Language of document : ECLI:EU:T:2017:900

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)

13 ta’ Diċembru 2017 (*)(i)

“Politika ekonomika u monetarja – Superviżjoni prudenzjali tal-istabbilimenti ta’ kreditu – Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 – Superviżjoni prudenzjali fuq bażi kkonsolidata – Grupp taħt superviżjoni prudenzjali – Stabbilimenti affiljati b’mod permanenti ma’ organu ċentrali – Artikolu 2(21)(c) tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 – Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 – Rekwiżiti ta’ fondi proprji – Artikolu 16(1)(c) u (2)(a) tar-Regolament Nru 1024/2013”

Fil-Kawża T‑712/15,

Crédit mutuel Arkéa, stabbilit f’Le Relecq Kerhuon (Franza), irrappreżentat minn H. Savoie u P. Mele, avukati,

rikorrent,

vs

IlBank Ċentrali Ewropew (BĊE), irrappreżentat minn K. Lackhoff, R. Bax u C. Olivier, bħala aġenti, assistiti minn D. Martin, M. Pittie u M. Françon, avukati,

konvenut,

sostnut minn

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn V. Di Bucci u K.‑P. Wojcik, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-BĊE ECB/SSM/2015 – 9695000CG 7B84NLR5984/28 tal‑5 ta’ Ottubru 2015 li tistabbilixxi r-rekwiżiti prudenzjali applikabbli għall-grupp Crédit mutuel,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża),

komposta minn M. Prek (Relatur), President, E. Buttigieg, F. Schalin, B. Berke u M. J. Costeira, Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tas-6 ta’ Ġunju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Crédit mutuel huwa grupp bankarju mhux iċċentralizzat, ikkostitwit minn netwerk ta’ fergħat lokali li għandhom l-istatus ta’ kumpanniji kooperattivi. Kull fergħa lokali ta’ Crédit mutuel għandha taderixxi ma’ federazzjoni reġjonali u kull federazzjoni għandha taderixxi mal-Confédération nationale du Crédit mutuel (CNCM), organu ċentrali tan-netwerk fis-sens tal-Artikoli L.511‑30 u L.511‑31 tal-code monétaire et financier (il-Kodiċi Monetarju u Finanzjarju) Franċiż (iktar ’il quddiem iċ-“CMF”). Fuq skala nazzjonali, Crédit mutuel, barra minn hekk, jinkludi lil Caisse centrale du Crédit mutuel (CCCM), li hija kumpannija kooperattiva ta’ kreditu pubblika ta’ responsabbiltà limitata u b’kapital azzjonarju varjabbli, awtorizzata bħala stabbiliment ta’ kreditu, miżmuma mill-membri tan-netwerk.

2        Ir-rikorrent, Crédit mutuel Arkéa, huwa kumpannija kooperattiva ta’ kreditu pubblika ta’ responsabbiltà limitata u b’kapital azzjonarju varjabbli, awtorizzata bħala stabbiliment ta’ kreditu. Huwa nħoloq fl-2002 bl-approssimazzjoni ta’ diversi federazzjonijiet reġjonali ta’ crédits mutuels (krediti kooperattivi). Federazzjonijiet oħra ngħaqdu fi grupp sabiex joħolqu CM11‑CIC u oħrajn baqgħu awtonomi.

3        B’ittra tad-19 ta’ Settembru 2014, ir-rikorrent ikkomunika lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) l-analiżi tiegħu tal-impossibbiltà li jkun suġġett għas-superviżjoni prudenzjali tal-BĊE permezz taċ-CNCM. B’ittra tal-10 ta’ Novembru 2014, il-BĊE indika li kien ser iressaq din il-kwistjoni quddiem l-awtoritajiet kompetenti Franċiżi.

4        Fid-19 ta’ Diċembru 2014, il-BĊE kkomunika liċ-CNCM abbozz ta’ deċiżjoni li tistabbilixxi rekwiżiti prudenzjali applikabbli għall-grupp Crédit mutuel, talabha tiżgura li dan l-abbozz jiġi kkomunikat lid-diversi entitajiet li jikkomponuh u imponielha terminu sabiex dawn tal-aħħar jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. Fis-16 ta’ Jannar 2015, ir-rikorrent ikkomunika l-osservazzjonijiet tiegħu lill-BĊE. Fit-30 ta’ Jannar 2015, iċ-CNCM esprimiet ruħha dwar l-osservazzjonijiet ippreżentati mir-rikorrent.

5        Fid-19 ta’ Frar 2015, il-BĊE kkomunika liċ-CNCM abbozz irrivedut ta’ deċiżjoni li tistabbilixxi rekwiżiti prudenzjali applikabbli għall-grupp Crédit mutuel u għall-entitajiet li jikkomponuh, talabha tiżgura li dan l-abbozz irrivedut jiġi kkomunikat lil dawn tal-aħħar u imponielha terminu sabiex dawn jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. Fis-27 ta’ Marzu 2015, ir-rikorrent ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu.

6        Fis-17 ta’ Ġunju 2015, il-BĊE adotta deċiżjoni li tistabbilixxi rekwiżiti prudenzjali applikabbli għall-grupp Crédit mutuel, li fiha enfasizza li huwa l-awtorità ta’ superviżjoni prudenzjali fuq bażi kkonsolidata taċ-CNCM u l-awtorità kompetenti inkarigata mis-superviżjoni tal-entitajiet elenkati f’din id-deċiżjoni, li fosthom kien hemm ir-rikorrent (premessa 1). Fl-Artikolu 2(1) ta’ din id-deċiżjoni, kien speċifikat li ċ-CNCM kellha tiżgura li l-grupp Crédit mutuel kien jissodisfa b’mod permanenti r-rekwiżiti speċifikati fl-Anness I. Mill-Artikolu 2(3) tal-imsemmija deċiżjoni kien jirriżulta li r-rikorrent kellu jissodisfa b’mod permanenti r-rekwiżiti speċifikati fl-Anness II‑2, fosthom l-impożizzjoni ta’ proporzjon ta’ fondi proprji tal-kategorija 1 (iktar ’il quddiem il-“fondi proprji ‘CET 1’”) ta’ 11 %.

7        Fis-17 ta’ Lulju 2015, ir-rikorrent talab ir-rieżami ta’ din id-deċiżjoni abbażi tal-Artikolu 24 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal‑15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Bażiku”), moqri flimkien mal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni tal-BĊE 2014/360/UE tal‑14 ta’ April 2014 dwar l-istabbiliment ta’ Bord Amministrattiv ta’ Rieżami u r-Regoli Operattivi tiegħu (ĠU 2014, L 175, p. 47). Fil-31 ta’ Awwissu 2015, inżammet seduta quddiem il-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami (iktar ’il quddiem il-“Bord ta’ Rieżami”).

8        Fl-14 ta’ Settembru 2015, il-Bord ta’ Rieżami ta opinjoni li tikkonstata l-legalità tad-deċiżjoni tal-BĊE. F’din l-opinjoni huwa enfasizza, essenzjalment, li l-punti ta’ kritika indirizzati mir-rikorrent fil-konfront tad-deċiżjoni tas-17 ta’ Ġunju 2015 setgħu jinġabru fi tliet kategoriji fis-sens li kien qiegħed jikkontesta r-rikors għal superviżjoni prudenzjali kkonsolidata ta’ Groupe Crédit mutuel permezz taċ-CNCM minħabba li din tal-aħħar ma hijiex stabbiliment ta’ kreditu (l-ewwel ilment), kien qiegħed jallega l-ineżistenza ta’ “Groupe Crédit mutuel” (it-tieni lment) u kien qiegħed jikkontesta d-deċiżjoni tal-BĊE li tgħolli r-rekwiżiti tiegħu ta’ proporzjon ta’ fondi proprji “CET 1” minn 8 % għal 11 % (it-tielet ilment), rispettivament.

9        F’dak li jirrigwarda l-ewwel ilment, fl-ewwel lok, il-Bord ta’ Rieżami fakkar li, b’deċiżjoni tal-1 ta’ Settembru 2014, il-BĊE kien qies li l-grupp Crédit mutuel kien jikkostitwixxi grupp sinjifikattiv taħt superviżjoni prudenzjali u, f’dik l-okkażjoni, irrileva li r-rikorrent kien entità membru ta’ dan il-grupp u li ċ-CNCM kienet tikkostitwixxi l-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni tiegħu. Fit-tieni lok, huwa rrileva li l-kunċett ta’ organu ċentrali li jinsab fl-Artikolu 2(21)(c) tar-Regolament tal-BĊE (UE) Nru 468/2014 tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma’ awtoritajiet nazzjonali nominati (Regolament Qafas tal-MSU) (ĠU 2014, L 141, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Qafas tal-MSU”), u fl-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2013, L 176, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 68 u fil-ĠU 2013, L 321, p. 6), ma kienx iddefinit mid-dritt tal-Unjoni Ewropea u li ma kienx impost li l-imsemmi organu ċentrali għandu jkun stabbiliment ta’ kreditu, billi rrefera, insostenn ta’ din l-interpretazzjoni, għal-Linji Gwida tal-Kumitat tas-Superviżuri Bankarji Ewropej (CECS) tat-18 ta’ Novembru 2010 (iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida taċ-CECS”) u għall-Artikolu 4(1)(g) tar-Regolament Bażiku. Fit-tielet lok, il-Bord ta’ Rieżami rrileva li ma kienx neċessarju li l-BĊE jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu s-sensiela sħiħa tas-setgħat ta’ superviżjoni jew ta’ sanzjoni fir-rigward tal-entità omm ta’ grupp sabiex jeżerċita superviżjoni prudenzjali fuq bażi kkonsolidata. Fir-raba’ lok, huwa fakkar li, qabel it-trasferiment ta’ din il-kompetenza lill-BĊE, il-grupp Crédit mutuel kien is-suġġett ta’ sorveljanza prudenzjali fuq bażi kkonsolidata min-naħa tal-awtorità kompetenti Franċiża, jiġifieri l-autorité de contrôle prudentiel et de résolution (l-Awtorità ta’ Superviżjoni Prudenzjali u ta’ Riżoluzzjoni) (ACPR), permezz taċ-CNCM.

10      F’dak li jirrigwarda t-tieni lment, il-Bord ta’ Rieżami kkonkluda li l-grupp Crédit mutuel kien jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 575/2013, li għalih jirreferi l-Artikolu 2(21)(c) tar-Regolament Qafas tal-MSU. Fl-ewwel lok, il-Bord ta’ Rieżami qies li l-kwalità ta’ assoċjazzjoni taċ-CNCM ma kinitx tostakola l-eżistenza ta’ solidarjetà mal-istabbilimenti affiljati. Fit-tieni lok, huwa kkunsidra li l-kontijiet tal-grupp Crédit mutuel kollu kemm hu kienu stabbiliti fuq bażi kkonsolidata. Fit-tielet lok, huwa qies li l-BĊE kellu raġun jikkunsidra li ċ-CNCM kellha s-setgħa li tagħti istruzzjonijiet lill-maniġment tal-istabbilimenti affiljati.

11      F’dak li jirrigwarda t-tielet ilment, il-Bord ta’ Reżami qies li l-evalwazzjonijiet tal-BĊE dwar il-livell tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji “CET 1” tar-rikorrent ma kienu vvizzjati b’ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni u ma kinux ta’ natura sproporzjonata. F’dan ir-rigward, huwa enfasizza n-nuqqas ta’ qbil persistenti bejn ir-rikorrent u ċ-CNCM sa fejn dan jindika problemi ta’ governanza li jistgħu jikkawżaw riskji addizzjonali.

12      Fil-5 ta’ Ottubru 2015, il-BĊE adotta d-Deċizjoni ECB/SSM/2015 – 9695000CG 7B84NLR5984/28 li tistabbilixxi r-rekwiżiti prudenzjali applikabbli għall-grupp Crédit mutuel (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li, b’applikazzjoni tal-Artikolu 24(7) tar-Regolament Bażiku, ħassret u ssostitwixxiet id-deċiżjoni tas-17 ta’ Ġunju 2015, filwaqt li żammet kontenut identiku. Min-naħa tagħha, id-deċiżjoni kkontestata tħassret bid-Deċiżjoni tal-BĊE ECB/SSM/2015 – 9695000CG 7B84NLR5984/40 tal‑4 ta’ Diċembru 2015, sa fejn din tal-aħħar tistabbilixxi rekwiżiti prudenzjali ġodda applikabbli għall-grupp Crédit mutuel u għall-entitajiet li jikkomponuh.

13      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Frar 2016, ir-rikorrent ippreżenta rikors għall-annullament tad-deċiżjoni tal-4 ta’ Diċembru 2015.

II.    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

14      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Diċembru 2015, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors.

15      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Marzu 2016, il-Kummissjoni Ewropea talbet li tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-BĊE.

16      Permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ April 2016, il-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza lill-Kummissjoni tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-BĊE.

17      Fl-1 ta’ Ġunju 2016, il-Kummissjoni ppreżentat in-nota ta’ intervent tagħha.

18      Peress li kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali u l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tieni Awla, din il-kawża għaldaqstant ġiet assenjata lil din l-awla.

19      Fit-3 ta’ April 2017, bħala miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-BĊE ntalab jipproduċi diversi dokumenti. Il-BĊE kkonforma ruħu ma’ din it-talba fit-terminu mogħti.

20      Fuq proposta tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tibgħat il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

21      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura.

22      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu waqt is-seduta tas-6 ta’ Ġunju 2017. Fi tmiem is-seduta, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma tagħlaqx il-fażi orali tal-proċedura u talbet lill-BĊE jipprovdi tweġiba bil-miktub għal mistoqsija, li ttieħdet nota tagħha fil-proċess verbal tas-seduta. Il-BĊE kkonforma ruħu ma’ din it-talba fit-termini mogħtija.

23      Il-fażi orali tal-proċedura ngħalqet fl-10 ta’ Lulju 2017.

24      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla d-deċiżjoni kkontestata.

25      Il-BĊE u l-Kummissjoni jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

III. Id-dritt

A.      Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

26      Mingħajr ma jqajjem formalment eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà abbażi tal-Artikolu 130 tar-Regoli tal-Proċedura, il-BĊE jikkontesta l-ammissibbiltà tar-rikors. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, il-BĊE josserva li l-mandat sabiex jiġi ppreżentat dan ir-rikors inħareġ mill-President tal-kunsill ta’ amministrazzjoni tar-rikorrent, li ma għandux setgħa ta’ rappreżentazzjoni, skont id-dritt Franċiż, it-tieni nett, isostni li r-rikorrent ma għandux locus standi fil-konfront tad-deċiżjoni kkontestata, b’eċċezzjoni tal-Artikolu 2(3) u tal-Anness II‑2, u, it-tielet nett, jikkonfuta l-eżistenza ta’ interess ġuridiku tar-rikorrent.

27      Ir-rikorrent jitlob li l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-BĊE jiġu miċħuda.

1.      Fuq ir-regolarità tal-mandat maħruġ lill-avukati tar-rikorrent

28      Il-BĊE josserva li l-mandat maħruġ inizjalment lill-avukati tar-rikorrent ġie redatt mill-President tal-kunsill ta’ amministrazzjoni ta’ dan tal-aħħar, meta mid-deċiżjonijiet tal-qrati Franċiżi li jinterpretaw l-Artikoli L.225‑51‑1 u L.225‑56 tal-code de commerce (il-Kodiċi Kummerċjali) Franċiż jirriżulta li l-president tal-kunsill ta’ amministrazzjoni ta’ kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata ma għandux is-setgħa li jirrappreżentaha legalment, liema setgħa tingħata biss lid-Direttur Ġenerali, ħlief fil-każ ta’ kumulu ta’ dawn il-funzjonijiet.

