Language of document :

Digriet tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Jannar 2024 – TO vs EEA

(Kawża T-417/23) 1

(“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Remunerazzjoni – Allowance ta’ installazzjoni – Eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali – Deċiżjoni mhux ikkontestata fit-termini – Impenn kundizzjonat meħud fil-kuntest ta’ ftehim bonarju – Talba għall-ħlas tal-allowance ta’ installazzjoni abbażi tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal – Inammissibbiltà – Talba għal ordni – Nuqqas manifest ta’ kompetenza”)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: TO (rappreżentant: É. Boigelot, avukat)

Konvenut: Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (rappreżentanti: O. Cornu, aġent, assistit minn B. Wägenbaur, avukat)

Suġġett

Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 270 TFUE, ir-rikorrenti titlob essenzjalment, fl-ewwel lok, li l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) tiġi kkundannata tħallas, minn naħa, ammont ta’ EUR 2 950, li jikkorrispondi għall-ħlas bil-quddiem fuq l-allowance ta’ installazzjoni mnaqqas bis-somom imħallsa lilha fl-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2019, TO vs AEE (T-462/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:397), miżjud bl-interessi bir-rata ta’ 5 % fis-sena mill-1 ta’ Awwissu 2019 u, min-naħa l-oħra, ammont ta’ EUR 22 000 bħala kumpens għad-danni materjali u morali li hija sofriet u, fit-tieni lok, li tagħtiha spjegazzjoni li tippermettilha tifhem x’inhu t-tnaqqis supplimentari ta’ EUR 500 li jidher fuq ir-rendikont tar-remunerazzjoni tagħha għax-xahar ta’ Awwissu 2019 u, jekk ikun il-każ, tirrimborsa dan l-ammont jekk dan l-irkupru ma jkunx fondat.

Dispożittiv

Ir-rikors huwa miċħud parzjalment minħabba n-nuqqas manifest ta’ kompetenza tal-Qorti Ġenerali sabiex tieħu konjizzjoni tiegħu, parzjalment bħala inammissibbli u parzjalment bħala manifestament infondat fid-dritt.

TO hija kkundannata għall-ispejjeż.

____________

1     ĠU C, C/2023/50, 9.10.2023.