Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija) fil-5 ta’ Mejju 2021 – Staatlich genehmigte Gesellschaft der Autoren, Komponisten und Musikverleger regGenmbH (AKM) vs Canal+ Luxembourg Sàrl

(Kawża C-290/21)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Oberster Gerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Staatlich genehmigte Gesellschaft der Autoren, Komponisten und Musikverleger regGenmbH (AKM)

Konvenut: Canal+ Luxembourg Sàrl

Partijiet oħra: Tele 5 TM-TV GmbH, Österreichische Rundfunksender GmbH & Co. KG, Seven.One Entertainment Group GmbH, ProsiebenSat 1 PULS 4 GmbH

Domandi preliminari

L-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/83/KEE tas-27 ta’ Settembru 1993 dwar il-kordinazzjoni ta’ ċerti regoli dwar id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati ma’ drittijiet ta’ l-awtur applikabbli għal xandir bis-satellita u ritrasmissjoni bil-cable 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma hijiex biss l-organizzazzjoni tax-xandir, iżda wkoll fornitur ta’ pakkett ta’ satelliti involut fl-att indiviżibbli u uniku tax-xandir, li jwettaq att ta’ użu – li fi kwalunkwe każ jeħtieġ kunsens – biss fl-Istat fejn, taħt il-kontroll u r-responsabbiltà tal-organizzazzjoni tax-xandir, is-sinjali li jittrażmettu l-programm jiġu inklużi f’katina ta’ komunikazzjoni mhux interrotta diretta li twassal għas-satellita u lura lejn id-dinja, bil-konsegwenza li l-involviment tal-fornitur tal-pakkett ta’ satelliti fl-att tax-xandir ma jistax jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tal-awtur fl-Istat ta’ riċezzjoni?

Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda:

Il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” fl-Artikolu 1(2)(a) u (c) tad-Direttiva 93/83 kif ukoll fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni 2 , għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fornitur ta’ pakkett ta’ satelliti li jkun involut bħala operatur ieħor f’komunikazzjoni lill-pubbliku bis-satellita, jiġbor f’pakkett kompost minnu, diversi sinjali kriptati ta’ definizzjoni għolja ta’ programmi televiżivi b’xejn u bi ħlas ta’ diversi organizzazzjonijiet tax-xandir u joffri bi ħlas il-prodott indipendenti awdjoviżiv kompost b’dan il-mod lill-konsumaturi tiegħu, għandu jikseb awtorizzazzjoni separata mingħand id-detenturi tad-drittijiet ikkonċernati anki fir-rigward tal-kontenut protett fil-programmi televiżivi b’xejn inklużi fil-pakkett ta’ programmi, minkejja li f’dan ir-rigward huwa sempliċement jagħti aċċess lill-konsumaturi tiegħu għal xogħlijiet diġà aċċessibbli gratwitament lil kulħadd fiż-żona tax-xandir, għalkemm bi kwalità ta’ definizzjoni standard ta’ livell inferjuri?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 134.

2 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17 Vol. 1, p. 230.