Language of document : ECLI:EU:T:2008:80

DIGRIET TAL-PRESIDENT TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA

18 ta’ Marzu 2008 (*)

“Proċeduri għal miżuri provviżorji – Kontroll ta’ konċentrazzjonijiet – Deċiżjoni li tiddikjara konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq komuni – Artikolu 8(4) u (5) tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 – Talba għas-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni u għal miżuri provviżorji – Miżura inkompatibbli mat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-istituzzjonijiet – Kompetenza tal-Kummissjoni – Miżuri provviżorji indirizzati lil intervenjent – Talba għas-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni – Ammissibbiltà – Nuqqas ta’ fumus boni juris – Nuqqas ta’ urġenza – Nuqqas ta’ dannu gravi u irreparabbli – Dannu li jiddependi minn avvenimenti futuri u inċerti – Motivi insuffiċjenti – Ibbilanċjar ta’ l-interessi kollha in kwistjoni”

Fil-kawża T-411/07 R,

Aer Lingus Group plc, stabbilita f’Dublin (l-Irlanda), irrappreżentata minn A. Burnside, solicitor, u B. van de Walle de Ghelcke u T. Snels, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn X. Lewis, E. Gippini Fournier u S. Noë, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ryanair Holdings plc, stabbilita f’Dublin (l-Irlanda), irrappreżentata minn J. Swift, QC, V. Power, A. McCarthy u D. W. Hull, solicitors, u G. M. Berrisch, avukat,

intervenjenti,

rikors, fl-ewwel lok, għal ordni li tobbliga lill-Kummissjoni tadotta ċerti miżuri li jirrigwardaw is-sehem ta’ Ryanair Holdings plc fil-kapital tar-rikorrenti, u sussidjarjament, fit-tieni lok, għal ordni b’effett simili kontra l-Kummissjoni jew Ryanair Holdings plc, u fit-tielet lok, sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2007) 4600 finali, tal-11 ta’ Ottubru 2007, li tiċħad it-talba tar-rikorrenti għall-ftuħ ta’ proċeduri skond l-Artikolu 8(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, ta’ l-20 ta’ Jannar 2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU L 24, 2004, p. 1) u li jiġu adottati miżuri interim taħt l-Artikolu 8(5) ta’ dan ir-regolament,

IL-PRESIDENT TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

jagħti l-preżenti

Digriet

 Il-kuntest ġuridiku

1        Skond l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, ta’ l-20 ta’ Jannar 2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU L 24, 2004, p. 1):

“1. Għandu jitqies li hemm konċentrazzjoni meta jkun hemm bidla fil-kontroll fuq bażi dewwiema, liema bidla tkun ir-riżultat ta’:

(a)       l-għaqda ta’ tnejn jew aktar impriżi, jew ta’ partijiet minn impriżi, li qabel kienu indipendenti, jew

(b)       l-akkwist, minn persuna jew minn aktar minn persuna waħda li diġa tikkontrolla jew jikkontrollaw mill-anqas impriża waħda, jew minn impriża jew minn aktar minn impriża waħda, ta’ kontroll dirett jew indirett ta’ impriża jew ta’ aktar minn impriża waħda, jew ta’ partijiet minn impriża jew minn aktar minn impriża waħda. Dan l-akkwist jista’ jsir kemm permezz tax-xiri ta’ titoli jew ta’ assi, permezz ta’ kuntratt jew permezz ta’ kull mezz ieħor.

2.       Kontroll għandu jkun permezz ta’ drittijiet, kuntratti, jew permezz ta’ kull mezz ieħor li, separatament jew flimkien, fil-kuntest tal-fatti u tal-liġijiet involuti, jikkonferixxu l-possibbiltà li tkun eżerċitata influwenza deċiżiva fuq l-impriża, b’mod partikolari permezz ta’:

(a)    dritt ta’ proprjetà fuq jew dritt ta’ użu mill-assi kollha jew minn parti mill-assi ta’ impriża:

(b) drittijiet jew kuntratti li jikkonferixxu influwenza deċiżiva fuq il-komposizzjoni, [i]l-votazzjoni jew id-deċiżjonijiet ta’ l-organi ta’ impriża.

3.       Il-kontroll ikun akkwistat minn persuni jew impriżi li:

(a)       huma d-detenturi tad-drittijiet jew huma intitolati għal drittijiet taħt il-kuntratti konċernati; jew

(b)       minkejja li mhumiex detenturi ta’ dawn id-drittijiet u lanqas ma huma intitolati għal drittijiet taħt dawn il-kuntratti, għandhom s-setgħa li jeżerċitaw id-drittijiet li jirriżultaw minn dawn il-kuntratti.

[…]”

2        L-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 139/2004 jipprovdi:

“[…]

4.       Meta l-Kummissjoni ssib li konċentrazzjoni:

(a)       diġà kienet implimentata u dik il-konċentrazzjoni kienet dikjarata bħala inkompatibbli mas-suq komuni, jew

(b)       kienet implimentata b’kontravenzjoni ta’ kundizzjoni marbuta ma’ deċiżjoni mogħtija skond il-paragrafu 2, liema deċiżjoni sabet li, fl-assenza tal-kundizzjoni, il-konċentrazzjoni tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(3) jew, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 2(4), ma tissodisfax il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 81(3) tat-Trattat,

il-Kummissjoni tista’:

–        titlob lill-impriżi konċernati biex ixolju l-konċentrazzjoni, b’mod partikolari permezz tax-xoljiment ta’ l-għaqda jew tad-disponiment ta’ l-ishma u l-assi kollha li kienu akkwistati, sabiex treġġa’ lura s-sitwazzjoni għal kif kienet qabel l-implimentazzjoni tal-konċentrazzjoni; f’ċirkostanzi fejn dan ma jkunx possibbli permezz tax-xoljiment tal-konċentrazzjoni, [i]l-Kummissjoni tista’ tieħu kull miżura oħra adattata sabiex, sa fejn ikun possibbli, is-sitwazzjoni titreġġa lura għal kif kienet qabel.

–        tordna kull miżura oħra adattata sabiex tassigura li l-impriżi konċernati jxolju l-konċentrazzjoni jew jieħdu miżuri oħra li jreġġgħu lura s-sitwazzjoni, kif mitlub fid-deċiżjoni tagħha.

F’każijiet li jaqgħu taħt il-punt (a) ta’ l-ewwel subparagrafu, il-miżuri msemmija f’dak is-subparagrafu jistgħu jkunu imposti jew b’deċiżjoni skond il-paragrafu 3 jew b’deċiżjoni separata.

5. Il-Kummissjoni tista’ tieħu miżura interim xierqa sabiex terġa’ ġġib jew iżżomm kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni effettiva meta konċentrazzjoni:

(a)       kienet implimentata b’kontravenzjoni ta’ l-Artikolu 7, u deċiżjoni dwar il-kompatibilità tal-konċentrazzjoni mas-suq komuni tkun għadha ma ngħatatx;

(b)       kienet implimentata b’kontravenzjoni ta’ kundizzjoni marbuta ma’ deċiżjoni mogħtija skond l-Artikolu 6(1)(b) jew il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu;

(ċ)       kienet diġà ġiet implimentata u hija dikjarata bħala inkompatibbli mas-suq komuni.”

 Il-fatti

3        Ir-rikorrenti, Aer Lingus Group plc (iktar’il quddiem ir-“rikorrenti” jew “Aer Lingus”), hija kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata u l-kumpannija li ma tinnegozjax li żżomm l-ishma ta’ Aer Lingus Limited, kumpannija ta’ l-ajru internazzjonali bbażata fl-Irlanda li topera bi spejjeż baxxi u bi prezzijiet baxxi u li tipprovdi servizzi ta’ trasport bl-arju permezz ta’ titjiriet skedati minn u lejn l-ajruporti ta’ Dublin, Cork u Shannon. Wara l-privatizzazzjoni tagħha fl-2006 mill-Gvern Irlandiż, li żamm sehem fil-kapital tagħha ta’ 25.35 %, l-ishma ta’ Aer Lingus setgħu jiġu nnegozjati mit-2 ta’ Ottubru 2006.

4        Fit-23 ta’ Ottubru 2006, Ryanair Holdings plc (iktar’il quddiem “Ryanair”), li qabel kienet akkwistat, bejn is-27 ta’ Settembru u l-5 ta’ Ottubru 2006, permezz tal-kumpannija sussidjarja tagħha Coinside Limited, sehem ta’ 19.21 % f’Aer Lingus, għamlet offerta pubblika għall-kapital azzjonarju kollu ta’ Aer Lingus.

5        Fit-30 ta’ Ottubru 2006, Ryanair innotifikat lill-Kummissjoni l-konċentrazzjoni proposta skond l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 139/2004 fid-dawl tal-pjan tagħha li takkwista lil Aer Lingus.

6        Waqt il-perijodu li fih saru l-offerti, Ryanair akkwistat iktar ishma f’Aer Lingus u, sat-28 ta’ Novembru 2006, kellha sehem ta’ 25.17 % fil-kapital azzjonarju ta’ Aer Lingus.

7        Fl-20 ta’ Diċembru 2006 il-Kummissjoni adottat deċiżjoni skond l-Artikolu 6(1)(ċ) tar-Regolament Nru 139/2004 (iktar’il quddiem ir-“Regolament”) li bdiet il-proċeduri tal-fażi II. F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-akkwisti separati ta’ ishma msemmija iktar’il fuq u l-offerta pubblika magħmula minn Ryanair kienu jikkostitwixxu konċentrazzjoni waħda għall-għanijiet ta’ l-Artikolu 3 tar-Regolament.

