Language of document : ECLI:EU:T:2009:27

Kawża T-145/06

Omya AG

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Kompetizzjoni — Konċentrazzjonijiet — Talba għal informazzjoni — Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 — Natura neċessarja tal-informazzjoni mitluba — Proporzjonalità — Terminu raġonevoli — Abbuż ta’ poter — Ksur tal-aspettattivi leġittimi”

Sommarju tas-sentenza

1.      Rikors għal annullament — Ġurisdizzjoni tal-qorti Komunitarja — Talbiet intiżi li tinkiseb ordni diretta lil istituzzjoni — Talbiet intiżi li tinkiseb sentenza dikjaratorja —Inammissibbiltà

(Artikolu 230 KE)

2.      Kompetizzjoni — Konċentrazzjonijiet — Eżami mill-Kummissjoni — Deċiżjoni li tintalab informazzjoni indirizzata lill-partijiet notifikanti — Talba għall-korrezzjoni tal-informazzjoni kkomunikata — Kundizzjonijiet

(Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikoli 2 u 11)

3.      Kompetizzjoni — Konċentrazzjonijiet — Eżami mill-Kummissjoni — Evalwazzjonijiet ta’ natura ekonomika — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikoli 2 u 11)

4.      Kompetizzjoni — Konċentrazzjonijiet — Eżami mill-Kummissjoni — Deċiżjoni ta’ talba għal informazzjoni indirizzata lill-partijiet notifikanti — Talba għall-korrezzjoni tal-informazzjoni kkomunikata — Sospensjoni tat-termini

(Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikoli 10 u 11)

5.      Kompetizzjoni — Konċentrazzjonijiet — Eżami mill-Kummissjoni — Deċiżjoni ta’ talba għal informazzjoni indirizzata lill-partijiet notifikanti — Dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li ma tippermettiex li tiġi ddeterminata n-neċessità jew l-eżattezza tal-informazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikoli 2, 11 u 18(3))

6.      Kompetizzjoni — Konċentrazzjonijiet — Eżami mill-Kummissjoni — Deċiżjoni ta’ talba għal informazzjoni indirizzata lill-partijiet notifikanti — Talba għall-korrezzjoni tal-informazzjoni kkomunikata

(Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikolu 11)

7.      Kompetizzjoni — Konċentrazzjonijiet — Eżami mill-Kummissjoni — Deċiżjoni ta’ talba għal informazzjoni indirizzata lill-partijiet notifikanti — Talba għall-korrezzjoni tal-informazzjoni kkomunikata

(Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikolu 11)

1.      Il-Qorti tal-Prim’Istanza mhijiex kompetenti, fil-kuntest tal-istħarriġ ta’ legalità abbażi tal-Artikolu 230 KE, sabiex tagħti sentenzi dikjaratorji jew ordnijiet, anke jekk dawn jirrigwardaw il-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tas-sentenzi tagħha, b’mod li talba intiża sabiex hija tiddeċiedi dwar il-konsegwenzi tal-annullament tal-att ikkontestat għandha tiġi ddikjarata bħala manifestament inammissibbli.

(ara l-punt 23)

2.      Il-Kummissjoni ma tistax teżerċita l-poteri mogħtija lilha mill-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 139/2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi, ħlief fil-każ fejn hija tqis li ma jkollhiex l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tal-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni kkonċernata mas-suq komuni.

F’dan ir-rigward, fid-dawl tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar konċentrazzjoni, il-Kummissjoni għandha teżamina, skont b’mod partikolari l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 139/2004, l-effetti tal-operazzjoni kkonċernata fuq is-swieq kollha li fir-rigward tagħhom jeżisti riskju li kompetizzjoni effettiva tiġi ostakolata b’mod sinjifikattiv fis-suq komuni jew f’parti sostanzjali tiegħu.

