Language of document :

Rikors ippreżentat fil-5 ta' Ġunju 2008 - CLL Centres de langues vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-202/08)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Centre de langues à Louvain-la-Neuve et -en-Woluwe (CLL Centres de langues) (Louvain-la-Neuve, il-Belgju) (rappreżentanti: F. Tulkens u V. Ost, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrent

tannulla d-deċiżjoni ta' rifjut;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tagħha u għal dawk sostenuti minn CLL.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrent jikkontesta d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrifjuta l-applikazzjoni tiegħu biex jipparteċipa fis-sejħa għal offerti ADMIN/D1/PR/2008/004 dwar il-korsijiet tal-lingwi għall-persunal ta' l-istituzzjonijiet, korpi u aġenziji ta' l-Unjoni Ewropea (UE) li jinsabu fi Brussell (ĠU 2008, S 44-060121), għar-raġuni li l-applikazzjoni ġiet ippreżentata wara t-terminu indikat fis-sejħa għal offerti.

In sostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata hi bbażata fuq il-premessa żbaljata li l-awtorità kontraenti hi marbuta tirrifjuta kull applikazzjoni għal parteċipazzjoni ppreżentata tard. Ir-rikorrent isosnti għall-kuntrarju li l-awtorità kontraenti għandha setgħa diskrezzjonali f'dan ir-rigward.

Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata m'hijiex motivata biżżejjed, inkwantu l-Kummissjoni ma spjegatx għalfejn ma eżerċitatx is-setgħa diskrezzjonali tagħha.

Fl-aħħar lok, ir-rikorrent jinvoka motiv ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 123 tar-regoli dettaljati1, li jistipula li n-numru ta' kandidati mistiedna biex jitfgħu offerta jrid ikun biżżejjed biex ikun hemm kompetizzjoni genwina, u fuq in-natura sproporzionata tar-rifjut ta' l-applikazzjoni tar-rikorrent.

____________

1 - Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002, tat-23 ta' Diċembru 2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolamenti Finanzjaru li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 357, p.1).