Language of document : ECLI:EU:C:2015:434

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNARA

ippreżentati fl-1 ta’ Lulju 2015 (1)

Kawża C‑347/14

New Media Online GmbH

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija)]

“Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Provvista ta’ servizzi tal-medja awdjoviżiva — Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva — Artikolu 1(1)(a), (b) u (g) — Kunċetti ta’ ‘programm’ u ta’ ‘servizz tal‑media awdjoviżiva’ — Vidjos qosra disponibbli fuq is-sit internet ta’ gazzetta”





 Introduzzjoni

1.        “Iż-żiemel huwa dak li kulħadd jara”. Hekk kienet ifformulata waħda mid-definizzjonijiet li tinsab fl-ewwel enċiklopedija Pollakka ppubblikata fis-seklu XVIII (2). Jista’ jidher li l-istess japplika għall‑problema tad-definizzjoni tas-servizz tal-medja awdjoviżiva fil‑kuntest tal-internet, li hija kkonċernata f’din il-kawża: kulħadd huwa f’pożizzjoni li jagħraf tali servizz b’mod intuwittiv. Iżda meta wieħed jiġi biex jagħtih definizzjoni legali, huwa diffiċli li jinsab kunċett li huwa preċiż biżżejjed, u fl-istess ħin wiesa’ biżżejjed.

2.        Fl-opinjoni tiegħi, dan huwa dovut għall-fatt li d‑definizzjoni tal-kuntest legali tal-funzjonament tal-internet hija waħda mill-isfidi prinċipali li għandhom quddiemhom illum il-leġiżlazzjoni u l-ġurisprudenza tal-pajjiżi kollha tad-dinja, inklużi tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha. Id‑diversità mingħajr preċedent u l-kwantità virtwalment infinita ta’ informazzjoni disponibbli, l-assenza ta’ fruntieri nazzjonali bħala ostakoli maġġuri għaċ-ċirkulazzjoni tal-informazzjoni, il-faċilità li kull persuna għandha li tipproduċi l-informazzjoni liberament u li xxerridha ma’ numru kważi illimitat ta’ destinatarji, u fl-aħħar nett is-separazzjoni bejn id-dinja virtwali, diġitali, u d-dinja materjali, jeħtieġu strumenti legali ġodda, ħafna drabi kkostruwiti fuq bażijiet kompletament ġodda (3). Barra minn hekk, din ir-realtà tinbidel b’ritmu mgħaġġel, tant li teċċedi l-kapaċità tal-leġiżlatur li jindirizzaha, b’mod partikolari fil-pajjiżi demokratiċi. B’hekk l-applikazzjoni, fl-era diġitali, ta’ regoli intiżi għal dinja analoga tqajjem numru ta’ diffikultajiet. Din il-kawża hija manifestazzjoni tad-dilemmi li jaffaċċjaw l-awtoritajiet responsabbli sabiex jiżguraw l-osservanza tal-liġi u sabiex jirregolaw is-swieq.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3.        Il-kuntest ġuridiku ta’ din il-kawża huwa kkostitwit mid‑dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-10 ta’ Marzu 2010, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva) (4). L‑interpretazzjoni li titlob il-qorti tar-rinviju teħtieġ li, minbarra d‑dispożizzjonijiet tad-Direttiva li huma s-suġġett tagħha, jiġu kkunsidrati ċerti premessi li jindikaw il-kamp ta’ applikazzjoni li l-leġiżlatur ried jagħti lid-Direttiva.

4.        Skont il-premessi 11, 21, 22, 24, 28 u 29 tad-Direttiva 2010/13:

“(11)      Sabiex tiġi evitatata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni, jeħtieġ li titjieb iċ-ċertezza legali, tiġi megħjuna t-tkomplija tas-suq intern u ffaċilitata l-emerġenza ta’ żona unika ta’ informazzjoni, li tal‑inqas livell bażiku ta’ regoli kkoordinati jiġu applikati, għas-servizzi tal-media awdjoviżiva kollha, kemm xandir televiżiv (i.e. servizzi tal-media awdjoviżiva lineari) kif ukoll servizzi tal‑media awdjoviżiva on-demand (i.e. servizzi tal-media awdjoviżiva non-lineari).

[…]

(21)      Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, id-definizzjoni ta’ servizzi tal‑media awdjoviżiva għandha tkopri biss is-servizzi tal-media awdjoviżiva, kemm jekk xandir televiżiv kif ukoll jekk on‑demand, li huma media tal-massa, jiġifieri, li huma maħsuba għal riċezzjoni minn, u li jista’ jkollhom impatt ċar fuq, proporzjon sinifikattiv tal-pubbliku ġenerali. Il-kamp ta’ applikazzjoni għandu jkun limitat għal servizzi kif definiti mit‑Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u għalhekk għandu jkopri kwalunkwe forma ta’ attività ekonomika, inkluża dik ta’ impriżi tas-servizz pubbliku, iżda m’għandux ikopri attivitajiet li huma primarjament nonekonomiċi u li mhumiex f’kompetizzjoni max-xandir televiżiv, bħal websites privati u servizzi li jikkonsistu fil-forniment jew id-distribuzzjoni ta’ kontenut awdjoviżiv iġġenerat minn utenti privati għall-finijiet tal-kondiviżjoni u l-iskambju f’komunitajiet ta’ interess.

(22)      Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, id-definizzjoni ta’ servizzi tal‑media awdjoviżiva għandha tkopri l-media tal-massa fil‑funzjoni tagħhom li jagħtu informazzjoni, intratteniment u edukazzjoni lill-pubbliku ġenerali, u għandha tinkludi l‑komunikazzjoni kummerċjali awdjoviżiva iżda għandha teskludi kwalunkwe forma ta’ korrispondenza privata, bħal ma huma l-posta elettronika mibgħuta lil numru limitat ta’ riċevituri. Dik id-definizzjoni għandha teskludi is-servizzi li l-fini ewlieni tagħhom mhuwiex dak li jipprovdu programmi, jiġifieri fejn kwalunkwe kontenut awdjoviżiv huwa purament inċidentali għas-servizz u mhux il-fini prinċipali tiegħu. L-eżempji jinkludu websites li fihom elementi awdjoviżivi b’mod anċillari biss; bħal elementi grafiċi animati, spots qosra ta’ reklami jew informazzjoni relatata mal-prodott jew servizz mhux awdjoviżiv. […]

[…]

(24)      Hija karatteristika tas-servizzi tal-media awdjoviżiva on-demand li dawn huma ‘simili għat-televiżjoni’, jiġifieri li jikkompetu għall-istess udjenza bħax-xandiriet bit-televiżjoni u n-natura u l‑mezzi ta’ aċċess għas-servizz iwasslu lill-utent b’mod raġonevoli biex jistenna protezzjoni regolatorja fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. In vista ta’ dan u sabiex ikunu evitati disparitajiet fir-rigward tal-moviment liberu u l‑kompetizzjoni, il-kunċett ta’ ‘programm’ għandu jiġi interpretat b’mod dinamiku b’kont meħud ta’ żviluppi fix-xandir televiżiv.

[…]

(28)      Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva m’għandux ikopri verżjonijiet elettroniċi ta’ gazzetti u magazines.

(29)      Il-karatteristiċi kollha tas-servizzi tal-media awdjoviżiva stabbiliti fid-definizzjoni u spjegati fil-premessi 21 sa 28 għandhom ikun preżenti kollha fl-istess waqt.”