29      Skont l-Artikolu 51(3) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-parti li jkunu qegħdin jirrappreżentaw tkun persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat, l-avukati għandhom jippreżentaw fir-Reġistru mandat maħruġ minn din tal-aħħar. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 51(4) ta’ dawn l-istess regoli, jekk il-mandat ma jiġix ippreżentat, ir-Reġistratur għandu jiffissa, għall-parti kkonċernata, terminu raġonevoli sabiex jiġi prodott.

30      L-Artikolu 51(4) tar-Regoli tal-Proċedura għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa possibbli li nuqqas ta’ mandat fil-mument tal-preżentata tar-rikors jiġi rrimedjat permezz tal-produzzjoni sussegwenti ta’ kull dokument li jikkonferma l-eżistenza ta’ dan il-mandat (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-4 ta’ Frar 2015, KSR vs UASI – Lampenwelt (Moon), T‑374/13, EU:T:2015:69, punti 12 u 13; ara wkoll, fir-rigward tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2014, Commune de Millau u SEMEA vs Il‑Kummissjoni, C‑531/12 P, EU:C:2014:2008, punti 33 u 34).

31      F’dan il-każ, wara talba f’dan is-sens, l-avukati tar-rikorrent bagħtu lill-Qorti Ġenerali dokument maħruġ mir-rappreżentant ikkwalifikat tiegħu, jiġifieri mid-Direttur Ġenerali tiegħu, li jikkonferma l-intenzjoni tiegħu li jara li r-rikors jirnexxi.

32      Għaldaqstant, ir-rikors ma jistax jitqies li huwa inammissibbli minħabba nuqqas ta’ regolarità tal-mandat.

2.      Fuq il-locus standi tar-rikorrent fil-konfront tal-Artikolu 2(1) u tal-Anness I tad-deċiżjoni kkontestata

33      Il-BĊE jsostni, essenzjalment, li r-rikorrent għandu locus standi biss sabiex jikkontesta l-parti tad-deċiżjoni kkontestata li tikkonċernah, jiġifieri l-Artikolu 2(3) u l-Anness II‑2.

34      Għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni kkontestata, minkejja li hija fformulata fil-forma ta’ deċiżjoni waħda, għandha tiġi analizzata bħala sensiela ta’ deċiżjonijiet individwali (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punt 100), li jimponu rekwiżiti prudenzjali fuq kull waħda mill-entitajiet elenkati fl-Artikolu 2 tagħha. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm, skont l-Artikolu 6 tad-deċiżjoni kkontestata, id-destinatarja ta’ din id-deċiżjoni hija ċ-CNCM, hija ċ-CNCM li, skont l-Artikolu 3(1) tal-imsemmija deċiżjoni, għandha tinnotifika lill-organu ta’ maniġment ta’ kull waħda mill-entitajiet elenkati fl-Artikolu 2 il-korp tat-test tad-deċiżjoni kkontestata u l-anness rilevanti kif ukoll, skont l-Artikolu 3(2) tad-deċiżjoni kkontestata, għandha tinforma lill-BĊE bid-dati li fihom ikunu saru l-imsemmija notifiki.

35      F’dak li jirrigwarda l-Artikolu 2(1) tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn dan tal-aħħar jispeċifika li “iċ-[CNCM] għandha tiżgura li l-grupp Crédit mutuel jissodisfa b’mod permanenti r-rekwiżiti speċifikati fl-Anness I”, minn dan għandu jiġi dedott li hija biss iċ-CNCM li tikkostitwixxi d-destinatarju tagħha fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE.

36      Għaldaqstant, ir-rikorrent jista’ jikkontesta l-Artikolu 2(1) tad-deċiżjoni kkontestata u l-Anness I li għalih jirreferi biss jekk huwa jkun ikkonċernat direttament u individwalment minn dan l-aspett tad-deċiżjoni kkontestata jew jekk ikun ikkonċernat direttament minn dan l-aspett tad-deċiżjoni kkontestata u jekk id-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2014, Royal Scandinavian Casino Århus vs Il‑Kummissjoni, T‑615/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:838, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Peress li kemm mill-premessa 1 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll mill-Artikoli 2 u 3 tagħha jirriżulta li l-BĊE jqis li r-rikorrent huwa entità li tifforma parti mill-grupp Crédit mutuel li fir-rigward tiegħu l-BĊE ddeċieda li jeżerċita superviżjoni prudenzjali fuq bażi kkonsolidata permezz taċ-CNCM, ir-rikorrent għandu jitqies li huwa kkonċernat direttament u individwalment mill-Artikolu 2(1) tad-deċiżjoni kkontestata u mill-Anness I li għalih jirreferi sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jagħmlu liċ-CNCM l-entità responsabbli għas-superviżjoni prudenzjali fir-rigward tal-BĊE.

38      Minn dan jirriżulta neċessarjament li r-rikorrent għandu locus standi mhux biss fil-konfront tal-Artikolu 2(3) u tal-Anness II‑2 tad-deċiżjoni kkontestata, iżda wkoll fil-konfront tal-Artikolu 2(1) u tal-Anness I tagħha.

3.      Fuq l-interess ġuridiku tar-rikorrent fil-konfront tad-deċiżjoni kkontestata

39      Sabiex tikkonfuta l-eżistenza ta’ interess ġuridiku tar-rikorrent, il-BĊE josserva, l-ewwel nett, li d-deċiżjoni kkontestata waqfet tipproduċi l-effetti legali tagħha fl-4 ta’ Diċembru 2015, id-data li fiha ġiet adottata deċiżjoni ġdida, it-tieni nett, li r-rikorrent kellu proporzjon ta’ fondi proprji “CET 1” ogħla minn dik li kienet timponi fuqu d-deċiżjoni kkontestata u, fl-aħħar nett, li r-rikorrent qatt ma oppona s-superviżjoni prudenzjali fuq bażi kkonsolidata tal-grupp Crédit mutuel min-naħa tal-ACPR.

40      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, interess ġuridiku għall-annullament ta’ att ikun jeżisti biss jekk dan l-annullament jista’, minnu nnifsu, ikollu konsegwenzi legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Ġunju 1986, AKZO Chemie vs Il‑Kummissjoni, 53/85, EU:C:1986:256, punt 21, u tal-25 ta’ Marzu 1999, Gencor vs Il‑Kummissjoni, T‑102/96, EU:T:1999:65, punt 40).

41      Għandu jiġi kkonstatat li t-tħassir tad-deċiżjoni kkontestata permezz tad-deċiżjoni tal-4 ta’ Diċembru 2015 ma jċaħħadx lir-rikorrent minn interess ġuridiku fil-konfront tagħha.

42      Fil-fatt, it-tħassir ta’ att ta’ istituzzjoni ma huwiex rikonoxximent tal-illegalità tiegħu u jipproduċi effett ex nunc, b’differenza minn sentenza ta’ annullament li bis-saħħa tagħha l-att annullat huwa eliminat retroattivament mill-ordinament ġuridiku u jitqies li qatt ma eżista (sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2006, Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il‑Kunsill, T‑228/02, EU:T:2006:384, punt 35; tat-23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il‑Kunsill, T‑256/07, EU:T:2008:461, punt 48, u tat-30 ta’ Settembru 2009, Sison vs Il‑Kunsill, T‑341/07, EU:T:2009:372, punti 47 u 48).

43      Barra minn hekk, ir-rikorrent jibqa’ jkollu interess ġuridiku fil-konfront tad-deċiżjoni kkontestata, sabiex jiġi evitat li eventwali annullament tad-deċiżjoni li tkun ħassritha jkollu l-effett li hija tipproduċi effetti mill-ġdid. Fil-fatt, fil-każ li d-deċiżjoni tal-4 ta’ Diċembru 2015 tiġi annullata, il-partijiet jitqiegħdu lura fis-sitwazzjoni preċedenti għad-dħul fis-seħħ tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-31 ta’ Marzu 1971, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, 22/70, EU:C:1971:32, punt 60), li f’dan il-każ tkun irregolata mill-ġdid mid-deċiżjoni kkontestata. Minn dan jirriżulta wkoll li r-rikorrent għandu interess li jitlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata li permezz tagħha l-BĊE stabbilixxa r-rekwiżiti minimi tiegħu ta’ fondi proprji “CET 1”, kien x’kien il-livell tal-fondi proprji tiegħu meta d-deċiżjoni kkontestata kienet fis-seħħ.

44      Fl-aħħar nett, peress li l-Artikolu 2(1) u l-Anness I tad-deċiżjoni kkontestata jimplikaw l-appartenenza tar-rikorrent għall-grupp Crédit mutuel u s-superviżjoni tiegħu permezz taċ-CNCM, filwaqt li huwa jqis li għandu jaqa’ direttament taħt is-superviżjoni prudenzjali tal-BĊE, huwa għandu interess ġuridiku fil-konfront ta’ dan l-aspett tad-deċiżjoni kkontestata, kienet x’setgħet kienet l-attitudni tiegħu meta s-superviżjoni prudenzjali kienet titmexxa mill-ACPR.

45      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-BĊE għandhom jiġu miċħuda.

B.      Fuq il-mertu

46      Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent iressaq argumenti li jistgħu jinqasmu fi tliet motivi.

47      Għalkemm jirrigwardaw b’mod ġenerali d-deċiżjoni kkontestata, l-argumenti li jinsabu fl-ewwel żewġ motivi jikkonċernaw biss, fir-realtà, il-legalità tal-Artikolu 2(1) u tal-Anness I ta’ din id-deċiżjoni, li permezz tagħhom il-BĊE jorganizza superviżjoni prudenzjali kkonsolidata tal-grupp Crédit mutuel permezz taċ-CNCM. Permezz tal-ewwel motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li dan l-aspett tad-deċiżjoni kkontestata huwa vvizzjat b’illegalità, peress li ċ-CNCM ma hijiex stabbiliment ta’ kreditu u, għaldaqstant, ma tistax taqa’ taħt is-superviżjoni prudenzjali tal-BĊE. Permezz tat-tieni motiv tiegħu, huwa jsostni li l-BĊE żbalja meta kkonstata l-eżistenza ta’ “grupp” għal finijiet ta’ superviżjoni prudenzjali.

48      Permezz tat-tielet motiv tiegħu, ir-rikorrent jikkontesta, essenzjalment, l-iffissar tal-fondi proprji “CET 1” tiegħu għal 11 %, minħabba l-impożizzjoni ta’ fondi proprji li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti legali minimi, skont l-Artikolu 16(1)(c) u (2)(a) tar-Regolament Bażiku. Għalkemm huwa indirizzat kontra d-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi, għandu jiġi kkonstatat li dan il-motiv jikkonċerna biss, fir-realtà, il-legalità tal-Artikolu 2(3) u tal-Anness II‑2 tad-deċiżjoni kkontestata, li jirrigwardaw ir-rekwiżiti prudenzjali imposti fuq ir-rikorrent.

1.      Fuq l-ewwel u t-tieni motivi, li jirrigwardaw il-legalità tal-Artikolu 2(1) u tal-Anness I tad-deċiżjoni kkontestata

49      Mill-premessa 1 tad-deċiżjoni kkontestata u mill-Artikolu 2(1) tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-BĊE jorganizza superviżjoni prudenzjali kkonsolidata tal-grupp Crédit mutuel permezz taċ-CNCM, billi jinkarigaha tiżgura li l-imsemmi grupp jissodisfa b’mod permanenti r-rekwiżiti speċifikati fl-Anness I tal-imsemmija deċiżjoni.

50      Għandha qabelxejn tiġi miċħuda l-kontestazzjoni, mill-BĊE, tan-natura effettiva ta’ dawn iż-żewġ motivi, għar-raġuni li r-rikorrent jammetti li jikkostitwixxi entità sinjifikattiva fis-sens tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Bażiku, li taqa’ taħt is-superviżjoni prudenzjali diretta tal-BĊE. Fil-fatt, permezz tal-ewwel żewġ motivi tiegħu, ir-rikorrent jikkontesta l-modalitajiet ta’ eżerċizzju ta’ din is-superviżjoni prudenzjali, jiġifieri li titwettaq permezz taċ-CNCM fil-konfront tiegħu inkwantu huwa komponent tal-grupp Crédit mutuel.

51      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm il-motivi li għalihom il-BĊE ddeċieda li jorganizza superviżjoni prudenzjali kkonsolidata tal-grupp Crédit mutuel permezz taċ-CNCM ma jinsabux espliċitament fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta’ Rieżami pprovda espożizzjoni tal-motivi dwar dan il-punt, li ġiet irriprodotta fil-punti 8 sa 10 iktar ’il fuq. Issa, sa fejn, fid-deċiżjoni kkontestata, il-BĊE ta deċiżjoni konformi ma’ dik tal-opinjoni tal-Bord ta’ Rieżami, li tagħmel parti mill-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jitqies li l-BĊE adotta l-motivi li jinsabu fl-imsemmija opinjoni u li l-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata tista’ tiġi eżaminata fid-dawl tal-imsemmija motivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2017, Landeskreditbank Baden-Württemberg vs BĊE, T‑122/15, taħt appell, EU:T:2017:337, punti 125 sa 127).

52      Fil-kuntest tal-ewwel żewġ motivi tiegħu, ir-rikorrent jikkontesta l-interpretazzjoni magħmula mill-BĊE tal-Artikolu 2(21)(c) tar-Regolament Qafas tal-MSU u tal-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 575/2013, li għalih tirreferi din l-ewwel dispożizzjoni.

53      Skont l-Artikolu 2(21)(c) tar-Regolament Qafas tal-MSU, “grupp taħt superviżjoni [prudenzjali]” jindika, b’mod partikolari, “entitajiet taħt superviżjoni [prudenzjali] li kull waħda minnhom ikollha l-uffiċċju prinċipali tagħha fl-istess Stat Membru parteċipanti, kemm-il darba jkunu affiljati b’mod permanenti ma’ korp ċentrali li jissorveljahom [jeżerċita superviżjoni prudenzjali fuqhom] taħt il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 10 tar-Regolament […] nru 575/2013 u li jkun stabbilit fl-istess Stat Membru parteċipanti”.

54      L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 575/2013, intitolat “Rinunzja għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu affiljati permanentement ma’ korp ċentrali”, jipprovdi:

“1.      L-awtoritajiet kompetenti jistgħu, f’konformità mad-dritt nazzjonali, jirrinunzjaw parzjalment jew totalment l-applikazzjoni tar-rekwiżiti stabbiliti fil-Partijiet Tnejn sa Tmienja lil istituzzjoni ta’ kreditu waħda jew aktar li jkunu fl-istess Stat Membru u li jkunu affiljati b’mod permanenti ma’ korp ċentrali li jissorveljawhom u li jkun stabbilit fl-istess Stat Membru, jekk jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)      l-impenji tal-korp ċentrali u l-istituzzjonijiet affiljati jkunu obligazzjonijiet in solidum jew l-impenji tal-istituzzjonijiet affiljati miegħu jkunu ggarantiti totalment mill-korp ċentrali;

(b)      is-solvenza u l-likwidità tal-korp ċentrali u tal-istituzzjonijiet affiljati kollha jkunu mmonitorjati fis-sħuħija tagħhom fuq il-bażi tal-kontijiet konsolidati ta’ dawn l-istituzzjonijiet;

(c)      il-maniġment tal-korp ċentrali jkollu s-setgħa li joħroġ struzzjonijiet lill-maniġment tal-istituzzjonijiet affiljati.”