8        Fis-27 ta’ Ġunju 2007, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2007) 3104 li tiddikjara l-konċentrazzjoni nnotifikata bħala inkompatibbli mas-suq Komunitarju (iktar’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ projbizzjoni”), skond l-Artikolu 8(3) tar-Regolament. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-konċentrazzjoni nnotifikata kienet tostakola b’mod sinjifikattiv il-kompettizzjoni effettiva fis-suq komuni jew f’parti sostanzjali minnu skond l-Artikolu 2(3) tar-Regolament, b’mod partikolari bħala riżultat tal-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti ta’ Ryanair u Aer Lingus fuq 35 rotta minn u lejn Dublin, Shannon u Cork, u l-ħolqien jew l-infurzar ta’ pożizzjoni dominanti fuq 15-il rotta oħra minn u lejn Dublin u Cork.

9        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-10 ta’ Settembru 2007, irreġistrat taħt in-numru T-342/07, Ryanair ressqet rikors għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ projbizzjoni.

10      Wara d-deċiżjoni ta’ projbizzjoni, Ryanair akkwistat sehem addizzjonali ta’ 4.3 % tal-kapital azzjonarju ta’ Aer Lingus, li wassal is-sehem tagħha għal total ta’ 29.4 %.

11      Waqt il-proċeduri quddiem il-Kummissjoni qabel id-deċiżjoni ta’ projbizzjoni, Aer Lingus sostniet li l-Kummissjoni kellha tieħu deċiżjoni skond l-Artikolu 8(4) tar-Regolament li tobbliga lil Ryanair tiddisponi mis-sehem minoritarju tagħha f’Aer Lingus fl-eventwalità li l-Kummissjoni tipprojbixxi l-konċentrazzjoni.

12      Fis-27 ta’ Ġunju 2007, id-Deputat Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għall-kompetizzjoni bagħat ittra lir-rikorrenti fejn indika li, fl-opinjoni tas-servizzi responsabbli għall-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, il-Kummissjoni ma kellhiex il-kompetenza taħt l-Artikolu 8(4) tar-Regolament li tordna lil Ryanair tiddisponi mis-sehem minoritarju tagħha, peress li ma kien hemm ebda indikazzjoni li, b’dan is-sehem ta’ 25.22 % fil-kapital azzjonarju ta’ Aer Lingus, Ryanair kienet ser tkun f’pożizzjoni li teżerċita de jure jew de facto kontroll fuq Aer Lingus fis-sens ta’ l-Artikolu 3(2) tar-Regolament. Għall-istess raġunijiet, l-ittra informatha wkoll li l-Kummissjoni ma kellhiex il-kompetenza li tadotta miżuri interim skond l-Artikolu 8(5) tar-Regolament.

13      Fis-17 ta’ Awwissu 2007, Aer Lingus talbet lill-Kummissjoni tiftaħ proċeduri kontra Ryanair taħt l-Artikolu 8(4) tar-Regolament u sabiex tadotta miżuri interim taħt l-Artikolu 8(5) tiegħu sabiex twaqqaf lil Ryanair milli teżerċita d-drittijiet tal-vot tagħha f’Aer Lingus, jew, sussidjarjament, sabiex tiddikjara b’mod formali li l-Kummissjoni ma kellhiex il-kompetenza li tadotta tali miżuri. Barra minn hekk, Aer Lingus talbet li l-Kummissjoni tieħu pożizzjoni espliċita dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 21 tar-Regolament.

14      Fil-11 ta’ Ottubru 2007, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2007) 4600 finali, li permezz tagħha ċaħdet it-talba ta’ Aer Lingus (iktar’il quddiem “id-deċiżjoni kkontestata”).

 Id-deċiżjoni kkontestata

15      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni esprimiet il-fehma tagħha li, skond l-Artikolu 3 tar-Regolament, għandu jitqies li hemm konċentrazzjoni biss meta impriża takkwista l-kontroll, b’kontroll iddefinit bħala l-possibbiltà li tkun eżerċitata influwenza deċiżiva. Fir-rigward ta’ l-Artikolu 8(4) tar-Regolament, il-Kummissjoni fakkret li din id-dispożizzjoni tippermettilha, fejn il-konċentrazzjoni tkun diġà ġiet implementata, titlob lill-impriżi kkonċernati sabiex ixolju l-konċentrazzjoni, b’mod partikolari permezz tad-disponiment ta’ l-ishma u l-assi kollha li kienu akkwistati sabiex b’hekk is-sitwazzjoni titreġġa’ lura għal kif kienet qabel l-implementazzjoni tal-konċentrazzjoni.

16      Madankollu, il-Kummissjoni kkonstatat li l-konċentrazzjoni evalwata fil-każ preżenti kienet għadha ma ġietx implementata, safejn Ryanair kienet għadha ma akkwistatx il-kontroll fuq Aer Lingus. Għaldaqstant, it-tranżazzjonijiet imwettqa waqt il-proċeduri tal-Kummissjoni ma setgħux jiġu kkunsidrati bħala implementazzjoni tal-konċentrazzjoni nnotifikata.

17      B’mod partikolari, il-Kummissjoni enfasizzat li s-sehem minoritarju miżmum minn Ryanair ma kienx jagħtiha, de jure jew de facto, kontroll fuq Aer Lingus skond l-Artikolu 3(2) tar-Regolament. Il-Kummissjoni żiedet li, anke jekk ishma minoritarji jistgħu f’ċerti ċirkustanzi jwasslu għal konstatazzjoni ta’ kontroll, ma kien hemm ebda indikazzjoni li tali ċirkustanzi kienu preżenti f’dan il-każ. Fil-fatt, skond l-informazzjoni li kellha l-Kummissjoni, id-drittijiet ta’ Ryanair bħala azzjonista minoritarja (b’mod partikolari d-dritt sabiex twaqqaf l-hekk imsejħa “riżoluzzjonijiet speċjali” taħt id-dritt tal-kumpanniji Irlandiż) huma assoċjati b’mod esklużiv mad-drittijiet relatati mal-protezzjoni ta’ l-azzjonisti minoritarji u ma jikkonferixxux kontroll fuq Aer Lingus. Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat li Aer Lingus innifisha ma sostnietx li s-sehem minoritarju akkwistat kien se jwassal għall-kontroll minn Ryanair ta’ Aer Lingus.

18      Fl-aħħar, il-Kummissjoni sostniet li l-każ preżenti kien differenti minn każijiet oħra fejn l-Artikolu 8(4) kien ġie applikat, bħad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Jannar 2002 li tistabbilixxi miżuri li għandhom bħala għan li jerġgħu jistabbilixxu kompetizzjoni effettiva skond l-Artikolu 8(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 (Każ COMP/M. 2416 – Tetra Laval/Sidel, ĠU L 38 2004, p. 1, iktar’il quddiem il-“każ Tetra Laval/Sidel”) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Jannar 2002 li teħtieġ li l-impriżi jiġu separati skond l-Artikolu 8(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 (Każ COMP/M.2283 – Schneider/Legrand, ĠU L 101, 2004, p. 134, iktar’il quddiem il-“każ Schneider/Legrand”). Fil-fatt, f’dawk il-każijiet, b’differenza mill-każ preżenti, l-akkwist kien diġà ntemm b’suċċess u l-akkwirenti kien ħa kontroll ta’ l-impriża kkonċernata.

19      Fir-rigward tat-talba ta’ Aer Lingus biex il-Kummissjoni tadotta miżuri interim skond l-Artikolu 8(5) tar-Regolament, il-Kummissjoni nnotat li t-termini ta’ din id-dispożizzjoni jagħmlu riferiment b’mod simili għal sitwazzjoni fejn konċentrazzjoni “kienet diġà ġiet implimentata u hija dikjarata bħala inkompatibbli mas-suq komuni” u għaldaqstant ikkonkludiet li ma kellhiex il-kompetenza li tieħu miżuri interim f’dan il-każ.

20      Fir-rigward tat-talba ta’ Aer Lingus li l-Kummissjoni tadotta pożizzjoni dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 21 tar-Regolament, il-Kummissjoni nnotat li tali talba tammonta, fil-fatt, għal talba ta’ interpretazzjoni legalment vinkolanti ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju indirizzata lill-Istati Membri, u li l-Kummissjoni manifestament m’għandhiex il-kompetenza li tagħmel dan.

 Proċedura

21      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fid-19 ta’ Novembru 2007, irreġistrat taħt in-numru T-411/07, ir-rikorrenti ressqet rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata fuq il-bażi tar-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE.

22      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru fl-istess ġurnata, taħt in-numru T‑411/07 R, ir-rikorrenti applikat għall-adozzjoni ta’ miżuri provviżorji u għas-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fuq il-bażi ta’ l-Artikoli 242 KE u 243 KE, u ta’ l-Artikolu 104 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

23      Fit-12 ta’ Diċembru 2007, il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha dwar din it-talba għal miżuri provviżorji.

24      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru fis-27 ta’ Novembru 2007, Ryanair ippreżentat talba sabiex titħalla tintervjeni in sostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

25      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru fl-4 ta’ Diċembru 2007, Aer Lingus ma qajmet ebda oġġezzjoni għat-talba għal intervent ta’ Ryanair u stqarret li ma kienet qiegħda tagħmel ebda talba għal kunfidenzjalità fir-rigward tad-dokumenti li ppreżentat lill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-kawża T-411/07 R.

26      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru fil-5 ta’ Diċembru 2007, il-Kummissjoni ma qajmet ebda oġġezzjoni għat-talba għal intervent ta’ Ryanair.

