Language of document : ECLI:EU:T:2009:181

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla)

9 ta’ Ġunju 2009 (*)

“Rikors għal annullament – Għajnuna mill-Istat –Regolament (KE) Nru 659/1999 – Ilment ta’ kompetitur – Ittri tal-Kummissjoni lil persuna li tilmenta – Għajnuna eżistenti – Att li ma jistax jiġi kkontestat – Inammissibbiltà”

Fil-Kawża T‑152/06,

NDSHT Nya Destination Stokkolma Hotell & Teaterpaket AB, stabbilita fi Stokkolma (l-Isvezja), irrappreżentata minn M. Merola u L. Armati, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn T. Scharf, bħala aġent,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjoni li tinsab fl-ittri tal-Kummissjoni, tal-24 ta’ Marzu u tat-28 ta’ April 2006, indirizzati lil NDSHT, li jirrigwardaw l-ilment dwar għajnuna mill-Istat allegatament illegali mogħtija mill-belt ta’ Stokkolma lil Stokkolma Visitors Board AB (Każ CP 178/04 – Allegazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat favur SVB AB),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (L-Ewwel Awla),

komposta minn V. Tiili, President tal-Awla, F. Dehousse u I. Wiszniewska-Białecka (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: C. Kantza, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-1 ta’ Lulju 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, NDSHT Nya Destination Stockholm Hotell & Teaterpaket AB, hija kumpannija rregolata bil-liġi Svediża li teżerċita attivitajiet relatati mal-ivjaġġar fi Stokkolma permezz tas-sit Internet tagħha. Hija toffri servizz globali li jinkludi r-riżervazzjoni ta’ kmamar f’lukanda u biljett turistiku bl-isem “Stockholm Card” li tippermetti lid-detenturi tagħha jkollhom aċċess għal diversi servizzi u infrastrutturi fil-belt ta’ Stokkolma, bħal musewijiet u t-trasport lokali. Hija kienet ġiet stabbilita fl-2001 wara l-irtirar ta’ operaturi privati ta’ Destination Stockholm AB (DSAB).

2        DSAB kienet ġiet stabbilita fl-1980, permezz ta’ deċiżjoni tal-belt ta’ Stokkolma u tal-Kunsill tal-kontea ta’ Stokkolma. DSAB kienet sħubija bejn operaturi privati tas-settur tat-turiżmu u l-belt ta’ Stokkolma permezz tal-Fondazzjoni Muniċipali Stockholm Information Services (SIS) (iktar ’il quddiem il-“Fondazzjoni SIS”). Din kienet kumpannija sussidjarja b’maġġoranza miżmuma mill-Fondazzjoni SIS, li hija stess kienet ġiet stabbilita fl-1978 biex twettaq operazzjonijiet ta’ promozzjoni turistika fil-belt ta’ Stokkolma u kienet ikkontrollata u ffinanzjata konġuntament mill-belt ta’ Stokkolma u l-kontea ta’ Stokkolma. Sa mill-1980, DSAB kienet tipprovdi akkomodazzjoni f’lukandi bi prezzijiet imnaqqsa f’Stokkolma u numru ta’ servizz konnessi mat-turiżmu b’mod partikolari permezz ta’ biljett imsejjaħ l-“iStockholm Card”.

3        Fl-2001, wara l-irtirar ta’ operaturi privati ta’ DSAB, l-awtoritajiet ta’ Stokkolma ddeċidew li jorganizzaw mill-ġdid lil DSAB billi għaqdu l-bqija tal-attivitajiet tagħha ma’ dawk tal-Fondazzjoni SIS. Fl-1 ta’ Jannar 2002, DSAB bidlet isimha u saret Stockholm Visitors Board AB (iktar ’il quddiem “SVB”), kumpannija li hija l-proprjetà tal-belt ta’ Stokkolma permezz ta’ diversi kumpanniji sussidjarji. Mill-2002, SVB kienet inkarigata mill-provvista ta’ informazzjoni turistika u mill-promozzjoni tar-reġjun ta’ Stokkolma, attivitajiet li preċedentement kienu jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Fondazzjoni SIS. B’konnessjoni ma’ dawn l-attivitajiet ta’ informazzjoni turistika, SVB teżerċita wkoll attivitajiet kummerċjali li jikkonsistu, b’mod partikolari, f’servizzi ta’ riżervazzjoni ta’ kmamar f’lukanda u l-bejgħ tal-“iStockholm Card” li toffri aċċess b’xejn għal xi siti u infrastrutturi fil-belt ta’ Stokkolma.

4        Fit-23 ta’ Settembru 2004, ir-rikorrenti bagħtet lill-Kummissjoni informazzjoni dwar is-sussidji annwali mogħtija mill-belt ta’ Stokkolma lil SVB għas-snin 2003, 2004 u 2005, fejn allegat li dawn is-sussidji huma għajnuna mill-Istat mogħtija mir-Renju tal-Isvezja bi ksur tal-Artikolu 88(3) KE. L-għajnuna mill-Istat, bħala dik deskritta f’dan l-ilment u f’osservazzjonijiet sussegwenti ppreżentati mir-rikorrenti, hija kostitwita minn allokazzjonijiet annwali tal-baġit tal-belt ta’ Stokkolma favur SVB, ir-rimbors regolari mill-kumpannija parent ta’ SVB tat-telf tagħha qabel it-taxxa u l-aċċess preferenzjali għal infrastrutturi pubbliċi, bħal parking bi ħlas ġestit mill-belt ta’ Stokkolma.

5        Fl-ilment tagħha, ir-rikorrenti sostniet li, fin-nuqqas ta’ garanzija tan-nuqqas ta’ kumpens żejjed tal-attivitajiet ta’ informazzjoni pubblika, l-ammonti mogħtija mill-belt ta’ Stokkolma setgħu jiġu użati minn SVB sabiex tiffinanzja l-attivitajiet kummerċjali li hija twettaq minbarra l-attivitajiet tagħha ta’ informazzjoni pubblika b’kompetizzjoni ma’ impriżi nazzjonali u internazzjonali oħra, u b’hekk tiġi distorsjoni tal-kompetizzjoni. Fin-nuqqas ta’ approvazzjoni mill-Kummissjoni din l-għajnuna għandha tiġi kkunsidrata bħala illegali u inkompatibbli mas-suq komuni.

