeme vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 97). Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li f'dan il-każ, id-diversi deċiżjonijiet u opinjonijiet amministrattivi li kienu jagħmlu parti mill-proċedura dixxiplinarja fformulaw akkużi kontra r-rikorrent li rriżulta li ma kinux eżatti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura dixxiplinarja bi ksur tal-prinċipju ta' terminu raġonevoli, bil-proċedura dixxiplinarja li damet, barra minn dan, għal perijodu ta' kważi tliet snin sakemm ingħatat il-miżura dixxiplinarja. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ma ssospendietx il-proċedura dixxiplinarja sakemm ingħalqet il-proċedura kriminali miftuħa kontra r-rikorrent. Il-Qorti tal-Prim'Istanza jidhrilha li dawn iċ-ċirkustanzi, meta meħudin flimkien, ikkawżaw ħsara lir-rikorrent fir-rigward tar-reputazzjoni tiegħu, fixklu l-ħajja privata tiegħu u qiegħduh f'sitwazzjoni ta' inċertezza prolongata. Dawn iċ-ċirkustanzi jammontaw għal dannu morali li għandu jiġi kkumpensat. F'dan ir-rigward, dan id-dannu ma jistax jitqies bħala kkumpensat b'mod xieraq bl-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, dan l-annullament, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, ma jistax ikollu l-effet li jħassar, b'mod retroattiv, id-dannu morali subit mir-rikorrent.

111   Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha tiġi kkundannata tħallas lir-rikorrent indennizz bħala kumpens għad-dannu morali li sofra. Il-Qorti tal-Prim'Istanza jidhrilha li l-ammont ta' EUR 500 offrut mill-Kummissjoni lir-rikorrent mhuwiex biżżejjed biex jikkumpensa b'mod xieraq id-dannu morali subit. Fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta' dan il-każ, il-Qorti tal-Prim'Istanza qiegħda tistabbilixxi, ex aequo et bono, l-ammont ta' dan il-kumpens bħala EUR 8,000.

 Fuq l-ispejjeż

112   Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Procedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjez, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż kollha skond it-talbiet tar-rikorrent f'dan is-sens.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Id-deċiżjoni tal-5 ta' April 2001 tal-Kummissjoni li imponiet fuq ir-rikorrent il-miżura dixxiplinarja ta' relegazzjoni fl-iskala hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni hija kkundannata tħallas lir-rikorrent is-somma ta' EUR 8,000 bħala kumpens għad-dannu morali li sofra.

3)      Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż kollha.

Lindh

García-Valdecasas

Cooke

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fl-10 ta' Ġunju 2004.

H. Jung

 

       P. Lindh

Reġistratur

 

       President tal-Ħames Awla


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.


1  – Anness 1 mat-tweġiba tal-Kummissjoni għall-miżuri ta' organizzazzjoni ta' proċedura tagħha, paġni 321, l-aħħar inċiż, u 322, l-inċiżi 1 sa 3.


2  – Anness 5 mat-tweġiba tal-Kummissjoni, paġna 400.


3  – Anness 1 mat-tweġiba tal-Kummissjoni, paġna 241, punt 31; paġna 323, par. 4.


4  – Anness 5 mat-tweġiba tal-Kummissjoni, paġna 401.


5  – Anness 5 mat-tweġiba tal-Kummissjoni, paġna 407, punti 6 u 7; paġna 410, punt 2.1.1; paġna 411, punti 2.1.2 u 2.2; paġna 412 punt B.


6  – Anness 1 mat-tweġiba tal-Kummissjoni, paġna 314, par. 3; Anness 3 a, paġna 360, par. 1.


7  – Anness 3 mat-tweġiba tal-Kummissjoni, paġna 357.


8  – Anness 1 mat-tweġiba tal-Kummissjoni, paġna 303.


9  – Anness 1 mat-tweġiba tal-Kummissjoni, paġni 299 u 300.


10  – Anness 1 mat-tweġiba tal-Kummissjoni, paġna 244.


11  – Anness 1 mat-tweġiba tal-Kummissjoni, paġna 234.


12  – Anness I 2 mar-rikors, paġna 1; Anness 1 mat-tweġiba tal-Kummissjoni, paġna 138.


13  – Anness 1 mat-tweġiba tal-Kummissjoni, paġna 326, nota fi tmiem il-paġna nru 15.


14  – Anness 1 mat-tweġiba tal-Kummissjoni, paġna 323, par. 1 u 2.


15  – Anness 1 mat-tweġiba tal-Kummissjoni, paġna 226.


16  – Anness 1 mat-tweġiba tal-Kummissjoni, paġna 230.


17  – Anness 1 mat-tweġiba tal-Kummissjoni, paġna 223.


18  – Anness 1 mat-tweġiba tal-Kummissjoni, paġna 222.


19  – Anness 1 mat-tweġiba tal-Kummissjoni, paġna 144.


20  – Anness I 1 mar-rikors, paġna 2, par. 1.