5.        It-talba tal-qorti tar-rinviju għandha l-għan, essenzjalment, li tingħata interpretazzjoni ta’ ċerti definizzjonijiet li jinsabu fid‑Direttiva 2010/13. Dawn id-definizzjonijiet jinsabu fl-Artikolu 1 ta’ din id-Direttiva. Dan tal-aħħar jipprevedi:

“1.      Għall-fini ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)      ‘servizz tal-media awdjoviżiva’ tfisser:

(i)      servizz kif definit mill-Artikoli 56 u 57 tat-Trattat dwar il‑Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li huwa taħt ir‑responsabbiltà editorjali ta’ fornitur ta’ servizzi tal‑media u li l-fini prinċipali tiegħu huwa l-forniment ta’ programmi sabiex jagħti informazzjoni, intratteniment jew edukazzjoni, lill-pubbliku ġenerali permezz ta’ netwerks tal-komunikazzjoni elettroniċi fis-sens tal-punt (a) tal‑Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/21/KE. Tali servizz tal‑media awdjoviżiva huwa jew xandira bit-televiżjoni kif definit fil-punt (e) ta’ dan il-paragrafu jew servizz tal‑media awdjoviżiva on-demand kif definit fil-punt (g) ta’ dan il-paragrafu;

[…]

(b)      ‘programm’ tfisser sett ta’ immaġini jiċċaqilqu bil-ħoss jew mingħajru li jikkostitwixxi element individwali fi skeda jew katalogu stabbilit minn fornitur ta’ servizzi tal-media u li l-forma u l-kontenut tiegħu huma komparabbli mal-forma u l-kontenut tax-xandir televiżiv. Eżempji ta’ programmi jinkludu films prinċipali, avvenimenti sportivi, kummiedji sitwazzjonali, dokumentarji, programmi għat-tfal u drammi oriġinali;

[…]

(g)      ‘servizz on-demand tal-media awdjoviżiva)’ (i.e. servizz tal-media awdjoviżiv non-lineari) tfisser servizz tal-media awdjoviżiva pprovdut minn fornitur ta’ servizzi tal-media għall-wiri ta’ programmi fil-mument magħżul mill-utent u fuq it-talba individwali tiegħu abbażi ta’ katalogu ta’ programmi magħżul mill-fornitur ta’ servizzi tal-media;

[…]”

 Id-dritt Awstrijak

6.        Id-Direttiva 2010/13 ġiet trasposta fid-dritt Awstrijak mill‑Bundesgesetz über audiovisuelle Mediendienste (Liġi dwar is‑servizzi tal-medja awdjoviżiva, iktar ’il quddiem l-“AMD‑G”) (5). Id‑definizzjonijiet ta’ servizz tal-medja awdjoviżiva, ta’ servizz tal‑medja awdjoviżiva on-demand u ta’ programm jinsabu fl‑Artikolu 2(3), (4) u (30) tal-AMD‑G. Il-formulazzjoni tagħhom taqbel ma’ dik tad-definizzjonijiet korrispondenti li jinsabu fid‑Direttiva 2010/13.

7.        Skont l-Artikolu 9(1) tal-AMD‑G:

“Sa fejn ma humiex suġġetti għal awtorizzazzjoni b’applikazzjoni tal‑Artikolu 3(1), ix-xandara televiżivi, bħall-fornituri ta’ servizzi tal‑medja on-demand, għandhom jinnotifikaw l-attività tagħhom lill-awtoritajiet regolatorji mhux iktar tard minn ġimagħtejn qabel ma jingħata bidu għall-attività.”

 Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

8.        New Media Online GmbH, kumpannija rregolata bid-dritt Awstrijak, topera s-sit internet tal-gazzetta Tiroler Tageszeitung taħt l-isem ta’ Tiroler Tageszeitung Online (6). F’dan is-sit, minbarra kontenut ieħor, hemm taqsima separata msejħa “Vidjos”, li, fiż-żmien meta seħħew il-fatti tal-kawża prinċipali, kienet tinkludi katalogu ta’ madwar 300 kontenut awdjoviżiv. Dawn l-elementi, li t-tul tagħhom ivarja minn xi għexieren ta’ sekondi sa diversi minuti, kienu ftit jew wisq marbuta ma’ kontenut ieħor tas-sit u kienu ġejjin minn diversi sorsi (kontenut tiegħu stess, materjal prodott mit‑televiżjoni lokali, ipprovdut mill-utenti tas-sit, eċċ.).

9.        Permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Ottubru 2012, il‑Kommunikationsbehörde Austria (awtorità regolatorja Awstrijaka) ikkunsidrat li t-taqsima “Vidjos” fis-sit internet ta’ Tiroler Tageszeitung Online kienet tikkostitwixxi servizz tal-medja awdjoviżiva on‑demand fis-sens tal-AMD‑G, suġġett għall-obbligu ta’ notifika previst fl-Artikolu 9(1) ta’ din il-liġi.

10.      Il-kumpannija New Media Online ppreżentat rikors kontra din id‑deċiżjoni quddiem il-Bundeskommunikationssenat (awtorità ġudizzjarja kompetenti fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet), li tat id‑deċiżjoni tagħha fit-13 ta’ Diċembru 2012. L-imsemmija kumpannija kkontestat ukoll din id-deċiżjoni quddiem il-Verwaltungsgerichtshof (Qorti amministrattiva).

11.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1.      L-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva [2010/13] għandu jiġi interpreat fis-sens li jista’ jiġi stabbilit li l-forma u l-kontenut ta’ servizz inkwistjoni huma paragunabbli, bil-mod meħtieġ, ma’ dawk tax-xandir televiżiv meta tali servizzi huma proposti wkoll mix‑xandir televiżiv, li jista’ jiġi kkunsidrat bħala medja tal‑massa, li huma intiżi għal riċezzjoni minn parti sinjifikattiva tal-pubbliku ġenerali, u li jista’ jkollhom impatt ċar fuqu?

2.      L-Artikolu 1(1)(a)(i) tad-Direttiva [2010/13] għandu jiġi interpreat fis-sens li, għall-finijiet li jiġi evalwat l-għan prinċipali ta’ servizz offert fil-każ ta’ verżjonijiet elettroniċi tal-gazzetti, tista’ tiġi kkunsidrata parti minn sezzjoni, fejn hija pprovduta fil-parti l-kbira ġabra ta’ vidjos qosra li, f’sezzjonijiet oħra ta’ dan is-sit tal-internet tal-mezz elettroniku inkwistjoni, jintużaw unikament sabiex jikkompletaw artikoli tal-gazzetta online?”

12.      It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Lulju 2014. New Media Online, il-Gvern Svediż u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. New Media Online u l-Kummissjoni kienu rrappreżentati fis-seduta li nżammet fit-22 ta’ April 2015.

 Analiżi

13.      Il-qorti tar-rinviju titlob l-interpretazzjoni ta’ tnejn mill-kriterji li jippermettu li servizz jiġi kklassifikat bħala servizz tal-medja awdjoviżiva fis-sens tad-Direttiva 2010/13. Jiena ma nikkontestax l‑importanza ta’ dawn iż-żewġ kriterji. Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, din il-kawża tqajjem problemi iktar ġenerali marbuta mal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva għal dak li jirrigwarda l-kontenut pubblikament disponibbli fuq l-internet. Għalhekk nixtieq nipproponi li l‑problema mqajma mill-qorti tar-rinviju tiġi ttrattata b’mod iktar ġenerali. Jidhirli li dan l-approċċ huwa iktar u iktar opportun peress li, f’din il-kawża, il-Qorti tal‑Ġustizzja ser ikollha l-opportunità, għall-ewwel darba, li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ servizz tal-medja awdjoviżiva fis-sens tal-imsemmija direttiva.

14.      Qabel ma nittratta din il-kwistjoni, ser nibda billi nfakkar fil‑qosor il-ġenesi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal‑medja awdjoviżiva (7).

 Il-ġenesi tad-Direttiva 2010/13

15.      Għalkemm sa mill-1974, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat ix‑xandiriet televiżivi bħala servizz fis-sens tat-Trattat (8), dawn il‑kwistjonijiet ma qajmux l-interess tal-leġiżlatur Komunitarju qabel is‑snin 80 tal-seklu li għadda. Dan minħabba l-fatt li t-televiżjoni terrestri tradizzjonali kienet tiddependi mid-disponibbiltà tal-frekwenzi tar-radju. Kienu l‑Istati Membri li kienu jiġġestixxu dawn il-frekwenzi li kienu jallokawhom lid-diversi stazzjonijiet tat-televiżjoni, billi jagħtu lil dawn tal-aħħar liċenzja ta’ xandir limitata għat-territorju rispettiv tagħhom. Għalhekk is-servizzi televiżivi kellhom biss importanza transkonfinali żgħira.