Barra minn hekk, il-fatt li l-eżiġenza tan-neċessità għandha tiġi interpretata b’riferiment għad-deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà mas-suq komuni tal-konċentrazzjoni kkonċernata jimplika li n-neċessità tal-informazzjoni prevista minn talba skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 139/2004 għandha tiġi evalwata b’riferiment għall-mod kif il-Kummissjoni, fil-mument tal-formulazzjoni tat-talba inkwistjoni, setgħet leġittimament tifhem il-portata tal-informazzjoni neċessarja għall-eżami tal-konċentrazzjoni. Għaldaqstant, din l-evalwazzjoni ma tistax tiġi bbażata fuq in-neċessità reali tal-informazzjoni għall-iżvolġiment tal-proċedura quddiem il-Kummissjoni, li tiddependi fuq numru kbir ta’ fatturi u għaldaqstant ma tistax tiġi ddeterminata b’ċertezza fil-mument tal-formulazzjoni tat-talba għal informazzjoni.

F’dan ir-rigward, għalkemm il-fatt li l-informazzjoni prevista minn talba skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 139/2004 sussegwentement intużat jista’ jindika n-neċessità tagħha, madankollu n-nuqqas ta’ użu tagħha mhuwiex ekwivalenti għal prova tal-kuntrarju.

Fir-rigward tal-każ partikolari ta’ deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 139/2004, li permezz tagħha l-Kummissjoni titlob il-korrezzjoni tal-informazzjoni kkomunikata minn parti notifikanti li tirriżulta ineżatta, in-neċessità ta’ tali korrezzjoni għandha tiġi evalwata skont il-kriterju tan-natura sostanzjali tal-iżbalji identifikati, li huwa adegwat fid-dawl tal-kliem u tal-istruttura tal-imsemmi regolament. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tista’ titlob il-korrezzjoni tal-informazzjoni kkomunikata minn parti li tiġi identifikata bħala żbaljata jekk jeżisti riskju li l-iżbalji identifikati jista’ jkollhom impatt sinjifikattiv fuq l-evalwazzjoni tagħha tal-kompatibbiltà tal-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni inkwistjoni mas-suq komuni. M’hemmx lok li dan il-kriterju jiġi interpretat strettament, peress li l-ħtieġa ta’ ħeffa li tikkaratterizza l-istruttura ġenerali tar-Regolament Nru 139/2004 għandha tiġi kkonċiljata mal-għan ta’ kontroll effettiv tal-kompatibbiltà tal-konċentrazzjonijiet mas-suq komuni, li l-Kummissjoni għandha twettaq b’attenzjoni kbira u li jeħtieġ li hija tikseb l-informazzjoni kompleta u eżatta.

(ara l-punti 24, 28-31, 33, 41, 42, 45, 60, 61)

3.      Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-konċentrazzjonijiet, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali fil-qasam ekonomiku u l-istħarriġ eżerċitat mill-qorti Komunitarja għandu jkun limitat għall-verifika tar-rispett tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni, kif ukoll tal-eżattezza materjali tal-fatti, tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ abbuż ta’ poter. Madankollu, dan il-fatt ma jfissirx li l-qorti Komunitarja għandha toqgħod lura milli tistħarreġ l-interpretazzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ informazzjoni ta’ natura ekonomika u, b’mod partikolari, l-evalwazzjoni tagħha tan-neċessità tal-informazzjoni mitluba skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 139/2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi, kif ukoll tan-natura sostanzjali tal-iżbalji li allegatament fiha din l-informazzjoni.

(ara l-punt 32)

4.      L-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat mogħtija lilha mill-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 139/2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi, huwa suġġett għall-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jitlob li l-atti tal-istituzzjonijiet Komunitarji ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet segwiti. B’mod partikolari, għandu jingħad li l-obbligu li tipprovdi informazzjoni, impost fuq impriża, ma jirrappreżentax għal din tal-aħħar oneru sproporzjonat fil-konfront tan-neċessitajiet tal-investigazzjoni.

