Language of document :

Rikors ippreżentat fit-22 ta' Frar 2010 - Regione Puglia vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-84/10)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Regione Puglia (Bari, l-Italja) (rappreżentanti: F. Brunelli, avukat, A. Aloia, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors huwa intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2009) 10350 finali, tat-22 ta' Diċembru 2009, dwar it-tneħħija ta' parti mill-parteċipazzjoni fil-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) għall-programm operattiv POR Puglia Objettiv 1 2000 − 2006, ħlief fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ipprovduti fl-Artikolu 4.

Din il-miżura hija meħtieġa skont allegazzjonijiet speċifiċi mir-Regione Puglia dwar il-korrettezza u l-fondatezza tal-ilmenti mqajma mill-Kummissjoni kontra l-istess Regione, kif ukoll dwar il-metodi illegali u żbaljati użati mill-Kummissjoni sabiex tevalwa r-riżultati tal-verifiki magħmula fl-2007 u l-2009.

B'mod iktar speċifiku, ir-Regione Puglia ssostni li d-deċiżjoni ttieħdet abbażi taċ-ċirkostanzi li:

il-verifiki mwettqa mill-Kummissarji Komunitarji bħala bażi tad-deċiżjoni ma sarux kif xieraq u fil-ħin;

ir-riżultati li waslu għalihom, għal kull assi u u għal kull miżura, u għall-verifiki kollha mwettqa, ma ġewx ipprovati u ssostanzjati fid-dokumenti eżaminati u ppreżentati, u, f'xi każijiet, ġew ikkompletati mingħajr l-evalwazzjoni meħtieġa tal-leġiżlazzjoni fil-qasam;

fi kwalunkwe każ, mil-lat tal-metodoloġija, l-evalwazzjonijiet imwettqa ma humiex adegwati sabiex jikkorroboraw u jiġġustifikaw id-deċiżjonijiet konklużivi tal-Kummissjoni, li jidhru, barra minn hekk, evidenti, peress li ma humiex motivati u/jew ipprovati b'mod adegwat.

Madankollu, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni:

ir-riżultati differenti tal-verifiki mwettqa mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri u mill-Ministeru tal-Ekonomija u tal-Finanzi tar-Repubblika Taljana;

l-osservazzjonijiet u l-oġġezzjonijiet magħmula, minn żmien għal żmien, b'mod dettaljat, dokumentat u f'waqthom, mir-Regione b'risposta għall-ilmenti li saru u għat-talbiet magħmula mill-Kummissjoni u, barra minn hekk,

il-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha ta' kooperazzjoni li għandu janima r-relazzjoni bejnha u bejn il-benefiċjarju tal-finanzjament, billi ħadet pożizzjonijiet u deċiżjonijiet qabel ma rċeviet u eżaminat ir-risposti u l-kjarifiki mitluba minnha lir-Regione Puglia.

____________