16.      Is-sitwazzjoni nbidlet mal-iżvilupp tat-televiżjoni bil-cable u iktar u iktar bis-satellita. It-teknoloġija ġdida mhux biss ippermettiet żieda notevoli fil-kanali tat-televiżjoni, iżda wkoll li jintlaħaq pubbliku li jinsab barra l-Istat Membru tas-sede tal-fornitur. Dan fetaħ il-kamp għal-ħolqien ta’ suq wieħed tas-servizzi televiżivi.

17.      Ix-xogħol leġiżlattiv beda bil-Green Paper tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Ġunju 1984 dwar it-televiżjoni mingħajr fruntieri (9). Dawn ix‑xogħol wassal għall-adozzjoni tad-Direttiva dwar it-televiżjoni mingħajr fruntieri (10). Din id-direttiva stabbilixxiet il-prinċipju riċezzjoni libera tax-xandiriet bit-televiżjoni trażmessi minn Stat Membru fit-territorju ta’ Stati Membri oħra. Inkambju għal dan, hija imponiet fuq ix-xandara Komunitarji kollha regoli minimi li stabbilixxew limiti kwalitattivi u kwantitattivi fil-qasam tar-reklamar, tal-isponsorship u tat‑teleshopping, tal-protezzjoni tal-minuri u tal-ordni pubbliku, u stabbilixxiet dritt għal risposta. Ir-regoli previsti mill-imsemmija direttiva għal dak li jirrigwarda l-kompetenza tad-diversi Stati Membri fuq x‑xandara jiżgura li kull xandar ikun suġġett għal-leġiżlazzjoni u għall‑awtoritajiet regolatorji ta’ Stat Membru wieħed. Barra minn hekk, id-Direttiva “Televiżjoni mingħajr fruntieri” imponiet fuq ix-xandara televiżivi obbligi għal dak li jirrigwarda l-promozzjoni ta’ xogħlijiet Ewropej. Emenda tal-1997 (11) għad-Direttiva “Televiżjoni mingħajr fruntieri” stabbilixxiet b’mod partikolari l-possibbiltà li l-Istati Membri jidentifikaw avvenimenti li t-trażmissjoni mill-ġdid tagħhom ma tistax tkun irriżervata esklużivament għall-kanali bil-ħlas.

18.      Il-progress teknoloġiku rapidu fil-qasam tal-medja elettronika kif qaleb is-seklu ppermetta mhux biss żieda ulterjuri sinjifikattiva fil‑volum ta’ offerti tradizzjonali tat-televiżjoni, iżda wkoll it-tnissil ta’ forom ġodda ta’ servizzi awdjoviżivi, bħal kull tip ta’ servizz on‑demand. L-iżvilupp tal-internet, kemm f’termini ta’ kontenut kif ukoll ta’ aċċessibbiltà għall-utenti, bħala mezz ġdid tas-seklu XXI, ikkostitwixxa fenomenu separat. Dan l-iżvilupp teknoloġiku kien akkumpanjat minn tibdil progressiv fl-aġir u l-aspettattivi tal-utenti. Peress li s-sitwazzjoni legali baqgħet ma nbidlitx, dawn il-fenomeni ġodda pprovokaw żbilanċ fil-kompetizzjoni li baqa’ jiżdied fis-suq tas-servizzi awdjoviżivi.

19.      Il-Kummissjoni indikat il-bżonn ta’ tibdil fir-raba’ rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 89/552 (12), kif ukoll fil-Komunikazzjoni dwar il-futur tal-politika tal-leġiżlazzjoni Ewropea fil-qasam awdjoviżiv (13). Fit-tmiem tax-xogħol preparatorju u wara konsultazzjoni wiesgħa, il-Kummissjoni adottat abbozz ta’ direttiva li temenda d-Direttiva 89/552 (14). Suġġett għal xi emendi minimi, dan l‑abbozz ġie adottat bħala d-Direttiva 2007/65 (15).

20.      Din id-Direttiva emendat id-Direttiva 89/552 b’mod sinjifikattiv. Fl‑ewwel lok l-emendi kienu jirrigwardaw it-titolu stess tad-Direttiva, fil-kuntest ta’ emenda terminoloġika: ma għadhomx jissemmew attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni, iżda servizzi tal-medja awdjoviżiva. Id-dispożizzjonijiet sostantivi tad-Direttiva ġew irriveduti b’mod fundamentali fis-sens ta’ liberalizzazzjoni, b’mod partikolari fil-qasam tar‑reklamar u ta’ forom oħra ta’ promozzjoni ta’ oġġetti u servizzi. Mill-perspettiva ta’ din il-kawża, l-emenda l-iktar importanti kienet it‑twessiegħ tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad‑Direttiva għas-servizzi awdjoviżivi msejħa “non-lineari”, magħrufa komunement bħala “servizzi on-demand”. Dawn is-servizzi ġew issuġġettati — b’mod strettament limitat għar-regoli bażiċi — għad‑dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-minuri u tal-ordni pubbliku, dwar ir-reklamar, kif ukoll għal dawk intiżi li jiffavorixxu l‑produzzjoni Ewropea. Dispożizzjonijiet iktar preċiżi jirregolaw is‑servizzi lineari, jiġifieri t-televiżjoni tradizzjonali. Id‑Direttiva 2010/13 hija t-test ikkodifikat tad-Direttiva 89/552, wara l‑emendi stabbiliti mid-Direttiva 2007/65 (16).

21.      Kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, li bilfors jikkostitwixxu ġabra fil-qosor ħafna, ir-regolamentazzjoni tas-servizzi awdjoviżivi non-lineari hija sempliċement idderivata mir-regoli relatati mas-servizzi lineari, jiġifieri t-televiżjoni. Huwa fid-dawl ta’ dan il‑ġenesi li fl-opinjoni tiegħi għandha tiġi interpretata d-definizzjoni li tagħti d-Direttiva 2010/13 tas-servizzi tal-medja awdjoviżiva, billi titqiegħed fir-realtajiet tas-soċjetà tal-informazzjoni.

 Definizzjoni tas-servizzi tal-medja awdjoviżiva fil-kuntest tas-soċjetà tal-informazzjoni

 Żvilupp tal-internet u tas-servizzi tal-medja awdjoviżiva

22.      B’mod parallel mal-iżvilupp tat-televiżjoni espost iktar ’il fuq, seħħet evoluzzjoni oħra, kultant deskritta saħansitra bħala rivoluzzjoni, jiġifieri t‑tnissil u l-iżvilupp ta’ netwerk informatiku dinji, jiġifieri l‑internet. Minn kurżità teknika rriżervata biss għal ċirku ristrett ta’ speċjalisti, l‑internet sar fi ftit deċenni għodda ta’ użu universali u ta’ kuljum għax‑xogħol, għall-edukazzjoni u għad-divertiment. Serje sħiħa ta’ attivitajiet tmexxew kompletament jew parzjalment għal fuq in-netwerk: il-posta elettronika qed tissostitwixxi l-korrispondenza tradizzjonali, il-portals ta’ informazzjoni qed jissostitwixxu l-gazzetti, il-kummerċ elettroniku qed jissostitwixxu l-ħwienet fid-dinja reali, is-siti ta’ laqgħat online qed jissostitwixxu l-aġenziji matrimonjali, eċċ. Madankollu, l-internet wassal ukoll għal numru ta’ fenomeni ġodda li jappartjenu biss lil din il‑medja, pereżempju l-mezzi ta’ komunikazzjoni ġodda li huma l-fora ta’ diskussjoni jew in-netwerks soċjali, li fosthom l-iktar famużi huma Facebook u Twitter.