Fir-rigward ta’ deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 11(3), tar-Regolament Nru 139/2004, li permezz tagħha l-Kummissjoni titlob il-korrezzjoni tal-informazzjoni kkomunikata minn parti notifikanti li tirriżulta ineżatta, peress li t-tul tas-sospensjoni tat-termini stabbiliti fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 139/2004, li tirriżulta mill-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni, jiddependi mid-data tal-komunikazzjoni tal-informazzjoni neċessarja, il-Kummissjoni ma tiksirx il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi tissospendi l-proċedura sakemm tali informazzjoni tiġi kkomunikata lilha.

(ara l-punt 34)

5.      Fil-kuntest ta’ proċedura ta’ kontroll ta’ operazzjoni ta’ konċentrazzjoni li tagħti lok għal talba għal informazzjoni permezz ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 139/2004, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma tippermettix li tiġi ddeterminata b’mod eżawrjenti l-informazzjoni li l-Kummissjoni kkunsidrat bħala neċessarja fil-mument tal-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni. Fil-fatt, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet telenka biss l-evalwazzjonijiet li jwasslu lill-Kummissjoni tidentifika l-problemi ta’ kompetizzjoni potenzjali u għaldaqstant tħalli barra, bħala prinċipju, is-swieq li fuqhom ma ġie identifikat l-ebda riskju. Għaldaqstant, is-suġġett tagħha huwa kunsiderevolment iktar limitat minn dak tal-eżami mwettaq preċedentement mill-Kummissjoni. Id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lanqas ma tikkostitwixxi element determinanti fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-pożizzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-eżattezza tal-informazzjoni użata fl-eżami tagħha tal-konċentrazzjoni nnotifikata.

(ara l-punti 46, 77)

6.      Il-kunċett ta’ abbuż ta’ poter jirreferi għall-fatt li awtorità amministrattiva tkun użat il-poteri tagħha għal għan differenti minn dak li għalih hija tkun ingħatat dawn il-poteri. Deċiżjoni tkun ivvizzjata minn abbuż ta’ poter biss jekk jidher, abbażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti, li din ittieħdet għal għan bħal dan. Fil-każ li jkun hemm diversi għanijiet, anki jekk motiv mhux iġġustifikat ikun inkluż fost motivi validi, id-deċiżjoni xorta waħda ma tkunx mittiefsa minn abbuż ta’ poter sakemm din ma tissagrifikax l-għan essenzjali.

In-nuqqas ta’ prova ta’ ksur tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ ma jaffettwax l-eventwali eżistenza ta’ abbuż ta’ poter mill-awtorità amministrattiva.

Deċiżjoni tal-Kummissjoni, skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 139/2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi, li titlob il-korrezzjoni tal-informazzjoni kkomunikata minn parti notifikanti li tkun ineżatta, tkun ivvizzjata minn abbuż ta’ poter jekk ikunu jeżistu indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti li jindikaw li din ġiet adottata mill-Kummissjoni sabiex tikseb sospensjoni tat-terminu għall-eżami tal-konċentrazzjoni pjuttost milli sabiex tikseb korrezzjoni tal-informazzjoni neċessarja għal dan l-istess eżami. F’dan ir-rigward, il-fatt li l-Kummissjoni tfittex sistematikament żbalji waqt verifiki supplimentari tal-eżattezza tal-informazzjoni kkomunikata mill-partijiet notifikanti ma jurix abbuż ta’ poter. Il-fatt li l-Kummissjoni tibda l-formulazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ talba għal informazzjoni supplimentari qabel ma tkun evalwat l-impatt tal-iżbalji fuq l-evalwazzjoni tagħha lanqas ma jikkostitwixxi indizju tal-eżistenza ta’ abbuż ta’ poter.

