Language of document : ECLI:EU:T:2024:98

Kawża T536/22

(pubblikazzjoni ta’ estratti)

Pesticide Action Network Europe (PAN Europe)

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tal-21 ta’ Frar 2024

“Prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti – Sustanza attiva cypermethrin – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2049 – Talba għal reviżjoni interna – Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 – Ċaħda tat-talba – Identifikazzjoni ta’ oqsma kritiċi ta’ tħassib mill-EFSA – Evalwazzjoni u mmaniġġjar tar-riskju – Prinċipju ta’ prekawzjoni – Setgħa ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni”

1.      Rikors għal annullament – Termini – Bidu tad-dekorrenza – Data tal-komunikazzjoni tad-deċiżjoni – Tweġiba tal-Kummissjoni għal talba għal eżami mill-ġdid intern f’lingwa differenti minn dik tat-talba – Komunikazzjoni sussegwenti lill-applikant ta’ kopja ta’ dik it-tweġiba fil-lingwa tat-talba – Terminu li jibda jiddekorri mid-data ta’ din il-komunikazzjoni sussegwenti

(is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1367/2006; Regolament tal-Kunsill Nru 1, Artikolu 2)

(ara l-punt 24)

2.      Ambjent – Konvenzjoni ta’ Aarhus – Applikazzjoni għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni – Possibbiltà għall-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jitolbu r-reviżjoni interna tal-atti amministrattivi fil-qasam tal-ambjent – Att amministrattiv għat-tiġdid tal-approvazzjoni ta’ sustanza attiva – Suġġett tal-eżami mill-ġdid – Evalwazzjoni mill-ġdid tal-approvazzjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1367/2006, Artikolu 10(1))

(ara l-punt 38)

3.      Rikors għal annullament – Motivi – Appell minn deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ talba għal eżami mill-ġdid – Motiv mhux ippreżentat fit-talba għal eżami mill-ġdid – Inammissibbiltà – Argumenti li jikkostitwixxu sempliċi estensjoni ta’ motiv ippreżentat fit-talba għal eżami mill-ġdid – Ammissibbiltà – Limiti – Motiv li ma jbiddilx is-suġġett tal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid intern

(Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1367/2006, Artikolu 12)

(ara l-punti 41, 43, 46, 47)

4.      Ambjent – Konvenzjoni ta’ Aarhus – Applikazzjoni għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni – Possibbiltà għall-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jitolbu r-reviżjoni interna tal-atti amministrattivi fil-qasam tal-ambjent – Speċifikazzjoni tar-raġunijiet għar-reviżjoni – Neċessità li jiġu indikati l-elementi li jistgħu jqajmu dubji dwar il-fondatezza tal-att inkwistjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1367/2006, Artikolu 10(1))

(ara l-punti 42, 146)

5.      Rikors għal annullament – Motivi – Appell minn deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ talba għal eżami mill-ġdid – Motiv imnissel minn din id-deċiżjoni ta’ ċaħda u intiż biex jikkontesta l-fondatezza tagħha – Ammissibbiltà – Limiti – Motiv li ma jbiddilx is-suġġett tal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid intern

(Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1367/2006, Artikolu 12)

(ara l-punt 45)

6.      Saħħa pubblika – Evalwazzjoni tar-riskji – Applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni – Portata – Kunċetti ta’ riskju u ta’ perikolu – Determinazzjoni tal-livell ta’ riskju meqjus inaċċettabbli għas-soċjetà – Kompetenza tal-istituzzjoni tal-Unjoni indikata mil-leġiżlazzjoni rilevanti – Obbligu li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika, tas-sigurtà u tal-ambjent

(Artikoli 114(3), 168(1) u 191 TFUE)

(ara l-punti 77-87, 94, 97, 314)

7.      Agrikoltura – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti – Regolament Nru 1107/2009 – Tiġdid tal-approvazzjoni ta’ sustanza attiva – Setgħa ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni – Obbligu għall-Kummissjoni li ssegwi l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) – Assenza – Kundizzjonijiet