23.      Il-fenomenu ta’ “internetizzazzjoni” ma ħalliex barra lis-servizzi awdjoviżivi. B’mod partikolari, l-iżvilupp tal-broadband internet — billi żied ħafna l-veloċità tat-trażmissjoni tad-data — ippermetta, minn naħa, it-tixrid tas-servizzi awdjoviżivi lineari u non-lineari permezz tal‑internet (Internet Protokoll Televiżjoni, IPTV), u, min-naħa l-oħra, nissel numru prattikament illimitat ta’ fornituri ġodda u ta’ forom ġodda ta’ servizzi awdjoviżivi.

24.      Il-broadband internet huwa akkumpanjat ukoll minn fenomenu essenzjali ieħor mill-perspettiva ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jiġifieri dak tal-multimedja. Fl-epoka analoġika u fil-bidu tal-iżvilupp tal‑internet, il-kitba, il-ħoss u l-immaġini, b’mod partikolari animata, kienu pjuttost strettament separati. Il-gazzetti u l-kotba kienu s-sors tal-kitba, kultant illustrati minn ritratti jew disinni, ir-radju kien medja esklużivament tal-ħoss, filwaqt li ċ-ċinema u t-televiżjoni kienu jikkostitwixxu l-medja awdjoviżiva, jiġifieri taħlita ta’ immaġini animata u ħoss. L-internet jippermetti li jiġi kkomunikat lill-pubbliku kontenut li jinkludi dawn it-tliet tipi ta’ medja. B’dan il-mod, il-portals ta’ informazzjoni tal-internet ma humiex marbuta li jxerrdu sempliċi test, iżda jistgħu jżewqu u jikkompletaw it-test b’vidjos, filwaqt li l‑istabbilimenti ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ jistgħu jarrikkixxu l-kontenut edukattiv permezz ta’ reġistrazzjonijiet ta’ konferenzi, u l-klabbs sportivi jistgħu jakkumpanjaw ir-rapporti tal-partiti b’vidjos, eċċ.

25.      Illum, kull portal tal-internet joffri, barra dokumenti bil-miktub u grafiċi, elementi awdjoviżivi ftit jew wisq marbuta tematikament mal‑bqija tal-portal. Dawn l-elementi jistgħu jagħmlu parti integrali mit‑testi bil-miktub, iżda jistgħu wkoll ikunu ta’ natura indipendenti. Madankollu, fl-ippjanar tal-paġni tal-internet, dawn l-elementi awdjoviżivi huma ġeneralment miġbura taħt subpaġni distinti, li jew jikkorrispondu għad-diversi suġġetti indirizzati mill-portal, jew jikkostitwixxu parti kompletament distinta, komunement imsejħa “Vidjo”, jew anki “TV” (għalkemm fir-realtà ma jikkostitwixxux televiżjoni, jiġifieri servizz lineari).

26.      Għalhekk, mill-perspettiva legali, il-kwistjoni li tqum hija jekk il‑kontenut ta’ din in-natura jistax jitqies b’mod sħiħ li huwa servizzi tal-medja awdjoviżiva, u jekk le, fejn għandhom jitqiegħdu l-limiti. Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva għal dak li jirrigwarda dan il-kontenut huwa suġġett għal ċerta kawtela u huwa ddefinit b’mod differenti fil-leġiżlazzjoni u fil-prassi tal-awtoritajiet regolatorji tad-diversi Stati Membri (17). Din is-sitwazzjoni tmur kontra r-rekwiżit tal-applikazzjoni uniformi tad‑dispożizzjonijiet tad-Direttiva fit-territorju tal-Unjoni kollha.

 L-applikazzjoni tad-Direttiva 2010/13 għall-elementi awdjoviżivi tal‑portals tal-internet

27.      Fid-deċiżjoni li hija s-suġġett tal-proċedura prinċipali, l-awtorità regolatorja Awstrijaka użat definizzjoni wiesgħa tas-servizzi tal-medja awdjoviżiva, billi kkunsidrat li l-katalogu tal-kontenut awdjoviżiv offrut fuq is-sit internet ta’ Tiroler Tageszeitung Online fis-sezzjoni “vidjos” kien jagħmel parti minnhom.

28.      Minkejja li dan l-argument jista’ jkun iġġustifikat abbażi tad‑Direttiva 2010/13, interpretazzjoni daqshekk wiesgħa tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva jidhirli li hija żbaljata għal diversi raġunijiet.

29.      L-ewwel nett, jidhirli li ma hijiex konformi mal-għanijiet li l‑leġiżlatur ried jilħaq bl-adozzjoni tad-Direttiva dwar is-servizzi tal‑medja awdjoviżiva (18). Kif indikajt iktar ’il fuq, ir-regolamentazzjoni tas‑servizzi awdjoviżivi f’din id-direttiva hija sempliċement idderivata mir‑regoli relatati mas-servizzi lineari, jiġifieri tat-televiżjoni tradizzjonali (tradizzjonali fis-sens tal-kontenut u tal-iskeda tal‑programmi, u mhux tal-mezz tekniku ta’ xandir). Skont l-espożizzjoni tal-motivi tal-abbozz tad-Direttiva 2007/65 (19) u l-premessi tad‑Direttiva 2010/13 (20), ir-regolamentazzjoni tas-servizzi non-lineari hija intiża sabiex tiżgura kompetizzjoni mingħajr distorsjoni bejn tipi ta’ attivitajiet ekonomiċi simili, billi tapplika fil-konfront tagħhom, tal-inqas essenzjalment, regoli analogi. Fl-opinjoni tiegħi, ma hemmx lok li dan l-għan jiġi interpretat b’mod wiesa’, billi jiġu inklużi servizzi li ma humiex f’kompetizzjoni diretta max-xandir televiżiv.

30.      It-tieni nett, l-interpretazzjoni sostnuta mill-awtorità regolatorja Awstrijaka fil-kawża prinċipali tissuġġetta għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva numru kunsiderevoli ta’ operaturi li ċertament jużaw sit internet li jinkludi kontenut awdjoviżiv, iżda li l-attività tagħhom ma għandhiex bħala għan prinċipali li toffri servizzi awdjoviżivi fis-sens ta’ din id-direttiva. Għalkemm huwa minnu li l-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva 2010/13 għall‑fornituri ta’ servizzi non-lineari huma biss ta’ natura minima, xorta jibqa’ l-fatt li, fil-prassi tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, il‑fatt li servizz jaqa’ taħt id-dispożizzjonijiet intiżi sabiex jittrasponu d‑Direttiva, iġib miegħu tal-inqas il-bżonn ta’ reġistrazzjoni, u f’ċerti Stati Membri, obbligi addizzjonali, bħal ħlas ta’ taxxa (ir‑Renju Unit) jew obbligu ta’ dikjarazzjoni (Franza). Anki jekk tali reġistrazzjoni ma għandhiex in-natura ta’ awtorizzazzjoni sabiex tiġi eżerċitata l-attività, dan xorta jfisser li parti sinjifikattiva mill‑attività eżerċitata fuq l-internet hija suġġetta għal kontroll amministrattiv, li jista’ jiġi pperċepit bħala limitazzjoni tal-libertà ta’ azzjoni li tgawdi din il‑medja.

31.      L-issuġġettar għal kontroll amministrattiv ta’ numru wisq kbir ta’ aspetti tal‑funzjonament tas-siti internet iġib ukoll sfida enormi għall‑awtoritajiet regolatorji tal-Istati Membri, fid-dawl tal-faċilità li biha jinħolqu dawn is-siti u tal-fatt li jiġi ppubblikat kull tip ta’ kontenut, inkluż kontenut awdjoviżiv. Tentattiv sabiex tiġi applikata regolamentazzjoni wiesgħa ħafna jista’ jkollu l-konsegwenza li jċaħħad id-Direttiva mill-effettività tagħha, anki fil-qasam li għalih hija effettivament intiża.