(ara l-punti 98-100, 106, 109)

7.      Id-dritt li jintalab il-ħarsien tal-aspettattivi leġittimi jippresupponi s-sodisfazzjoni ta’ tliet kundizzjonijiet. Fl-ewwel lok, għandhom ikunu ngħataw garanziji preċiżi, mingħajr kundizzjoni u konkordnati, li jirriżultaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli, lill-partijiet ikkonċernati mill-amministrazzjoni Komunitarja. Fit-tieni lok, dawn il-garanziji għandhom ikunu tali li jnisslu aspettattiva leġittima fil-persuna indirizzata. Fit-tielet lok, dawn il-garanziji għandhom ikunu konformi mar-regoli applikabbli.

Fil-kuntest tal-kontroll tal-operazzjonijiet ta’ konċentrazzjonijiet, il-Kummissjoni tista’, mingħajr ma tikser l-aspettattivi leġittimi tal-partijiet notifikanti, tqis għall-ewwel li l-informazzjoni pprovduta minn dawn tal-aħħar hija kompleta u eżatta u imbagħad terġa’ lura minn din l-evalwazzjoni.

Fil-fatt, fl-interess ta’ kontroll effikaċi tal-operazzjonijiet ta’ konċentrazzjonijiet u fid-dawl tal-obbligu tal-Kummissjoni li teżamina, b’attenzjoni kbira, l-effetti tal-operazzjoni kkonċernata fuq is-swieq potenzjalment affettwati kollha, din għandha żżomm il-possibbiltà li titlob il-korrezzjoni tal-informazzjoni essenzjalment mhux eżatta kkomunikata mill-partijiet u neċessarja għall-eżami tagħha, u l-motivi li wassluha sabiex tivverifika mill-ġdid l-eżattezza tagħha huma mingħajr impatt f’dan ir-rigward.

Barra minn hekk, sa fejn l-eżami tal-Kummissjoni għandu jitwettaq f’termini relattivament stretti u sa fejn il-partijiet f’konċentrazzjoni huma marbuta jikkomunikaw lill-Kummissjoni informazzjoni eżatta u kompleta, il-proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet tistrieħ neċessarjament, fil-parti l-kbira tagħha, fuq il-fiduċja, peress li l-Kummissjoni ma tistax tkun marbuta tivverifika immedjatament u fid-dettal l-eżattezza tal-informazzjoni kollha mibgħuta mill-imsemmija partijiet.

Fuq kollox il-verifiki mwettqa mill-Kummissjoni wara li tirċievi informazzjoni ma jwasslux neċessarjament għall-iskoperta tal-ineżattezzi sostanzjali kollha li jistgħu jaffettwaw din tal-aħħar.

Il-partijiet notifikanti ma jistgħux jinvokaw l-eżistenza ta’ aspettattivi leġittimi sabiex jevitaw il-konsegwenzi tal-ksur tal-obbligu li jipprovdu informazzjoni kompleta u eżatta għas-sempliċi raġuni li dan il-ksur ma ġiex innotat mill-Kummissjoni waqt il-verifiki msemmija iktar ’il fuq.

Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li l-Kummissjoni rreaġixxiet, fl-imgħoddi, għall-komunikazzjoni tal-informazzjoni f’terminu ta’ xi ġranet ma jikkostitwix garanzija suffiċjentement preċiża li l-Kummissjoni, fil-futur, ma kinitx se tirrispondi għal komunikazzjoni ta’ informazzjoni wara li jkun għadda dan it-terminu.

Fl-aħħar, il-prassi tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ deċiżjonijiet li jirrigwardaw in-natura kompleta tal-informazzjoni nnotifikata fil-kuntest tal-eżami ta’ konċentrazzjoni nnotifikata ma tistax tiġi invokata fir-rigward ta’ deċiżjoni li tirrigwarda l-eżattezza ta’ informazzjoni u li mhijiex għaldaqstant ta’ natura li toħloq aspettattivi leġittimi.

(ara l-punti 68, 117-120, 122, 123)