6        Ir-rikorrenti għalqet l-ilment tagħha permezz ta’ memorandums li jiddeskrivu fid-dettall l-istorja, l-organizzazzjoni u l-attivitajiet ta’ SVB u talbet lill-Kummissjoni tadotta miżuri interim skont l-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88] tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), sakemm hija tieħu deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni, sabiex jiġi evitat li r-rikorrenti ssoffri danni sostanzjali u irreparabbli.

7        Il-Kummissjoni eżaminat l-ilment permezz ta’ talbiet għal informazzjoni mibgħuta lill-awtoritajiet Svedizi kif ukoll permezz ta’ skambji ta’ korrispondenza u laqgħat mar-rappreżentanti ta’ dawn l-awtoritajiet u tar-rikorrenti. B’mod partikorlari, l-awtoritajiet Svedizi bagħtu lill-Kummissjoni informazzjoni li b'mod partikolari tinkludi deskrizzjonijiet dettaljati dwar l-iżvilupp matul it-30 sena ta’ attivitajiet ta’ promozzjoni turistika tal-belt ta’ Stokkolma. Huma bagħtu wkoll lill-Kummissjoni estratt mill-atti adottati mill-belt ta’ Stokkolma sabiex isiru l-organizzazzjonijiet mill-ġdid li dawn l-attivitajiet kienu s-suġġett tagħhom, informazzjoni finanzjarja għal kull attività tal-Fondazzjoni SIS u ta’ DSAB għas-snin 1995 sa 2001, kif ukoll informazzjoni dwar il-kontribuzzjonijiet mogħtija lil SVB mill-belt ta’ Stokkolma matul is-snin 2002, 2003 u 2004 u previżjonijiet għas-sena 2005.

8        Fl-24 ta’ Marzu 2006, id-Direttur tad-Direttorat “Għajnuna mill-Istat 1: Koeżjoni u kompetizzjoni” tad-Direttorat Ġenerali tal-Kompetizzjoni tal-Kummissjoni inkarigat mill-fajl (iktar ’il quddiem id-“Direttur tas-servizz tal-Kummissjoni inkarigat mill-fajl”) bagħat lir-rikorrenti ittra redatta kif ġej:

“IL-KUMMISSJONI EWROPEA

DĠ Kompetizzjoni

Għajnuna mill-Istat 1: Koeżjoni u kompetizzjoni

Id-Direttur […]

Suġġett : CP 178/2004 – Allegazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat favur SVB AB

[…]

Qed nirreferi għall-ittri tiegħek tat-23 ta’ Settembru 2004, tat-22 ta’ Diċembru 2004, tal-10 ta’ Jannar 2005, tad-19 ta’ April 2005 u tal-14 ta’ Frar 2006 li jirrigwardaw l-ilment imsemmi fis-suġġett.

Nixtieq ninformak li, abbażi tal-informazzjoni disponibbli, is-servizzi kompetenti tad-Direttorat Ġenerali tal-Kompetizzjoni wasslu għall-konklużjoni li ma hemmx raġunijiet suffiċjenti li jiġġustifikaw it-tkomplija tal-eżami tal-ilment tiegħek. Kif digà taf, aħna rċevejna mingħand l-Istat Membru kkkonċernat numru pjuttost sinjifikattiv ta’ informazzjoni mibgħuta bil-posta u waqt il-laqgħat. Il-fatti u ċ-ċirkustanzi kollha kienu s-suġġett ta’ eżami fil-fond u ġew analizzati. L-ilment tal-klijent tiegħek ġie meħud inkunsiderazzjoni b’mod serju ħafna, u aħna għamilna dak kollu li kien possibbli sabiex jiġi identifikat ksur possibbli mal tal-Artikolu 87[(1)] KE.

Mill-analiżi tagħna jirriżulta li l-attivitajiet konnessi mal-‘iStockholm Card’ u mar-riżervazzjonijiet ta’ kmamar f’lukanda (bl-eċċezzjoni għall-postijiet ta’ parking inklużi fl-iStockholm Card’) huma mwettqa skont il-kundizzjonijiet tas-suq. Għaldaqstant dawn l-attivitajiet mhumiex iffinanzjati permezz ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87[(1)] KE. Rigward l-użu bla ħlas ta’ ċerti postijiet ta’ parking, jista’ jiġi sostnut li dan ma għandux effett fuq il-kummerċ, u anki jekk dan kien il-każ, din l-għajnuna kienet inkluża fl-‘iStockholm Card’ sew qabel ma’ l-Isvezja aderiet mal-Unjoni Ewropea fl-1995, u għaldaqstant kienet tikkostitwixxi għajnuna eżistenti. Barra minn hekk, mill-1 ta’ Jannar 2006, dan is-servizz ma għadux iktar inkluż fl-‘iStockholm Card’.

Fir-rigward tal-attivitajiet l-oħrajn (provvista ta’ informazzjoni turistika, eċċ), jidher li dawn jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet li jirregolow is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (SIEĠ). Ma jidhirx li jeżistu sussidji trażversali favur attivitajiet ekonomiċi. Fil-każ fejn il-kumpens għas-SIEĠ ikun ikklassifikat bħala għajnuna mill-Istat, tali għajnuna tkun madankollu mogħtija taħt l-istess kundizzjonijiet sa minn ħafna qabel l-1995, u tikkostitwixxi, għaldaqstant, għajnuna eżistenti.

Fil-qosor, ir-riċerki fil-fond li aħna għamilna fuq dan l-ilment juru li aħna għandna quddiemna għajnuna eżistenzi u mhux għajnuna illegali, li f’kull każ hija kompatibbli mas-suq komuni. Peress li ma hemmx lok li tiġi implementata l-proċedura tal-miżuri xierqa previsti fl-Artikolu 88[(1)] KE, aħna ma għandniex l-intenzjoni nadottaw miżura oħra f’dan il-każ.

Madankollu, nixtieq niġbidlek l-attenzjoni għall-fatt li jekk, kuntrarjament għas-servizzi tiegħi, inti madankollu konvint li kienet ġiet imħallsa għajnuna illegali, l-Artikolu 87[(1)] KE għandu effett dirett u joħloq drittijiet favur l-individwi li l-qrati nazzjonali għandhom jipproteġu. Għaldaqstant inti tista’ tressaq dan il-każ quddiemhom.