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1107/2009; Regolament tal-Kummissjoni Nru 844/2012, Artikolu 14(1))

(ara l-punti 89 sa 93, 103, 104, 123, 127)

8.      Agrikoltura – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti – Regolament Nru 1107/2009 – Tiġdid tal-approvazzjoni ta’ sustanza attiva – Setgħa ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni – Assistenza xjentifika mitluba mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) fin-nuqqas ta’ bażi legali speċifika – Ammissibbiltà

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 178/2002, Artikoli 23(c) u 29(1)(a))

(ara l-punt 230)

9.      Agrikoltura – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti – Regolament Nru 1107/2009 – Tiġdid tal-approvazzjoni ta’ sustanza attiva – Setgħa ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Linji gwida adottati mill-Kummissjoni – Effett vinkolanti – Anzjanità tal-linji gwida li jeħtieġu aġġornament – Assenza ta’ effett

(Regolament tal-Kummissjoni Nru 844/2012, Artikolu 13(1))

(ara l-punti 391, 393, 401)

Sunt

Fil-kuntest ta’ rikors għal annullament marbut mat-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva cypermethrin, il-Qorti Ġenerali tippreċiża r-regoli ta’ ammissibbiltà ta’ tali rikors ippreżentat minn organizzazzjoni mhux governattiva abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (1), kif ukoll il-portata tal-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni Ewropea bħala amministratur tar-riskji fid-dawl tal-prinċipju ta’ prekawzjoni.

Is-cypermethrin hija insettiċida użata fl-Unjoni Ewropea, li l-inkorporazzjoni tagħha fi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti ġiet awtorizzata fl-2005 (2).

Fil-kuntest tal-proċedura għat-tiġdid tal-approvazzjoni tas-cypermethrin, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) identifikat, fil-konklużjonijiet xjentifiċi tagħha ta’ Lulju 2018, erba’ oqsma kritiċi ta’ tħassib (critical areas of concern) dwar din is-sustanza attiva. Sussegwentement, f’Settembru 2019, hija ppubblikat dikjarazzjoni dwar il-miżuri għat-tnaqqis tar-riskju għas-cypermethrin.

Wara din l-evalwazzjoni tar-riskji, il-Kummissjoni adottat, fl-24 ta’ Novembru 2021, ir- Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2049 tal-24 ta’ Novembru 2021 li jġedded l-approvazzjoni tas-sustanza attiva ċipermetrina bħala kandidat għas-sostituzzjoni, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (3) li jġedded l-approvazzjoni tas-cypermethrin, flimkien ma’ sensiela ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi.

Fl-20 ta’ Jannar 2022, ir-rikorrenti, l-organizzazzjoni ambjentali Pesticide Action Network Europe (PAN Europe), bagħtet lill-Kummissjoni talba għal eżami mill-ġdid intern (4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/2049.

Il-Kummissjoni rrifjutat dik it-talba b’deċiżjoni tat-23 ta’ Ġunju 2022.

Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tannulla din id-deċiżjoni ta’ ċaħda. Insostenn tar-rikors tagħha, hija tinvoka l-ksur tal-prinċipju ta’ prekawzjoni u tal-obbligu tal-Unjoni li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent. Hija tallega, fost l-oħrajn, li, peress li l-EFSA kienet identifikat ċerti oqsma kritiċi ta’ tħassib dwar is-cypermethrin, il-Kummissjoni ma kellhiex iġġedded l-approvazzjoni ta’ din is-sustanza. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ma għandha l-ebda setgħa diskrezzjonali u ma tistax tinvoka r-rwol tagħha ta’ amministratur tar-riskju f’dan ir-rigward.

Permezz tas-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors fl-intier tiegħu.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali tagħmel preċiżazzjonijiet ta’ natura proċedurali dwar il-portata tar-regola ta’ konkordanza bejn it-talba għal eżami mill-ġdid u r-rikors għal annullament ippreżentat kontra d-deċiżjoni adottata b’risposta għal din it-talba.