27      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Diċembru 2000, ġie aċċettat l-intervent ta’ Ryanair in sostenn tal-Kummissjoni u ngħatat l-opportunità tippreżenta nota ta’ intervent, kif għamlet fid-19 ta’ Diċembru 2007.

28      Inżammet seduta fl-24 ta’ Jannar 2008.

 It-talbiet tal-partijiet

29      Ir-rikorrenti titlob lill-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġbu:

–        jordna lill-Kummissjoni tobbliga lil Ryanair sabiex, sad-deċiżjoni fil-kawża prinċipali jew fil-kawża T-342/07, skond liema tingħata l-iktar tard:

–        ma teżerċitax id-drittijiet tal-vot tagħha jew xi drittijiet oħra konnessi jew li jirriżultaw mis-sehem ta’ Ryanair f’Aer Lingus (inklużi, iżda mhux limitati għal, attendenza jew votazzjoni fil-laqgħat, jew talbiet għal laqgħa ġenerali) ħlief taħt deroga mogħtija mill-Kummissjoni;

–        tafda l-ishma in kwistjoni lil trustee u ma tiddisponix minnhom ħlief lil xerrej, u skond proċedura, approvati mill-Kummissjoni;

–        ma tkomplix iżżid is-sehem tagħha fil-kapital ta’ Aer Lingus;

–        sussidjarjament, jadotta kull ordni b’effett simili kontra l-Kummissjoni u/jew Ryanair kif il-President jidhirlu li huwa xieraq;

–        jissospendi d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Ottubru 2007 C(2007)4600 finali, li tiċħad it-talba tar-rikorrenti li jinfetħu l-proċeduri skond l-Artikolu 8(4) tar-Regolament, safejn huwa neċessarju;

–        jikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

30      Il-Kummissjoni titlob lill-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġbu:

–        jiċħad ir-rikors għal sospensjoni;

–        jiċħad it-talba għal miżuri provviżorji;

–        jikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

31      Ryanair titlob lill-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġbu:

–        jiċħad ir-rikors;

–        jikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż marbuta ma’ l-intervent.

 Id-dritt

32      Taħt l-Artikoli 242 KE u 243 KE, flimkien ma’ l-Artikolu 225(1) KE, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’, jekk tikkunsidra li ċ-ċirkustanzi hekk jitolbu, tordna s-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni ta’ att ikkontestat quddiemha jew tordna l-miżuri provviżorji meħtieġa.

33      L-Artikolu 104(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza jipprovdi li t-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom jispeċifikaw is-suġġett tal-kawża, iċ-ċirkustanzi li jitolbu l-urġenza kif ukoll ir-raġunijiet ta’ fatt u ta’ dritt li jiġġustifikaw prima facie l-adozzjoni tal-miżura provviżorja mitluba. B’hekk, is-sospensjoni ta’ att u/jew il-miżuri provviżorji jistgħu jiġu ordnati mill-Imħallef għal miżuri provviżorji jekk ikun stabbilit li tali ordni tkun iġġustifikata, prima facie, fil-fatt u fid-dritt u li hija urġenti fis-sens li jkun meħtieġ, sabiex ma jkunx hemm dannu gravi u irreparabbli għall-interessi tar-rikorrenti, li din l-ordni tingħata u jkollha l-effetti tagħha qabel ma tingħata deċiżjoni fil-kawża prinċipali. Dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi, b’mod li t-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom jiġu miċħuda meta waħda minnhom tkun nieqsa (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Ottubru 1996, SCK u FNK vs Il-Kummissjoni, C-268/96 P(R), Ġabra p. I-4971, punt 30). L-Imħallef għal miżuri provviżorji, meta jkun il-każ, għandu anki jara liema interess mid-diversi interessi involuti għandu jingħata l-iktar importanza (ara d-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Frar 2001, L-Awstrija vs Il-Kunsill, C-445/00 R, Ġabra p. I-1461, punt 73, u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ dan l-eżami komplessiv, l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ u huwa liberu li jiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ, il-mod kif u l-ordni li fiha għandhom jiġu eżaminati dawn id-diversi kundizzjonijiet, peress li ebda regola tad-dritt Komunitarju ma timponilu skema ta’ analiżi prestabbilita għall-analiżi u l-evalwazzjoni tal-bżonn li jiġu ordnati miżuri provviżorji (digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Lulju 1995, Il-Kummissjoni vs Atlantic Container Line et, C-149/95 P(R), Ġabra p. I-2165, punt 23, u tat-3 ta’ April 2007, Vischim vs Il-Kummissjoni, C-459/06 P(R), Ġabra p. I-53, punt 25).

 Ammissibbiltà

 L-argumenti tal-partijiet

35      Il-Kummissjoni ssostni li t-talba għal miżuri provviżorji għandha tiġi miċħuda fuq il-bażi li l-ebda wieħed mir-rimedji mitluba mhuwa ta’ natura li jista’ jingħata fil-kuntest ta’ proċeduri għal miżuri provviżorji.

36      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li l-miżuri provviżorji mitluba jmorru lilhinn mill-ambitu ta’ dak li r-rikorrenti tista’ tikseb fil-kawża prinċipali, li ma tistax tirriżulta fir-rinunzja awtomatika tas-sehem minoritarju ta’ Ryanair. Jekk jintlaqgħu t-talbiet ta’ Aer Lingus fil-kawża prinċipali, huwa l-kompitu tal-Kummissjoni li tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma mad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, skond l-Artikolu 233 KE.

37      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li r-rikorrenti titlob l-adozzjoni ta’ miżuri li jkollhom effett sad-deċiżjoni fil-kawża prinċipali jew fil-kawża T‑342/07, skond liema tingħata l-iktar tard. Skond il-Kummissjoni, l-estensjoni ta’ l-applikazzjoni ratione temporis tal-miżuri mitluba għal wara li tintemm il-kawża prinċipali telimina n-natura provviżorja tal-proċedura għal miżuri provviżorji. Hija ssostni wkoll li din it-talba għal miżuri provviżorji ma tistax tirrigwarda proċeduri differenti u separati li fihom ir-rikorrenti mhijiex parti.

38      Fit-tieni lok, fir-rigward tat-talba għas-sospensjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssostni li skond ġurisprudenza kostanti, talba għas-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni ma tistax, bħala prinċipju, issir fil-konfront ta’ deċiżjoni amministrattiva negattiva.

39      Fit-tielet lok, f’dak li jirrigwarda t-talba sabiex il-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza jobbliga lill-Kummissjoni tordna lil Ryanair sabiex tastjeni milli teżerċita d-drittijiet tal-vot minoritarji tagħha jew sabiex tieħu ċerti passi pożittivi, il-Kummissjoni ssostni li, b’dan il-mod, ir-rikorrenti qed tipprova tevita l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza li tgħid li l-Imħallef għal miżuri provviżorji ma jistax jagħti ordnijiet lil individwi li mhumiex partijiet fil-kawża.

40      Fl-opinjoni tal-Kummissjoni, il-fatt li Ryanair tħalliet tintervjeni ma jagħtihiex l-istatus ta’ parti fil-kawża.

41      Fir-raba’ lok, f’dak li jirrigwarda t-talba sabiex il-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza jadotta kull ordni b’effett simili kontra l-Kummissjoni u/jew Ryanair li huwa jaħseb li huwa xieraq, il-Kummissjoni tikkunsidra li tali talba hija vaga u mhux preċiża u, għaldaqstant, ma tissodisfax il-kriterji elenkati fir-Regoli tal-Proċedura. Konsegwentement, din it-talba għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

42      Fin-nota ta’ intervent tagħha, Ryanair issostni l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni u tikkunsidra li r-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. Hija tenfasizza, b’mod partikolari, li l-ordni mitluba tmur lilhinn minn dak li jista’ jinkiseb fil-kawża prinċipali u tistieden lill-Imħallef għal miżuri provviżorji sabiex ma jirrispettax il-bilanċ kostituzzjonali bejn l-istituzzjonijiet Komunitarji u sabiex jieħu r-rwol tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, Ryanair issostni li essenzjalment il-miżuri provviżorji mhumiex mitluba kontra l-Kummissjoni iżda kontra Ryanair stess, li mhijiex parti fil-proċedimenti. Għaldaqstant, Ryanair, kif ukoll partijiet affettwati oħra, jiġu mċaħħda mill-garanziji proċedurali li jgawdu taħt ir-Regolament u l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, u b’mod partikolari jiġu mċaħħda mid-drittijiet tad-difiża tagħhom.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza

43      Mingħajr ma targumenta b’mod ċar li r-rikors preżenti għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu bħala inammissibbli, il-Kummissjoni ssostni li ebda waħda mit-talbiet tar-rikorrenti ma tista’ tintlaqa’ fil-kuntest ta’ proċeduri għal miżuri provviżorji.

44      Kull waħda minn dawn it-talbiet għandha tiġi eżaminata b’mod separat.

45      Fl-ewwel lok, fir-rigward ta’ l-applikazzjoni ratione temporis tal-miżuri mitluba, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 107(4) tar-Regoli tal-Proċedura, talba bħal dik imressqa mir-rikorrenti tista’ tkun biss ta’ natura provviżorja, u għandha tkun bla ħsara għad-deċiżjoni fuq il-mertu tal-kawża mill-Qorti tal-Prim’Istanza. Minn dan isegwi li, bħala prinċipju, l-applikazzjoni ratione temporis ta’ tali ordni ma tistax testendi wara l-kawża prinċipali rispettiva. Għaldaqstant, safejn it-talba tar-rikorrenti għal miżuri “sad-deċiżjoni fil-kawża prinċipali jew fil-kawża T‑342/07, skond liema tingħata l-iktar tard” tinvolvi l-applikazzjoni ta’ miżuri provviżorji wara d-data tad-deċiżjoni fil-kawża prinċipali, din it-talba għandha tiġi miċħuda. Jekk jingħataw miżuri provviżorji fil-proċeduri preżenti, dawn jistgħu japplikaw biss sakemm tingħata d-deċiżjoni fil-kawża prinċipali.