[…]” 

9        Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ April 2006, ir-rikorrenti informat lill-Kummissjoni li mill-ittra tal-24 ta’ Marzu 2006 hija ddeduċiet li l-eżami tal-finanzjament mogħti mill-belt ta’ Stokkolma lil SVB kien wassal lill-Kummissjoni tiċħad l-ilment tagħha u tadotta deċiżjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fir-rigward tal-allegata għajnuna bis-saħħa tal-Artikolu 13 u l-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 659/1999. Ir-rikorrent talbet lill-Kummissjoni tibagħtilha kopja ta’ din id-deċiżjoni, skont l-Artikolu 20 tal-istess regolament.

10      Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ April 2006 (iktar ’il quddiem, flimkien mal-ittra tal-24 ta’ Marzu 2006, l-“ittri kkontestati”), id-Direttur tas-servizz tal-Kummissjoni inkarigat mill-fajl irrisponda lir-rikorrenti b’dawn il-kliem.

“IL-KUMMISSJONI EWROPEA

DĠ Kompetizzjoni

Għajnuna mill-Istat 1: Koeżjoni u kompetizzjoni

Id-Direttur[…]

Suġġett: CP 178/2004 – Allegazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat favur ta’ SVB AB

[…]

Qed nirreferi għall-ittra tiegħek tal-5 ta’ April 2006 dwar l-għajnuna msemmija fis-suġġett.

Kif spjegajt fl-ittra tiegħi tal-24 ta’ Marzu 2006, is-servizzi tal-Kummissjoni waslu għall-konklużjoni li ma hemmx raġunijiet biżżejjed sabiex jiġġustifikaw it-tkomplija tal-eżami tal-ilment tagħkom. Fil-fatt, mill-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Svedizi bil-posta u waqt laqgħat jirriżulta li l-miżuri allegati ma jikkostitwixxux għajnuna mill-istat illegali.

Għaldaqstant, aħna ma nistgħux nipprovduk b’deċiżjoni tal-Kummisjsoni skont l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 459/1999, kif inti tlabt fl-ittra tiegħek.

[…]”

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

11      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-6 ta’ Ġunju 2006, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

12      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-1 ta’ Settembru 2006, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

13      Fid-9 ta’ Novembru 2006, ir-rikorrenti ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

14      Permezz ta’ digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza (Ir-Raba’ Awla) tal-15 ta’ Marzu 2007, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ġiet magħquda mal-mertu u l-ispejjeż ġew irriżervati.

15      Fit-3 ta’ Mejju 2007, il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta tagħha.

16      Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Ġunju 2007, ir-rikorrenti rrinunzjat milli tippreżenta replika.

17      Billi l-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti tal-Prim’Istanza nbidlet, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lill-Ewwel Awla, li lilha, għaldaqstant, ġiet assenjata din il-kawża.

18      Abbażi tar-rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (L-Ewwel Awla) iddeċidiet li tibda l-proċedura orali.

19      It-trattazzjonijiet tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu fis-seduta tal-1 ta’ Lulju 2008. Il-Qorti tal-Prim’Istanza talbet lill-Kummissjoni tippreżenta ċerti dokumenti f’terminu ta’ ġimgħatejn. Il-Kummissjoni ppreżentat dawn id-dokumenti fil-11 ta’ Lulju 2008. B’ittra tas-6 ta’ Awwissu 2008, ir-rikorrenti ressqet l-osservazjonijiet tagħha fuq dawn id-dokumenti.

20      Fit-23 ta’ Jannar 2009, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li tagħlaq il-proċedura orali.

21      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà u tiddikjara r-rikors ammissibbli;

–        tannulla d-deċiżjoni inkluża fl-ittri kkontestati;

–        tordna lill-Kummissjoni tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 88(2) KE;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

22      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 L-argumenti tal-partijiet

23      Il-Kummissjoni ssostni li l-ittri kkontestati ma jikkostitwixxux deċiżjoni tal-Kummissjoni, la separatament u lanqas flimkien, u għaldaqstant ma jikkostitwixxux att li jista’ jiġi kkontestat. Għalhekk, ir-rikors huwa inammissibbli.

24      Fl-ewwel lok, l-ittri kkontestati ma għandhomx kontenut deċiżjonali. Skont il-ġurisprudenza, mhuwiex biżżejjed li ittra tintbagħat minn Istituzzjoni Komunitarja b’risposta għal talba, sabiex din tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 230 KE. L-ittra tal-24 ta’ Marzu 2006 tindika li kienu s-servizzi kompetenti tad-Direttorat Ġenerali tal-Kompetizzjoni, u mhux il-Kummissjoni jew il-membru tal-Kummissjoni inkarigat mill-affarijiet ta’ kompetizzjoni, li waslu għall-konklużjoni li ma titkomplix l-inkjesta. L-ittra tat-28 ta’ April 2006 kienet espressament tipprovdi, b’risposta għat-talba tar-rikorrenti, li ma kienx hemm deċiżjoni tal-Kummissjoni li setgħet tiġi kkomunikata lilha. Il-Kummissjoni ma kinitx adottat pożizzjoni definittiva. Barra minn hekk, f’diversi drabi fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssostni n-nuqqas ta’ pożizzjoni finali tal-Kummissjoni. L-ittri kkontestati kienu intiżi sabiex jinformaw lir-rikorrenti li s-servizzi tal-Kummissjoni ma kinux sabu raġunijiet biżżejjed biex tingħata opinjoni dwar il-każ jew sabiex titkompla l-investigazzjoni tal-allegata għajnuna. Il-fatt li, għat-trasparenza, is-servizzi tal-Kummissjoni jagħtu r-riflessjonijiet tagħhom fuq il-każ ma jimpedixxix li l-ittri kkontestati jitqiesu bħala informazzjoni fis-sens tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 659/1999.