55      Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet ta’ interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss it-termini ta’ din tal-aħħar, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li tfittex li tilħaq il-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2005, VEMW et, C‑17/03, EU:C:2005:362, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56      Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, jidher li huwa utli li ssir interpretazzjoni teleoloġika u kuntestwali tal-Artikolu 2(21)(c) tar-Regolament Qafas tal-MSU, qabel ma jiġu eżaminati l-ewwel żewġ motivi mqajma mir-rikorrent.

a)      Fuq l-interpretazzjoni teleoloġika u kuntestwali tal-Artikolu 2(21)(c) tar-Regolament Qafas tal-MSU

57      Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 2(21)(c) tar-Regolament Qafas tal-MSU, għandu jiġi rrilevat li, skont il-premessa 9 ta’ dan ir-regolament, l-għan tiegħu huwa li jiżviluppa u jispeċifika l-proċeduri ta’ kooperazzjoni stabbiliti mir-Regolament Bażiku bejn il-BĊE u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (iktar ’il quddiem il-“MSU”) kif ukoll mal-awtoritajiet nazzjonali nominati. Għaldaqstant, l-iskopijiet tar-Regolament Bażiku għandhom ukoll jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 2(21)(c) tar-Regolament Qafas tal-MSU.

58      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li s-superviżjoni prudenzjali tal-gruppi ta’ stabbilimenti ta’ kreditu fuq bażi kkonsolidata tissodisfa essenzjalment żewġ skopijiet.

59      L-ewwel skop jikkonsisti fil-possibbiltà għall-BĊE li jilqa’ għar-riskji li jistgħu jaffettwaw lil stabbiliment ta’ kreditu u li ma joriġinawx minnu, iżda mill-grupp li huwa jifforma parti minnu.

60      Għaldaqstant, il-premessa 26 tar-Regolament Bażiku tispeċifika dan li ġej:

“Riskji għas-sikurezza u s-solidità ta’ istituzzjoni ta’ kreditu jistgħu jokkorru kemm fil-livell ta’ istituzzjoni ta’ kreditu individwali kif ukoll fil-livell ta’ grupp bankarju jew ta’ konglomerat finanzjarju. Arranġamenti superviżorji speċifiċi biex jimmitigaw dawn ir-riskji huma importanti biex jiġu żgurati s-sikurezza u s-solidità tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Minbarra s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu individwali, il-kompiti tal-BĊE għandhom jinkludu superviżjoni fil-livell konsolidat […]”

61      It-tieni skop li s-superviżjoni prudenzjali tal-gruppi ta’ stabbilimenti ta’ kreditu fuq bażi kkonsolidata tfittex li tilħaq huwa li jiġi evitat li s-superviżjoni prudenzjali tal-entitajiet li jikkomponi l-imsemmija gruppi tinqasam f’diversi awtoritajiet ta’ superviżjoni.

62      L-ewwel nett, dan jimmanifesta ruħu, b’mod partikolari, bil-fatt li, skont il-premessa 38 u l-Artikolu 6(4) tar-Regolament Bażiku, l-evalwazzjoni ta’ kemm huwa sinjifikattiv stabbiliment ta’ kreditu, li tiddetermina jekk it-twettiq ta’ ċerti kompiti ta’ superviżjoni prudenzjali jkunx ser isir mill-BĊE biss jew b’mod deċentralizzat fil-kuntest tal-MSU (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2017, Landeskreditbank Baden-Württemberg vs BĊE, T‑122/15, taħt appell, EU:T:2017:337, punt 63), issir fl-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni fl-Istati Membri parteċipanti. Dan l-iskop huwa rriprodott fl-Artikolu 40(1) u (2)(a) tar-Regolament Qafas tal-MSU, fir-rigward tal-gruppi taħt superviżjoni prudenzjali.

63      It-tieni nett, dan l-iskop jimmanifesta ruħu wkoll fl-Artikolu 40(2) tar-Regolament Qafas tal-MSU, li minnu jirriżulta li, fil-każ li entità li tifforma parti minn grupp taqa’ taħt is-superviżjoni prudenzjali tal-BĊE, jew għaliex tissodisfa l-kriterju tal-assistenza finanzjarja pubblika diretta, jew għaliex tikkostitwixxi waħda mit-tliet stabbilimenti ta’ kreditu l-iktar sinjifikattivi fi Stat Membru parteċipanti, din is-superviżjoni testendi għall-grupp kollu.

64      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, sabiex jiġu osservati l-iskopijiet tar-Regolament Bażiku, l-Artikolu 2(21)(c) tar-Regolament Qafas tal-MSU u l-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 575/2013 li għalihom jirreferi, għandhom jiġu interpretati billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-intenzjoni tal-leġiżlatur li jippermetti lill-BĊE jkollu ħarsa globali fuq ir-riskji kollha li jistgħu jaffettwaw lil stabbiliment ta’ kreditu u li jevita li s-superviżjoni prudenzjali tinqasam bejn il-BĊE u l-awtoritajiet nazzjonali.

65      F’dak li jirrigwarda l-iskop speċifiku tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 575/2013, għandu jiġi osservat li dan ir-regolament jirrigwarda r-rekwiżiti prudenzjali applikabbli għall-istabbilimenti ta’ kreditu. F’dan il-kuntest, l-għan li l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 575/2013 ifittex li jilħaq jirriżulta ċar mill-formulazzjoni tiegħu stess. Huwa jikkonsisti fil-possibbiltà li għandha l-awtorità kompetenti li teżenta totalment jew parzjalment, mill-applikazzjoni ta’ wħud mir-rekwiżiti previsti mir-regolament, lil stabbiliment ta’ kreditu wieħed jew iktar li jkunu jinsabu fl-istess Stat Membru u li jkunu affiljati b’mod permanenti ma’ organu ċentrali li jissorveljahom u li jkun stabbilit fl-istess Stat Membru. Bl-istess mod, l-Artikolu 10(2) tal-imsemmi regolament jippermetti li l-organu ċentrali jiġi eżentat, fuq bażi individwali, mill-applikazzjoni tal-istess rekwiżiti prudenzjali.

66      Madankollu, f’din il-kawża, il-kundizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 575/2013 ma humiex applikabbli abbażi ta’ dan ir-regolament tal-aħħar għall-finijiet li tiġi evalwata l-possibbiltà ta’ eżenzjoni mill-osservanza tar-rekwiżiti fuq bażi individwali, iżda japplikaw bis-saħħa tar-riferiment magħmul mill-Artikolu 2(21)(c) tar-Regolament Qafas tal-MSU għall-finijiet li tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ grupp taħt superviżjoni prudenzjali.

67      Barra minn hekk, l-eventwali rikonoxximent tal-eżistenza ta’ grupp taħt superviżjoni prudenzjali fis-sens tal-Artikolu 2(21)(c) tar-Regolament Qafas tal-MSU ma jimplikax l-għoti tal-benefiċċju tal-eżenzjoni prevista mill-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 575/2013 lill-istabbilimenti ta’ kreditu li jikkostitwixxuh, peress li awtorità kompetenti tista’ dejjem tirrifjuta l-benefiċċju ta’ eżenzjoni individwali minkejja li l-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 575/2013 ikunu ssodisfatti.

68      Fil-fatt, il-fatt li l-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 575/2013 jistgħu jkunu ssodisfatti ma jġibx miegħu l-istess konsegwenzi skont jekk ikunx inkwistjoni l-Artikolu 2(21)(c) tar-Regolament Qafas tal-MSU jew l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 575/2013 biss. Fl-ewwel każ, huwa jimplika s-superviżjoni tal-grupp mill-BĊE, sakemm il-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 40 tar-Regolament Qafas tal-MSU jkunu ssodisfatti wkoll. Fit-tieni każ, l-eżenzjoni fuq bażi individwali mir-rekwiżiti prudenzjali fi ħdan il-grupp ma hijiex awtomatika, iżda tibqa’ possibbiltà għall-awtorità kompetenti.

69      Għaldaqstant, mill-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 575/2013 il-BĊE jista’ jiddeduċi li l-Artikolu 2(21) tar-Regolament Qafas tal-MSU huwa applikabbli u jeżerċita superviżjoni prudenzjali fuq grupp kollu kemm hu, filwaqt li, bħala awtorità kompetenti taħt ir-Regolament Nru 575/2013, jirrifjuta li jeżenta lill-entitajiet tal-grupp mill-osservanza tar-rekwiżiti prudenzjali fuq bażi individwali.

70      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li huma biss l-iskopijiet tal-Artikolu 2(21)(c) tar-Regolament Qafas tal-MSU li huma rilevanti f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tiegħu, minkejja r-riferiment li huwa jagħmel għall-Artikolu 10(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU.

71      Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni kuntestwali tal-Artikolu 2(21)(c) tar-Regolament Qafas tal-MSU, għandu jiġi osservat li, fl-opinjoni tiegħu, il-Bord ta’ Rieżami rrefera, diversi drabi, għall-kontenut tal-Linji Gwida taċ-CECS sabiex jikkonkludi li l-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 575/2013 kienu ssodisfatti. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk l-imsemmija linji gwida humiex element tal-kuntest ġuridiku li minnu jagħmel parti l-Artikolu 2(21)(c) tar-Regolament Qafas tal-MSU, li jista’ jkun rilevanti għall-interpretazzjoni tal-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 575/2013, li għalihom jirreferi.

72      Għandu jitfakkar li ċ-CECS huwa l-prekursur tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) u li l-Linji Gwida taċ-CECS jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2006 rigward il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu (tfassil mill-ġdid) (ĠU 2006, L 177, p. 1), kif emendata bid-Direttiva 2009/111/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 li temenda d-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE u 2007/64/KE dwar banek affiljati ma’ istituzzjonijiet ċentrali, ċerti elementi ta’ fondi proprji, espożizzjonijiet kbar, arranġamenti superviżorji, u l-ġestjoni tal-kriżijiet (ĠU 2009, L 302, p. 97). L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2006/48 kien jgħid li “[i]stituzzjoni ta’ kreditu waħda jew aktar li [kienu] jinsabu fl-istess Stat Membru u li [kienu] affiljati b’mod permanenti ma’ korp ċentrali li [kien] jissorveljahom u li [kien] jinsab fl-istess Stat Membru, [setgħu] jiġu eżentati mill-ħtiġiet tal-[…] jekk il-liġi nazzjonali [kienet] tipprevedi li […]”. Sussegwentement, kien jagħmel riferiment għal tliet kundizzjonijiet, li huma dawk li llum jinsabu fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 575/2013.

73      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Linji Gwida taċ-CECS ġew adottati wara talba tal-leġiżlatur f’dan is-sens, esposta fil-premessa 2 tad-Direttiva 2009/111. Fil-fatt, f’din il-premessa ċ-CECS intalab “jipprovdi linji ta’ gwida sabiex tittejjeb il-konverġenza tal-prattika superviżorja [f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2006/48]”.

74      Għaldaqstant, fid-dawl tal-identiċità tal-formulazzjoni tal-kundizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2006/48 u fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 575/2013 u taċ-ċirkustanzi tal-adozzjoni tal-Linji Gwida taċ-CECS, jiġifieri l-adozzjoni tagħhom mill-organu li dak iż-żmien kien kompetenti u fuq talba tal-leġiżlatur, il-Linji Gwida taċ-CECS jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-ambitu tal-kuntest ġuridiku li minnu jagħmel parti l-Artikolu 2(21)(c) tar-Regolament Qafas tal-MSU.

75      Madankollu, l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti minn awtorità amministrattiva ma tistax torbot lill-qorti tal-Unjoni, li hija biss għandha ġurisdizzjoni għall-finijiet ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, skont l-Artikolu 19 TUE.

76      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li din l-interpretazzjoni ġiet ipprovduta miċ-CECS billi ħa inkunsiderazzjoni biss l-iskopijiet tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2006/48, li kienu analogi għal dawk tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 575/2013, jiġifieri l-awtorizzazzjoni ta’ eżenzjoni mill-osservanza tar-rekwiżiti prudenzjali fuq bażi individwali meta dawn ikunu osservati fi ħdan il-grupp.

77      Issa, għar-raġunijiet esposti fil-punti 66 sa 70 iktar ’il fuq, ma humiex dawn l-iskopijiet li huma rilevanti, iżda dawk tal-Artikolu 2(21)(c) tar-Regolament Qafas tal-MSU, li ma setgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni meta ġew adottati l-Linji Gwida taċ-CECS.

78      Għaldaqstant, għalkemm il-Linji Gwida taċ-CECS jikkostitwixxu element li jista’ eventwalment jittieħed inkunsiderazzjoni mill-qorti tal-Unjoni, ma jistgħu jingħataw ebda forma ta’ awtorità.

b)      Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-assenza ta’ kwalità ta’ stabbiliment ta’ kreditu taċ-CNCM

79      Ir-rikorrent isostni li kemm mir-Regolament Bażiku u mir-Regolament Qafas tal-MSU kif ukoll mir-Regolament Nru 575/2013 jirriżulta li s-superviżjoni prudenzjali fuq bażi kkonsolidata ta’ stabbilimenti affiljati ma’ organu ċentrali hija possibbli biss jekk dan tal-aħħar ikollu l-kwalità ta’ stabbiliment ta’ kreditu, li ma huwiex il-każ taċ-CNCM.

80      Il-BĊE, sostnut mill-Kummissjoni, jitlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

81      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm ir-rikorrent josserva fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu li l-Artikolu 127(6) TFUE u r-Regolament Bażiku jikkonċernaw is-superviżjoni prudenzjali tal-istabbilimenti ta’ kreditu, huwa ma jqajjem ebda eċċezzjoni ta’ illegalità fil-konfront tal-Artikolu 2(21)(c) tar-Regolament Qafas tal-MSU, ibbażata fuq l-allegazzjoni li, kieku dan tal-aħħar kellu jiġi interpretat fis-sens li ma jimplikax li l-organu ċentrali għandu jkollu l-kwalità ta’ stabbiliment ta’ kreditu, huwa jmur kontra l-Artikolu 127(6) TFUE jew ir-Regolament Bażiku, ħaġa li kkonferma waqt is-seduta.

82      Għaldaqstant, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, huwa suffiċjenti li jiġi vverifikat jekk il-kunċett ta’ “korp ċentrali” fis-sens tal-Artikolu 2(21)(c) tar-Regolament Qafas tal-MSU għandux jinftiehem li jimplika l-kwalità ta’ stabbiliment ta’ kreditu.

83      Sa fejn l-Artikolu 2(21)(c) tar-Regolament Qafas tal-MSU jirreferi għall-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 575/2013, għandu jiġi eżaminat jekk il-kwalità ta’ stabbiliment ta’ kreditu tirriżultax jew direttament mill-Artikolu 2(21)(c) tar-Regolament Qafas tal-MSU jew indirettament mill-imsemmija kundizzjonijiet.

1)      Fuq il-kwistjoni jekk il-kwalità ta’ stabbiliment ta’ kreditu tal-organu ċentrali tirriżultax mill-Artikolu 2(21)(c) tar-Regolament Qafas tal-MSU

84      Essenzjalment, ir-rikorrent isostni li, sa fejn l-Artikolu 127(6) TFUE u r-Regolament Bażiku jikkonċernaw is-superviżjoni prudenzjali tal-istabbilimenti ta’ kreditu, l-Artikolu 2(21)(c) tar-Regolament Qafas tal-MSU għandu jiġi interpretat fis-sens li jimplika li l-organi ċentrali għandhom il-kwalità ta’ stabbiliment ta’ kreditu. Huwa jżid li din l-impossibbiltà li tiġi eżerċitata superviżjoni prudenzjali kkonsolidata permezz ta’ organu ċentrali li ma għandux l-imsemmija kwalità hija kkonfermata mill-assenza ta’ setgħat ta’ superviżjoni u ta’ sanzjoni tal-BĊE f’tali konfigurazzjoni.

85      Skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 55 iktar ’il fuq, l-Artikolu 2(21)(c) tar-Regolament Qafas tal-MSU għandu jingħata interpretazzjoni letterali, teleoloġika u kuntestwali.