32.      It-tielet u l-aħħar nett, l-argument imressaq mill-awtorità regolatorja Awstrijaka jissuġġetta l-applikazzjoni tad-Direttiva għall‑arkitettura konkreta ta’ sit internet. Skont tali interpretazzjoni, huwa biss il-kontenut awdjoviżiv miġbur fil-katalogu li jikkostitwixxi servizz tal-medja awdjoviżiva fis-sens tad-Direttiva. Jekk dan il‑kontenut huwa mill-banda l-oħra maqsum f’diversi punti tas-sit, jitqies li jikkostitwixxi parti integrali minnu, u mhux li jikkostitwixxi servizz separat, b’tali mod li ma huwiex suġġett għad‑dispożizzjonijiet tad-Direttiva. Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, dan huwa biss każ ta’ ċerta soluzzjoni teknika, li ma jistax ikollha effett fuq l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva. Il-fatt jekk servizz jaqax jew le taħt id-Direttiva jista’ jiddependi biss min-natura tiegħu, u mhux mill-arkitettura tas-sit internet li fil-kuntest tiegħu huwa offrut.

33.      Jien ma nikkontestax li qari letterali tad-Direttiva 2010/13 jista’ jissuġġerixxi li l-interpretazzjoni użata mill-awtorità regolatorja Awstrijaka hija xierqa, jew li hija tikkostitwixxi fi kwalunkwe każ waħda mill-interpretazzjonijiet li tippermetti din id-direttiva. Madankollu, ma jidhirlix li din l-interpretazzjoni hija konformi mal‑volontà tal-leġiżlatur. Għar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq, jiena nikkunsidra wkoll li hija ma tippermettix li jintlaħqu l-għanijiet tad‑Direttiva u li hija lanqas ma tikkontribwixxi għall-applikazzjoni uniformi tagħha fl-Istati Membri kollha.

34.      Id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva ma tidhirx li baqgħet applikabbli “minkejja l-mogħdija taż-żmien”, kif riedu dawk li ħolquha (21). Numru ta’ formulazzjonijiet li hija tinkludi ma humiex preċiżi u ma humiex adatti għar-realtajiet tal-broadband internet. Madankollu, nikkunsidra li, jekk tingħata interpretazzjoni dinamika, tista’ tingħata sens li jikkorrispondi għar-realtà kontemporanja u għall‑evoluzzjoni rapida tal-internet.

 L-elementi tad-definizzjoni ta’ servizz tal-medja awdjoviżiva, kif jirriżultaw mid-Direttiva 2010/13

35.      Id-definizzjoni ta’ servizz tal-medja awdjoviżiva tinsab fl‑Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 2010/13, filwaqt li ċerti termini użati fiha huma, min-naħa tagħhom, iddefiniti fil-punti sussegwenti tal-istess artikolu. Is-servizz tal-medja non-lineari ġie ddefinit fl-Artikolu 1(1)(g) tal-imsemmija direttiva. Il-kuntest ġuridiku li jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni sostantiv tad-Direttiva 2010/13 huwa ddeterminat ukoll mill-premessi ta’ din id-direttiva, li jagħmlu riferiment dirett għad-definizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 1 tagħha jew b’mod iktar ġenerali, għall-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

36.      Skont l-Artikolu 1(1)(a)(i) (22) tad-Direttiva 2010/13, moqri flimkien mal-premessa 29 ta’ din l-istess direttiva, servizz tal-medja awdjoviżiva għandu jissodisfa dawn il-kriterji li ġejjin:

–        ikun ta’ natura ekonomika,

–        jaqa’ taħt ir-responsabbiltà editorjali tal-fornitur,

–        ikollu bħala għan prinċipali l-provvista ta’ kontenut awdjoviżiv,

–        jikkonsisti fil-provvista ta’ programmi,

–        ikun ta’ natura informattiva, ta’ divertiment jew edukattiva,

–        ikun aċċessibbli għall-pubbliku,

–        jiġi trażmess permezz ta’ netwerk ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

37.      Il-premessa 29 tad-Direttiva 2010/13 tenfasizza li huwa biss jekk dawn il-kriterji kollha, kif ukoll il‑karatteristiċi stabbiliti fil-premessi l-oħra, ikunu preżenti fl-istess waqt li servizz jista’ jiġi kklassifikat bħala servizz tal-medja awdjoviżiva fis-sens tad-Direttiva. Fl-opinjoni tiegħi dan jirriżulta mill-volontà tal-leġiżlatur li f’din id‑definizzjoni, u għalhekk fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, jaqgħu biss it-tipi ta’ servizzi espressament iddefiniti. Dan jimmilita favur interpretazzjoni stretta tad-definizzjoni tas-servizzi tal-medja awdjoviżiva.

38.      Skont l-ewwel wieħed mill-kriterji ċċitati, dan jirrigwarda servizz fis-sens tat-Trattat, u għalhekk għandu n-natura ta’ attività ekonomika. Skont il-premessa 21 tad-Direttiva 2010/13, għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha “websites privati u servizzi li jikkonsistu fil-forniment jew id-distribuzzjoni ta’ kontenut awdjoviżiv iġġenerat minn utenti privati għall-finijiet tal-kondiviżjoni u l-iskambju f’komunitajiet ta’ interess”. Dan jirrigwarda essenzjalment kull tip ta’ siti privati stabbiliti u operati minn individwi, mingħajr skop ekonomiku, bħal blogs jew il-vidjo blogs, kif ukoll siti bħal YouTube.

39.      Is-sit internet ta’ gazzetta maħruġa wkoll fil-verżjoni fuq il‑karta, tat-tip tal-portal tat-Tiroler Tageszeitung Online, għandu mingħajr dubju natura ekonomika u jissodisfa għalhekk l-ewwel kriterju. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiġi nnotat b’mod inċidentali li din id‑demarkazzjoni llum ma għadhiex dejjem daqstant evidenti. Minn naħa waħda, fil-fatt, fenomenu li dejjem qed jiżdied huwa li jiddaħħlu reklami bi ħlas fuq il-paġni tal-internet privati l-iktar popolari, ħaġa li tagħmel minnhom sors ta’ dħul għal min joħloqhom, u għalhekk forma ta’ attività ekonomika. Min-naħa l-oħra, siti tat-tip YouTube jinkludi kanali professjonali (“branded channels”), li ma humiex kontenut maħluq mill-utenti. Il‑kwistjoni dwar jekk u sa fejn id-Direttiva 2010/13 tista’ tapplika għal dan it-tip ta’ xandiriet ser tkun l-isfida li jmiss għall-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u għall-qrati.

40.      Il-kriterju tat-trażmissjoni permezz ta’ netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, kif ukoll dak tal-aċċessibbiltà għall‑pubbliku (23), ma humiex partikolarment utli sabiex jiġi ddeterminat il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2010/13 għal dak li jirrigwarda l-aspett li jinteressana. L-internet huwa n-netwerk ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi per eċċellenza u dak kollu li ma ġiex irriżervat għal ċertu grupp ta’ utenti huwa aċċessibbli mill-pubbliku. Bl‑istess mod, in-natura informattiva, ta’ divertiment jew edukattiva tal-kontenut trażmess ma jikkostitwixxix kriterju partikolarment selettiv, peress li jkopri kważi l-isfera immaġinabbli kollha tal-kontenut awdjoviżiv, iktar u iktar jekk dan il-kontenut għandu wkoll natura kummerċjali u pubblika.