46      Fit-tieni lok, fir-rigward tat-talba għas-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi nnotat li talba għas-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni ma tistax, bħala prinċipju, issir fil-konfront ta’ deċiżjoni amministrattiva negattiva, peress li tali sospensjoni ma jistax ikollha l-effett li tbiddel il-pożizzjoni tar-rikorrenti (digriet tal-President tat-Tieni Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Lulju 1989, S. vs Il-Kummissjoni, C-206/89 R, Ġabra p. 2841, punt 14; digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ April 1997, Moccia Irme vs Il-Kummissjoni, C‑89/97 P(R), Ġabra p. I-2327, punt 45, u tal-21 ta’ Frar 2002, Front national u Martinez vs Il-Parlament, C-486/01 P(R) u C 488/01 P(R), Ġabra p. I-1843, punt 73).

47      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba tar-rikorrenti li tiftaħ proċeduri skond l-Artikolu 8(4) tar-Regolament u li tadotta miżuri provviżorji skond l-Artikolu 8(5) tar-Regolament sabiex tipprojbixxi lil Ryanair milli teżerċita d-drittijiet tal-vot tagħha f’Aer Lingus jew li tiddikjara formalment li l-Kummissjoni m’għandhiex il-kompetenza li tagħmel dan. Is-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni amministrattiva negattiva ma jkollha, fiha nnifisha, ebda effett fuq il-kundizzjonijiet li jirregolaw l-eżerċizzju tas-sehem minoritarju ta’ Ryanair f’Aer Lingus u għaldaqstant ma jkollha ebda utilità għar-rikorrenti.

48      Peress li ordni li tissospendi d-deċiżjoni kkontestata ma tkun ta’ ebda interess għar-rikorrenti, din it-talba għandha tiġi miċħuda, ħlief safejn is-sospensjoni tad-deċiżjoni kkontestata tista’ tkun neċessarja sabiex jiġu adottati miżuri provviżorji oħra mitluba minn Aer Lingus, fil-każ li l-President jikkunsidrahom bħala ammissibbli u fondati.

49      Fit-tielet lok, fir-rigward tat-talba tar-rikorrenti għal ordni sabiex il-Kummissjoni tordna lil Ryanair ma teżerċitax id-drittijiet marbuta ma’ jew li jirriżultaw mill-ishma ta’ Ryanair f’Aer Lingus, tafda l-ishma in kwistjoni lil trustee u ma tiddisponix minnhom ħlief lil xerrej, u ma żżidx iktar is-sehem tagħha fil-kapital ta’ Aer Lingus, għandu jiġi nnotat li, bħala prinċipju, ma tistax tiġi kkunsidrata l-adozzjoni ta’ miżuri provviżorji li jikkostitwixxu ndħil għall-eżerċizzju tal-kompetenzi tal-Kummissjoni, li tkun inkompatibbli mat-tqassim tal-kompetenzi bejn id-diversi istituzzjonijiet tal-Komunità, kif intiża mill-awturi tat-Trattat KE (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Ottubru 1997, Eurocoton et vs Il-Kunsill, T-213/97 R, Ġabra p. II-1609, punt 40, u tal-11 ta’ Lulju 2002, Sacilor Lormines vs Il-Kummissjoni, T-107/01 R u T-175/01 R, Ġabra p. II-3193, punti 52 u 53).

50      Fil-kawża preżenti, li kieku fid-deċiżjoni fil-kawża prinċipali kellu jiġi deċiż li, kif sostnut mir-rikorrenti, il-Kummissjoni għandha l-kompetenza tordna l-miżuri previsti fl-Artikoli 8(4) u (5) tar-Regolament, hija l-Kummissjoni, jekk tikkunsidra li huwa neċessarju fil-kuntest tal-poteri ta’ kontroll ikkonferiti fuqha fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet, li għandha tadotta l-miżuri li hija tikkunsidra bħala adattati sabiex treġġa’ lura s-sitwazzjoni għal kif kienet qabel, u li tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma mad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, skond l-Artikolu 233 KE. Għaldaqstant, jekk l-Imħallef għal miżuri provviżorji jilqa’ din it-talba, dan jammonta għal inġunzjoni biex jittieħdu inferenzi preċiżi mid-deċiżjoni ta’ annullament, u tali ordni taqbeż il-limitu tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-kawża prinċipali (digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tat-13 ta’ Marzu 2007, Arizona Chemical et vs Il-Kummissjoni, T-369/03 R, Ġabra p. II-205, punt 67).

51      Skond is-sistema tad-diviżjoni ta’ kompetenzi stabbilita mit-Trattat KE u mir-Regolament, madankollu, hija l-Kummissjoni, jekk tikkunsidra li huwa neċessarju fil-kuntest tal-poteri ta’ kontroll ikkonferiti lilha fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet, u b’mod partikolari mill-Artikolu 8(4) u (5) tar-Regolament, li għandha tadotta l-miżuri adattati fl-opinjoni tagħha sabiex treġġa’ lura s-sitwazzjoni għal kif kienet qabel. Minn dan isegwi li, safejn l-ewwel talba tar-rikorrenti hija intiża sabiex il-President jordna lill-Kummissjoni tapplika l-Artikolu 8(4) u (5) tar-Regolament b’mod partikolari, tali talba għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

52      Fir-rigward tat-talba tar-rikorrenti li l-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza jadotta kull ordni b’effett simili kontra l-Kummissjoni u/jew Ryanair kif il-President jidhirlu li huwa xieraq, il-Kummissjoni ssostni li din it-tip ta’ talba hija vaga wisq, u, għaldaqstant, hija inammissibbli. Il-Kummissjoni tibbaża dan l-argument fuq il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Prim’Istanza li minnha jirriżulta li talbiet għal miżuri provviżorji skond l-Artikolu 243 KE ma jistgħux ikunu vagi u impreċiżi (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Frar 1996, Lehrfreund vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni T-228/95 R, Ġabra p. II-111, punt 58, u tat-23 ta’ Jannar 2008, Sumitomo Chemical vs Il-Kummissjoni T-78/04 R, Ġabra p. II-2049, ikkonfermata fuq dan il-punt fl-appell C-381/04 P, mhux ippubblikat fil-Ġabra).

53      Madankollu, f’kawżi fejn il-kontenut tal-miżuri mitluba mir-rikorrenti jkun biżżejjed ċar mill-bqija tar-rikors, l-Imħallef għal miżuri provviżorji jista’ jiddikjara li t-talba mhijiex vaga u impreċiża fin-natura tagħha u għaldaqstant jikkunsidraha bħala ammissibbli. Fil-kawża preżenti, huwa ċar mill-ewwel talba li r-rikorrenti tixtieq tikseb miżuri provviżorji sabiex tiżgura, inter alia, li d-drittjiet ta’ Ryanair bħala azzjonista ma jiġux eżerċitati qabel ma tingħata deċiżjoni finali dwar din il-kawża. Kif tinnota l-Kummissjoni fil-punt 25 ta’ l-osservazzjonijiet tagħha, “dak li verament trid ir-rikorrenti huwa li tipprojbixxi lil Ryanair milli teżerċita d-drittijiet tal-vot minoritarji tagħha”. Il-portata tal-miżuri mitluba għal dan il-għan huwa ċar fl-ewwel talba tar-rikorrenti. Għaldaqstant, it-talba għal “kull ordni b’effett simili kontra l-Kummissjoni u/jew Ryanair kif il-President jidhirlu li huwa xieraq” hija, f’dan il-każ, ċara biżżejjed sabiex tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura.

54      Safejn tali talba, fil-prattika, hija intiża għall-kisba ta’ ordni mill-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex il-Kummissjoni teżerċita d-diskrezzjoni tagħha skond l-Artikolu 8(4) u (5) b’mod partikolari hija, madankollu, fuq il-bażi ta’ dak li ntqal qabel, inammissibbli.

55      Min-naħa l-oħra, safejn it-talba hija intiża għall-kisba ta’ ordni mill-President indirizzata lill-parti intervenjenti, il-Kummissjoni ssostni li l-Imħallef għal miżuri provviżorji ma jistax jagħti ordnijiet lil individwi li mhumiex partijiet fil-kawża, li Ryanair ma tistax tiġi kkunsidrata bħala parti fil-kawża, u li, għaldaqstant, ebda miżura provviżorja ma tista’ tiġi indirizzata lilha. Barra minn hekk, anke li kieku Ryanair kellha tiġi kkunsidrata bħala parti fil-kawża, minħabba l-istatus tagħha ta’ ‘intervenjenti’, il-Kummissjoni, billi tibbaża ruħha fuq ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Prim’Istanza, issostni li fejn il-miżuri provviżorji li jintalbu jistgħu jaffettwaw b’mod serju d-drittijiet u l-interessi ta’ partijiet terzi, li f’din il-kawża jinkludi l-azzjonisti l-oħra ta’ Aer Lingus li, peress li mhumiex partijiet fil-kawża, ma setgħux jagħtu l-opinjoni tagħhom, tali miżuri jkunu ġġustifikati biss meta jidher li, mingħajrhom, ir-rikorrenti tiġi esposta għal sitwazzjoni li tqiegħed fil-perikolu l-eżistenza tagħha stess (digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ April 1995, Comité Central d’Entreprise de la SA Vittel u Comité d’Etablissement de Pierval vs Il-Kummissjoni, T‑12/93 R, Ġabra p. II-785, punt 20).