86      Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 2(21)(c) tar-Regolament Qafas tal-MSU, għandu jiġi rrilevat li l-formulazzjoni tiegħu ma ssemmix li l-organu ċentrali għandu jkollu l-kwalità ta’ stabbiliment ta’ kreditu, kuntrarjament għall-ipoteżi prevista fl-Artikolu 2(21)(a) ta’ dan l-istess regolament, li tirreferi espliċitament għas-superviżjoni prudenzjali ta’ grupp li l-impriża omm tiegħu għandha l-kwalità ta’ stabbiliment ta’ kreditu.

87      Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 2(21)(c) tar-Regolament Qafas tal-MSU, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-iskopijiet spjegati fil-punt 64 iktar ’il fuq.

88      Issa, mingħajr ma huwa neċessarju li jsir eżami fid-dettall tal-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 575/2013, liema eżami jaqa’ taħt it-tieni motiv, huwa suffiċjenti, f’dan l-istadju, li jiġi enfasizzat li, fil-każ li l-imsemmija kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti, minn dan tiġi dedotta loġikament prossimità suffiċjenti, bejn l-istabbilimenti affiljati ma’ organu ċentrali, sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ grupp. B’mod iktar partikolari, il-kundizzjoni ta’ solidarjetà li tinsab fl-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 575/2013 tista’ ġġib magħha, fil-każ ta’ inadempjenza ta’ stabbiliment ta’ kreditu, riskju għall-entitajiet l-oħra affiljati mal-istess organu ċentrali. Għaldaqstant, huwa konformi mal-iskopijiet tar-Regolament Bażiku u tar-Regolament Qafas tal-MSU li tiġi aċċettata l-kwalifikazzjoni ta’ “grupp taħt superviżjoni [prudenzjali]” fis-sens tal-Artikolu 2(21)(c) tar-Regolament Qafas tal-MSU, irrispettivament minn jekk l-organu ċentrali ta’ dan il-grupp għandux il-kwalità ta’ stabbiliment ta’ kreditu jew le.

89      Barra minn hekk, jekk tiġi aċċettata l-analiżi tar-rikorrent, dan ikun ifisser li stabbilimenti differenti affiljati ma’ organu ċentrali li ma jkollhomx il-kwalità ta’ stabbiliment ta’ kreditu, iżda li jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 575/2013, jaqgħu, skont l-importanza individwali tagħhom, jew taħt is-superviżjoni tal-BĊE biss, jew taħt is-superviżjoni diretta tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, fil-kuntest tal-MSU, ħaġa li twassal għal qsim tas-superviżjoni prudenzjali li jmur kontra l-iskopijiet kemm tar-Regolament Bażiku kif ukoll tar-Regolament Qafas tal-MSU.

90      Fit-tielet lok, f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni kuntestwali tal-Artikolu 2(21)(c) tar-Regolament Qafas tal-MSU, ir-rikorrent tabilħaqq għandu raġun josserva, essenzjalment, minn naħa, li r-Regolament Bażiku jipprevedi ċertu numru ta’ prerogattivi għall-BĊE li jestendu sal-possibbiltà li huwa jimponi sanzjonijiet amministrattivi, li jikkostitwixxu l-korollarju tal-kompitu ta’ superviżjoni mogħti lilu, u, min-naħa l-oħra, li d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Bażiku ma jipprevedux l-eżerċizzju ta’ tali prerogattivi fil-konfront tal-organi ċentrali previsti mill-Artikolu 2(21)(c) tar-Regolament Qafas tal-MSU.

91      Fil-fatt, kemm l-Artikolu 10 tar-Regolament Bażiku, dwar it-talbiet għal informazzjoni, kif ukoll l-Artikolu 11 tiegħu, dwar l-investigazzjonijiet ġenerali, u l-Artikolu 16 tiegħu, dwar is-setgħat ta’ superviżjoni, jirreferu għall-eżerċizzju ta’ prerogattivi tal-BĊE fil-konfront tal-istabbilimenti ta’ kreditu, tal-kumpanniji holding finanzjarji, tal-kumpanniji holding imħallta u tal-kumpanniji holding finanzjarji mħallta. Barra minn hekk, l-Artikolu 18 ta’ dan l-istess regolament isemmi l-possibbiltà li jiġu imposti sanzjonijiet fil-konfront tal-istabbilimenti ta’ kreditu, tal-kumpanniji holding finanzjarji u tal-kumpanniji holding finanzjarji mħallta.

92      Madankollu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li s-superviżjoni prudenzjali fuq bażi kkonsolidata ta’ grupp issir b’żieda mas-superviżjoni prudenzjali fuq bażi individwali tal-istabbilimenti ta’ kreditu li jikkomponuh, iżda ma tissostitwixxihiex, kif tfakkar it-tieni sentenza tal-premessa 38 tar-Regolament Bażiku.

93      Għaldaqstant, l-impossibbiltà għall-BĊE li jeżerċita tali prerogattivi fil-konfront ta’ organu ċentrali li ma jkollux il-kwalità ta’ stabbiliment ta’ kreditu ma tikkostitwixxix impediment assolut għat-twettiq ta’ superviżjoni prudenzjali adegwata, peress li l-BĊE huwa f’pożizzjoni li jagħmel użu mill-prerogattivi tiegħu fil-konfront tal-entitajiet affiljati mal-imsemmi organu ċentrali.

94      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 2(21)(c) tar-Regolament Qafas tal-MSU ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jimplika, fih innifsu, li organu ċentrali għandu l-kwalità ta’ stabbiliment ta’ kreditu.

2)      Fuq il-kwistjoni jekk il-kwalità ta’ stabbiliment ta’ kreditu tal-organu ċentrali tirriżultax mill-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 575/2013

95      Ir-rikorrent iqis li l-osservanza tar-Regolament Nru 575/2013 timplika li organu ċentrali għandu jkollu l-kwalità ta’ stabbiliment ta’ kreditu. F’dan ir-rigward, huwa jirreferi, minn naħa, għall-Artikolu 11(4) tar-Regolament Nru 575/2013 u, min-naħa l-oħra, għall-Artikolu 10(1)(b) ta’ dan l-istess regolament.

96      Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 11(4) tar-Regolament Nru 575/2013, dan tal-aħħar jispeċifika li, “[m]eta jiġi applikat l-Artikolu 10, il-korp ċentrali msemmi f’dak l-Artikolu għandu jikkonforma mar-rekwiżiti tal-Parti Tnejn sa Tmienja fuq il-bażi tas-sitwazzjoni konsolidata tal-korp ċentrali kollu kif ikkostitwit flimkien mal-istituzzjonijiet affiljati tiegħu”. Il-Partijiet Tnejn sa Tmienja jirrigwardaw il-fondi proprji, ir-rekwiżiti ta’ fondi proprji, l-iskoperturi l-kbar, l-iskoperturi għal riskju ta’ kreditu ttrasferit, il-likwidità, il-lieva u l-iżvelar mill-istabbilimenti, rispettivament. Essenzjalment, ir-rikorrent isostni li tali rekwiżiti jistgħu jiġu osservati biss minn stabbiliment ta’ kreditu.

97      Għandu jiġi kkonstatat li tali argument ma jistax jiġi aċċettat, peress li jagħmel mill-osservanza tal-Artikolu 11(4) tar-Regolament Nru 575/2013 kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 10 ta’ dan l-istess regolament, ħaġa li tmur kontra kemm l-interpretazzjoni letterali tal-imsemmi Artikolu 10 kif ukoll ir-relazzjoni bejn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet.

98      Minn naħa, ma hemm ebda riferiment għall-Artikolu 11(4) tar-Regolament Nru 575/2013 fil-korp tal-Artikolu 10 ta’ dan l-istess regolament.

99      Min-naħa l-oħra, il-loġika tar-relazzjoni bejn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet teżiġi li l-implementazzjoni tal-Artikolu 11(4) tar-Regolament Nru 575/2013 tkun konsegwenza tal-applikazzjoni tal-Artikolu 10 ta’ dan l-istess regolament, u mhux kundizzjoni għal tali applikazzjoni. Fil-fatt, meta l-awtorità kompetenti taċċetta, abbażi tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 575/2013, li teżenta l-entitajiet affiljati ma’ organu ċentrali mill-osservanza tar-rekwiżiti prudenzjali fuq bażi individwali, japplika mbagħad l-Artikolu 11(4) tar-Regolament Nru 575/2013, billi jimponi li l-imsemmi organu ċentrali jikkonforma ruħu mar-rekwiżiti prudenzjali abbażi tas-sitwazzjoni kkonsolidata tal-assjem li huwa jikkostitwixxi mal-istabbilimenti affiljati.

100    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li hawnhekk ma hijiex inkwistjoni l-fondatezza ta’ deċiżjoni ta’ eżenzjoni mill-osservanza tar-rekwiżiti prudenzjali fuq bażi individwali tal-istabbilimenti affiljati ma’ organu ċentrali, iżda l-eżistenza ta’ grupp fis-sens tal-Artikolu 2(21)(c) tar-Regolament Qafas tal-MSU. Issa, din id-dispożizzjoni tal-aħħar tirreferi biss għall-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 575/2013, u mhux għall-Artikolu 11(4) tal-istess regolament.

101    Għaldaqstant, għalkemm l-eventwali diffikultà għal organu ċentrali li josserva dak li jeżiġi l-Artikolu 11(4) tar-Regolament Nru 575/2013 tista’ tkun kunsiderazzjoni rilevanti meta l-awtorità kompetenti tkun ser tagħti l-benefiċċju ta’ eżenzjoni individwali – li tibqa’ għażla fakultattiva anki jekk ikunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 575/2013 –, din hija irrilevanti għall-eżerċizzju mill-BĊE tas-superviżjoni prudenzjali tiegħu fuq il-grupp kollu kemm hu.

102    Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-kundizzjoni li tinsab fl-Artikolu 10(1)(b) tar-Regolament Nru 575/2013, din tal-aħħar timponi li “is-solvenza u l-likwidità tal-korp ċentrali u tal-istituzzjonijiet affiljati kollha jkunu mmonitorjati fis-sħuħija tagħhom fuq il-bażi tal-kontijiet konsolidati ta’ dawn l-istituzzjonijiet”.

103    Il-kwistjoni jekk iċ-CNCM tissodisfax din il-kundizzjoni hija diskussa fil-kuntest tat-tieni parti tat-tieni motiv. F’dan l-istadju, għandu jiġi vverifikat biss jekk l-osservanza tal-Artikolu 10(1)(b) tar-Regolament Nru 575/2013 timplikax neċessarjament li l-organu ċentrali jkollu l-kwalità ta’ stabbiliment ta’ kreditu.

104    Sabiex din il-kundizzjoni tkun issodisfatta, jeħtieġ li jiġu osservati żewġ kriterji. L-ewwel wieħed jirrigwarda l-eżistenza ta’ kontijiet ikkonsolidati tal-grupp. It-tieni wieħed jimplika superviżjoni tas-solvenza u tal-likwidità tal-entitajiet kollha li jifformaw il-grupp abbażi tal-imsemmija kontijiet ikkonsolidati.

105    F’dan ir-rigward, il-pożizzjoni li tinsab fil-punt 24 tal-Linji Gwida taċ-CECS, li skontha dan ir-rekwiżit ta’ superviżjoni tas-solvenza u tal-likwidità tal-entitajiet kollha li jifformaw il-grupp abbażi ta’ dawn il-kontijiet ikkonsolidati għandu jiġi kkunsidrat minn perspettiva prudenzjali, għandha tiġi approvata, peress li l-Artikolu 2(21)(c) tar-Regolament Qafas tal-MSU jirrigwarda preċiżament id-definizzjoni tal-gruppi taħt superviżjoni prudenzjali.

106    Bl-istess mod, iċ-CECS kellu raġun ukoll josserva, fil-Linji Gwida tiegħu, li ma kienx neċessarju li l-organu ċentrali jkollu l-kwalità ta’ stabbiliment ta’ kreditu, peress li l-osservanza taż-żewġ kriterji msemmija espliċitament fl-Artikolu 10(1)(b) tar-Regolament Nru 575/2013 kienet suffiċjenti sabiex setgħet tiġi eżerċitata superviżjoni tal-osservanza tar-rekwiżiti prudenzjali mill-grupp.

107    Fil-fatt, l-eżistenza ta’ kontijiet ikkonsolidati tippermetti ħarsa globali fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-assjem ikkostitwit mill-organu ċentrali u mill-istabbilimenti li huma affiljati miegħu, li abbażi tagħhom l-awtorità kompetenti tista’ tiżgura ruħha li l-likwidità u s-solvenza ta’ dan l-assjem huma konformi mar-rekwiżiti prudenzjali, u dan irrispettivament minn jekk l-organu ċentrali għandux il-kwalità ta’ stabbiliment ta’ kreditu jew le.

108    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li la l-Artikolu 10(1)(b) tar-Regolament Nru 575/2013 u lanqas l-Artikolu 11(4) ta’ dan l-istess regolament ma jimplikaw li organu ċentrali għandu jkollu l-kwalità ta’ stabbiliment ta’ kreditu sabiex japplika l-Artikolu 2(21)(c) tar-Regolament Qafas tal-MSU.

109    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

c)      Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-assenza ta’ grupp taħt superviżjoni prudenzjali fis-sens tal-Artikolu 2(21)(c) tar-Regolament Qafas tal-MSU u tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 575/2013

110    Permezz tat-tieni motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni li l-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 575/2013, li għalih jirreferi l-Artikolu 2(21)(c) tar-Regolament Qafas tal-MSU, ma humiex issodisfatti minn Crédit mutuel, li, għaldaqstant, ma jistax jiġi kklassifikat bħala “grupp” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Dan il-motiv jista’ jinqasam fi tliet partijiet, ibbażati fuq ksur tal-kundizzjonijiet indikati fl-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 575/2013, fl-Artikolu 10(1)(b) tal-imsemmi regolament u fl-Artikolu 10(1)(c) tal-istess regolament, rispettivament.

1)      Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 575/2013

111    Preliminarjament, ir-rikorrent jenfasizza li mill-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 575/2013 jirriżulta li, bħala prinċipju, l-istabbilimenti ta’ kreditu huma suġġetti għar-rekwiżiti prudenzjali fuq bażi individwali u li l-possibbiltà mogħtija mill-Artikolu 10 ta’ dan l-istess regolament għandha natura ta’ eċċezzjoni, u hija applikabbli biss fiċ-ċirkustanzi fejn il-grupp jista’ jitqies li huwa entità waħda u fejn l-applikazzjoni tar-rekwiżiti prudenzjali fuq bażi individwali ma jkollha ebda valur miżjud.

112    Ir-rikorrent isostni li ċ-CNCM la għandha u lanqas ma għandha dritt ikollha l-fondi proprji li jippermettulha tiggarantixxi l-impenji tal-affiljati tagħha jew tkun responsabbli in solidum għalihom u li, għaldaqstant, il-BĊE żbalja meta qies li l-kundizzjoni prevista mill-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 575/2013 kienet issodisfatta.

