Language of document : ECLI:EU:T:2010:281

Kawża T-411/07

Aer Lingus Group plc

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Konċentrazzjonijiet — Deċiżjoni li tiddikjara konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq komuni — Kunċett ta’ konċentrazzjoni — Trasferiment tal-azzjonijiet kollha miksuba sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni eżistenti qabel it-twettiq tal-konċentrazzjoni — Rifjut li jiġu ordnati miżuri xierqa — Nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni”

Sommarju tas-sentenza

1.      Kompetizzjoni — Konċentrazzjonijiet — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrifjuta li tiftaħ il-proċedura skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 139/2004 — Konċentrazzjoni ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni — Akkwist ta’ holding li ma jagħtix il-kontroll — Konċentrazzjoni li ma ġietx implementata — Inapplikabbiltà tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 139/2004

(Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikolu 8(4) u (5))

2.      Kompetizzjoni — Konċentrazzjonijiet — Eżami mill-Kummissjoni — Obbligu ta’ sospensjoni tal-konċentrazzjoni — Deroga fil-każ ta’ offerta pubblika ta’ akkwist — Kundizzjonijiet — Effetti

(Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikolu 7(2))

3.      Kompetizzjoni — Konċentrazzjonijiet — Kompetenza tal-Kummissjoni — Setgħa li tadotta miżuri vinkolanti skont l-Artikolu 21(3) tar-Regolament Nru 139/2004 — Assenza

(Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikolu 21(3))

1.      Meta konċentrazzjoni nnotifikata u ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni ma tkunx ġiet “implementata” u waħda miż-żewġ impriżi parti fit-tranżazzjoni tkun akkwistat holding fl-impriża l-oħra, mingħajr ma dan il-holding jagħtiha l-kontroll, il-Kummissjoni tista’ tiċħad talba għall-ftuħ tal-proċedura skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 139/2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi, u tirrifjuta milli tadotta miżuri provviżorji skont l-Artikolu 8(5) tal-imsemmi regolament, anki jekk, matul l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni, il-Kummissjoni kkwalifikat bħala “konċentrazzjoni waħda” it-tranżazzjoni u l-akkwist ta’ holding.

Fil-fatt, sabiex tiġi evalwata l-legalità ta’ tali deċiżjoni fir-rigward tas-setgħa rrikonoxxuta lill-Kummissjoni li tordna lil impriża x-xoljiment ta’ konċentrazzjoni, wieħed għandu jikkunsidra l-mument rilevanti ddefinit mill-Artikolu 8(4) tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet, li jipprevedi “konċentrazzjoni” li “diġà kienet implimentat[a]” u li “kienet dikjarata bħala inkompatibbli mas-suq komuni”.

Issa, kull tranżazzjoni jew numru ta’ tranżazzjonijiet li jwettqu “bidla fil-kontroll fuq bażi dewwiema” billi jikkonferixxu l-“possibbiltà li tkun eżerċitata influwenza deċiżiva fuq l-impriża” hija konċentrazzjoni li titqies li ġiet implementata skont ir-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet. Il-karatteristika komuni għal dawn il-konċentrazzjonijiet hija din li ġejja: fejn kien hemm żewġ impriżi separati qabel ma saret it-tranżazzjoni fir-rigward ta’ attività ekonomika partikolari, wara din it-tranżazzjoni jkun hemm waħda biss. Apparti din l-ipoteżi tal-għaqda, li tistabbilixxi t-tmiem ta’ waħda miż-żewġ impriżi kkonċernati, il-Kummissjoni għandha għalhekk tiddetermina jekk l-implementazzjoni tal-konċentrazzjoni għandhiex il-konsegwenza li tattribwixxi lil waħda mill-impriżi kkonċernati setgħa ta’ kontroll fuq l-oħra, liema setgħa hija ma kellhiex preċedentement. Din is-setgħa ta’ kontroll tikkonsisti fil-possibbiltà li tiġi eżerċitata influwenza deċiżiva fuq l-attività ta’ impriża, b’mod partikolari meta l-impriża li għandha din is-setgħa tista’ timponilha għażliet li jikkonċernaw id-deċiżjonijiet strateġiċi tagħha. L-akkwist ta’ holding li fih innifsu ma jagħtix il-kontroll fis-sens iddefinit mill-Artikolu 3 tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet ma jikkostitwixxix konċentrazzjoni li titqies li ġiet “implementata”.