56      Għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 243 KE jistabbilixxi b’mod ċar li “l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tordna kull miżura provviżorja”. Tali termini wiesgħa huma intiżi b’mod evidenti sabiex jagħtu ġurisdizzjoni suffiċjenti lill-Imħallef għal miżuri provviżorji sabiex jordna kull miżura li huwa jqis bħala neċessarja sabiex tiġi ggarantita l-effettività tad-deċiżjoni definittiva fil-futur, sabiex jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda lakuna fil-protezzjoni legali mogħtija mill-qrati Komunitarji (ara d-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Ottubru 2003, Il-Kummissjoni vs NALOO, C-180/01 P(R), Ġabra p. I-5737, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, sabiex tiġi ggarantita l-effettività totali ta’ l-Artikolu 243 KE, ma jistax jiġi eskluż li l-Imħallef għal miżuri provviżorji jista’ jimponi miżuri direttament fuq partijiet terzi, jekk dan ikun neċessarju. Tali diskrezzjoni wiesgħa għandha, f’dan ir-rigward, tiġi eżerċitata bir-rispett dovut lejn id-drittijiet proċedurali, u b’mod partikolari d-dritt għal smigħ xieraq, tad-destinatarji tal-miżuri provviżorji u ta’ dawk milquta direttament minnhom. Huwa minnu li, meta jkun qed jiddeċiedi jekk jilqax jew le t-talbiet għal miżuri provviżorji f’dawn it-tip ta’ kawżi, l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu, barra minn dan, jikkunsidra debitament kemm is-saħħa tal-kawża prima facie u kif ukoll il-possibbiltà ta’ dannu gravi u irreparabbli fil-kawża speċifika. Anke fejn parti terza ma kellhiex l-opportunità li tinstema’ fil-kuntest tal-proċeduri għal miżuri provviżorji, ma jistax jiġi eskluż li miżuri provviżorji jistgħu jiġu imposti fuqha, f’ċirkustanzi eċċezzjonali u in kunsiderazzjoni tan-natura temporanja tal-miżuri provviżorji, jekk jidher li, mingħajr tali miżuri, ir-rikorrenti tiġi esposta għal sitwazzjoni li tqiegħed fil-perikolu l-eżistenza tagħha stess.

57      It-talba ta’ Ryanair biex tintervjeni fil-proċeduri preżenti ntlaqgħat permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Diċembru 2007, u hija ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fid-19 ta’ Diċembru 2007. Barra minn hekk, Ryanair, bħal kull parti oħra fil-proċeduri preżenti, kellha l-opportunità tressaq l-opinjoni tagħha matul is-seduta. Għaldaqstant, l-opinjoni ta’ Ryanair ittieħdet in kunsiderazzjoni fil-proċeduri preżenti.

58      Minn dan isegwi li t-talba għal kull ordni jew ordnijiet b’effett simili kontra Ryanair li l-President jidhirlu li huma xierqa hija ammissibbli.

59      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argument tal-Kummissjoni li miżuri provviżorji li jkollhom l-effett li jissospendu d-drittijiet ta’ Ryanair marbuta mas-sehem tagħha f’Aer Lungus ikollhom impatt fuq partijiet terzi, u b’mod partikolari fuq l-azzjonisti l-oħra ta’ Aer Lingus, u li peress li dawn il-partijiet ma nstemgħux fil-proċeduri preżenti, ma tistax tingħata ordni li jkollha impatt fuqhom. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fuq il-bażi ta’ dak li ntqal qabel, il-ġurisdizzjoni wiesgħa ta’ l-Imħallef għal miżuri provviżorji huma limitati biss, f’dak li jirrigwarda l-impatt fuq id-drittijiet u l-interessi ta’ partijiet terzi, f’każijiet fejn tali drittijiet u interessi jistgħu jkunu affettwati b’mod serju (digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’April 1995, Comité Central d’Entreprise de la SA Vittel u Comité d’Etablissement de Pierval vs Il-Kummissjoni, iċċitat fil-punt 54 iktar’il fuq, punt 20). Barra minn hekk, anke fejn id-drittijiet u l-interessi ta’ partijiet terzi jistgħu jiġu affettwati b’mod serju mill-miżuri provviżorji mitluba, tali miżuri jistgħu madankollu jingħataw “meta jidher li, mingħajrhom, ir-rikorrenti tiġi esposta għal sitwazzjoni li tqiegħed fil-perikolu l-eżistenza tagħha stess” (digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’April 1995, Comité Central d’Entreprise de la SA Vittel u Comité d’Etablissement de Pierval vs Il-Kummissjoni, iċċitat fil-punt 54 iktar’il fuq, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-Imħallef għal miżuri provviżorji jwettaq dawn l-evalwazzjonijiet meta jibbilanċja d-diversi interessi in kwistjoni. Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li, jekk il-kundizzjonijiet applikabbli kollha jkunu ssodisfati jistgħu jingħataw miżuri provviżorji fil-proċeduri preżenti, minkejja l-impatt possibbli fuq id-drittijiet u l-interessi ta’ l-azzjonisti l-oħra f’Aer Lingus.

 Fuq il-mertu

 Każ prima facie

–       L-argumenti tal-partijiet

60      Ir-rikorrenti ssostni li l-elementi fattwali u legali elenkati iktar’il quddiem juru li hemm kontroversja serja dwar il-korrettezza ta’ l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni ta’ l-Artikolu 8(4) u (5) fid-deċiżjoni kkontestata.

61      Qabel kollox, ir-rikorrenti tikkontesta l-affermazzjoni fil-punt 12 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li “ma jistax ikun hemm effetti negattivi peress li Ryanair ma akkwistatx, u ma tistax takkwista, il-kontroll ta’ Aer Lingus”. Skond ir-rikorrenti, din l-affermazzjoni hija kuntrarja għall-fatti, għal teoriji ekonomiċi ta’ awtorità u għal deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni.

62      Fir-rigward ta’ l-ewwel argument, ir-rikorrenti tenfasizza li Ryanair użat is-sehem tagħha sabiex tikseb aċċess għall-pjanijiet strateġiċi kunfidenzjali ta’ Aer Lingus, waqqfet riżoluzzjonijiet speċjali li kienu jassistu lil Aer Lungus sabiex iżżid il-kapital tagħha u/jew tagħmel xi akkwisti, irrekwiżizzjonat żewġ laqgħat ġenerali straordinarji bil-għan li tbiddel id-deċiżjonijiet strateġiċi ta’ Aer Lingus, u heddet lid-diretturi tagħha bi proċeduri legali għal ksur ta’ obbligu statutorju fil-konfront tagħha bħala azzjonista.

63      Dawn il-fatti, skond ir-rikorrenti, kellhom ir-riżultat li aljenaw lid-diretturi ta’ Aer Lingus, daħħlu lill-kumpannija f’konfrontazzjoni u kontroversji legali ma’ Ryanair, u, b’mod inevitabbli, naqqsu s-saħħa ta’ Aer Lingus bħala kompetitriċi effettiva ta’ Ryanair.

64      Fir-rigward tat-tieni argument, ir-rikorrenti ssostni li prinċipji ekonomiċi ta’ awtorità jindikaw li ishma minoritarji bħas-sehem ta’ Ryanair f’Aer Lingus joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn il-kumpanniji kkonċernati. B’mod partikolari, bħala azzjonista ta’ Aer Lingus li għandha d-dritt tirċievi proporzjon mill-profitt ta’ Aer Lingus, Ryanair m’għandhiex inċentivi biex tikkompeti ma’ Aer Lingus, peress li għandha interess kunfliġġenti li timmassimizza l-valur tas-sehem tagħha u li tiżgura li Aer Lingus tkun profittabbli. Ishma bħal dak ta’ Ryanair, fl-opinjoni ta’ Aer Lingus, jikkontribwixxu b’mod sinjifikattiv għal riżultati anti-kompetittivi.

65      Fir-rigward tat-tielet argument, in sostenn tat-talba tagħha, ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni f’Tetra Laval/Sidel u Schneider/Legrand.

66      F’dawk iż-żewġ deċiżjonijiet, il-Kummissjoni stabbilixxiet li f’ċirkustanzi partikolari, iż-żamma ta’ sehem minoritarju tfixkel ir-restawrazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni effettiva u jkollha effetti sproporzjonati fuq il-kumpannija destinatarja.

67      Fit-tieni lok, skond ir-rikorrenti, l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni ta’ l-Artikolu 8(4) u (5) mhijiex korretta. Skond ir-rikorrenti, il-Kummissjoni adottat interpretazzjoni purament testwali, mentri interpretazzjoni iktar wiesgħa kienet tkun iktar konsistenti ma’ l-għan tar-Regolament.

