Language of document : ECLI:EU:T:2014:87

Kawża T‑331/12

Sartorius Lab Instruments GmbH & Co. KG

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja li tikkonsisti f’ ark ta’ ċirku isfar fil-parti t’isfel ta’ screen — Raġuni assoluta għal rifjut — Assenza ta’ karattru distintiv — Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tas-26 ta’ Frar 2014

1.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Trade marks li ma humiex ta’ karattru distintiv — Evalwazzjoni tal-karattru distintiv — Kriterji — Trade mark ta’ pożizzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 7(1)(b))

2.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Trade marks li ma humiex ta’ karattru distintiv — Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark li hija kkostitwita mir-rappreżentazzjoni ta’ ark ta’ ċirku isfar fil-parti t’isfel ta’ screen

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 7(1)(b))

1.      Il-kwalifika ta’ “trade mark ta’ pożizzjoni” bħala trade mark figurattiva jew tridimensjonali jew bħala kategorija speċifika ta’ trade marks hija irrilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tagħha.

Fil-fatt, skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark tal-Komunità, trade marks li ma humiex ta’ karattru distintiv ma jistgħux jiġu rreġistrati. Dan il-karattru distintiv għandu jiġi evalwat, minn naħa, b’riferiment għall‑prodotti jew għas‑servizzi li għalihom saret l‑applikazzjoni għal reġistrazzjoni u, min‑naħa l‑oħra, b’riferiment għall‑mod kif il‑pubbliku rilevanti jipperċepixxih. Madankollu, karattru distintiv minimu huwa biżżejjed sabiex ir-raġuni assoluta ta’ rifjut stabbilita fl-imsemmi artikolu ma tapplikax. Issa, il-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti tista’ tkun influwenzata min-natura tas‑sinjal li għalih saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Għalhekk, sa fejn il-konsumaturi medji ma għandhomx l-abitudni jassumu l-oriġini kummerċjali tal-prodotti billi jibbażaw ruħhom fuq sinjali li huma konfużi mad-dehra ta’ dawn l-istess prodotti, tali sinjali huma distintivi biss jekk dawn jitbiegħdu b’mod sinjifikattiv, mill-abitudni jew mill-użanzi tal-qasam.

L-element determinanti għall-applikabbiltà tal-ġurisprudenza ċċitata ma huwiex il-kwalifika tas-sinjal inkwistjoni bħala sinjal figurattiv, tridimensjonali jew ieħor, iżda l-fatt li dan ikun konfuż mad-dehra tal-prodott indikat. Għalhekk, dan il-kriterju ġie applikat, minbarra għat-trade marks tridimensjonali, għal trade marks figurattivi li jikkonsistu f’rappreżentazzjoni bidimensjonali tal-prodott indikat jew ukoll għal sinjal li huwa kkostitwit minn element applikat fuq is-superfiċje tal-prodott. Bl-istess mod, il-ġurisprudenza tikkunsidra li l-kuluri u l-abbinamenti astratti tagħhom jistgħu jkollhom karattru intrinsikament distintiv biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali, peress li dawn jiġu konfużi mad-dehra tal-prodotti indikati, u li dawn ma humiex, fil-prinċipju, użati bħala mezzi ta’ identifikazzjoni tal-oriġini kummerċjali.

(ara l-punti 15, 16, 18-21)

2.      Is-sinjal li huwa kkostitwit mir-rappreżentazzjoni ta’ ark ta’ ċirku isfar fil-parti t’isfel ta’ screen, li r-reġistrazzjoni tiegħu bħala trade mark Komunitarja saret l-applikazzjoni għaliha għal prodotti fil-klassijiet 7 u 9 sa 11 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice ma għandux karattru distintiv, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

Is-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni jirrappreżenta element sempliċi. Minkejja l-kulur jgħajjat tiegħu, huwa ma jinkludi ebda element impressjonanti li jiġbed l-attenzjoni tal-pubbliku rilevanti, għalkemm dan tal-aħħar għandu jitqies li għandu attenzjoni għolja. Għalhekk, huwa komuni, fis-settur inkwistjoni, li tiġi inkluża tali “indikazzjoni viżwali” ta’ kulur madwar l-iscreen tal-apparat. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma sostniex li grad ta’ lewn isfar speċifiku ġie inkluż mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma tippreżenta ebda karattru uniku, oriġinali jew mhux tas-soltu.

Is-sinjal li għaliha saret l-applikazzjoni ma jinkludi ebda element karatteristiku, la ta’ natura importanti jew attraenti, li jista’ jikkonferixxilu grad minimu ta’ karattru distintiv u li jippermetti lill-konsumatur li jipperċepixxih bħala xi ħaġa oħra minn dekorazzjoni tipika tad-display tal-prodotti fil-klassijiet 7 u 9 sa 11.

(ara l-punti 39, 40, 42)