41.      Ir-responsabbiltà editorjali ġiet iddefinita b’mod wiesa’ ħafna fl‑Artikolu 1(1)(c) tad-Direttiva 2010/13. Fil-fatt hija ma tirrigwardax responsabbiltà dwar il-kontenut tal-materjal awdjoviżiv imxandar kollu (il-“programmi” skont it-terminoloġija tad-Direttiva), iżda sempliċement dwar is-selezzjoni ta’ dan il-materjal u l-organizzazzjoni tiegħu fil-kuntest tas-servizzi. Fil-fatt, dan il-kriterju essenzjalment jista’ jservi biss sabiex issir distinzjoni bejn il-fornituri tal-kontenut u l-operaturi li joffru servizz ta’ trażmissjoni ta’ data (bħall-fornituri ta’ netwerks tat-televiżjoni bil-cable jew ta’ konnessjoni tal-internet).

42.      Jibqa’ li jiġu eżaminati ż-żewġ kriterji li l-qorti tar-rinviju talbet l-interpretazzjoni tagħhom. Skont il-kriterju tal-għan prinċipali, huwa awdjoviżiv biss is-servizz li l-għan prinċipali tiegħu huwa l-provvista ta’ kontenut awdjoviżiv. Fid-deċiżjoni li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali, l-awtorità regolatorja Awstrijaka kkunsidrat li l-katalogu ta’ kontenut vidjo li jinsab fil-paġna tal-internet kien jikkostitwixxi servizz separat. L‑għan prinċipali ta’ servizz hekk iddefinit huwa, bilfors, il-provvista ta’ kontenut awdjoviżiv. F’tali interpretazzjoni, il-kriterju tal-għan prinċipali jitlef madankollu s-sens kollu, peress li kif diġà rrilevajt iktar ’il fuq, huwa jissuġġetta l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva għall‑arkitettura konkreta li jippreżenta sit tal-internet f’data partikolari.

43.      Il-programm huwa mbagħad iddefinit fl-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2010/13. Din id-definizzjoni hija adattament tad-definizzjoni li kienet tinsab fil-formulazzjoni inizjali tad-Direttiva 89/552. Din id‑dispożizzjoni tiddefinixxi l-programm bħala element individwali fil‑kuntest ta’ skeda, f’servizz lineari, jew fil-kuntest ta’ katalogu, f’servizz non-lineari. Il-programm għandu barra minn hekk ikollu forma u kontenut komparabbli mal-forma u mal-kontenut tax-xandir televiżiv. Din ir‑riżerva tikkostitwixxi indizju ieħor tal-fatt li l-intenzjoni tal-leġiżlatur ma kinitx li jdaħħal fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva kontenut awdjoviżiv li normalment ma jixxandarx fuq it-televiżjoni.

44.      Minbarra d-definizzjoni ta’ servizzi tal-medja awdjoviżiva b’mod ġenerali, id-Direttiva 2010/13 tinkludi, fl-Artikolu 1(1)(g), id‑definizzjoni ta’ servizzi non-lineari (ikkunsidrati bħala servizzi on‑demand). Skont din id-definizzjoni, fil-kuntest ta’ servizz non‑lineari, l-utent jista’ jagħżel u jara x’ħin jixtieq programm meħud minn katalogu magħżul mill-fornitur tas-servizz. Jidher li l-awtorità regolatorja Awstrijaka kkunsidrat fid-deċiżjoni li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali li, bħal katalogu ta’ kontenut vidjo li jinsab fis-sit internet ta’ Tiroler Tageszeitung Online, dan is-sit (jew pjuttost il-parti tiegħu li tinkludi dan il-katalogu) jikkostitwixxi servizz tal-medja awdjoviżiva on-demand.

45.      Madankollu, jiena nikkunsidra li fl-interpretazzjoni ta’ din id‑definizzjoni, ma hemmx lok li tingħata importanza kbira ħafna lill‑kunċett ta’ katalogu. Id-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 1(1)(g) tad‑Direttiva hija l-istess bħad-definizzjoni tas-servizz awdjoviżiv lineari (jiġifieri x-xandir televiżiv), li tinsab fil-punt (e) tal-istess paragrafu. Il-katalogu fil-kuntest ta’ servizz non-lineari huwa l-ekwivalenti tal‑“iskeda”, jiġifieri tal-organizzazzjoni tal-programmi matul iż-żmien, fil-kuntest tas-servizz lineari. Is-servizz non-lineari huwa differenti mis-servizz lineari preċiżament peress li l-programmi ma jixxandrux f’mument partikolari, iżda huma magħżula mill-utent fil-mument li jixtieq. Għandu għalhekk jeżisti katalogu li minnu l-utent jista’ jagħżel it‑titoli li jinteressawh. Madankollu dan ma għandux jiġi interpretat fis-sens li l-eżistenza ta’ katalogu tippreżumi li s‑servizz jikkostitwixxi servizz tal-medja awdjoviżiva fis-sens tad‑Direttiva 2010/13.

46.      Il-premessi tad-Direttiva 2010/13 jinkludu indikazzjonijiet oħra dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għal dak li jirrigwarda s-servizzi awdjoviżivi non-lineari.

47.      Skont il-premessa 24 tagħha, is-servizzi tal-mejda non-lineari għandhom ikunu “simili għat-televiżjoni”, li jfisser li jindirizzaw l-istess pubbliku. Madankollu huwa diffiċli li jiġi kkunsidrat li t-televiżjoni tindirizza pubbliku partikolari wieħed jew iktar. Hija toffri kontenut diversifikat ħafna, intiż fil-prinċipju għal kull tip possibbli u immaġinabbli ta’ pubbliku, billi jissodisfa t-talba tagħhom fil-qasam tal‑informazzjoni, ta’ divertiment u ta’ edukazzjoni. Din il-premessa għandha pjuttost tiġi analizzata bħala sinjal li l-leġiżlatur ried iżomm kompetizzjoni mingħajr distorsjoni bejn tipi ta’ attivitajiet ekonomiċi simili, billi jissuġġettahom għal dispożizzjonijiet analogi, tal-inqas f’dak li huwa essenzjali. Għalhekk, servizzi non-lineari “simili għat‑televiżjoni” għandhom jinftiehmu b’mod strett; skont l-intenzjoni tal-leġiżlatur, id-Direttiva 2010/13 tista’ tapplika biss sa fejn l-iżvilupp tat-teknoloġiji ta’ telekomunikazzjonijiet joffri, taħt forma non-lineari, l‑istess kontenut bħal dak li qabel kien disponibbli biss fuq it-televiżjoni, jiġifieri fil‑kuntest ta’ servizz lineari. Madankollu l-leġiżlatur ma kellux l-intenzjoni li jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni għall-fenomeni ġodda marbuta mal-ġeneralizzazzjoni tal-internet, u b’mod partikolari tal-broadband internet, bħall-iżvilupp tal-paġni tal-internet multimedja.

48.      Din il-konklużjoni ma titqegħidx fid-dubju mill-bqija tal‑premessa 24 tad-Direttiva 2010/13, li tipprovdi li l-kunċett ta’ programm għandu jkun interpretat b’mod dinamiku billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-iżvilupp fix-xandir televiżiv. Din l-indikazzjoni tfisser sempliċement li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva għal dak li jirrigwarda s-servizzi non-lineari għandu jibqa’ relatat mal-iżvilupp tas-suġġett prinċipali li hija għandha l-għan li tirregola, jiġifieri s‑servizzi lineari. Is-servizzi non-lineari ma jistgħux jikkostitwixxu qasam separat ta’ regolamentazzjoni tad-Direttiva. Dan iġib miegħu l-bżonn li dejjem jibqgħu jiġu inklużi tipi ġodda ta’ kontenut awdjoviżiv, li jista’ ma jkollhom xejn komuni max-xandir televiżiv lineari.