68      Skond ir-rikorrenti, fil-kawża Kali und Salz (sentenza tal-31 ta’ Marzu 1998, Franza et vs Il-Kummissjoni, C-68/94 u C-30/95, Ġabra p. I-1375) il-Qorti tal-Ġustizzja, u fil-kawża Gencor (sentenza tal-25 ta’ Marzu 1999, Gencor vs Il-Kummissjoni, T-102/96, Ġabra p. II-753) il-Qorti tal-Prim’Istanza, meta kellhom quddiemhom żewġ interpretazzjonijiet possibbli ta’ dispożizzjonijiet tar-Regolament differenti minn dawk in kwistjoni f’din il-kawża, innotaw li l-interpretazzjoni iktar stretta kienet iċċaħħad parzjalment lir-Regolament mill-effettività tiegħu, filwaqt li dik iktar wiesgħa kienet konsistenti mat-test tiegħu, anke jekk ma kinitx speċifikament stabbilita fih.

69      Fl-istess sens, ir-rikorrenti tallega li t-tifsira naturali ta’ l-Artikoli 8(4) u (5) hija konsistenti ma’ l-użu tal-kompetenzi stabbiliti fihom sabiex jiġi indirizzat sehem minoritarju bħal dak ta’ Ryanair, filwaqt li l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni tħalli lill-Komunità mingħajr rimedju fil-konfront tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni maħluqa mis-sehem minoritarju ta’ Ryanair, li ġie akkwistat bħala parti minn konċentrazzjoni pprojbita u huwa għaldaqstant inkonsisteni ma’ l-għan tar-Regolament.

70      B’mod partikolari, ir-rikorrenti ssostni li l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni tonqos milli tikkunsidra l-premessi tar-Regolament li ġejjin: 2, 5, 7, 8, 14, 20 u 23.

71      Safejn huwa kkonċernat l-Artikolu 8(4), minflok ma tuża l-premessi tar-Regolament bħala gwida, il-Kummissjoni tadotta interpretazzjoni purament testwali fil-punt 10 tad-deċiżjoni kkontestata u hija tal-fehma li “il-konċentrazzjoni evalwata ma ġietx implementata” u li “it-tranżazzjonijiet imwettqa waqt il-proċeduri tal-Kummissjoni jistgħu għaldaqstant ma jiġux ikkunsidrati bħala parti mill-konċentrazzjoni implementata”.

72      Skond ir-rikorrenti, l-ewwel żball imwettaq mill-Kummissjoni huwa li kkunsidrat it-“tranżazzjonijiet” li għandha tikkunsidra bħala b’xi mod distinti mill-konċentrazzjoni evalwata fid-deċiżjoni ta’ projbizzjoni. Skond ir-rikorrenti, huwa evidenti mill-punt 12 tad-deċiżjoni ta’ projbizzjoni li d-diversi “tranżazzjonijiet” li jsir riferiment għalihom jifformaw parti integrali mill-konċentrazzjoni pprojbita. Għaldaqstant, skond ir-rikorrenti, il-Kummissjoni, peress li kienet diġa rrikonoxxiet fid-deċiżjoni tagħha ta’ l-20 ta’ Diċembru 2006 li tali tranżazzjonijiet u l-offerta pubblika kienu jifformaw parti minn konċentrazzjoni waħda għall-għanijiet ta’ l-Artikolu 3 tar-Regolament, identifikat ħażin il-konċentrazzjoni li għaliha japplika l-Artikolu 8(4). Żewġ kundizzjonijiet għandhom jiġu ssodisfati sabiex japplika l-Artikolu 8(4): irid ikun hemm konċentrazzjoni u din trid tkun inkompatibbli mas-suq komuni.

73      Skond ir-rikorrenti, peress li t-tieni kundizzjoni hija ssodisfata, il-kwistjoni prinċipali hija li jiġi stabbilit jekk il-konċentrazzjoni ddefinita b’dan il-mod kinitx implementata. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni tikkunsidra b’mod żbaljat li t-tifsira ta’ “implimentata” fl-Artikolu 8(4)(a) hija ekwivalenti għat-tifsira ta’ “kontroll akkwistat” fis-sens ta’ l-Artikolu 3(2) tar-Regolament. Fil-fehma tar-rikorrenti, l-Artikolu 8(4)(a) ma jagħmilx riferiment għall-“akkwist ta’ kontroll” iżda jadotta biss il-kelma “implimentata”. Skond ir-rikorrenti, il-fatt li din il-konċentrazzjoni qatt ma seħħet b’mod totali, peress li twaqqfet mill-Kummissjoni, ma jfissirx li l-konċentrazzjoni ma ġietx implementata, għalkemm b’mod parzjali, permezz tat-tranżazzjonijiet li jsir riferiment għalihom fil-punt 12 tad-deċiżjoni ta’ projbizzjoni.

74      In sostenn ta’ l-argument tagħha, waqt is-seduta, ir-rikorrenti pprovat tippreżenta bħala provi ġodda komunikazzjonijiet għall-istampa ppubblikati mill-Kummissjoni li, skond ir-rikorrenti, juru li hija prassi komuni għall-Kummissjoni li tikkunsidra passi li kważi jammontaw għal kontroll bħala “implimentazzjoni”. Ir-rikorrenti tallega li dawn id-dokumenti juru li l-Kummissjoni fil-passat wettqet spezzjonijiet mingħajr avviż minn qabel biex tara jekk partijiet f’konċentrazzjoni kinux implementaw akkwist taħt stħarriġ mill-Kummissjoni, bi ksur ta’ l-Artikolu 7(1) tar-Regolament.

75      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tressaq argument legali bbażat fuq l-Artikolu 7 tar-Regolament. Skond l-Artikolu 7(1), konċentrazzjoni b’dimensjoni Komunitarja ma tistax tiġi implementata qabel ma tiġi ddikjarata bħala kompatibbli mas-suq komuni. L-Artikolu 7(2) jistabbilixxi li l-Artikolu 7(1) ma għandux ifixkel l-implementazzjoni ta’ offerta pubblika jew ta’ serje ta’ tranżazzjonijiet f’titoli, sakemm il-konċentrazzjoni tkun innotifikata lill-Kummissjoni u sakemm l-akkwirenti ma teżerċitax id-drittijiet tal-vot marbuta mat-titoli miksuba, ħlief abbażi ta’ deroga mogħtija mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 7(3).

76      Ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 7(2), moqrija flimkien, għandhom jipprojbixxu lil Ryanair milli teżerċita d-drittijiet tal-vot tagħha ħlief skond deroga mogħtija mill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 7(3)

77      Il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti naqset milli tistabilixxi każ prima facie li jiġġustifika l-adozzjoni tal-miżuri provviżorji mitluba. Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tosserva li r-Regolament japplika biss għal konċentrazzjonijiet fis-sens ta’ l-Artikolu 3, u mhux għall-akkwist ta’ sehem minoritarju li ma jikkonferixxix kontroll skond l-Artikolu 3(2), jiġifieri, influwenza deċiżiva, u li mhuwiex ikkontestat li s-sehem ta’ Ryanair f’Aer Lingus ma jagħtihiex kontroll fuq dik il-kumpannija.

78      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li d-definizzjoni ta’ diversi tranżazzjonijiet bħala li jiffurmaw parti minn konċentrazzjoni waħda tiggarantixxi li t-tranżazzjonijiet kollha jiġu nnotifikati flimkien lill-Kummissjoni, u tipproteġi l-prinċipju ta’ ‘one-stop shop’. Madankollu, skond il-Kummissjoni, dan ma jfissirx li hija kompetenti sabiex tikkontrolla ishma minoritarji bħala tali.

79      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni ssostni li ladarba l-konċentrazzjoni waħda ddefinita waqt il-proċedura amministrattiva tinqasam, l-Artikolu 21(3) tar-Regolament ma jibqax jipprekludi lill-Istati Membri milli japplikaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom dwar il-kompetizzjoni fuq tali sehem minoritarju.

80      Fir-raba’ lok, safejn jirrigwarda l-interpretazzjoni teleoloġika tad-dispożizzjonijiet in kwistjoni, il-Kummissjoni ssostni li l-interpretazzjoni ta’ Aer Lingus ta’ tali dispożizzjonijiet hija kuntrarja għall-għan ġenerali tar-Regolament, li huwa l-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet fis-sens ta’ l-Artikolu 3.

81      Fl-aħħar lok, il-Kummissjoni targumenta li d-deċiżjonijiet preċedenti tagħha taħt l-Artikolu 8(4) tar-Regolament ma jsostnux l-argument ta’ Aer Lingus li konċentrazzjoni tista’ titqies bħala implementata fin-nuqqas ta’ l-akkwist tal-kontroll, peress li fil-każijiet preċedenti kollha, il-kontroll kien ġie akkwistat.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza

82      Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni rrifjutat b’mod inġust li tieħu passi skond l-Artikolu 8(4) u (5) tar-Regolament kontra s-sehem minoritarju ta’ Ryanair f’Aer Lingus. F’dan ir-rigward, Aer Lingus issostni li s-sehem minoritarju in kwistjoni għandu diversi effetti negattivi sostanzjali fuq il-kompetizzjoni u li l-Kummissjoni żbaljat meta kkonkludiet li ma kellhiex il-kompetenza sabiex tieħu passi taħt l-Artikolu 8(4) u (5) f’dan il-każ.

83      Fir-rigward ta’ l-ewwel argument tar-rikorrenti li jirrigwarda l-affermazzjoni fil-punt 12 tad-deċiżjoni kkontestata li “ma jistax ikun hemm effetti negattivi peress li Ryanair ma akkwistatx, u ma tistax takkwista, il-kontroll ta’ Aer Lingus”, huwa ċar minn qari iktar fid-dettall tad-deċiżjoni kkontestata li tali stqarrija ttieħdet barra mill-kuntest tagħha, ma tifformax il-bażi għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tadottax il-miżuri mitluba mir-rikorrenti taħt l-Artikolu 8(4) u (5), u hija għaldaqstant irrilevanti għall-għanijiet tal-proċeduri preżenti. Huwa minnu li r-raġunament wara d-deċiżjoni kkontestata huwa b’mod ċar li, skond il-Kummissjoni, ebda konċentrazzjoni ma ġiet implementata fiċ-ċirkustanzi preżenti u li għaldaqstant il-Kummissjoni m’għandha ebda kompetenza tadotta miżuri skond l-Artikolu 8(4) u (5) fir-rigward tas-sehem minoritarju in kwistjoni, irrispettivament minn jekk sehem minoritarju jistax jitqies li jqajjem preokkupazzjonijiet ta’ kompetizzjoni jew le.

