Language of document :

Appell ippreżentat fit-13 ta’ April 2021 minn Évariste Boshab mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fit-3 ta’ Frar 2021 fil-Kawża T-111/19, Évariste Boshab vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

(Kawża C-242/21 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Évariste Boshab (rappreżentanti: T. Bontinck, P. De Wolf, T. Payan, A. Guillerme, avukati)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-3 ta’ Frar 2021 innotifikata fit-3 ta’ Frar 2021 Evariste Boshab vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (T-111/19) ;

tilqa’ r-rikors fuq il-mertu u tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/1940 tal-10 ta’ Diċembru 2018 sa fejn din iżżomm lill-appellant fin-Nru 8 tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/788/PESK kif ukoll ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1931 tal-10 ta’ Diċembru 2018 sa fejn l-appellant jinżamm fin-Nru 8 tal-Anness Ia tar-Regolament (KE) Nru 1183/2005 1 ;

tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

Aggravji u argumenti prinċipali

Bir-rikors tal-appell tiegħu, l-appellant jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-3 ta’ Frar 2021, Evariste Boshab vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (T-111/19), li insostenn tiegħu huwa jinvoka żewġ aggravju bbażati fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni.

F’dak li jirrigwarda l-ewwel aggravju, l-appellant jinvokaw li l-Qorti Ġenerali kisret id-drittijiet tad-difiża u b’mod partikolari d-dritt għal smigħ tiegħu, peress li :

li hija ħadet inkunsiderazzjoni li l-komunikazzjoni tardiva mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mingħajr l-appellant ma seta’ jagħmel l-osservazzjonijiet tiegħu qabel id-deċiżjoni tat-tiġdid tal-miżuri restrittivi inkwistjoni, ma kinitx tikkostitwixxi ksur tad-dritt għal smigħ peress li ma kinitx tikkostitwixxi prova ġdida; u

li hija ma waslitx għall-konklużjonijiet xierqa minħabba l-fatt li l-Kunsill, f’dan il-każ, ma wettaq ebda xogħol ta’ verifika.

Fir-rigward tat-tieni aggravju, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni, peress li:

li ma ħaditx inkunsiderazzjoni li l-miżuri restrittivi għandhom natura kawtelatorja u, mid-definizzjoni tagħhom, provviżorja, li l-validità tagħhom hija dejjem suġġetta għall-kontinwazzjoni taċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ liġi li wasslu għall-adozzjoni tagħhom kif ukoll għall-ħtieġa taż-żamma tagħhom sabiex jintlaħaq l-għan relatat magħhom;

li ma sabitx li l-elementi mressqa mill-Kunsill ma setgħu bl-ebda mod li jiġġustifikaw kwalunkwe aġir taħt il-kriterji ta’ inklużjoni fil-listi kontenzjużi, jiġifieri atti li jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem; u

li ma ċċensuratx il-fatt li l-Kunsill ma eżaminax il-provi prodotti mill-appellant fil-kuntest tal-proċedura ta’ reviżjoni u abbażi ta’ dawn ma pproċedietx, għall-verifiki tagħha stess.

____________

1 Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1183/2005 tat-18 ta’ Lulju 2005 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra persuni li jaġixxu bi ksur għall-embargo ta' l-armi fir-rigward tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (ĠU 2005, L 193, p. 1) (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV), GU 2008, L 352 M, p. 231 (MT).