25      L-argument tar-rikorrenti, ibbażat fuq in-natura irrelevanti tal-forma li fiha deċiżjoni allegata kienet ġiet adottata, huwa mingħajr rilevanza f’dan il-każ inkwantu r-rikorrenti għandha turi li l-ittri kkontestati jikkostitwixxu deċiżjoni permezz tal-kontenut tagħhom. Peress li l-ittri kkontestati ma kellhom l-ebda effett legali fuq il-pożizzjoni tar-rikorrenti, dawn ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala deċiżjoni. Barra minn hekk, l-ittri kkontestati ma jsemmux bażi legali, dawn kienu ġew mibgħuta mis-servizzi tad-Direttorat Ġenerali tal-Kompetizzjoni u mhux mill-Kummissjoni bħala kulleġġ jew mill-membru tal-Kummissjoni awtorizzat għal dan il-għan u dawn kienu indirizzati lir-rikorrenti u mhux lir-Renju tal-Isvezja. Dawn huma indikazzjonijiet addizzjonali li l-ittri kkontestati, separatament jew flimkien, ma jinkludux deċiżjoni tal-Kummissjoni.

26      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li hija ma adottatx deċiżjoni u lanqas pożizzjoni definittiva. Fl-ittri kkontestati, il-Kummissjoni ma indikatx li hija kienet adottat deċiżjoni skont l-Artikolu 13 jew l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999. Il-fatt li r-rikorrenti, fl-ittra tal-5 ta’ April 2006, titlob lill-Kummissjoni tibgħatilha deċiżjoni, juri li hija ma kinitx tqis l-ittra tal-24 ta’ Marzu 2006 bħala deċiżjoni. L-ittra tat-28 ta’ April 2007 sempliċiment tinforma lir-rikorrenti li ebda deċiżjoni ma tista’ tingħatalha. L-għaqda ta’ dawn iż-żewġ ittri, li ebda waħda minnhom ma tikkostitwixxi deċiżjoni, ma tistax tikkostitwixxi deċiżjoni. Il-Kummissjoni ssostni li, fil-każ li l-każ kien jirrigwarda għajnuna illegali, hija ma adottat l-ebda waħda mid-deċiżjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999 u lanqas iddikjarat definittivament li l-miżuri inkwistjoni kienu għajnuna eżistenti. Is-servizzi tal-Kummissjoni ma kinux qabżu l-istadju tal-proċedura li kienet tippreċedi dik fejn il-Kummissjoni għandha tagħżel li tieħu deċiżjoni. Inkwantu r-rikorrenti tidher impliċitament tammetti li kien hemm nuqqas ta’ azzjoni tal-Kummissjoni u billi tissopponi li l-Kummissjoni kienet obbligata taġixxi, ir-rikorrenti kien imissha ppreżentat rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni.

27      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tirreleva li biss il-miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti tali li jaffettwaw l-interessi ta’ rikorrent, billi jbiddlu b’mod kunsiderevoli l-pożizzjoni legali tiegħu, jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 230 KE. Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni legali tar-rikorrenti ma kinitx ġiet mibdula permezz tat-trażmissjoni tal-ittri kkontestati.

28      Ir-rikorrenti tqis li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li ittra mibgħuta lil persuna li tilmenta li tirreferi għal pożizzjoni definittiva tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat tikkostitwixxi deċiżjoni anki jekk hija ma kinitx ġiet indirizzata lill-Istat Membru kkonċernata. Id-dikjarazzjoni li skontha s-servizzi tal-Kummissjoni kienu waslu għall-konklużjoni li ma kienx hemm raġunijiet biżżejjed sabiex jitkompla l-eżami tal-ilment tikkostitwixxi deċiżjoni finali li biha l-Kummissjoni rrifjutat li tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE u li biha hija kklassifikat il-każ. L-ittri kkontestati jikkostitwixxu għaldaqstant att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 230 KE.

29      Ir-rikorrenti ssostni li, skont il-ġurisprudenza, sabiex jiġi stabbilit jekk att jipproduċix effetti legali vinkolanti u, għaldaqstant, jistax ikun is-suġġett ta’ rikors għal annullament, għandu jiġi eżaminat il-kontenut tiegħu. Il-forma li fiha deċiżjoni hija adottata hija mingħajr importanza. Issa, l-ittri kkontestati jinkludu, flimkien jew separatament, il-pożizzjoni definittiva tal-Kummissjoni fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti u jipproduċu effetti fuq is-sitwazzjoni legali tagħha. Bħala kompettitriċi diretta tal-kumpannija benefiċjarja tal-allegata għajnuna, ir-rikorrenti kienet ġiet ikklassifikata bħala l-parti interessata fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 659/1999 u kienet ingħatat l-garanziji proċedurali previsti fl-Artikolu 88(2) KE u fl-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 659/1999, f’każ li l-proċedura ta’ investigazzjoni formali kienet ġiet mibdija.

30      Skont ir-rikorrenti, l-argumenti kollha tal-Kummissjoni dwar l-inammissibbiltà tar-rikors jirrigwardaw esklużivament il-forma u mhux il-kontenut tal-ittri kkontestati u ebda wieħed minnhom mhuwa rilevanti. L-ewwel nett, il-fatt li l-ittri kkontestati kienu ġew mibgħuta mid-Direttur ta’ servizz tad-Direttorat Ġenerali tal-Kompetizzjoni tal-Kummissjoni huwa irrelevanti. Fin-nuqqas ta’ riżerva li tispeċifika li dawn kienu jesprimu biss il-perspettiva personali tal-awtur tagħhom, l-ittri kkontestati għandhom jitqiesu li jindikaw il-pożizzjoni tal-Kummissjoni u għalqstant jistgħu jiġu kkontestati.

31      It-tieni nett, il-Kummissjoni ma tistax tallega li l-fatt li l-ittri kkontestati ma kinux ġew indirizzat lil Stat Membru jindika li huma ma jikkostitwixxux deċiżjoni tal-Kummissjoni. Ir-rikorrenti tfakkar li, skont il-ġurisprudenza, ittra indirizzata lil persuna li tilmenta, li ssemmi l-pożizzjoni definittiva tal-Kummissjoni dwar għajnuna mill-Istat, tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament. F’każ kuntrarju, il-persuna li tilmenta tkun miċħuda minn kull possibbiltà li tikkontesta l-pożizzjoni definittiva tal-Kummissjoni fuq l-ilment tagħha u l-Kummissjoni tkun tista’ tevita l-obbligi tagħha skont ir-Regolament Nru 659/1999.