49.      Fl-aħħar nett, skont il-premessa 28 tad-Direttiva 2010/13, il‑kamp ta’ applikazzjoni ma jinkludix il-“verżjonijiet elettroniċi ta’ gazzetti u magazines”. Fl-opinjoni tiegħi, dan il-passaġġ għandu jinqara wkoll fid-dawl tal-livell attwali tal-iżvilupp tas-servizzi tas-soċjetà tal‑informazzjoni. Għalhekk, hawnhekk ma hijiex kwistjoni ta’ servizz li jikkonsisti f’mekkaniżmu ta’ trasferiment tal-kontenut tal-karta tal‑gazzetti u tal-magazines fuq l-internet. L-ewwel nett, tali servizz ma jkollux post għal kontenut awdjoviżiv, li neċessarjament il-medja tal‑karta ma jkollhiex minnu. It-tieni nett, il-paġni tal-internet tal-gazzetti u tal-magazines huma limitati għar-riproduzzjoni taħt forma elettronika tal-artikoli ppubblikati fl-edizzjonijiet tal-karta li dejjem qed jonqsu. Ħafna drabi llum jiġu żviluppati portals li jinkludu, f’numru ferm ikbar mill-verżjonijiet fuq il-karta, elementi ta’ natura differenti inkluż it-tip awdjoviżiv. Dan jirrigwarda l-iktar il-gazzetti, li s-siti internet tagħhom jieħdu, bħala regola ġenerali, il-forma ta’ portals ta’ informazzjoni li jinkludu aħbarijiet kontinwament aġġornati, dokumenti ta’ analiżi, sezzjonijiet speċjalizzati u ddettaljati, eċċ. Is-sit internet ta’ Tiroler Tageszeitung Online jikkostitwixxi preċiżament eżempju ta’ dan. Barra minn hekk, il-portals ta’ dan it-tip ma jiffunzjonawx biss taħt it-titolu tal-gazzetti, iżda jistgħu jkunu wkoll proprjetà ta’ stazzjonijiet televiżivi jew tar-radju, l-iktar dawk ta’ informazzjoni, jew jiffunzjonaw esklużivament bħala portals tal‑internet. Dawn il-kategoriji ta’ portals kollha għandhom il-karatteristiċi speċifiċi tagħhom, iżda għandhom struttura ġenerali u kontenut analogi. Għalhekk li jiġu kkunsidrati b’mod differenti ċerti portals tal-internet ta’ natura informattiva minħabba l-fatt biss li huma proprjetà ta’ gazzetti jew ta’ magazines, huwa fl-opinjoni tiegħi inġustifikat u jwassal għal inugwaljanza fit-trattament. Il-premessa 28 tad‑Direttiva 2010/13 għandha għalhekk tiġi analizzata bħala indikazzjoni tal-fatt li l-leġiżlatur ried jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva kull tip ta’ sit internet ta’ informazzjoni li għandu n-natura ta’ multimedja, jiġifieri li jinkludi fost oħrajn kontenut awdjoviżiv.

 Risposta għad-domandi preliminari

50.      Il-qorti tar-rinviju tagħmel domandi preliminari dwar l‑interpretazzjoni tal-kriterju tal-għan prinċipali, kif ukoll tal-kunċett ta’ programm (24), fil-kuntest ta’ kawża dwar il-klassifikazzjoni, bħala servizz tal-medja awdjoviżiva fis-sens tad-Direttiva 2010/13, tal-parti mis-sit internet ta’ Tiroler Zeitung Online li tinkludi kontenut awdjoviżiv. Madankollu, il-kwistjoni tirrigwarda essenzjalment jekk din id‑direttiva tapplikax għal portals tal-internet ta’ informazzjoni tat-tip multimedja, jiġifieri li jinkludu kemm materjal bil-miktub u fotografiku, kif ukoll awdjo u awdjoviżiv.

51.      Fl-opinjoni tiegħi, il-premessi preċedenti jwasslu għall‑konklużjonijiet segwenti, li huma essenzjali sabiex tingħata risposta għad‑domandi hekk magħmula.

52.      L-ewwel nett, id-Direttiva 2010/13 hija l-konsegwenza diretta tal-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tat-televiżjoni, u l-għan tagħha huwa biss li ddaħħal fil-kamp tar-regolamentazzjoni s-servizzi li jinsabu f’kompetizzjoni diretta mat-televiżjoni, jiġifieri li joffru l-istess kontenut taħt forma non‑lineari.

53.      It-tieni nett, l-għan prinċipali ta’ servizzi tal-medja awdjoviżiva fis-sens tad-Direttiva 2010/13 huwa l-provvista ta’ programmi, jiġifieri elementi ta’ programm tradizzjonali tat-televiżjoni (skeda ta’ programmi fis-sens tat-terminoloġija tad-Direttiva), inkluż meta, fil-każ ta’ servizz non-lineari, dawn il-programmi ma jixxandrux f’mument partikolari, iżda fuq talba tal-utent.

54.      It-tielet nett, u għalkemm b’mod anakronistiku fid-dawl tal-livell attwali ta’ żvilupp tat-teknoloġija tal-internet, il-leġiżlatur indika b’mod ċar fil-premessi tad-Direttiva li ma kellux l-intenzjoni li jdaħħal fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva l-portals tal-internet ta’ informazzjoni.

55.      Portal tal-internet tat-tip tas-sit ta’ Tiroler Tageszeitung Online ma jissodisfax għalhekk ir-rekwiżiti meħtieġa sabiex jitqies li huwa servizz tal-medja awdjoviżiva fis-sens tad-Direttiva. L-ewwel nett, it-tnissil ta’ portals tal-internet multimedja li, minbarra kontenut bil‑miktub u fotografiku, jinkludu materjal awdjo u awdjoviżiv ma huwiex fil-fatt il-konsegwenza tal-iżvilupp teknoloġiku tat-televiżjoni, iżda fenomemu kompletament ġdid, marbut essenzjalment mat-tkabbir tal‑fluss tan-netwerks ta’ telekomunikazzjonijiet. It-tieni nett, in-natura multimedja tal-portals bħas-sit internet ta’ Tiroler Tageszeitung Online ma tippermettix analiżi differenti mill-bqija tal-portal tal‑kontenut awdjoviżiv li jinsab fih, anki jekk dan tal-aħħar ikun miġbur f’sezzjoni separata tal-imsemmi portal. L-essenza ta’ servizz multimedja hija fil-fatt li jingħaqdu forom ta’ messaġġi differenti — bil‑miktub, immaġini u ħsejjes — u l-arkitettura konkreta ta’ portal tikkostitwixxi biss aspett tekniku sekondarju. Fit-tielet u l-aħħar nett, tali portals tal-internet multimedja jikkostitwixxu l-forma attwali ta’ dak li l‑leġiżlatur kien għadu jista’ jikkunsidra bħala l-“verżjonijiet elettroniċi ta’ gazzetti u magazines” fi żmien ix-xogħlijiet relattivi għad-Direttiva dwar is-servizzi awdjoviżivi.

56.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, nikkunsidra li l-Artikolu 1(1)(a)(i) tad-Direttiva 2010/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li la s-sit internet ta’ ġurnal li jinkludi materjal awdjoviżiv, u lanqas kwalunkwe sezzjoni tal-imsemmi sit, ma jikkostitwixxu servizz tal-medja awdjoviżiva fis-sens tal-imsemmija direttiva.

57.      Nixtieq nirrileva wkoll li jiena ma naqbilx mal-preokkupazzjoni li tali interpretazzjoni tippermetti lill-operaturi li effettivament jipprovdu servizzi tal-medja awdjoviżiva li jipproġettaw ruħhom bħala portal ta’ informazzjoni multimedja sabiex b’hekk jevitaw il-leġiżlazzjoni li hija applikabbli għalihom f’dak il-qasam. Huwa evidenti li l-applikazzjoni mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-Istati Membri tad‑dispożizzjonijiet adottati abbażi tad-Direttiva 2010/13 teħtieġ l‑evalwazzjoni tan-natura tas-servizzi eżistenti fis-suq sabiex jiġu kklassifikati bħala servizzi tal-medja awdjoviżiva fis-sens tad‑Direttiva. Ebda dispożizzjoni legali, anki l-iktar waħda preċiża, ma tista’ tissostitwixxi tali evalwazzjoni każ b’każ; dan japplika wkoll fl‑oqsma kollha tad-dritt. L-eventwali diffikultajiet li jirriżultaw minn dan ma jistgħux madankollu jiġġustifikaw interpretazzjoni tad-Direttiva b’mod li tinkludi fil-prattika l-kontenut awdjoviżiv kollu eżistenti fuq l‑internet, u li b’hekk teċċedi l-portata tar-regolamentazzjoni prevista mil‑leġiżlatur.