Barra minn hekk, il-kunċett ta’ konċentrazzjoni ma jistax jiġi estiż għal każijiet fejn, fin-nuqqas ta’ kisba ta’ kontroll, il-holding akkwistat ma tagħtix, fiha nnifisha, il-possibbiltà li tiġi eżerċitata influwenza deċiżiva fuq l-attività tal-impriża, iżda tidħol b’mod iktar wiesa’ fil-kuntest ta’ konċentrazzjoni nnotifikata eżaminata mill-Kummissjoni u ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni wara li jkun sar dan l-eżami mingħajr ma jkun inbidel il-kontroll fis-sens iċċitat iktar ’il fuq. Fil-fatt, din is-setgħa ma tingħatax lill-Kummissjoni skont ir-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet. Skont il-kliem innifishom li jintużaw mill-Artikolu 8(4) ta’ dan ir-regolament, is-setgħa li jiġi ordnat it-trasferiment tal-azzjonijiet kollha li impriża tkun akkwistat f’oħra teżisti biss sabiex “treġġa’ lura s-sitwazzjoni għal kif kienet qabel l-implimentazzjoni tal-konċentrazzjoni”. Mingħajr l-akkwist tal-kontroll, il-Kummissjoni ma għandhiex setgħa li xxolji din il-konċentrazzjoni.

L-evalwazzjoni magħmula iktar ’il fuq ma tinbidilx mill-fatt li l-Kummissjoni tikkunsidra, matul il-proċedura ta’ eżami, li l-akkwist tal-holding jidħol fil-kamp tat-tranżazzjoni nnotifikata, u flimkien magħha tikkostitwixxi “konċentrazzjoni waħda”. Fil-fatt, fl-istadju tal-proċedura ta’ eżami, il-preokkupazzjonijiet tal-Kummissjoni ma humiex li “treġġa’ lura s-sitwazzjoni għal kif kienet qabel l-implimentazzjoni tal-konċentrazzjoni”, li kieku hija kienet adottat deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà, meta l-konċentrazzjoni nnotifikata kienet ġiet implementata. Dawn il-preokkupazzjonijiet jeżistu biss mill-mument li deċiżjoni finali tkun ġiet adottata u jkun meħtieġ li minn din id-deċiżjoni jittieħdu l-konsegwenzi meħtieġa ladarba jirriżulta li s-sitwazzjoni ma hijiex konformi magħha.

(ara l-punti 58, 59, 63-66, 79, 88)

2.      L-obbligu ta’ sospensjoni tal-implementazzjoni ta’ konċentrazzjoni sakemm din tiġi awtorizzata mill-Kummissjoni huwa suġġett għal deroga awtomatika fil-każ ta’ offerta pubblika ta’ akkwist jew ta’ akkwist tal-kontroll permezz ta’ serje ta’ tranżazzjonijiet fuq titoli li jimplikaw numru ta’ bejjiegħa. Sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn din id-deroga, il-partijiet interessati għandhom jinnotifikaw il-konċentrazzjoni lill-Kummissjoni mingħajr ebda dewmien u ma għandhomx jeżerċitaw id-drittijiet ta’ vot marbutin ma’ dawn il-holdings. Din id-deroga għandha l-effett li tittrasferixxi r-riskju tal-projbizzjoni tat-tranżazzjoni fuq min jakkwista. Jekk il-Kummissjoni tqis meta tintemm il-proċedura ta’ eżami li t-tranżazzjoni nnotifikata għandha tiġi pprojbita, it-titoli akkwistati sabiex tiġi implementata l-konċentrazzjoni jkollhom jiġu ttrasferiti.

(ara l-punt 82)

3.      L-Artikolu 21(3) tar-Regolament Nru 139/2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi, li jipprovdi li “[l]-ebda Stat Membru ma għandu japplika l-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni fir-rigward ta’ konċentrazzjoni li għandha dimensjoni Komunitarja” ma jagħtix lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta miżura li tipproduċi effetti ġuridiċi vinkolanti li jkunu tali li jaffettwaw l-interessi ta’ impriża li tagħmel parti minn konċentrazzjoni.

(ara l-punt 90)