32      It-tielet nett, ir-rifjut tal-Kummissjoni li tibgħat kopja tad-deċiżjoni lir-rikorrenti kien ikkonferma li l-ittra tal-24 ta’ Marzu 2006 kienet tikkostitwixxi l-pożizzjoni definittiva tal-Kummissjoni. Peress li r-rikorrenti ma setgħetx tikseb motivazzjoni addizzjonali, l-uniku rikors possibbli tagħha kien li tikkontesta d-deċiżjoni inkluża fl-ittri kkontestati. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tenfasizza li l-lingwaġġ prudenti użat fl-ittri kkontestati juri li l-Kummissjoni kellha dubji rigward il-klassifikazzjoni u l-kompatibbilità tal-miżuri inkwistjoni li kellhom iwasluha tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Il-Kummissjoni ma kinitx illimitat ruħha tiddikjara li ma kienx hemm raġunijiet biżżejjed biex tingħata opinjoni dwar il-każ, kif kienet tagħmel għal komunikazzjoni informali skont l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 659/1999. Il-kontenut tal-ittri kkontestati, minkejja lingwaġġ prudenti, jirreleva b’mod ċar li l-Kummissjoni adottat pożizzjoni ċara u definittiva b’risposta għall-ilment tar-rikorrenti.

33      Barra minn hekk, l-ittri kkontestati ma jistgħux jitqiesu bħala atti preparatorji peress li l-kontenut tagħhom jindika li l-Kummissjoni ma kellhiex l-intenzjoni tieħu miżuri oħra fil-kuntest tal-eżami tal-għajnuna msemmija fl-ilment. Il-garanziji proċedurali rikonoxxuti lill-persuni li jilmentaw fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat isiru kompletament inutili jekk il-Kummissjoni tibbenefika mill-immunità minħabba l-fatt biss tal-użu ta’ lingwaġġ prudenti fid-deċiżjonijiet tagħha.

34      Fl-aħħar nett, l-argument tal-Kummissjoni li, fin-nuqqas ta’ deċiżjoni, ir-rikorrenti kien imissha ppreżentat rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni, għandu jiġi miċħud f’din il-kawża. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li tali rikors ma jistax jiġi ppreżentat fil-każ ta’ teħid ta’ pożizzjoni ċara u espliċita tal-Kummissjoni fuq l-ilment. Peress li l-Artikoli 230 KE u 232 KE jikkostitwixxu wieħed u l-istess rimedju legali, huwa l-att li jinkludi t-teħid ta’ pożizzjoni tal-Kummissjoni li għandu jiġi kkontestat u, konsegwentement, dan ir-rikors għal annullament huwa l-mezz ta’ azzjoni xierqa.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

35      Skont ġurisprudenza stabbilita, mhuwiex biżżejjed li ittra tkun intbagħtet minn Istituzzjoni Komunitarja lid-destinatarju tiegħu, b’risposta għal talba magħmula minnu, sabiex din tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 230 KE, u b’hekk tagħti bidu għall-proċedura tar-rikors għal annullament (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-22 ta’ Mejju 1996, AITEC vs Il‑Kummissjoni, T‑277/94, Ġabra p. I‑351, punt 50, u tat-22 ta’ Ottubru 1996, CSF u CSME vs Il‑Kummissjoni, T‑154/94, Ġabra p II‑1377, punt 51; digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Novembru 2003, Kronoply vs Il‑Kummissjoni, T‑130/02, Ġabra p. II‑4857, punt 42).

36      Skont ġurisprudenza wkoll stabbilita, huma biss il-miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti b’mod li jaffettwaw l-interessi ta’ rikorrent billi jbiddlu b’mod kunsiderevoli l-pożizzjoni legali tiegħu, jikkostitwixxu atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 230 KE (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, Ġabra. p. 2639, punt 9; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ April 2006, Deutsche bahn vs Il‑Kummissjoni, T‑351/02, Ġabra p. I‑1047, punt 35, u digriet Kronoply vs Il‑Kummissjoni, punt 35 iktar ’il fuq, punt 43).

37      Sabiex jiġi stabbilit jekk att jew deċiżjoni jipproduċux tali effetti, għandu jsir riferiment għas-sustanza tagħhom (digriet Kronoply vs Il‑Kummissjoni, punt 35 iktar ’il fuq, punt 44). Min-naħa l-oħra, il-forma li fiha att jew deċiżjoni ġew adottati hija bħala prinċipju, irrilevanti għall-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza IBM vs Il‑Kummissjoni, punt 36, iktar ’il fuq, punt 9).

38      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għalkemm id-destinatarju ta’ deċiżjoni li ttemm l-eżami tal-kompatibbiltà ta’ miżura ta’ għajnuna mat-Trattat KE fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999 huwa dejjem l-Istat Membru ikkonċernat, komunikazzjoni indirizzata lil persuna li tilmenta tista’ tirrifletti l-kontenut ta’ tali deċiżjoni, anki jekk din ma kinitx ġiet mibgħuta lill-Istat Membru kkonċernat (digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Settembru 1999, UPS Europe vs Il‑Kummissjoni, T‑182/98, Ġabra p. II‑2857, punt 38).

39      Preliminarjament, għandha titfakkra s-sistema applikabbli għall-ilmenti fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat kif prevista fir-Regolament Nru 659/1999.

40      Ladarba l-Kummissjoni, skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 659/1999, tkun eżaminat informazzjoni li tikkonċerna allegata għajnuna illegali, l-Artikolu 13 tal-istess regolament jimponilha, f’dak li jirrigwarda l-għajnuna illegali, tagħlaq il-fażi preliminari ta’ investigazzjoni bl-adozzjoni ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 4 tal-istess regolament.

41      Barra minn din il-possibbiltà li tieħu deċiżjoni skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999, il-Kummissjoni, meta titressaq quddiemha informazzjoni dwar l-eżistenza possibbli ta’ għajnuna mill-Istat, ma għandha l-ebda għażla oħra ħlief li tinforma lill-partijiet ikkonċernati, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 20(2) tal-istess regolament, li “ma hemmx raġunijiet biżżejjed sabiex tingħata opinjoni dwar il-każ” (sentenza Deutsche Bahn vs Il‑Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, punt 43).

42      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex jiġi evalwat jekk ittra mibgħuta lil persuna li tilmenta b’risposta għal-ilment tagħha tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat, il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tistabbilixxi, fid-dawl tal-mertu tal-att ikkontestat jekk dan jikkostitwixxix deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999, jew sempliċiment komunikazzjoni informali, bħal dik prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 20(2) tal-istess regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Deutsche Bahn vs Il‑Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, punt 44).