113    Fl-ewwel lok, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li l-kunċetti ta’ solidarjetà u ta’ garanzija jistgħu jiġu interpretati biss fid-dawl tad-dispożizzjonijiet legali Franċiżi li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn iċ-CNCM u l-affiljati tagħha. Issa, l-ewwel nett, ma teżisti ebda solidarjetà, fis-sens tal-Artikolu 1200 tal-code civil (il-Kodiċi Ċivili) Franċiż, taċ-CNCM mal-entitajiet affiljati tagħha fil-konfront tal-persuni li jsellfuhom. It-tieni nett, iċ-CNCM ma toqgħodx garanti għall-impenji meħuda mill-affiljati tagħha fis-sens tal-Artikolu 2288 tal-code civil (il-Kodiċi Ċivili) Franċiż u lanqas ma tagħti garanzija awtonoma fis-sens tal-Artikolu 2321 ta’ dan l-istess kodiċi. It-tielet nett, l-Artikolu L.511‑31 taċ-CMF ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jimplika l-eżistenza ta’ solidarjetà jew ta’ garanzija taċ-CNCM għall-benefiċċju tal-affiljati tagħha. Ir-raba’ nett, l-istess jgħodd għad-dispożizzjonijiet partikolari applikabbli għaċ-CNCM li jinsabu fl-Artikoli L.512‑55 et seq. taċ-CMF. Ir-rikorrent iżid li ma jeżisti ebda mekkaniżmu ta’ għajnuna finanzjarja fi ħdan il-grupp tat-tip ta’ dawk li jistgħu jiġu adottati skont l-Artikoli L.613‑46 et seq. taċ-CMF.

114    Fit-tieni lok, ir-rikorrent isostni li ċ-CNCM ma għandha ebda setgħa ta’ trasferiment ta’ fondi proprji bejn l-affiljati. Minn naħa, l-Artikolu L.511‑31 taċ-CMF ma jipprevedix li l-organi ċentrali jistgħu jwettqu tali trasferimenti u, min-naħa l-oħra, il-ġurisprudenza reċenti tal-Conseil constitutionnel (il-Kunsill Kostituzzjonali, Franza) tirrendi trasferimenti awtoritarji impossibbli mingħajr il-kunsens tal-affiljati inkwistjoni.

115    Fit-tielet lok, ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni ta’ natura ġenerali taċ-CNCM Nru 1‑1992 tal-10 ta’ Marzu 1992 dwar l-eżerċizzju tas-solidarjetà bejn il-fergħat ta’ Crédit mutuel u l-fergħat ta’ Crédit mutuel agricole, ma tipprevedix li l-impenji tal-organu ċentrali u tal-affiljati tiegħu huma impenji in solidum jew iggarantiti minn tal-ewwel jew tal-aħħar. Huwa jfakkar li d-deċiżjoni kkontestata nfisha tenfasizza n-nuqqas ta’ definizzjoni tal-mekkaniżmu ta’ solidarjetà previst fi ħdan Crédit mutuel. Huwa jqis ukoll li l-eżistenza ta’ fond ta’ 2 % tad-depożiti fi ħdan CCCM ma tippermettix li jiġi konkluż li l-kundizzjoni prevista mill-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 575/2013 hija ssodisfatta.

116    Il-BĊE, sostnut mill-Kummissjoni, jitlob li l-ewwel parti tat-tieni motiv tiġi miċħuda.

117    Skont din l-ewwel kundizzjoni, għandu jiġi vverifikat jekk l-impenji taċ-CNCM u tal-istabbilimenti li huma affiljati magħha jikkostitwixxux impenji in solidum jew jekk l-impenji tal-istabbilimenti li huma affiljati magħha humiex iggarantiti totalment miċ-CNCM.

118    Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda t-tifsira tal-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 575/2013, għandu qabelxejn jiġi eskluż l-argument tar-rikorrent ibbażat fuq l-allegazzjoni li t-termini “obbligazzjonijiet in solidum” u “impenji […] ggarantiti” għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-artikoli rilevanti tal-code civil (il-Kodiċi Ċivili) Franċiż.

119    Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tinkludi ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tagħha, għandu normalment jingħata, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha titfittex billi jiġu kkunsidrati l-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan intiż mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara s-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2013, Vapenik, C‑508/12, EU:C:2013:790, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

120    Peress li r-Regolament Nru 575/2013 ma jiddefinixxix il-kunċetti ta’ “solidarjetà” u ta’ “garanzija” permezz ta’ riferiment għad-drittijiet tal-Istati Membri, għandu jitqies li dawn huma kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni.

121    Fl-opinjoni tiegħu, il-Bord ta’ Rieżami rrefera għall-interpretazzjoni li tinsab fil-Linji Gwida taċ-CECS.

122    F’dan ir-rigward, il-punt 19 tal-Linji Gwida taċ-CECS ġustament isemmi li l-kundizzjoni prevista mill-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2006/48, li l-formulazzjoni tagħha hija analoga għal dik tal-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 575/2013, tipprevedi ipoteżijiet differenti, jiġifieri, jew garanzija tal-organu ċentrali fir-rigward tal-affiljati tiegħu, jew garanzija reċiproka tal-organu ċentrali u tal-affiljati tiegħu, jew sistema ta’ intergaranziji fi ħdan il-grupp fis-sens li l-affiljati jkunu wkoll garanti fir-rigward ta’ xulxin.

123    Fil-punt 20 tal-Linji Gwida taċ-CECS, dan tal-aħħar iqis, essenzjalment, li, sabiex ikun hemm garanzija jew solidarjetà, “il-mekkaniżmi stabbiliti […] għandhom jiżguraw li ma jkun jeżisti ebda ostakolu, fid-dritt jew fil-fatt, għat-trasferiment rapidu ta’ fondi proprji u ta’ likwidità fi ħdan il-grupp sabiex jiġi żgurat li l-obbligi fil-konfront tal-kredituri tal-organu ċentrali u tal-affiljati tiegħu jkunu jistgħu jiġu ssodisfatti” u “[i]l-grupp kollu kemm hu għandu jkun f’pożizzjoni li jipprovdi l-għajnuna neċessarja skont il-mekkaniżmi stabbiliti minn fondi disponibbli”.

124    Għandu jiġi kkonstatat li dan it-tieni aspett tal-interpretazzjoni taċ-CECS ma jistax jiġi approvat kompletament, tal-inqas fiċ-ċirkustanzi fejn l-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 575/2013 japplika bis-saħħa ta’ riferiment magħmul mill-Artikolu 2(21)(c) tar-Regolament Qafas tal-MSU.

125    Fil-fatt, jekk tiġi aċċettata l-pożizzjoni taċ-CECS, dan jammonta għal interpretazzjoni tal-kundizzjoni li tinsab fl-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 575/2013 fid-dawl tal-kundizzjoni dwar it-trasferimenti ta’ fondi bejn impriża omm u s-sussidjarji tagħha sabiex dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jibbenefikaw minn eżenzjoni mill-osservanza tar-rekwiżiti prudenzjali fuq bażi individwali. Din tal-aħħar kienet tinsab fl-Artikolu 69 tad-Direttiva 2006/48 u llum tinsab fl-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 575/2013, li jipprevedi l-assenza ta’ “impediment kurrenti jew previst materjali prattiku jew ġuridiku għat-trasferiment rapidu ta’ fondi proprji jew ripagament tal-obbligazzjonijiet mill-impriża prinċipali”.

126    Issa, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, jiġifieri l-Artikolu 7(1)(a) u l-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 575/2013, huma fformulati b’mod differenti, liema fattur jimmilita kontra interpretazzjoni li tfittex li testendi t-termini użati mil-leġiżlatur għal tip wieħed ta’ sitwazzjonijiet, jiġifieri r-relazzjonijiet bejn impriża omm u s-sussidjarji tagħha, għal tip ieħor ta’ sitwazzjonijiet, jiġifieri dak tar-relazzjonijiet li jgħaqqdu lill-istabbilimenti affiljati ma’ organu ċentrali.

127    Min-naħa l-oħra, tali interpretazzjoni tmur kontra l-iskopijiet tal-Artikolu 2(21)(c) tar-Regolament Qafas tal-MSU.

128    Fil-fatt, kif ġie enfasizzat fil-punti 59 sa 64 iktar ’il fuq, il-kunċett ta’ grupp fil-kuntest tar-Regolament Bażiku u tar-Regolament Qafas tal-MSU jfittex, b’mod partikolari, li jippermetti lill-BĊE jilqa’ għar-riskji li jistgħu jaffettwaw lil stabbiliment ta’ kreditu u li ma joriġinawx minnu, iżda mill-grupp li huwa jifforma parti minnu. Issa, peress li jeżisti obbligu ta’ trasferiment ta’ fondi proprji u ta’ likwidità fi ħdan il-grupp sabiex jiġi żgurat li l-obbligi fil-konfront tal-kredituri jiġu ssodisfatti – irrispettivament minn jekk dan it-trasferiment isirx skont il-modalitajiet speċifikati miċ-CECS jew le –, ir-riskju li jaffettwa lill-istabbiliment ta’ kreditu affiljat jista’ jestendi sal-grupp kollu li huwa jifforma parti minnu, ħaġa li timplika li l-BĊE jista’ jeżerċita s-superviżjoni prudenzjali fuq l-assjem ikkostitwit mill-organu ċentrali u l-affiljati tiegħu.

129    Għal din l-istess raġuni, l-argument tar-rikorrent ibbażat fuq l-allegazzjoni li, skont il-loġika tar-Regolament Nru 575/2013, il-benefiċċju tal-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament għandu jingħata biss fiċ-ċirkustanzi fejn l-applikazzjoni tar-rekwiżiti prudenzjali fuq bażi individwali ma jkollha ebda valur miżjud huwa irrilevanti peress li, f’dan il-każ, hija biss inkwistjoni l-eżistenza ta’ grupp taħt superviżjoni prudenzjali fis-sens tal-Artikolu 2(21)(c) tar-Regolament Qafas tal-MSU u li, għall-motivi spjegati fil-punti 67 sa 69 iktar ’il fuq, il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ tali grupp ma timplikax awtomatikament l-għoti tal-eżenzjoni prevista mill-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 575/2013 fir-rigward tal-entitajiet li jikkomponuh.

130    Għaldaqstant, huwa konformi mal-iskop tal-Artikolu 2(21)(c) tar-Regolament Qafas tal-MSU, iżda wkoll mal-formulazzjoni tal-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 575/2013, li jiġi konkluż li l-kundizzjoni li tinsab f’din id-dispożizzjoni tal-aħħar hija ssodisfatta peress li jeżisti obbligu ta’ trasferiment ta’ fondi proprji u ta’ likwidità fi ħdan il-grupp sabiex jiġi żgurat li l-obbligi fil-konfront tal-kredituri jiġu ssodisfatti.

131    Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni ta’ din l-ewwel kundizzjoni għal dan il-każ, għandu jitfakkar li l-Bord ta’ Rieżami espona diversi motivi sabiex jiġġustifika l-osservanza tagħha. Dawn huma, l-ewwel nett, il-kliem tal-Artikolu L.511‑31 taċ-CMF, it-tieni nett, l-obbligu inkundizzjonat ta’ intervent taċ-CNCM favur il-fergħat f’diffikultà li jirriżulta mid-Deċiżjoni Nru 1‑1992 taċ-CNCM tal-10 ta’ Marzu 1992 (ara l-punt 115 iktar ’il fuq), it-tielet nett, l-eżistenza ta’ riżorsi taċ-CNCM u taċ-CCCM li jistgħu jiġu mmobilizzati, ir-raba’ nett, l-istatut taċ-CCCM u, il-ħames nett, il-fatt li fil-passat ġiet ipprovduta għajnuna eċċezzjonali lil entitajiet f’diffikultà.

132    F’dak li jirrigwarda l-ewwel motiv espost mill-Bord ta’ Rieżami, jiġifieri l-formulazzjoni tal-Artikolu L.511‑31 taċ-CMF, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-portata tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari jew amministrattivi nazzjonali għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-interpretazzjoni li tingħata lilhom mill-qrati nazzjonali (ara s-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2015, Il‑Kummissjoni vs Is-Slovakkja, C‑433/13, EU:C:2015:602, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, fl-assenza ta’ deċiżjoni tal-qrati nazzjonali li jkollhom ġurisdizzjoni, hija neċessarjament il-Qorti Ġenerali li għandha tiddeċiedi dwar il-portata tal-imsemmija dispożizzjonijiet.

133    Mill-formulazzjoni tal-Artikolu L.511‑31 taċ-CMF tirriżulta biss l-eżistenza ta’ obbligu għall-imsemmija organi ċentrali li jieħdu “il-miżuri neċessarji kollha, b’mod partikolari sabiex jiġu ggarantiti l-likwidità u s-solvenza ta’ kull wieħed u waħda minn dawn l-istabbilimenti u kumpanniji kif ukoll tan-netwerk kollu kemm hu”.

134    Għandu jiġi kkonstatat li l-formulazzjoni tal-Artikolu L.511‑31 taċ-CMF ma tippermettix, fiha nfisha, li jiġi konkluż li l-kundizzjoni prevista mill-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 575/2013 hija ssodisfatta, billi r-riferiment għat-teħid tal-“miżuri neċessarji” sabiex “jiġu ggarantiti l-likwidità u s-solvenza ta’ kull wieħed u waħda minn dawn l-istabbilimenti u kumpanniji kif ukoll tan-netwerk kollu kemm hu” huwa ta’ natura ġenerali wisq sabiex minnu tkun tista’ tiġi dedotta l-eżistenza ta’ obbligu ta’ trasferiment ta’ fondi proprji u ta’ likwidità fi ħdan il-grupp sabiex jiġi żgurat li l-obbligi fil-konfront tal-kredituri jiġu ssodisfatti.

135    Min-naħa l-oħra, minn qari tad-deċiżjoni tal-10 ta’ Marzu 1992 tirriżulta l-eżistenza ta’ mekkaniżmu ta’ solidarjetà favur il-fergħat f’diffikultà, jiġifieri l-fergħat li jkunu fl-impossibbiltà li josservaw il-leġiżlazzjoni bankarja, il-fergħat li ma jkunux jistgħu jilqgħu għal inċident eċċezzjonali, il-fergħat li jkunu f’sitwazzjoni negattiva u l-fergħat li l-kapital li jiċċirkula tagħhom ikun negattiv (Artikolu 2). Huwa speċifikat li dan l-intervent jista’ jieħu l-forma ta’ antiċipi rremunerati possibbilment flimkien ma’ sussidji għall-ammont tal-interessi fuq l-antiċipi, ta’ sussidji, ta’ self ordinarju jew ta’ self parteċipattiv u ta’ garanziji bla ħlas tal-impenji kollha tagħhom jew ta’ parti minnhom (Artikolu 3). Fl-aħħar nett, minn din id-deċiżjoni jirriżulta wkoll li jekk din is-solidarjetà tiġi eżerċitata bħala prinċipju fuq skala reġjonali, fergħa tkun tista’ tirrikorri għas-solidarjetà nazzjonali (Artikolu 4) u li, f’tali eventwalità, iċ-CNCM ikollha tintervjeni b’mod obbligatorju favur fergħa f’diffikultà (Artikolu 5).

136    Dawn l-elementi jixhdu l-eżistenza ta’ obbligu ta’ trasferiment ta’ fondi proprji u ta’ likwidità fi ħdan Crédit mutuel intiż sabiex jiġi żgurat li l-obbligi fil-konfront tal-kredituri jiġu ssodisfatti.

137    Għaldaqstant, għalkemm, fl-Anness I tad-deċiżjoni kkontestata, il-BĊE seta’ jesponi ċerti dgħjufijiet fl-applikazzjoni ta’ dan il-mekkaniżmu ta’ solidarjetà, fid-dawl tal-eżistenza nfisha tiegħu, huwa kien iġġustifikat li jikkonkludi li l-kundizzjoni prevista mill-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 575/2013 kienet issodisfatta.

138    Skont ġurisprudenza stabbilita, meta ċerti motivi ta’ deċiżjoni jkunu, minnhom infushom, ta’ natura li jiġġustifikawha b’mod suffiċjenti fid-dritt, id-difetti li bihom jistgħu jkunu vvizzjati motivi oħra tal-att ikunu, fi kwalunkwe każ, mingħajr influwenza fuq id-dispożittiv tiegħu (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2001, Il‑Kummissjoni u Franza vs TF1, C‑302/99 P u C‑308/99 P, EU:C:2001:408, punt 27, u tat-12 ta’ Diċembru 2006, SELEX Sistemi Integrati vs Il‑Kummissjoni, T‑155/04, EU:T:2006:387, punt 47). B’applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza, il-Qorti Ġenerali tqis li ma huwiex neċessarju li teżamina l-fondatezza tal-motivi l-oħra esposti fl-opinjoni tal-Bord ta’ Rieżami.