84      Minn dan isegwi li l-argumenti mressqa mir-rikorrenti in sostenn ta’ din l-allegazzjoni, b’mod partikolari dawk intiżi biex juru li din l-allegazzjoni hija konsistenti mal-fatti tal-kawża, mat-‘teoriji ekonomiċi ta’ awtorità’, u mad-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni, ma jeħtiġux iktar kunsiderazzjoni.

85      Fuq il-bażi ta’ l-argumenti tal-partijiet, kif spjegati iktar’il fuq u kif diskussi waqt is-seduta, il-kwistjoni prinċipali li għandha tiġi indirizzata mill-President fil-proċeduri preċedenti għal miżuri provviżorji, safejn huwa kkonċernat ir-rekwiżit ta’ każ prima facie, hija jekk ir-rikorrenti pprovatx b’mod adegwat li, prima facie, il-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat l-espressjoni “implimentata” fl-Artikolu 8 bħala li timplika l-akkwist ta’ kontroll u li, min-naħa l-oħra, il-kundizzjoni ta’ ‘implimentazzjoni’ għandha titqies bħala li hija ssodisfata bi kwalunkwe azzjoni jew passi meħuda mill-parti li tagħmel in-notifika bil-għan li timmaterjalizza l-konċentrazzjoni. Fi kliem ieħor, il-kwistjoni hija jekk “implimentazzjoni parzjali” jew implementazzjoni ta’ wħud mill-elementi li flimkien jikkostitwixxu l-konċentrazzjoni waħda nnotifikata jistgħux jikkostitwixxu “implimentazzjoni” ta’ dik il-konċentrazzjoni b’tali mod li jiskattaw il-kompetenzi tal-Kummissjoni taħt l-Artikolu 8(4) u (5).

86      In sostenn ta’ l-interpretazzjoni tagħha ta’ l-Artikolu 8(4) u (5), Aer Lingus tagħmel riferiment għall-ġurisprudenza tal-qrati Komunitarji (punt 68 iktar’il fuq) fejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludew li, fejn ikun hemm żewġ interpretazzjonijiet possibbli tar-Regolament, għandha tiġi adottata l-interpretazzjoni li tirrifletti b’mod aħjar l-għan tar-Regolament.

87      Fir-rigward tal-ġurisprudenza li tibbaża ruħha fuqha r-rikorrenti, għandu jiġi nnotat li l-Qorti tal-Ġustizzja f’Kali und Salz, u l-Qorti tal-Prim’Istanza f’Gencor, ikkonstataw li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament in kwistjoni kellhom jiġu interpretati b’riferiment għall-għan tar-Regolament peress li l-portata preċiża tad-dispożizzjonijiet in kwistjoni ma setgħetx tiġi evalwata b’mod konklużiv fuq il-bażi tat-termini tagħhom biss (sentenzi Kali und Salz, punt 168, u Gencor, punt 148).

88      Għaldaqstant, qabel ma titwettaq analiżi ta’ l-Artikolu 8(4) u (5) b’riferiment għall-għan tar-Regolament, huwa qabel kollox neċessarju li jiġi ddeterminat jekk it-termini tad-dispożizzjonijiet in kwistjoni mhumiex ċari biżżejjed u jekk jippermettux iż-żewġ interpretazzjonijiet differenti mressqa mir-rikorrenti.

89      F’dan ir-rigward għandu qabel kollox jiġi nnotat li d-definizzjoni tat-terminu bl-Ingliż “implementation” tista’ tinkludi kemm li “jintlaħaq xi skop” u kemm “it-twettiq” u tista’ għaldaqstant, bħala prinċipju, toħloq konfużjoni fir-rigward tal-portata preċiża tad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(4) u (5). Filwaqt li l-użu tal-preżent perfett sempliċi fl-espressjoni “kienet diġà ġiet implimentata” fl-Artikolu 8(4)(a) u (5)(ċ) tar-Regolament jista’ jagħti l-impressjoni li din l-espressjoni tirriferi għal sitwazzjoni fejn ikun “intlaħaq xi skop”, din il-kunsiderazzjoni waħedha mhijiex biżżejjed sabiex tistabbilixxi, anke prima facie, il-portata tal-kompetenzi tal-Kummissjoni taħt l-Artikolu 8 tar-Regolament.

90      Madankollu, hija ġurisprudenza stabbilita li l-ħtieġa ta’ interpretazzjoni uniformi tar-regolamenti Komunitarji tagħmilha impossibbli li leġiżlazzjoni speċifika tiġi kkunsidrata b’mod iżolat u teħtieġ li, fil-każ ta’ dubju, regolament għandu jiġi interpretat u applikat fid-dawl tal-verżjonijiet fil-lingwi uffiċjali l-oħra (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Ottubru 1996, Lubella, Ġabra p. I-5105, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant huwa neċessarju li jiġi żgurat li l-verżjoni Ingliża ta’ l-Artikolu 8(4) u (5) tar-Regolament ma tagħtix lill-espressjoni in kwistjoni tifsira differenti minn dik tal-verżjonijiet fil-lingwi uffiċjali l-oħra, u tali espressjoni għandha tiġi interpretata u applikata fid-dawl tal-verżjonijiet fil-lingwi uffiċjali l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Frar 1997, Ebony Maritime u Loten Navigation, C-177/95, Ġabra p. I-1111, punti 29 sa 31). F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li fil-verżjoni Franċiża ta’ l-Artikolu 8(4) l-espressjoni “kienet diġà ġiet implimentata” hija “a déjà été réalisée”, fil-verżjoni Taljanana “è già stata realizzata”, u fil-verżjoni Ġermaniża “vollzogen wurde”. Il-mod kif l-espressjoni “implimentata” tidher fl-eżempji tal-verżjonijiet fil-lingwi uffiċjali l-oħra jindika li, prima facie, id-definizzjoni ta’ “implimentazzjoni” prevista fl-Artikolu 8(4) u 8(5) tinkludi implementazzjoni sħiħa tal-konċentrazzjoni.

91      Fit-tieni lok, din il-konklużjoni tista’, prima facie, tiġi kkonfermata permezz ta’ paragun bejn il-verżjoni Franċiża ta’ l-Artikolu 8(4) u (5) u l-verżjoni Franċiża ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja oħra li fiha t-terminu “implimentazzjoni” huwa intiż b’mod ċar biex jindika t-“twettiq” iktar milli “l-att li jintlaħaq xi skop”. Eżempju ta’ tali użu tat-terminu “implimentazzjoni” jista’ jinstab fil-premessa 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004, tal-21 ta’ April 2004, li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat KE, li tindika li “[…] Dawk l-arranġamenti simplifikati għandhom ikunu aċċettati biss jekk il-Kummissjoni tkun ġiet regolarment informata dwar l-implementazzjoni ta’ għajnuna eżistenti konċernata”. It-terminu “implimentazzjoni” f’dan il-każ jidher fil-verżjoni Franċiża tal-premessa 3 bħala “mise en oeuvre”, u mhux bħala “réalisation”.

92      Fit-tielet lok, għandu jiġi kkunsidrat li ladarba jiskattaw il-kompetenzi tal-Kummissjoni taħt l-Artikolu 8(4), il-Kummissjoni tista’ titlob lill-impriżi kkonċernati sabiex “ixolju l-konċentrazzjoni”, espressjoni li, prima facie, timplika l-eżistenza ta’ konċentrazzjoni kif iddefinita fl-Artikolu 3 tar-Regolament, u għaldaqstant akkwist tal-kontroll. F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li, fil-kawża preżenti, huwa paċifiku li, bis-sehem minoritarju tagħha f’Aer Lingus, Ryanair mhijiex f’pożizzjoni li teżerċita de jure jew de facto kontoll fuq ir-rikorrenti.

93      Minn dan isegwi li, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu eżaminati fid-dettall l-argumenti tar-rikorrenti fir-rigward ta’ l-għan tar-Regolament, jista’ jiġi konkluż li r-rikorrent naqset milli tistabbilixxi l-eżistenza ta’ każ prima facie.