43      B’hekk, mill-proċedura applikabbli għall-ilmenti fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, kif prevista fir-Regolament Nru 659/1999 u b’mod partikolari fl-Artikolu 20(2) tiegħu jirriżulta li, għalkemm, minn naħa, il-Kummissjoni għandha l-obbligu teżamina mingħajr dewmien l-informazzjoni li tikkonċerna allegata għajnuna illegali li hija mibgħuta lilha minn terzi persuni permezz ta’ ilment, min-naħa l-oħra, hija mhijiex obbligata tadotta deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament b’risposta għal kull ilment.

44      L-obbligu għall-Kummissjoni li tadotta deċiżjoni b’risposta għal ilment jikkonċerna biss il-każ previst fl-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 659/1999. It-tieni sentenza tal-Artikolu 20(2) tal-istess regolament tipprovdi li l-Kummissjoni tista’ tillimita ruħha li tinforma lill-persuna li tilmenta permezz ta’ ittra li ma hemmx raġunijiet biżżejjed biex tingħata deċiżjoni dwar il-każ. B’mod partikolari dan huwa l-każ meta l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 659/1999 huwa inapplikabbli għaliex l-ilment ma jikkonċernax għajnuna illegali, iżda fir-realtà jirreferi għal għajnuna eżistenti.

45      Sabiex jiġi stabbilit jekk dan ir-rikors huwiex ammissibbli, għandu jiġi eżaminat jekk mis-sustanza tal-ittri kkontestati jirriżultax li dawn jistgħu jitqiesu bħala deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999 li fir-realtà għandha bħala destinatarju l-Istat Membru kkonċernat u li taffettwa l-interessi tar-rikorrenti billi tbidlilha b’mod kunsiderevoli l-pożizzjoni legali tagħha.

46      Fl-ewwel lok, għandu jiġi analizzat il-kontenut tal-ittri kkontestati.

47      Fl-ittra tal-24 ta’ Marzu 2006, id-Direttur tas-servizz tal-Kummissjoni inkarigat mill-fajl informa lir-rikorrenti li huwa kien iqis li ma kienx hemm raġunijiet biżżejjed biex jitkompla l-eżami tal-ilment. Huwa enfasizza li huwa kien għamel eżami bir-reqqa tal-ilment.

48      Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li, meta d-Direttur tas-servizz tal-Kummissjoni inkarigat mill-fajl indika, fl-ewwel parti tat-tielet paragrafu tal-ittra tal-24 ta’ Marzu 2006, li l-attivitajiet konnessi mal-“iStockholm Card” (bl-eċċezzjoni għall-postijiet ta’ parking) u għar-riżervazzjonijiet ta’ kmamar f’lukanda kienu eżerċitati skont il-kundizzjonijiet tas-suq, huwa kkonstata li dawn l-attivitajiet ma kinux iffinanzjata mis-sussidji allegati fl-ilment. B’dan il-mod, huwa ma ddikjarax li s-sussidji allegati fl-ilment ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet neċessarji sabiex jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87 KE. Għaldaqstant, minn din l-ewwel parti tat-tielet paragrafu tal-ittra tal-24 ta’ Marzu 2006 ma jistax jiġi dedott li l-Kummissjoni tiddikjara li s-sussidji allegati fl-ilment f’dan ir-rigward mhumiex għajnuna mill-Istat.

49      Sussegwentement, fit-tieni parti tat-tielet paragrafu tal-ittra tal-24 ta’ Marzu 2006, id-Direttur tas-servizz tal-Kummissjoni inkarigat mill-fajl iddikjara li seta’ jiġi sostnut li l-użu bla ħlas ta’ ċerti postijiet ta’ parking minn SVB ma kienx jaffettwa l-kummerċ u li, f’kull każ, peress li din l-għajnuna kienet inkluża fl-“iStockholm Card” qabel l-1995, jiġifieri qabel l-adeżjoni tar-Renju tal-Isvezja mal-Unjoni Ewropea, din kienet għajnuna eżistenti. Fir-raba’ paragrafu tal-ittra tal-24 ta’ Marzu 2006, huwa speċifika li l-attivitajiet l-oħra ta’ SVB jidher li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet li jirregolaw is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali u li, fil-każ li l-finanzjament tagħhom kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, dan kien ġie mogħti taħt l-istess kundizzjonijiet sa minn ħafna qabel l-1995 u kien jikkostitwixxi għajnuna eżistenti. Minn dan jirriżulta li, sa fejn id-Direttur tas-servizz tal-Kummissjoni inkarigat mill-fajl ikkunsidra li l-għajnuna allegata fl-ilment kienet tikkostitwixxi għajnuna eżistenti, huwa ma għamilx eżami iktar fil-fond tal-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat.

50      Fl-aħħar nett, id-Direttur tas-servizz tal-Kummissjoni inkarigat mill-fajl iddikjara, fil-qosor, li l-eżami tal-ilment kien wera li l-miżuri allegati kienu jikkostitwixxu għajnuna eżistenti u mhux għajnuna illegali.

51      Fl-ittra tat-28 ta’ April 2006, b’risposta għall-ittra tal-5 ta’ April 2007 tar-rikorrenti, id-Direttur tas-servizz tal-Kummissjoni inkarigat mill-fajl fakkar li l-miżuri allegati fl-ilment ma kinux jikkostitwixxu għajnuna illegali u li, għaldaqstant, ma kienx possibbli li tingħata deċiżjoni lir-rikorrenti skont l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 659/1999.

52      B’hekk, mill-ittra tat-28 ta’ April 2006 kif ukoll mis-sustanza tal-ittra tal-24 ta’ Marzu 2006 jirriżulta b’mod ċar li l-Kummissjoni qieset, wara eżami preliminari tal-informazzjoni mibgħuta lilha mill-Istat Membru kkonċernat, li l-miżuri allegati fl-ilment ma kinux jikkostitwixxu għajnuna illegali, fis-sens tal-Artikolu 1(f) tar-Regolament Nru 659/1999. Fl-ittri kkontestati, il-Kummissjoni llimitat ruħha tinforma lir-rikorrenti li mill-ewwel evalwazzjoni provviżorja kien jirriżulta li l-għajnuna allegata fl-ilment kienet tikkostitwixxi għajnuna eżistenti li taqa’ taħt l-Artikolu 88(1) KE.