139    Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata bl-argument oppost tar-rikorrent. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, tar-riferiment magħmul għad-Deċiżjoni tal-Conseil constitutionnel (il-Kunsill Kostituzzjonali) Nru 2014‑449 QPC tas-6 ta’ Frar 2015, peress li din tal-aħħar kienet tirrigwarda esklużivament il-konformità mal-Constitution (il-Kostituzzjoni) Franċiża ta’ dispożizzjoni taċ-CMF li tawtorizza lill-ACPR tordna trasferiment ta’ portafoll ex officio għad-detriment ta’ kumpannija ta’ assigurazzjoni, ħaġa li, għaldaqstant, tirrendiha irrilevanti fir-rigward ta’ mekkaniżmu ta’ solidarjetà previst bejn stabbilimenti affiljati li jifformaw parti mill-istess grupp bankarju.

140    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

2)      Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 10(1)(b) tar-Regolament Nru 575/2013

141    Ir-rikorrent isostni li l-BĊE żbalja meta kkunsidra li l-kundizzjoni li tinsab fl-Artikolu 10(1)(b) tar-Regolament Nru 575/2013 kienet issodisfatta.

142    Fl-ewwel lok, il-kunċetti ta’ solvenza u ta’ likwidità jista’ jkollhom sens biss fir-rigward tal-istabbilimenti ta’ kreditu, filwaqt li ċ-CNCM tikkostitwixxi assoċjazzjoni.

143    Fit-tieni lok, huwa fil-livell tal-gruppi affiljati maċ-CNCM li s-solvenza u l-likwidità huma evalwati mill-persuni li jsellfu, mill-aġenziji ta’ klassifikazzjoni u mir-regolaturi. Il-kontijiet ippubblikati miċ-CNCM jikkostitwixxu s-sempliċi aggregazzjoni ta’ gruppi differenti u huma ta’ natura artifiċjali peress li ma teżistix unità ekonomika bejniethom.

144    Fit-tielet lok, il-Bord ta’ Rieżami żbalja meta qies li din il-kundizzjoni kienet issodisfatta billi bbaża ruħu fuq l-Artikolu L.511‑20 taċ-CMF, li skontu “l-istabbilimenti u l-kumpanniji ta’ finanzjament affiljati ma’ netwerk u l-organu ċentrali fis-sens tal-Artikolu L.511‑31 jitqiesu li jifformaw parti mill-istess grupp għall-applikazzjoni ta’ dan il-kodiċi”. Ir-rikorrent isostni li din il-klassifikazzjoni bħala “grupp” tgħodd biss għall-applikazzjoni taċ-CMF u hija irrilevanti f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni jekk il-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 10(1)(b) tar-Regolament Nru 575/2013 humiex issodisfatti. Bl-istess mod, la l-Artikolu L.511‑31 taċ-CMF u lanqas l-Artikolu 25 tal-istatut taċ-CNCM ma jippermettu li jintwera li din it-tieni kundizzjoni hija ssodisfatta. Dan jgħodd ukoll għall-Artikolu 2 tal-imsemmi statut u tad-dispożizzjonijiet l-oħra taċ-CMF li għalihom jirreferi l-BĊE.

145    Il-BĊE u l-Kummissjoni jitolbu li t-tieni parti tat-tieni motiv tiġi miċħuda.

146    Skont l-Artikolu 10(1)(b) tar-Regolament Nru 575/2013, “is-solvenza u l-likwidità tal-korp ċentrali u tal-istituzzjonijiet affiljati kollha [għandhom i]kunu mmonitorjati fis-sħuħija tagħhom fuq il-bażi tal-kontijiet konsolidati ta’ dawn l-istituzzjonijiet”.

147    Għall-motivi spjegati fil-punti 104 u 105 iktar ’il fuq, din il-kundizzjoni għandha tinftiehem fis-sens li timplika l-osservanza ta’ żewġ kriterji. L-ewwel wieħed jirrigwarda l-eżistenza ta’ kontijiet ikkonsolidati tal-grupp. It-tieni wieħed jippreżupponi superviżjoni tas-solvenza u tal-likwidità, minn perspettiva prudenzjali, tal-entitajiet kollha li jikkomponu l-grupp abbażi tal-kontijiet ikkonsolidati tiegħu.

148    Fl-opinjoni tiegħu, il-Bord ta’ Rieżami qies li din il-kundizzjoni kienet issodisfatta kemm fid-dawl tar-responsabbiltajiet taċ-CNCM taħt l-Artikolu L.511‑31 taċ-CMF f’dak li jirrigwarda l-likwidità u s-solvenza tal-istabbilimenti affiljati u tan-netwerk kollu kemm hu kif ukoll tat-termini tal-Artikolu 25 tal-istatut taċ-CNCM.

149    Il-Qorti Ġenerali tqis li din il-konklużjoni għandha tiġi approvata.

150    F’dak li jirrigwarda l-ewwel kriterju, dan għandu jitqies li huwa ssodisfatt, peress li, skont l-Artikolu 25 tal-istatut taċ-CNCM, il-kunsill ta’ amministrazzjoni tagħha “għandu jadotta l-kontijiet annwali taċ-[CNCM], il-kontijiet ikkonsolidati nazzjonali u jħejji r-rapporti ta’ ġestjoni ta’ dawn il-kontijiet”.

151    F’dak li jirrigwarda t-tieni kriterju, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu L.511‑31 taċ-CMF, l-organi ċentrali “għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha, b’mod partikolari sabiex jiġu ggarantiti l-likwidità u s-solvenza ta’ kull wieħed u waħda minn dawn l-istabbilimenti u kumpanniji kif ukoll tan-netwerk kollu kemm hu” u “għandhom jirrappreżentaw l-istabbilimenti ta’ kreditu u l-kumpanniji ta’ finanzjament li jkunu affiljati magħhom quddiem […] l-[ACPR]”. Minn dan jirriżulta loġikament li ċ-CMF jagħti s-setgħa liċ-CNCM li tirrappreżenta lil Crédit mutuel quddiem l-awtoritajiet inkarigati mis-superviżjoni prudenzjali tal-osservanza tar-rekwiżiti ta’ solvenza u ta’ likwidità. Għalhekk, it-tieni kriterju jista’ wkoll jitqies li huwa ssodisfatt.

152    F’dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrent ibbażat fuq l-allegazzjoni li din il-kundizzjoni ma tistax tkun issodisfatta għar-raġuni li ċ-CNCM ma tikkostitwixxix stabbiliment ta’ kreditu, dan għandu jiġi miċħud għar-raġunijiet spjegati fil-punt 106 iktar ’il fuq.

153    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

3)      Fuq it-tielet parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament Nru 575/2013

154    Ir-rikorrent isostni li l-BĊE żbalja meta kkunsidra li l-kundizzjoni li tinsab fl-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament Nru 575/2013 kienet issodisfatta.

155    Ir-rikorrent iqis li ċ-CNCM ma għandhiex is-setgħa li tagħti istruzzjonijiet lill-affiljati tagħha fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni fl-oqsma prinċipali ta’ attività ta’ stabbiliment ta’ kreditu, fid-dawl tat-termini ġenerali ferm użati mill-Artikolu L.511‑31 taċ-CMF. Sabiex setgħet teżisti tali setgħa, kien neċessarju li l-leġiżlatur jipprevediha espliċitament, bħal fil-każ tal-organu ċentrali tal-grupp BPCE bl-Artikolu L.512‑107 taċ-CMF. Paragun mal-Artikolu L.512‑56 taċ-CMF applikabbli għal Crédit mutuel juri l-assenza ta’ tali setgħa fir-rigward tiegħu, peress li r-riferiment għall-adozzjoni ta’ “miżuri neċessarji” miċ-CNCM ma jimplikax il-possibbiltà li jingħataw istruzzjonijiet. Barra minn hekk, din is-setgħa lanqas ma ngħatat liċ-CNCM permezz ta’ kuntratt. F’dak li jirrigwarda s-setgħa ta’ impożizzjoni ta’ sanzjonijiet li ċ-CNCM tislet mill-Artikolu R.512‑24 taċ-CMF, ir-rikorrent isostni li minnha ma tistax tiġi dedotta l-eżistenza ta’ setgħa li tagħti istruzzjonijiet lill-maniġment tal-istabbilimenti affiljati. F’dak li jirrigwarda s-setgħat ta’ impożizzjoni ta’ sanzjonijiet previsti fl-istatut taċ-CNCM, dawn huma ta’ natura illegali.

156    Il-BĊE, sostnut mill-Kummissjoni, jitlob li t-tielet parti tat-tieni motiv tiġi miċħuda.

157    Sabiex jiġi vverifikat jekk il-BĊE kellux raġun jikkonkludi li l-kundizzjoni li tinsab fl-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament Nru 575/2013 kienet issodisfatta, għandu jiġi vverifikat jekk il-maniġment taċ-CNCM kellux is-setgħa li jagħti istruzzjonijiet lill-maniġment tal-istabbilimenti affiljati.

158    Fl-opinjoni tiegħu, il-Bord ta’ Rieżami rrefera għad-dritt, li ċ-CNCM tislet mill-Artikolu L.511‑31 taċ-CMF, li hija tieħu “il-miżuri neċessarji kollha, b’mod partikolari sabiex jiġu ggarantiti l-likwidità u s-solvenza ta’ kull wieħed u waħda minn dawn l-istabbilimenti u kumpanniji kif ukoll tan-netwerk kollu kemm hu”, kif ukoll għad-dmir tagħha, li huwa impost fuqha mill-istess dispożizzjoni, li tiżgura “li jiġu applikati d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolamentari speċifiċi għal dawn l-istabbilimenti u kumpanniji u [li teżerċita] kontroll amministrattiv, tekniku u finanzjarju fuq l-organizzazzjoni tagħhom u fuq il-ġestjoni tagħhom”. Huwa enfasizza wkoll l-obbligu tal-fergħat ta’ Crédit mutuel li “josservaw l-istatut, ir-regoli interni, l-istruzzjonijiet u d-deċiżjonijiet taċ-[CNCM] u tal-federazzjoni reġjonali li magħha għandhom jaderixxu” skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu R.512‑20 taċ-CMF. Fl-aħħar nett, huwa enfasizza l-eżistenza ta’ setgħa ta’ impożizzjoni ta’ sanzjonijiet taċ-CNCM. Huwa rrefera, minn naħa, għall-Artikolu R.512‑24 taċ-CMF, li jippermettilha tapplika, fil-konfront ta’ fergħa li tikser il-leġiżlazzjoni fis-seħħ, waħda mis-sanzjonijiet fost “[i]t-twissija[, i]ċ-ċanfira [jew i]t-tħassir mil-lista tal-fergħat ta’ Crédit mutuel”, u, min-naħa l-oħra, għall-Artikoli 10 u 25 tal-istatut taċ-CNCM, li jippermettulha teskludi lil federazzjoni, tirtira l-fiduċja tagħha fi president ta’ federazzjoni jew ta’ fergħa ta’ Crédit mutuel jew tirtira l-approvazzjoni ta’ direttur eżekuttiv.

159    Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżultaw tliet elementi magħquda flimkien: l-ewwel nett, id-dmir taċ-CNCM li tiżgura, b’mod partikolari, il-likwidità u s-solvenza tal-grupp u tal-entitajiet li jikkomponuh kif ukoll l-osservanza tar-rekwiżiti leġiżlattivi u regolamentari, it-tieni nett, obbligu għall-istabbilimenti affiljati li josservaw l-istruzzjonijiet taċ-CNCM u, it-tielet nett, setgħa ta’ impożizzjoni ta’ sanzjonijiet taċ-CNCM fil-konfront tal-imsemmija entitajiet. Għalhekk, il-kundizzjoni li tinsab fl-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament Nru 575/2013 għandha titqies li hija ssodisfatta.

160    Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata bl-argument tar-rikorrent ibbażat fuq l-allegazzjoni li s-setgħa istruttorja li tirriżulta mill-istatut taċ-CNCM hija illegali, peress li ċ-CMF biss li huwa f’pożizzjoni li jagħtiha tali prerogattiva. F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi enfasizzat li, kif speċifika l-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) fil-punt 5 tas-sentenza tiegħu tat-13 ta’ Diċembru 2016, invokata mill-BĊE waqt is-seduta u li dwarha r-rikorrent seta’ jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu, it-tieni paragrafu tal-Artikolu R.512‑20 taċ-CMF jipprovdi li l-fergħat ta’ Crédit mutuel “għandhom jimpenjaw ruħhom li josservaw l-istatut, ir-regoli interni, l-istruzzjonijiet u d-deċiżjonijiet taċ-[CNCM]”. Jista’ jiġi osservat ukoll li, fil-punt 13 ta’ dik l-istess sentenza, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) fakkar li “[ir-rikorrent] [kien] obbligat josserva t-talbiet taċ-[CNCM] li kienet qiegħda taġixxi fil-kuntest tal-prerogattivi tagħha bħala organu ċentrali”.

161    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tielet parti għandha tiġi miċħuda u, għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

2.      Fuq it-tielet motiv, li jirrigwarda l-legalità tal-Artikolu 2(3) u tal-Anness II2 tad-deċiżjoni kkontestata

162    Fil-kuntest tat-tielet motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni li, sa fejn timponi fuqu fondi proprji addizzjonali, id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi u bi żbalji ta’ evalwazzjoni u hija ta’ natura sproporzjonata.

163    Il-BĊE jitlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

164    Preliminarjament, għandu jiġi osservat li mill-Artikolu 4(3) tar-Regolament Bażiku jirriżulta li, meta jkun qiegħed jimplementa l-kompiti tiegħu ta’ superviżjoni prudenzjali, il-BĊE jikkostitwixxi l-awtorità kompetenti fis-sens tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU 2013, L 176, p. 338), u tar-Regolament Nru 575/2013.

165    Skont l-Artikolu 97(1)(a) tad-Direttiva 2013/36, “[b’]kont meħud tal-kriterji tekniċi stipulati fl-Artikolu 98, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jirrieżaminaw l-arranġamenti, l-istrateġiji, il-proċessi u l-mekkaniżmi implimentati mill-istituzzjonijiet biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva u r-Regolament […] Nru 575/2013 u jevalwaw […] ir-riskji li l-istituzzjonijiet ikunu jew jistgħu jkunu esposti għalihom”.

166    Ir-rekwiżiti minimi ta’ fondi proprji “CET 1” li għandu jkollu stabbiliment ta’ kreditu huma speċifikati fl-Artikolu 92(1)(a) tar-Regolament Nru 575/2013, li skontu, “[s]oġġett għall-Artikoli 93 u 94, l-istituzzjonijiet għandhom dejjem jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ fondi proprji li ġejjin: […] proporzjon tal-kapital ta’ Ekwità Komuni [“CET 1”] ta’ 4,5 %”.

