Language of document : ECLI:EU:T:2017:323

Kawża T754/14

Michael Efler et

vs

IlKummissjoni Ewropea

“Dritt istituzzjonali – Inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej – Sħubija Transatlantika fil-qasam tal-Kummerċ u tal-Investimenti – Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv – Nuqqas manifest ta’ kompetenzi tal-Kummissjoni – Proposta ta’ att legali għall-finijiet tal-implementazzjoni tat-Trattati – Artikolu 11(4) TUE – Artikolu 2(1) u Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 – Ugwaljanza fit-trattament”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L‑Ewwel Awla) tal-10 ta’ Mejju 2017

1.      Ċittadinanza tal-Unjoni – Drittijiet taċ-ċittadin – Preżentazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini – Regolament Nru 211/2011 – Kamp ta’ applikazzjoni – Atti legali tal-Unjoni – Kunċett – Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati fid-dawl tal-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali – Inklużjoni

(Artikoli 2 TUE u 11(4) TUE; Artikoli 207(3) u (4) TFUE, 218 TFUE u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 211/2011, Artikoli 2(1) u 4(2)(b))

2.      Ċittadinanza tal-Unjoni – Drittijiet taċ-ċittadin – Preżentazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini – Regolament Nru 211/2011 – Għan ta’ inizjattiva taċ-ċittadini – Preklużjoni tal-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali ta’ natura li jbiddel l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni – Ammissibbiltà – Ksur tal-prinċipju tal-ekwilibriju istituzzjonali – Assenza

(Artikolu 11(4) TUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 211/2011, Artikolu 2(1))

1.      Il-kunċett ta’ att legali, fis-sens tal-Artikolu 11(4) TUE, tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 211/2011, dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini, u tal-Artikolu 4(2)(b) tal-istess regolament ma jistax, fl-assenza ta’ kwalunkwe indikazzjoni kuntrarja, jinftiehem, bħala li huwa limitat unikament għall-atti legali tal-Unjoni definittivi u li jipproduċu effetti legali fir-rigward ta’ terzi. La l-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u lanqas l-għanijiet li għandhom jintlaħqu minnhom ma jiġġustifikaw b’mod partikolari li deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati fid-dawl tal-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali, meħuda skont l-Artikolu 207(3) u (4) TFUE u tal-Artikolu 218 TFUE, u li tikkostitwixxi manifestament deċiżjoni fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, tiġi eskluża mill-kunċett ta’ att legali għall-finijiet ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej.

Bil-kontra, il-prinċipju ta’ demokrazija, li, bħal ma huwa b’mod partikolari rrilevat fil-preamolu tat-Trattat UE, fl-Artikolu 2 TUE kif ukoll fil-preambolu tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, huwa fost il-valuri fundamentali li fuqhom tistrieħ l-Unjoni, l-istess bħall-għan speċifikament imfittex bil-mekkaniżmu tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej, li jikkonsisti li jitjieb il-funzjonament demokratiku tal-Unjoni billi kull ċittadin jingħata dritt ġenerali li jipparteċipa fil-ħajja demokratika, jirrikjedu li tinżamm interpretazzjoni tal-kunċett ta’ att legali li tinkludi atti legali bħal deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ negozjati fid-dawl tal-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali, li huwa intiż inkontestabbilment sabiex ibiddel l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

(ara l-punti 35 sa 37)

2.      Il-leġiżlazzjoni relatata mal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej ma tinkludi ebda indikazzjoni, li l-parteċipazzjoni ta’ ċittadini ma tistax tiġi maħsuba sabiex tiġi prekluża l-adozzjoni ta’ att legali. Ċertament, għalkemm, konformement mal-Artikolu 11(4) TUE u mal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 211/2011, dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini, l-att legali maħsub għandu jikkontribwixxi għall-implementazzjoni tat-Trattati, dan huwa tassew il-każ tal-atti li għandhom bħala għan li tiġi prekluża l-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali, li huma initżi sabiex ibiddlu l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

F’dan ir-rigward, l-għan tal-parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika tal-Unjoni imfittex bil-mekkaniżmu tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej jinkludi manifestament il-fakulta li tintalab l-emenda tal-atti legali fis-seħħ jew l-irtirar tagħhom, totalment jew parzjalment. Għalhekk, xejn lanqas ma jiġġustifika li jiġu esklużi mid-dibattitu demokratiku l-atti legali intiżi għall-irtirar ta’ deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati fid-dawl tal-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali, l-istess bħall-atti li għandhom bħala għan li jiġu preklużi l-firma u l-konklużjoni ta’ tali ftehim, li jipproduċu inkontestabbilment effetti legali awtonomi billi jipprekludu, skont il-każ, emenda mħabbra tad-dritt tal-Unjoni.

Barra minn hekk, mhux talli ma tirrappreżentax interferenza fl-iżvolġiment ta’ proċedura leġiżlattiva fis-seħħ, iżda proposta ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej li tirrakkomanda lill-Kunsill li jannulla l-mandat ta’ negozjar għal ftehim internazzjonali u ma jikkonkludix ftehim internazzjonali ieħor tikkostitwixxi espressjoni tal-parteċipazzjoni effettiva taċ-ċittadini tal-Unjoni għall-ħajja demokratika tagħha, mingħajr ma jiġi kkontestat l-ekwilibriju istituzzjonali mixtieq mit-Trattati.

(ara l-punti 41 sa 43, 47)