53      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk il-Kummissjoni kienet iddikjarat fl-ewwel parti tat-tielet paragrafu tal-ittra tal-24 ta’ Marzu 2006 li l-attivitajiet konnessi mal-“iStockholm Card” u mar-riżervazzjonijiet ta’ kmamar f’lukanda kienu ffinanzjati mis-sussidji allegati fl-ilment, dan ma jbiddilx il-konklużjoni tagħha li, peress li dawn is-sussidji kienu ġew imħallsa qabel l-1995, dawn jikkostitwixxu għajnuna eżistenti.

54      Għaldaqstant, mis-sustanza tal-ittri kkontestati jirriżulta li l-Kummissjoni kienet iddeċidiet li ma tkomplix teżamina l-ilment minħabba l-fatt li l-għajnuna inkwistjoni kienet tikkostitwixxi għajnuna eżistenti.

55      F’dan ir-rigward, waqt is-seduta, il-Kummissjoni ma setgħetx validament issostni, minn naħa, li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tifhem l-ittri kkontestati u, min-naħa l-oħra, li mill-ittra tal-24 ta’ Marzu 2006 li kienet tinkludi formulazzjonijiet vagi, kien jirriżulta li s-servizz tagħha ma kien ta ebda raġuni għan-nuqqas ta’ tkomplija tal-eżami tal-ilment.

56      Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat jekk l-ittri kkontestati inkwantu dawn jikklassifikaw l-għajnuna allegata fl-ilment bħala għajnuna eżistenti jistgħux jiġu kkunsidrati bħala deċiżjoni li taffettwa l-interessi tar-rikorrenti billi tbiddel b’mod kunsiderevoli l-pożizzjoni legali tagħha.

57      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, fil-qasam ta’ għajnuna eżistenti, l-inizjattiva tappartjeni biss għall-Kummissjoni (sententza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Awwissu 1994, Namur-Les assurances du crédit, C‑44/93, Ġabra p. I‑3829, punt 11). Fil-kuntest tal-kompetenza mogħtija lill-Kummissjoni sabiex twettaq eżami permanenti tal-għajnuna eżistenti, il-Kummissjoni ma tistax tkun obbligata, permezz ta’ ilment, tindirizza lill-Istat Membru rakkomandazzjoni li tipproponi miżuri xierqa skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 659/1999 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-22 ta’ Ottubru 1996, Salt Union vs Il‑Kummissjoni, T‑330/94, Ġabra p. II‑1475, punti 33 sa 35).

58      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li jekk l-elementi ta’ informazzjoni jippermettu, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni provviżorja, li jiġi kkunsidrat li huwa probabbli li l-miżuri inkwistjoni jikkostitwixxu għajnuna eżistenti, il-Kummissjoni għandha tittratta dawn il-miżuri fil-kuntest proċedurali previst fl-Artikolu 88(1) u (2) KE. Min-naħa l-oħra, jekk l-informazzjoni pprovduta mill-Istat Membru ma tippermettix li ssir din il-konklużjoni provviżorja jew jekk l-Istat Membru ma jipprovdi l-ebda informazzjoni f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni għandha tittratta dawn il-miżuri fil-kuntest proċedurali previst fl-Artikolu 88(3) u (2) KE (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Mejju 2005, L-Italja vs Il-Kummisjoni, C‑400/99, Ġabra p. I‑3657, punt 55).

59      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-proċedura applikabbli fil-qasam ta’ għajnuna eżistenti prevista fl-Artikoli 17 sa 19 tar-Regolament Nru 659/1999 ma tipprevedi ebda deċiżjoni indirizzata lill-Istat Membru kkonċernat li tista’ tiġi adottata mill-Kummissjoni fi tmien tal-fażi preliminari ta’ investigazzjoni.

60      Minn dan jirriżulta li persuna li tilmenta ma tistax, permezz ta’ ilment indirizzat lill-Kummissjoni, tobbliga lil din tal-aħħar tevalwa l-kompatibbiltà ta’ għajnuna eżistenti. Jekk il-Kummissjoni tqis, wara l-ewwel evalwazzjoni, li l-ilment ma jikkonċernax għajnuna illegali iżda għajnuna eżistenti, hija mhijiex obbligata tindirizza deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999 lill-Istat Membru kkonċernat u ma tistax tkun obbligata timplementa l-proċedura tal-Artikolu 88(1) KE.

61      F’din il-kawża, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni kkonkludiet, fl-ittri kkontestati, li l-għajnuna allegata fl-ilment kienet għajnuna eżistenti. Minn dan jirriżulta li, peress li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 659/1999 li jirrigwarda l-għajnuna illegali mhuwiex applikabbli, il-Kummissjoni ma setgħetx tadotta deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999. Għaldaqstant, b’risposta għall-ilment tar-rikorrenti, hija setgħet biss tinformaha li ma kienx hemm raġunijiet biżżejjed biex tingħata opinjoni dwar il-każ skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 659/1999.

62      Barra minn hekk, mill-ittri kkontestati jirriżulta li evalwazzjoni provviżorja tal-għajnuna allegata fl-ilment wasslet lill-Kummissjoni tikkunsidra li l-proċedura tal-Artikolu 88(1) KE kienet applikabbli minħabba l-fatt li din kienet għajnuna eżistenti. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, l-ittri kkontestati ma jikkostitwixxux deċiżjoni ta’ klassifikazzjoni tal-każ għar-raġuni li dawn is-sussidji ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat.

63      Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, lanqas l-ittri kkontestati ma jikkostitwixxu rifjut li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali tal-Artikolu 88(2) KE. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni lanqas ma setgħet tibda din il-proċedura, peress li l-ewwel eżami mwettaq minnha wera li l-għajnuna inkwistjoni kienet tikkostitwixxi għajnuna eżistenti (ara , f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ottubru 1994, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑47/91, Ġabra p. I‑4635, punt 24, u s-sentenza CSF u CSME vs Il‑Kummissjoni, punt 35 iktar ’il fuq, punt 49).