167    Ma’ dan, għandu jiżdied l-obbligu li jinsab fl-Artikolu 129(1) tad-Direttiva 2013/36, intitolat “Rekwiżit li tinżamm riżerva ta’ konservazzjoni ta’ kapital”, li jistabbilixxi:

“L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li, minbarra l-kapital [“CET 1”] tal-Ekwità Komuni miżmum biex jiġi sodisfatt ir-rekwiżit tal-fondi proprji impost bl-Artikolu 92 tar-Regolament […] Nru 575/2013, l-istituzzjonijiet jżommu riżerva ta’ konservazzjoni ta’ kapital ta’ kapital [“CET 1”] tal-Ekwità Komuni ugwali għal 2,5 % tal-ammont totali tal-iskopertura għar-riskju tagħhom ikkalkulat f’konformità mal-Artikolu 92(3) ta’ dak r-Regolament fuq bażi individwali u kkonsolidata, kif applikabbli f’konformità mat-Titolu II tal-Ewwel Parti ta’ dak ir-Regolament”.

168    Barra minn hekk, minn qari tal-Artikolu 16(1)(c) flimkien mal-Artikolu 16(2)(a) tar-Regolament Bażiku jirriżulta li, fil-każ li mill-eżami prudenzjali mwettaq mill-BĊE jirriżulta li l-fondi proprji u l-likwidità miżmuma minn stabbiliment ta’ kreditu ma jiżgurawx ġestjoni soda u kopertura tar-riskji, il-BĊE jkollu d-dritt jeżiġi mingħand stabbiliment ta’ kreditu fondi proprji li jmorru lil hinn minn dawn ir-rekwiżiti minimi.

169    Fl-Anness II‑2 tad-deċiżjoni kkontestata, il-BĊE stabbilixxa r-rekwiżiti ta’ fondi proprji “CET 1” tar-rikorrent għal 11 %. Sabiex jiġġustifika dan il-livell ta’ fondi proprji, il-BĊE, b’mod partikolari, irrefera għar-riskji addizzjonali li jirriżultaw minn ħruġ potenzjali mill-grupp Crédit mutuel u qies li dawn kienu jimplikaw l-impożizzjoni ta’ fondi proprji addizzjonali skont l-Artikolu 16(1)(c) u (2)(a) tar-Regolament Bażiku.

170    F’dan ir-rigward, il-BĊE bbaża ruħu fuq it-tilwima bejn ir-rikorrent u l-grupp CM11‑CIC fi ħdan il-grupp Crédit mutuel u osserva li minħabba din it-tilwima kien possibbli li r-rikorrent joħroġ mill-grupp Crédit mutuel.

171    Essenzjalment, il-BĊE qies li eventwali separazzjoni jista’ jkollha tliet tipi ta’ konsegwenzi għar-rikorrent. Fl-ewwel lok, din tinfluwenza l-mudell kummerċjali tiegħu. F’dan ir-rigward, isir riferiment għal żieda fil-pressjoni kompetittiva li jkollu jaffaċċja r-rikorrent, minħabba l-entitajiet tal-grupp Crédit mutuel, u għad-dubji dwar il-possibbiltà li juża t-trade mark Crédit mutuel fil-każ ta’ separazzjoni. Fit-tieni lok, separazzjoni jista’ jkollha effett fuq il-kalkolu tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji “CET 1” tar-rikorrent, peress li dan tal-aħħar ma jkunx iktar f’pożizzjoni li juża l-Approċċ Avvanzat u jkollu juża l-Approċċ Standardizzat, li jimplika żieda fir-rekwiżiti ta’ fondi proprji tiegħu. Fit-tielet lok, din is-separazzjoni jkollha wkoll effetti fuq il-profil ta’ riskju ta’ likwidità tar-rikorrent, peress li dan tal-aħħar jitlef il-benefiċċju tal-mekkaniżmu ta’ solidarjetà li jeżisti fi ħdan il-grupp Crédit mutuel. Dan jista’ jaffettwa l-klassifikazzjonijiet esterni tiegħu u, konsegwentement, l-ispejjeż ta’ rifinanzjament tiegħu.

172    Dan il-motiv jista’ jinqasam fi tliet partijiet, ibbażati, l-ewwel waħda, fuq żball ta’ liġi, li joriġina mit-teħid inkunsiderazzjoni mill-BĊE ta’ avveniment li r-rikorrent iqis li huwa improbabbli, jiġifieri s-separazzjoni tiegħu mill-grupp Crédit mutuel, it-tieni waħda, fuq in-natura żbaljata u sproporzjonata tal-impożizzjoni ta’ fondi proprji addizzjonali minħabba din l-eventwalità improbabbli u, it-tielet waħda, fuq l-allegazzjoni li l-impożizzjoni ta’ fondi proprji addizzjonali tikkostitwixxi “sanzjoni moħbija”.

a)      Fuq l-ewwel parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq in-natura żbaljata tat-teħid inkunsiderazzjoni mill-BĊE ta’ possibbiltà ta’ separazzjoni tar-rikorrent u tal-grupp Crédit mutuel

173    Ir-rikorrent jikkritika lill-BĊE talli bbaża ruħu fuq l-eventwalità ta’ ħruġ mill-grupp Crédit mutuel u jsostni, essenzjalment, li n-natura ta’ tali eventwalità tant hija ftit li xejn kredibbli li t-teħid inkunsiderazzjoni tagħha jivvizzja d-deċiżjoni kkontestata bi żball ta’ liġi.

174    F’dan ir-rigward, huwa josserva li s-separazzjoni tiegħu mill-grupp Crédit mutuel tkun timplika emenda għad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi taċ-CMF, li la hija prevista mill-awtoritajiet pubbliċi Franċiżi u lanqas mill-BĊE nnifsu. Għall-kuntrarju, kemm fl-ittra tiegħu tal-10 ta’ Novembru 2014 kif ukoll fid-deċiżjoni kkontestata, il-BĊE jimmilita favur riforma u tisħiħ tar-rwol taċ-CNCM. Għaldaqstant, is-sempliċi xewqa tar-rikorrent li l-istruttura tal-grupp Crédit mutuel tinbidel favur struttura bipolari li kull wieħed miż-żewġ poli tagħha jkollu l-organu ċentrali tiegħu ma tistax, fl-assenza ta’ appoġġ tal-awtoritajiet pubbliċi għal tali riforma, tiġġustifika bidla fil-profil ta’ riskju tiegħu.

175    Il-BĊE jitlob li l-ewwel parti tat-tielet motiv tiġi miċħuda.

176    Sa fejn ir-rikorrent jallega li l-BĊE wettaq żball ta’ liġi billi ħa inkunsiderazzjoni possibbiltà ta’ separazzjoni mill-grupp Crédit mutuel, għandu jiġi rrilevat li mill-kliem innifsu tal-Artikolu 97(1)(a) tad-Direttiva 2013/36 jirriżulta li l-kontroll li l-BĊE għandu jwettaq jirrigwarda r-riskji li l-istabbilimenti “ikunu jew jistgħu jkunu esposti” għalihom, li jimplika neċessarjament il-possibbiltà li jittieħdu inkunsiderazzjoni avvenimenti futuri li jistgħu jibdlu l-profil ta’ riskju tagħhom. Għaldaqstant, billi bbaża ruħu fuq il-possibbiltà li jseħħ avveniment futur, il-BĊE ma wettaq ebda żball ta’ liġi.

177    Bl-argument tiegħu li jikkritika lill-BĊE talli ħa inkunsiderazzjoni l-eventwalità ta’ tali separazzjoni meta din ma kinitx ta’ natura probabbli biżżejjed, ir-rikorrent, fir-realtà, qiegħed jallega l-eżistenza ta’ żball ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-BĊE.

178    F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-każ ta’ evalwazzjonijiet kumplessi, l-awtoritajiet tal-Unjoni għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ f’ċerti oqsma tad-dritt tal-Unjoni, b’mod li l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni fir-rigward ta’ dawn l-evalwazzjonijiet għandu neċessarjament ikun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli proċedurali u ta’ motivazzjoni, kif ukoll tal-eżattezza materjali tal-fatti, tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti u ta’ użu ħażin ta’ poter (ara s-sentenza tat-2 ta’ Settembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Deutsche Post, C‑399/08 P, EU:C:2010:481, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata).

179    Madankollu, l-eżerċizzju ta’ dan il-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ ma huwiex eskluż mill-istħarriġ ġudizzjarju. Għaldaqstant, il-qorti tal-Unjoni għandha mhux biss tivverifika l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda għandha tistħarreġ ukoll jekk dawn l-elementi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex tali li jissostanzjaw il-konklużjonijiet li jirriżultaw minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2007, Spanja vs Lenzing, C‑525/04 P, EU:C:2007:698, punt 57, u tas-6 ta’ Novembru 2008, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kummissjoni, C‑405/07 P, EU:C:2008:613, punt 55).

180    Bl-istess mod, meta awtorità tal-Unjoni jkollha marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’, l-osservanza tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi għandha importanza iktar u iktar fundamentali. Fost dawn il-garanziji hemm, b’mod partikolari, l-obbligu li l-istituzzjoni kompetenti timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha b’mod suffiċjenti. Huwa biss b’dan il-mod li l-qorti tal-Unjoni tkun f’pożizzjoni li tivverifika jekk il-punti ta’ fatt u ta’ liġi li minnhom jiddependi l-eżerċizzju tal-marġni ta’ diskrezzjoni jkunux ġew issoddisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, EU:C:1991:438, punt 14, u tad-9 ta’ Settembru 2010, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni, T‑387/08, mhux ippubblikata, EU:T:2010:377, punt 31).

181    Għandu jiġi kkonstatat li l-BĊE għandu tali marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ f’dan il-każ, minħabba n-natura kumplessa tal-evalwazzjoni tal-livell tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji “CET 1” ta’ stabbiliment ta’ kreditu fid-dawl tal-profil ta’ riskju tiegħu u tal-avvenimenti li jistgħu jinfluwenzawh.

182    Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk, bil-fatt li kkunsidra l-possibbiltà ta’ separazzjoni tar-rikorrent mill-grupp Crédit mutuel, il-BĊE wettaqx żball manifest ta’ evalwazzjoni.

183    L-argument ċentrali mressaq mir-rikorrent sabiex jikkonfuta l-probabbiltà ta’ tali separazzjoni jikkonsisti fl-intervent neċessarju tal-awtoritajiet pubbliċi Franċiżi, permezz ta’ emenda għaċ-CMF, liema awtoritajiet ma humiex favur tali emenda.

184    Ir-rikorrent tabilħaqq għandu raġun josserva li minn qari tal-Artikolu L.511‑30 flimkien mal-Artikolu L.511‑31 taċ-CMF jirriżulta li huwa għandu jkun affiljat ma’ wieħed mill-organi ċentrali elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu L.511‑30 taċ-CMF. Minn dan jirriżulta neċessarjament li ħruġ organizzat tar-rikorrent mill-grupp Crédit mutuel ikun jimplika emenda għall-Artikolu L.511‑30 taċ-CMF sabiex jiġi inkluż fih organu ċentrali, li miegħu jkunu affiljati l-istabbilimenti ta’ kreditu li jikkostitwixxu r-rikorrent.

185    Madankollu, jibqa’ l-fatt li ċ-CMF jagħti liċ-CNCM is-setgħa li teskludi lil entitajiet affiljati mal-grupp Crédit mutuel. Minn naħa, l-Artikolu L.511‑31 taċ-CMF, jipprevedi, fil-ħames paragrafu tiegħu, il-possibbiltà għall-organi ċentrali li “jadottaw is-sanzjonijiet previsti mit-testi leġiżlattivi u regolamentari speċifiċi għalihom” u, b’mod iktar speċifiku, fis-sitt paragrafu tiegħu, l-eventwalità ta’ telf tal-kwalità ta’ stabbiliment jew ta’ kumpannija affiljata, liema eventwalità “għandha tiġi nnotifikata mill-organu ċentrali lill-[ACPR], li għandha tagħti deċiżjoni dwar l-awtorizzazzjoni tal-istabbiliment jew tal-kumpannija inkwistjoni”. Min-naħa l-oħra, mill-Artikolu R.512‑24 taċ-CMF jirriżulta li “[l‑]kunsill ta’ amministrazzjoni taċ-[CNCM] jista’ jadotta waħda mis-sanzjonijiet li ġejjin fil-konfront ta’ fergħa li tikser il-leġiżlazzjoni fis-seħħ: […] it-tħassir mil-lista tal-fergħat ta’ Crédit mutuel”, filwaqt li l-modalitajiet ta’ eżerċizzju ta’ din is-setgħa ta’ impożizzjoni ta’ sanzjonijiet huma speċifikati fl-Artikolu R.512‑25 taċ-CMF. Din il-prerogattiva hija rriprodotta fl-Artikolu 25 tal-istatut taċ-CNCM.

186    Issa, minn naħa, peress li r-rikorrent jikkostitwixxi assjem ta’ fergħat ta’ Crédit mutuel, ma jistax jiġi eskluż li din il-prerogattiva tiġi eżerċitata fil-konfront tiegħu.

187    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrent ma jikkontestax l-eżistenza tat-tilwima fit-tul bejnu, minn naħa, u l-grupp CM11‑CIC u ċ-CNCM, min-naħa l-oħra, li rrileva l-BĊE fid-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent stess irrefera, sa mill-ittra tiegħu tas-17 ta’ Lulju 2015 indirizzata lill-BĊE, għall-ilment b’kostituzzjoni parti ċivili għal kunflitt ta’ interessi illegali li huwa ressaq quddiem il-Prosekutur fit-Tribunal de grande instance de Paris (il-Qorti Reġjonali ta’ Pariġi, Franza) minħabba allegat kunflitt ta’ interessi bejn il-grupp CM11‑CIC u ċ-CNCM. Bl-istess mod, fl-anness tal-imsemmija ittra, ir-rikorrent speċifika l-proċeduri li huwa ressaq quddiem it-Tribunal de grande instance de Paris (il-Qorti Reġjonali ta’ Pariġi) u quddiem l-EUIPO sabiex jikseb l-annullament tat-trade mark nazzjonali u l-annullament tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea Crédit mutuel li ċ-CNCM hija l-proprjetarja tagħha, rispettivament.

188    Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni partikolarment kunflittwali bejn ir-rikorrent, iċ-CNCM u l-grupp CM11‑CIC, l-eventwalità li r-rikorrent joħroġ mill-grupp Crédit mutuel, inkluż fl-assenza ta’ emenda għall-Artikolu L.511‑30 taċ-CMF, ma jidhirx li hija improbabbiltà tali li t-teħid inkunsiderazzjoni tagħha jikkostitwixxi żball manifest ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-BĊE.

189    Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda.

b)      Fuq it-tieni parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq in-natura żbaljata u sproporzjonata tal-evalwazzjoni mill-BĊE tan-neċessità għar-rikorrent li jkollu fondi proprji addizzjonali

190    Ir-rikorrent iqis li l-BĊE żbalja u aġixxa b’mod sproporzjonat meta qies li l-eventwalità tas-separazzjoni tiegħu mill-grupp Crédit mutuel kienet timplika li huwa kellu jkollu fondi proprji addizzjonali.

191    Il-BĊE jitlob li din il-parti tat-tielet motiv tiġi miċħuda.

192    Kif jirriżulta mill-punt 171 iktar ’il fuq, sabiex jikkonkludi li s-separazzjoni tar-rikorrent mill-grupp Crédit mutuel ikollha effett negattiv fuq il-profil ta’ riskju tiegħu, li jimplika ż-żamma mir-rikorrent ta’ fondi proprji addizzjonali, il-BĊE kkunsidra essenzjalment tliet kategoriji ta’ motivi.

193    Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa suffiċjenti li teżamina l-fondatezza tal-motivi bbażati, minn naħa, fuq it-tibdil fil-profil ta’ riskju ta’ likwidità tar-rikorrent u, min-naħa l-oħra, fuq l-effetti ta’ bidla fil-metodu ta’ kalkolu tal-fondi proprji tiegħu.