F’dan ir-rigward, huwa jfakkar li tali rikors għal annullament huwa ammissibbli biss jekk ikun dirett kontra r-risposta għall-imsemmija talba u jekk il-motivi invokati insostenn tal-annullament ikunu jirrigwardaw speċifikament din ir-risposta.

Tali rikors ma jistax ikun ibbażat fuq motivi ġodda jew fuq provi li ma jidhrux fit-talba għal eżami mill-ġdid, taħt piena li r-rekwiżit dwar il-motivazzjoni ta’ tali talba jiġi mċaħħad mill-effett utli tiegħu u li jinbidel is-suġġett tal-proċedura mibdija minn din it-talba (5).

Madankollu, minn naħa, rikorrent skont ir-Regolament Nru 1367/2006 għandu jkun jista’ jqajjem, fl-istadju tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, argumenti intiżi biex jikkritikaw, fid-dritt, il-fondatezza tar-risposta għat-talba tiegħu għal eżami mill-ġdid, bil-kundizzjoni li dawn l-argumenti ma jbiddlux is-suġġett tal-proċedura mibdija minn din it-talba. Min-naħa l-oħra, argument li ma tqajjimx fl-istadju tat-talba għal eżami mill-ġdid ma jistax jitqies bħala ġdid jekk jikkostitwixxi biss elaborazzjoni ta’ argument diġà żviluppat fil-kuntest ta’ din it-talba, jiġifieri jekk ikollu, mal-motivi jew mal-ilmenti inizjalment esposti, rabta suffiċjentement stretta sabiex ikun jista’ jitqies li jirriżulta mill-iżvilupp normali tad-dibattitu fi proċedura kontenzjuża.

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali tirrileva li, sabiex tkun tista’ tilħaq b’mod effettiv l-għanijiet mogħtija lilha mir-Regolament Nru 1107/2009, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħa diskrezzjonali wiesgħa. Dan jgħodd, b’mod partikolari, għad-deċiżjonijiet fil-qasam ta’ ġestjoni tar-riskju li hija għandha tieħu b’applikazzjoni tal-imsemmi regolament (6).

Il-ġestjoni tar-riskju tikkorrispondi għall-azzjonijiet kollha meħuda minn istituzzjoni li għandha taffronta riskju sabiex iwassalha għal livell meqjus aċċettabbli għas-soċjetà fid-dawl tal-obbligu tagħha, abbażi tal-prinċipju ta’ prekawżjoni, li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika, tas-sigurtà u tal-ambjent (7).

Dan jimplika li ssir evalwazzjoni minn qabel tar-riskji li tikkonsisti, minn naħa, fl-evalwazzjoni b’mod xjentifiku tal-imsemmija riskji, abbażi tal-aħjar data xjentifika disponibbli, u, min-naħa l-oħra, li jiġi ddeterminat jekk dawn jaqbżux il-livell ta’ riskju meqjus aċċettabbli għas-soċjetà, li jaqa’ taħt l-għażla politika li tikkostitwixxi l-iffissar ta’ livell ta’ protezzjoni xieraq għall-imsemmija soċjetà.

Għalhekk, għalkemm, fil-kuntest tal-proċedura ta’ tiġdid tas-sustanzi attivi, il-Kummissjoni għandha “tieħu inkunsiderazzjoni”, b’mod partikolari, il-konklużjonijiet xjentifiċi tal-EFSA (8), hija ma hijiex marbuta, bħala amministratur tar-riskji, mill-konstatazzjonijiet magħmula mill-EFSA. Tali teħid inkunsiderazzjoni ma jistax fil-fatt jiġi interpretat bħala obbligu għall-Kummissjoni li ssegwi l-punti kollha tal-konklużjonijiet tal-EFSA.