64      Għandu jingħad ukoll li jkun kuntrarju għall-istruttura tal-proċedura ta’ eżami tal-għajnuna mill-Istat li jiġi kkunsidrat li, meta l-Kummissjoni tinforma lil persuna li tilmenta li l-ilment tagħha jikkonċerna għajnuna eżistenti, hija neċessarjament tadotta deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999. Tali soluzzjoni timplika li, meta l-Kummissjoni tirċievi ilment dwar għajnuna eżistenti, hija għandha l-obbligu teżamina l-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni. Madankollu, kif ġie indikat fil-punt 57 iktar ’il fuq, skont l-Artikolu 88(1) KE, il-Kummissjoni biss għandha l-inizjattiva timplementa l-proċedura ta’ eżami kostanti tal-għajnuna eżistenti.

65      Konsegwentement il-Kummissjoni, peress li kkunsidrat li l-għajnuna allegata fl-ilment kienet għajnuna eżistenti, ġustamament irrilevat fl-ittra tat-28 ta’ April 2006 li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tibgħat, kif talbietha r-rikorrenti fl-ittra tagħha tal-5 ta’ April, kopja ta’ deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolmaent Nru 659/1999.

66      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, skema ta’ għajnuna eżistenti tista’ tibqa’ tiġi implementata sakemm il-Kummissjoni ma kkonstatatx l-inkompatibbiltà tagħha mas-suq komuni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Marzu 1994, Banco Exterior de España, C‑387/92, Ġabra p. I‑877, punt 20, u digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-2 ta’ Ġunju 2003, Forum 187 vs Il‑Kummissjoni, T‑276/02, Ġabra p. II‑2075, punt 48).

67      Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li, meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tittratta għajnuna fil-kuntest tal-eżami kostanti tal-għajnuna eżistenti, il-pożizzjoni legali ma tinbidilx sal-mument tal-aċċettazzjoni eventwali mill-Istat Membru kkonċernat tal-proposti ta’ miżuri xierqa jew sal-mument tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali mill-Kummissjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Ottubru 2001, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑400/99, Ġabra p. I‑7303, punt 61).

68      Għaldaqstant, l-ittri kkontestati, inkwantu dawn jikklassifikaw l-għajnuna allegata fl-ilment bħala għajnuna eżistenti, ma għandhomx il-karatteristiċi ta’ deċiżjoni li tipproduċi effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti.

69      Din il-konklużjoni mhijiex imqiegħda f’dubju permezz tal-indikazzjoni fl-ittra tal-24 ta’ Marzu 2006, li abbażi tagħha l-għajnuna allegata fl-ilment u klassifikata bħala għajnuna eżistenti hija “f’kull każ kompatibbli mas-suq komuni”. Fil-fatt, minn naħa, kif il-Kummissjoni tindika wkoll f’din l-ittra, din l-ittra tinforma lill-persuna li tilmenta li għal issa hija ma għandhiex l-intenzjoni timplementa l-proċedura prevista fl-Artikolu 88(1) KE, li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 57 iktar ’il fuq, taqa’ taħt l-inizjattiva tagħha biss. Min-naħa l-oħra, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 66 iktar ’il fuq, tali informazzjoni ma tipproduċiex effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti.

70      Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li l-ittri kkontestati għandhom jitqiesu bħala komunikazzjoni informali, kif previst fit-tieni sentenza tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 659/1999 li l-kontenut tagħha ma jirriflettix deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 4 tal-istess regolament. Għaldaqstant, l-ittri kkontestati ma jikkostitwixxux att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 230 KE.

71      Finalment, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-osservanza mill-Istati Membri tal-obbligi imposti fuqhom mill-Artikolu 87 KE u mill-Artikolu 88 KE, il-qrati nazzjonali u l-Kummissjoni għandhom rwoli komplementari u distinti. Il-qorti nazzjonali għandha r-rwol li tħares id-drittijiet li l-individwi jgawdu mill-effett dirett tal-projbizzjoni stipulata fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 88(3) KE. Għaldaqstant il-qorti nazzjonali tista’ tiġi adita sabiex tikkonstata l-illegalità ta’ għajnuna mill-Istat u tordna r-rifużjoni tagħha.

72      B’hekk, l-inammissibbiltà ta’ dan ir-rikors ma għandhiex l-effett li ċċaħħad lir-rikorrenti mill-possibbiltà li tissuġġetta l-legalità tal-għajnuna inkwistjoni għal stħarriġ ġudizzjarju. Fil-fatt, il-qrati nazzjonali għandhom jiggarantixxu li jinħarġu l-konsegwenzi kollha ta’ ksur tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 88(3) KE, skont id-dritt nazzjonali tagħhom, f’dak li jirrigwarda kemm il-validità tal-atti ta’ eżekuzzjoni tal-miżuri ta’ għajnuna kif ukoll l-irkupru tal-għajnuna finanzjarja mogħtija bi ksur ta’ din id-dispożizzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Novembru 1991, Fédération nationale du commerce extérieur des produits alimentaires u Syndicat national des négociants u transformateurs de saumon, C‑354/90, Ġabra p. I‑5505, punt 12, u tat-12 ta’ Frar 2008, CELF u ministre de la Culture et de la Communication, C‑199/06, Ġabra p. I‑469, punt 41).

73      Barra minn hekk, it-talba tar-rikorrenti intiża sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza tordna lill-Kummissjoni tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali hija inammissibbli, peress li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ibbażat fuq l-Artikolu 230 KE, il-ġurisdizzjoni tal-qorti Komunitarja hija limitata għall-istħarriġ tal-legalità tal-att ikkontestat u l-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni tagħha, tindirizza ordni lill-istituzzjonijiet Komunitarji (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, DSM vs Il‑Kummissjoni, C‑5/93 P, Ġabra p. I‑4695, punt 36, u sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-24 ta’ Frar 2000, ADT Projekt vs Il‑Kummissjoni, T‑145/98, Ġabra p. II‑387, punti 83 u 84).

74      Minn dak kollu li ntqal preċedentement jirriżulta li r-rikors kollu huwa inammissibbli.

 Fuq l-ispejjeż

75      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.

2)      NDSHT Nya Destination Stockholm Hotell & Teaterpaket AB hija kkundannata għall-ispejjeż.

Tiili

Dehousse

Wiszniewska-Białecka

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-9 ta’ Ġunju 2009.

E. Coulon

 

      V. Tiili

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.