1)      Fuq il-fondatezza tal-motiv ibbażat fuq it-tibdil fil-profil ta’ riskju ta’ likwidità tar-rikorrent fil-każ ta’ separazzjoni mill-grupp Crédit mutuel

194    Ir-rikorrent isostni li l-BĊE żbalja meta rrefera għall-effetti fuq il-profil ta’ riskju tiegħu tat-telf tal-mekkaniżmu ta’ solidarjetà speċifiku għall-grupp Crédit mutuel, peress li dan il-mekkaniżmu ma jeżistix. Barra minn hekk, huwa jqis li l-effetti li jista’ jkollha degradazzjoni tal-klassifikazzjonijiet esterni tiegħu fuq l-ispejjeż ta’ rifinanzjament tiegħu jistgħu jkunu biss limitati ħafna minħabba li s-sitwazzjoni ekonomika intrinsika tiegħu hija tajba ħafna. Huwa jenfasizza, essenzjalment, li l-proporzjon ta’ impenn tiegħu tnaqqset sostanzjalment u, konsegwentement, tnaqqset sostanzjalment id-dipendenza tiegħu mis-swieq finanzjarji għar-rifinanzjament tiegħu. Konsegwentement, huwa jqis li degradazzjoni tal-klassifikazzjoni tiegħu bi tliet talji jkollha biss konsegwenzi negliġibbli fuq l-ispejjeż ta’ rifinanzjament tiegħu jew fuq ir-riżultat nett tiegħu.

195    F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu, u kif ġie kkonstatat fil-punti 135 u 137 iktar ’il fuq, jeżisti mekkaniżmu ta’ solidarjetà fi ħdan il-grupp Crédit mutuel.

196    Barra minn hekk, minn rapport ta’ aġenzija ta’ klassifikazzjoni li jirrigwarda r-rikorrent, ipprovdut mill-BĊE fl-Anness B.16 tar-risposta, jirriżulta li l-klassifikazzjoni li ngħatat lilu kienet marbuta ma’ dik tal-grupp Crédit mutuel. Barra minn hekk, f’dan l-istess rapport, l-aġenzija ta’ klassifikazzjoni tat importanza lill-eżistenza ta’ mekkaniżmu ta’ solidarjetà fi ħdan il-grupp Crédit mutuel għad-determinazzjoni tal-klassifikazzjoni mogħtija lir-rikorrent.

197    Għaldaqstant, fid-dawl tan-natura kumplessa tad-determinazzjoni tal-profil ta’ riskju tar-rikorrent, il-BĊE ma wettaqx żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkonkluda li t-telf ta’ dan il-mekkaniżmu ta’ solidarjetà b’riżultat ta’ ħruġ mill-grupp Crédit mutuel jista’ jkollu effett negattiv fuq il-klassifikazzjonijiet esterni tar-rikorrent u, konsegwentement, fuq l-ispejjeż ta’ rifinanzjament tiegħu. F’dan ir-rigward, l-opinjoni li jagħti r-rikorrent dwar il-portata tal-ispiża addizzjonali ta’ rifinanzjament li jkun jimplika tnaqqis fil-klassifikazzjoni tiegħu ma hijiex tali li tipprova li din l-evalwazzjoni hija ta’ natura manifestament żbaljata.

2)      Fuq il-fondatezza tal-motiv ibbażat fuq l-effetti ta’ bidla fil-metodu ta’ kalkolu tal-fondi proprji tar-rikorrent fil-każ ta’ separazzjoni mill-grupp Crédit mutuel

198    Ir-rikorrent isostni li l-passaġġ minn Approċċ Avvanzat għal Approċċ Standardizzat għall-kalkolu tal-fondi proprji jikkostitwixxi biss bidla fi strumenti ta’ kejl li ma tikkorrispondix għal bidla fir-realtà tar-riskji operattivi jew ta’ kreditu li huwa jaffaċċja. Filwaqt li jirrikonoxxi li l-passaġġ għall-Approċċ Standardizzat jikkawża de facto żieda mekkanika fir-rekwiżiti ta’ fondi proprji “CET 1”, ir-rikorrent isostni li huwa f’pożizzjoni li jaffaċċja tali żieda. Sa fejn timponi fuqu fondi proprji addizzjonali minn issa stess, id-deċiżjoni kkontestata ċċaħħdu mill-użu liberu ta’ parti mill-kapaċità finanzjarja tiegħu, ħaġa li tikkawża dannu gravi u hija ta’ natura sproporzjonata.

199    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 575/2013 jipprevedi żewġ approċċi għall-kalkolu tar-rekwiżiti minimi ta’ fondi proprji tal-istabbilimenti ta’ kreditu: l-“Approċċ Standardizzat”, previst fl-Artikoli 111 sa 141 tar-Regolament Nru 575/2013, li jikkonsisti fil-kejl tar-riskju b’mod standardizzat, jew l-“Approċċ Avvanzat” jew “Approċċ Ibbażat fuq Klassifikazzjonijiet Interni”, previst fl-Artikoli 142 sa 191 tar-Regolament Nru 575/2013, li jikkonsisti fl-użu tal-mudelli tagħhom stess, filwaqt li, skont l-Artikolu 143 tar-Regolament Nru 575/2013, dan it-tieni approċċ jeħtieġ il-permess tal-awtorità kompetenti.

200    Barra minn hekk, sa fejn ir-rikorrent jirreferi għan-natura sproporzjonata tal-impożizzjoni, bħala miżura preventiva, ta’ fondi proprji addizzjonali, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 5(4) TUE, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-kontenut u l-forma tal-azzjoni tal-Unjoni ma għandhomx jeċċedu dak li jkun meħtieġ sabiex jitwettqu l-objettivi tat-Trattati. L-istituzzjonijiet għandhom japplikaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit fil-Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità, anness mat-Trattat FUE.

201    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu adatti sabiex jilħqu l-għanijiet leġittimi li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tfittex li tilħaq u ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, filwaqt li, meta teżisti għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u li l-inkonvenjenzi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija (ara s-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et, C‑547/14, EU:C:2016:325, punt 165 u l-ġurisprudenza ċċitata).

202    Għandu jitfakkar ukoll li l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità ta’ miżura għandha tiġi rrikonċiljata mal-osservanza tal-marġni ta’ diskrezzjoni li seta’ ngħata lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni meta ġiet adottata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2006, Il-Ġermanja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑380/03, EU:C:2006:772, punt 145 u l-ġurisprudenza ċċitata).

203    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-BĊE segwa, essenzjalment, raġunament ibbażat fuq tliet elementi meħuda flimkien. L-ewwel nett, fil-każ ta’ ħruġ mill-grupp Crédit mutuel, ikun probabbli li r-rikorrent ma jkunx iktar f’pożizzjoni li jibbenefika mill-Approċċ Avvanzat u jkollu jagħmel użu mill-Approċċ Standardizzat. It-tieni nett, l-applikazzjoni ta’ dan l-approċċ tkun timplika tnaqqis fl-evalwazzjoni tal-fondi proprji tiegħu. It-tielet nett, minn dan huwa ddeduċa li r-rikorrent ikollu jipprepara ruħu għal din is-sitwazzjoni billi jikkostitwixxi riżervi xierqa ta’ fondi proprji.

204    Il-Qorti Ġenerali tirrileva li r-rikorrent ma jikkontestax il-fondatezza tal-ewwel żewġ elementi speċifikati mill-BĊE. Barra minn hekk, minn ittra li r-rikorrent bagħat lill-BĊE fis-27 ta’ Marzu 2015 jirriżulta, b’mod partikolari, li huwa stess evalwa bħala 2.8 % t-tnaqqis tal-livell ta’ fondi proprji “CET 1” tiegħu li jikkawża passaġġ mill-Approċċ Avvanzat ta’ kalkolu ta’ dawn il-fondi għall-Approċċ Standardizzat.

205    Sa fejn, minn naħa, għar-raġunijiet spjegati fil-punti 184 sa 188 iktar ’il fuq, il-BĊE seta’ jieħu inkunsiderazzjoni l-eventwalità ta’ ħruġ tar-rikorrent mill-grupp Crédit mutuel u, min-naħa l-oħra, huwa paċifiku bejn il-partijiet li tali ħruġ jista’ jimplika tnaqqis fl-evalwazzjoni tal-livell tal-fondi proprji “CET 1” tar-rikorrent, l-impożizzjoni ta’ fondi proprji addizzjonali li tippermetti li tiġi affaċċjata tali eventwalità ma tirriżultax minn żball manifest ta’ evalwazzjoni u ma hijiex ta’ natura manifestament sproporzjonata.

206    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li kemm il-motivi bbażati fuq it-tibdil fil-profil ta’ riskju ta’ likwidità tar-rikorrent kif ukoll dawk ibbażati fuq l-effetti ta’ bidla fil-metodu ta’ kalkolu tal-fondi proprji tiegħu, fil-każ ta’ separazzjoni mill-grupp Crédit mutuel, huma suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw b’mod suffiċjenti fid-dritt l-impożizzjoni ta’ fondi proprji addizzjonali mill-BĊE. Għaldaqstant, ma huwiex neċessarju li tiġi eżaminata l-fondatezza tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata li jirrigwardaw l-effett ta’ separazzjoni mill-grupp Crédit mutuel fuq il-mudell kummerċjali tar-rikorrent.

207    Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda.

c)      Fuq it-tielet parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq l-allegazzjoni li l-impożizzjoni ta’ fondi proprji addizzjonali tikkostitwixxi sanzjoni moħbija

208    Ir-rikorrent isostni li l-livell tal-fondi proprji “CET 1” li ġie impost fuqu fid-deċiżjoni kkontestata għandu n-natura ta’ sanzjoni moħbija, peress li jidher li kellu l-għan li “jippenalizzah” talli ġibed l-attenzjoni tal-BĊE għas-sitwazzjoni fi ħdan il-grupp Crédit mutuel.

209    Il-BĊE jikkonfuta n-natura ta’ sanzjoni moħbija tal-evalwazzjoni tiegħu tal-livell ta’ fondi proprji “CET 1” tar-rikorrent.

210    Għandu jiġi rrilevat li, permezz ta’ tali argument, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’użu ħażin ta’ poter.

211    Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ użu ħażin ta’ poter jirreferi għall-fatt li awtorità amministrattiva tkun użat il-poteri tagħha għal għan differenti minn dak li għalih tkun ingħatat dawn il-poteri. Deċiżjoni tkun ivvizzjata b’użu ħażin ta’ poter biss jekk jidher, abbażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti, li din tkun ittieħdet għal tali għan (sentenzi tat-13 ta’ Novembru 1990, Fedesa et, C‑331/88, EU:C:1990:391, punt 24, u tad-9 ta’ Ottubru 2001, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑400/99, EU:C:2001:528, punt 38). Barra minn hekk, fil-każ li jiġu mfittxija diversi għanijiet, anki jekk motiv mhux iġġustifikat ikun inkluż ma’ motivi validi, id-deċiżjoni xorta waħda ma tkunx ivvizzjata b’użu ħażin ta’ poter sakemm din ma tissagrifikax l-għan essenzjali (sentenzi tal-21 ta’ Diċembru 1954, L-Italja vs L‑Awtorità Għolja, 2/54, EU:C:1954:8, p. 103, u tal-21 ta’ Settembru 2005, EDP vs Il‑Kummissjoni, T‑87/05, EU:T:2005:333, punt 87).

212    F’dak li jirrigwarda l-iskop li għalih ingħataw lill-BĊE s-setgħat previsti fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament Bażiku, kif ġie spjegat fil-punt 168 iktar ’il fuq, dan jinsab, b’mod partikolari, fin-neċessità li tiġi rrimedjata sitwazzjoni li fiha l-fondi proprji u l-likwidità ta’ stabbiliment ta’ kreditu ma jiżgurawx ġestjoni soda u kopertura tar-riskji tiegħu.

213    Issa, minn naħa, mill-eżami tal-ewwel żewġ partijiet ta’ dan il-motiv jirriżulta li l-BĊE uża s-setgħat tiegħu b’mod konformi ma’ dan l-iskop. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrent ma jressaqx indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 211 iktar ’il fuq, li huma ta’ natura li jipprovaw li l-livell ta’ fondi proprji tiegħu ġie ddeterminat b’mod li huwa jiġi ssanzjonat.

214    Għaldaqstant, it-tielet parti għandha tiġi miċħuda u, konsegwentement, il-motiv kollu kemm hu kif ukoll dan ir-rikors għandhom jiġu miċħuda.

IV.    Fuq l-ispejjeż

215    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. F’dan il-każ, peress li r-rikorrent tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż tiegħu, kif ukoll dawk sostnuti mill-BĊE, kif mitlub minn dan tal-aħħar.

216    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għalhekk il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Crédit mutuel Arkéa għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE).

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Prek

Buttigieg

Schalin

Berke

 

      Costeira

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Diċembru 2017.

Firem



I. Il-fatti li wasslu għall-kawża

II. Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

III. Id-dritt

A. Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

1. Fuq ir-regolarità tal-mandat maħruġ lill-avukati tar-rikorrent

2. Fuq il-locus standi tar-rikorrent fil-konfront tal-Artikolu 2(1) u tal-Anness I tad-deċiżjoni kkontestata

3. Fuq l-interess ġuridiku tar-rikorrent fil-konfront tad-deċiżjoni kkontestata

B. Fuq il-mertu

1. Fuq l-ewwel u t-tieni motivi, li jirrigwardaw il-legalità tal-Artikolu 2(1) u tal-Anness I tad-deċiżjoni kkontestata

a) Fuq l-interpretazzjoni teleoloġika u kuntestwali tal-Artikolu 2(21)(c) tar-Regolament Qafas tal-MSU

b) Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-assenza ta’ kwalità ta’ stabbiliment ta’ kreditu taċ-CNCM

1) Fuq il-kwistjoni jekk il-kwalità ta’ stabbiliment ta’ kreditu tal-organu ċentrali tirriżultax mill-Artikolu 2(21)(c) tar-Regolament Qafas tal-MSU

2) Fuq il-kwistjoni jekk il-kwalità ta’ stabbiliment ta’ kreditu tal-organu ċentrali tirriżultax mill-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 575/2013

c) Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-assenza ta’ grupp taħt superviżjoni prudenzjali fis-sens tal-Artikolu 2(21)(c) tar-Regolament Qafas tal-MSU u tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 575/2013

1) Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 575/2013

2) Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 10(1)(b) tar-Regolament Nru 575/2013

3) Fuq it-tielet parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament Nru 575/2013

2. Fuq it-tielet motiv, li jirrigwarda l-legalità tal-Artikolu 2(3) u tal-Anness II2 tad-deċiżjoni kkontestata

a) Fuq l-ewwel parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq in-natura żbaljata tat-teħid inkunsiderazzjoni mill-BĊE ta’ possibbiltà ta’ separazzjoni tar-rikorrent u tal-grupp Crédit mutuel

b) Fuq it-tieni parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq in-natura żbaljata u sproporzjonata tal-evalwazzjoni mill-BĊE tan-neċessità għar-rikorrent li jkollu fondi proprji addizzjonali

1) Fuq il-fondatezza tal-motiv ibbażat fuq it-tibdil fil-profil ta’ riskju ta’ likwidità tar-rikorrent fil-każ ta’ separazzjoni mill-grupp Crédit mutuel

2) Fuq il-fondatezza tal-motiv ibbażat fuq l-effetti ta’ bidla fil-metodu ta’ kalkolu tal-fondi proprji tar-rikorrent fil-każ ta’ separazzjoni mill-grupp Crédit mutuel

c) Fuq it-tielet parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq l-allegazzjoni li l-impożizzjoni ta’ fondi proprji addizzjonali tikkostitwixxi sanzjoni moħbija

IV. Fuq l-ispejjeż


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.


i Fil-punt 184 ta’ dan it-test saret modifika ta’ natura lingwistika, wara li kien tqiegħed online għall-ewwel darba.