Madankollu, is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-Kummissjoni bħala amministratur tar-riskju tibqa’ rregolata mill-osservanza neċessarja tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1107/2009, b’mod partikolari l-Artikolu 4 tiegħu (9), moqri flimkien mal-Anness II ta’ dan ir-regolament, kif ukoll mill-prinċipju ta’ prekawzjoni li fuqu huma bbażati d-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan ir-regolament.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni tista’ ġġedded l-approvazzjoni ta’ sustanza attiva biss jekk jintwera b’mod suffiċjenti li, minkejja l-identifikazzjoni ta’ oqsma kritiċi ta’ tħassib, miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskji jippermettu li jiġi konkluż li l-kriterji tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1107/2009 huma osservati. B’hekk, ir-rwol tal-Kummissjoni huwa preċiżament id-determinazzjoni tar-riskji li huma aċċettabbli għas-soċjetà, b’limitu ta’ tolleranza ogħla f’dak li jirrigwarda l-protezzjoni tal-ambjent minn dak li jirrigwarda s-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali, u billi jittieħdu inkunsiderazzjoni miżuri ta’ ġestjoni sabiex jitnaqqsu r-riskji speċifiċi.

F’dan il-każ, is-sempliċi fatt li l-EFSA identifikat erba’ oqsma kritiċi ta’ tħassib fil-konklużjonijiet tagħha fir-rigward tas-cypermethrin ma jippermettix li jitqies li l-Kummissjoni ma kellha ebda marġni ta’ diskrezzjoni, bħala amministratur tar-riskji, bil-kundizzjoni li tiżgura li l-kriterji indikati fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1107/2009 kienu ssodisfatti. Fi kliem ieħor, ma huwiex eskluż għall-Kummissjoni li tivverifika, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, jekk ir-riskju setax isir aċċettabbli billi jiġu imposti ċerti miżuri.


1      ĠU 2006, L 264, p. 13, b’mod partikolari abbażi tal-Artikolu 12 tiegħu.


2      Is-sustanza msemmija kienet inkluża fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 11, p. 332), mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2005/53/KE tas-16 ta’ Settembru 2005 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE sabiex tinkludi l-chlorothalonil, il-chlorotoluron, is-cypermethrin, id-daminozide u t-thiophanate-methyl bħala sustanzi attivi (ĠU L 287M, 18.10.2006, p. 338).


3      ĠU 2021, L 420, p. 6.


4      Abbażi tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006.


5      Sentenza tat-12 ta’ Settembru 2019, TestBioTech et vs Il-Kummissjoni (C‑82/17 P, EU:C:2019:719, punt 39).


6      Sentenza tas-17 ta’ Mejju 2018, Bayer CropScience et vs Il-Kummissjoni (T‑429/13 u T‑451/13, EU:T:2018:280, punt 143).


7      Sentenzi tat-12 ta’ April 2013, Du Pont de Nemours (France) et vs Il-Kummissjoni (T‑31/07, mhux ippubblikata, EU:T:2013:167, punt 148; tas-17 ta’ Mejju 2018, Bayer CropScience et vs Il-Kummissjoni (T‑429/13 u T‑451/13, EU:T:2018:280, punt 125), u tas-17 ta’ Marzu 2021, FMC vs Il-Kummissjoni (T‑719/17, EU:T:2021:143, punt 78).


8      Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 tat-18 ta’ Settembru 2012 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ tiġdid għas-sustanzi attivi, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU 2012, L 252, p. 26).


9      Skont dan l-artikolu, l-approvazzjoni ta’ sustanza attiva tista’ tingħata biss jekk jintwera li l-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni previsti fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu huma ssodisfatti, taħt kundizzjonijiet realistiċi ta’ użu. Għandha tiġi stabbilita preżunzjoni li tgħid li dawn il-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni għandhom jitqiesu li ġew issodisfatti jekk ikun ġie stabbilit li dan huwa l-każ għal mill-inqas użu rappreżentattiv ta’ mill-inqas prodott wieħed għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fih din is-sustanza attiva.