58.      Nerġa’ ndur issa għaż-żiemel li semmejt fil-bidu ta’ dawn il‑konklużjonijiet. Il-fatt li huwa teoretikament diffiċli li tingħata definizzjoni astratta ta’ servizz tal-medja awdjoviżiva ma jfissirx li fil-prattika ma huwiex faċli li jiġi identifikat tali servizz. Il-maġġoranza kbira tas-servizzi ta’ dan it-tip joffru fuq siti internet feature-length films, serje televiżivi, trażmissjonijiet sportivi, eċċ. Għalhekk dawn jirrigwardaw ġeneru ta’ xandir li huwa faċli li jiġi kklassifikat bħala tipikament televiżiv. Id-dubji għandhom jiġu riżolti skont l-għan tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva, favur in-nuqqas ta’ applikazzjoni tagħha għas-siti internet multimedja. Għalhekk jistgħu jiġu kklassifikati bħala servizzi tal-medja awdjoviżiva biss is-siti li jissodisfaw mingħajr ebda dubju l-kriterji kollha ta’ tali servizz.

59.      Huwa evidenti li l-interpretazzjoni li jiena nipproponi tirrigwarda d-definizzjoni ta’ servizz tal-medja awdjoviżiva abbażi tal‑formulazzjoni attwalment fis-seħħ tad-Direttiva 2010/13. Din id‑direttiva hija r-riżultat tal-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet legali intiżi għax-xandir televiżiv u, kif jirrileva ċertu awtur, għandha natura ttimbrata mis-seklu għoxrin (25). Madankollu dan ma jfissirx li l-kontenut li jinsab fuq l-internet, inkluż dak awdjoviżiv, ma jistax jew ma għandu bl-ebda mod ikun suġġett għal dispożizzjonijiet legali, fosthom dawk tad-dritt tal-Unjoni, għal dak li jirrigwarda kwistjonijiet bħall-protezzjoni tal‑minuri u tal-ordni pubbliku, tar-reklamar jew tal-prinċipju ta’ trażmissjoni ta’ avvenimenti importanti. Madankollu, fl-opinjoni tiegħi dawn għandhom ikunu dispożizzjonijiet adattati għall-karatteristiċi speċifiċi tal-internet, u b’mod partikolari għan-natura multimedja tiegħu. Ix‑xogħlijiet relatati mal-pakkett ġdid ta’ dispożizzjonijiet dwar is-suq diġitali, reċentement imħabbra mill-Kummissjoni (26), jistgħu joffru din l‑okkażjoni.

 Konklużjoni

60.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domandi magħmula mill‑Verwaltungsgerichtshof kif ġej:

L-Artikolu 1(1)(a)(i) tad-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-10 ta’ Marzu 2010, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva) għandu jiġi interpretat fis-sens li la s-sit internet ta’ ġurnal li jinkludi materjal awdjoviżiv, u lanqas ebda sezzjoni tal-imsemmi sit, ma jikkostitwixxu servizz tal-medja awdjoviżiva fis-sens tal-imsemmija direttiva.


1 – Lingwa oriġinali: il-Pollakk.


2 – Chmielowski, B., Nowe Ateny, Lwów 1745‑1746, p. 475.


3 – Eżempju perfett tan-nuqqas ta’ adegwatezza tal-kategoriji legali attwali tagħna mar-realtà l-ġdida hija l-klassifikazzjoni skomda tal-bejgħ tal-kontenut iddematerjalizzat tal-kotba (e-books) bħala “servizz” (ara s-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑479/13, EU:C:2015:141, u Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, C‑502/13, EU:C:2015:143).


4 – ĠU L 95, p. 1.


5 – BGBl. Nru 84/2001, kif emendata.


6 – www.tt.com.


7 – Qed nirreferi għad-dispożizzjonijiet dwar il-kontenut imxandar b’mezzi tal-media awdjoviżiva. Peress li dawn ma jaqgħux taħt din il-kawża, m’iniex ser insemmi d‑dispożizzjonijiet dwar il-funzjonament tan-netwerks ta’ telekomunikazzjonijiet u l‑aċċess għalihom, u lanqas dawk dwar is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni li ma humiex awdjoviżivi, dwar il-protezzjoni tad-dritt tal-awtur, eċċ.


8 – Sentenza Sacchi (155/73, EU:C:1974:40, punt 6).


9 – Televiżjoni mingħajr fruntieri, Green Paper dwar l-istabbiliment tas-suq komuni tax-xandir, b’mod partikolari bis-satellita u bil-cable [COM(84) 300 finali].


10 – Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE, tat-3 ta’ Ottubru 1989, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 6, Vol. 1, p. 224). Ara f’dan ir-rigward, Mik, C., Media masowe w europejskim prawie wspólnotowym, Toruń 1999, p. 239 sa 243.


11 – Direttiva 97/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Ġunju 1997, li temenda d-Direttiva 89/552 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 321).


12 – Ir-raba’ rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-applikazzjoni tad‑Direttiva 89/552/KEE “Televiżjoni mingħajr fruntieri” [COM(2002) 778 finali].


13 – Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Il-futur tal-politika tal-leġiżlazzjoni Ewropea fil-qasam awdjoviżiv [COM(2003) 784 finali].


14 – COM(2005) 464 finali.


15 – Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Diċembru 2007, li temenda d-Direttiva 89/552 (ĠU L 332, p. 27).


16 – Għal iktar dettalji dwar l-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-servizzi awdjoviżivi, ara pereżempju, Chałubińska-Jentkiewicz, K., Audiowizualne usługi medialne. Reglamentacja w warunkach konwersji cyfrowej, Varsavja 2013, p. 78 sa 118; Burri-Nenova, M., The New Audiovisual Media Services Directive: Television Without Frontiers, Television Without Cultural Diversity, Common Market Law Review, Volum 44(2007), p. 1689 (speċjalment p. 1693 et seq).


17 – Ara, pereżempju, Cabrera Blázquez, F.J., On-demand Services: Made in the Likeness of TV?, in: What Is an On-demand Service, IRIS-Plus 2013‑4, European Audiovisual Observatory, Strasbourg 2013, p. 7; Metzdorf, J., The Implementation of the Audiovisual Media Services Directive by National Regulatory Authorities. National Responses to Regulatory Challenges, Journal of Intellectual Property, Information Technology and Electronic Commerce Law, Volum 5(2014), Issue 2, p. 88.


18 – B’dan l-isem jiena nifhem, skont il-perijodu kkonċernat, jew id-Direttiva 89/552, kif emendata mid-Direttiva 2007/165, jew id-Direttiva 2010/13.


19 – COM(2005) 646 finali.


20 – Ara l-premessi 11 u 24 tad-Direttiva 2010/13.


21 – Reding, V., The Audiovisual Media Services Directive: the Right Instrument to Provide Legal Certainty for Europe’s Media Business in the Next Decade, ERA Forum, 2006‑2, p. 265.


22 – L-Artikolu 1(1)(a)(ii) tad-Direttiva 2010/13 isemmi wkoll, fost is-servizzi tal-medja awdjoviżiva, il-komunikazzjoni kummerċjali awdjoviżiva; madankollu m’iniex ser inqajjem dan l-aspett, peress li ma jirrigwardawx is-suġġett ta’ dawn il-konklużjonijiet.


23 – Ara l-aħħar żewġ inċiżi fil-punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


24 – Ara l-punti 36, kif ukoll 42 u 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


25 – Cabrera Blázquez, F.J., op.cit., p. 25.


26 – Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa, COM(2015) 192 final.