94      Din il-konklużjoni ma tistax titqiegħed in kwistjoni mill-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-Kummissjoni tittratta l-implementazzjoni parzjali bħala pprojbita mill-Artikolu 7(1), anke fir-rigward ta’ passi li kważi jammontaw għal trasferiment tal-kontroll, u tindika lill-partijiet li għandhom jastjenu milli jieħdu tali passi. Waqt is-seduta l-Kummissjoni kkonfermat li, għalkemm qatt ma ħadet pożizzjoni formali fir-rigward tal-kwistjoni jekk l-Artikolu 7 jipprekludix l-akkwist ta’ ishma minoritarji, fil-kuntest ta’ diskussjonijiet mal-partijiet li jagħmlu n-notifika l-Kummissjoni adottat il-politika li tistaqsi lill-akkwirent sabiex jastjeni milli jeżerċita drittijiet tal-vot, kemm jekk jirriżultaw minn sehem li jagħti drittijiet ta’ kontroll u kemm jekk jirriżultaw minn sehem minoritarju, sat-tmiem tal-proċeduri. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat qabel kollox li, fuq il-bażi tad-distribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni msemmija fil-punt 42 iktar’il fuq, l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju hija ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja u mhux tal-Kummissjoni, u li, għaldaqstant, il-prassi tal-Kummissjoni, minkejja li ġeneralment hija influwenti u ta’ importanza fid-determinazzjoni ta’ jekk jistgħux ikunu ġustifikati xi aspettattivi leġittimi, mhijiex konklużiva għall-finijiet tal-proċeduri preżenti. Fit-tieni lok, kif ġie rrilevat mill-Kummissjoni waqt is-seduta, anke li kieku l-Artikolu 7(1) tar-Regolament kellu jiġi interpretat bħala li jipprojbixxi biss bidla fil-kontroll waqt li jkun għadu għaddej l-istħarriġ tal-Kummissjoni, u mhux passi li kważi jammontaw għal bidla fil-kontroll bħall-eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot li jirriżultaw minn ishma minoritarji, fid-dawl tat-termini ta’ żmien stretti li fihom il-Kummissjoni għandha tistħarreġ konċentrazzjoni nnotifikata u l-għaqda ta’ fatturi li jistgħu jirriżultaw f’kontroll f’każ partikolari, jibqa’ leġittimu għall-Kummissjoni li titlob lill-partijiet sabiex ma jieħdu ebda azzjoni li tista’ twassal għal bidla fil-kontroll. Barra minn hekk, għalkemm, prima facie, mhuwiex rekwiżit li jirriżulta mir-Regolament, il-partijiet li jagħmlu n-notifika jistgħu jikkunsidraw li jkun vantaġġjuż li jiffaċilitaw il-proċess amministrattiv tal-Kummissjoni billi jilqgħu tali talba u, b’hekk, jevitaw ir-riskju li l-Kummissjoni tikkunsidra li huwa neċessarju li twettaq spezzjonijiet fil-bini tal-partijiet sabiex tivverifika jekk xi passi meħuda mill-partijiet li jagħmlu n-notifika jirriżultax, fil-fatt, f’bidla fil-kontroll.

95      Fir-rigward tal-komunikazzjonijiet għall-istampa, li, skond ir-rikorrenti, juru li hija prassi komuni għall-Kummissjoni li tikkunsidra passi li kważi jammontaw għal kontroll bħala “implimentazzjoni”, għandu jiġi rrilevat mill-bidu li ebda spjegazzjoni ma ngħatat mir-rikorrenti għalfejn il-komunikazzjonijiet għall-istampa in kwistjoni, li waħda minnhom inħarġet lura fl-1997, ma kinux disponibbli għaliha fiż-żmien meta ppreżentat ir-rikors tagħha u għalfejn ġew ippreżentati f’fażi tant tardiva tal-proċeduri. Madankollu, irrispettivament mill-kwistjoni jekk din il-prova tardiva hijiex ammissibbli jew le, huwa biżżejjed li jiġi ddikjarat li tali prova mhijiex konklużiva fir-rigward tat-tifsira ta’ l-espressjoni “implimentazzjoni”. B’mod partikolari, l-informazzjoni fil-komunikazzjonijiet għall-istampa msemmija ma tidhirx li għandha xi impatt fuq il-kunsiderazzjonijiet magħmula iktar’il fuq.

96      Waqt is-seduta, l-avukat tal-parti intervenjenti għamel riferiment għall-użu tal-ħin tal-Qorti tal-Prim’Istanza mir-rikorrenti meta ppreżentat prova tardiva ta’ dan it-tip bħala kważi disprezz tal-qorti. Mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiddeċiedi dwar din l-allegazzjoni serja, il-President iqis li fi kwalunkwe każ tali prova mhijiex konklużiva, u li, f’dan ir-rigward ukoll, jista’ jiġi konkluż li r-rikorrenti naqset milli tistabbilixxi l-eżistenza ta’ każ prima facie.

97      Fir-rigward ta’ l-ewwel allegazzjoni tagħha li s-sehem ta’ Ryanair f’Aer Lingus iwassal għal preokkupazzjonijiet serji dwar il-kompetizzjoni, ir-rikorrenti argumentat li ċ-ċaħda tal-Kummissjoni li tadotta miżuri taħt l-Artikolu 8(4) biex tordna lil Ryanair tiddisponi mis-sehem minoritarju tagħha hija kuntrarja għad-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni u għamlet riferiment b’mod partikolari għad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni f’Tetra Laval/Sidel u Schneider/Legrand. F’dan ir-rigward, għal finijiet ta’ kompletezza, għandu jiġi rrilevat li dawn il-provi lanqas ma jistgħu jegħlbu l-konklużjonijiet li ntlaħqu hawn fuq. B’mod partikolari, il-fatt li f’Tetra Laval/Sidel u Schneider/Legrand il-Kummissjoni kkonstatat li ż-żamma ta’ sehem minoritarju fil-kumpannija destinatarja fit-tranżazzjoni nnotifikata li kienet ġiet ipprojbita skond ir-Regolament kienet tipprekludi r-restawrazzjoni ta’ kompetizzjoni effettiva u għaldaqstant ordnat id-disponiment ta’ l-ishma kollha akkwistati, huwa irrilevanti għall-għanijiet tal-proċeduri preżenti. Huwa minnu li huwa konsistenti mal-konklużjonijiet imsemmija hawn fuq li l-kompetenzi tal-Kummissjoni f’dawk il-każijiet kienu bdew joperaw permezz ta’ l-“implimentazzjoni” tat-tranżazzjoni, fi kliem ieħor, permezz tal-bidla fil-kontroll. Ladarba l-kompetenzi tal-Kummissjoni kienu bdew joperaw, il-Kummissjoni kienet intitolata, kif jipprovdi speċifikament l-Artikolu 8(4), “titlob lill-impriżi konċernati biex ixolju l-konċentrazzjoni, b’mod partikolari permezz tax-xoljiment ta’ l-għaqda jew tad-disponiment ta’ l-ishma u l-assi kollha li kienu akkwistati, sabiex treġġa’ lura s-sitwazzjoni għal kif kienet qabel l-implimentazzjoni tal-konċentrazzjoni”.

98      F’dak li jirrigwarda l-osservazzjoni tar-rikorrenti bbażata fuq l-Artikolu 7, fis-sens li peress li l-akkwist propost kien għadu ma ġiex iddikjarat kompatibbli mas-suq komuni, Ryanair setgħet takkwista titoli jew timplementa offerta pubblika fil-kuntest tat-tranżazzjoni nnotifikata bil-kundizzjoni li ma teżerċitax id-drittijiet tal-vot annessi mat-titoli akkwistati, ħlief permezz ta’ deroga mill-Kummissjoni, huwa biżżejjed li jingħad li l-istess interpretazzjoni tat-terminu “implimentazzjoni” identifikata iktar’il fuq għandha tapplika mutatis mutandis għall-argumenti tar-rikorrenti fir-rigward ta’ l-Artikolu 7.

99      Għaldaqstant, fir-rigward ta’ dan l-argument ukoll, Aer Lingus naqset milli tistabbilixxi l-eżistenza ta’ każ prima facie.

100    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 8(4) u (5) adottata mill-Kummissjoni, flimkien ma’ l-Artikolu 21(3), li jipprojbixxi lill-Istati Membri milli japplikaw il-liġi nazzjonali fuq il-kompetizzjoni tagħhom għal konċentrazzjoni li jkollha dimensjoni Komunitajra, tagħti lok għal lakuna li mhijiex kompatibbli ma’ l-għan tar-Regolament. F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jiġi rrilevat li l-istess sitwazzjoni fattwali, fejn impriża jkollha sehem minoritarju f’kompetitur, li ma jirriżultax f’kontroll, u fejn tali kompetitur jikkunsidra s-sehem minoritarju in kwistjoni bħala dannuż għall-kompetizzjoni, tista’ tirriżulta f’każijiet fejn tali sehem minoritarju ma jkunx akkwistat fil-kuntest ta’ konċentrazzjoni. F’sitwazzjoni bħal din huwa ċar li r-Regolament ma japplikax, u l-impossibbiltà għall-Kummissjoni li tanalizza s-sehem minoritarju in kwistjoni taħt l-Artikolu 8(4) u (5) tar-Regolament ma tistax titqies, b’mod ċar, bħala lakuna fl-abbiltà tal-Komunità li tiggarantixxi kompetizzjoni mingħajr distorsjoni.

101    F’dak li jirrigwarda l-operazzjoni ta’ l-Artikolu 21, għandu jiġi rrilevat qabel kollox li, l-Artikolu 21(3) għandu jinqara flimkien ma’ l-Artikolu 21(1). L-Artikolu 21(1) jipprovdi li r-Regolament biss għandu japplika għal konċentrazzjonijiet li jkollhom dimensjoni Komunitarja kif definita fl-Artikolu 3 tar-Regolament. F’dan id-dawl, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża preżenti, fejn konċentrazzjoni ġiet innotifikata, iddikjarata bħala inkompatibbli mas-suq komuni mill-Kummissjoni u fejn, fuq dan il-bażi, ġiet abbandunata l-offerta pubblika, ma teżisti ebda konċentrazzjoni b’dimensjoni Komunitarja kif definita fl-Artikolu 3. Lanqas ma tista’ tiġi ppjanata konċentrazzjoni b’dimensjoni Komunitarja mill-partijiet f’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li tali konċentrazzjoni tkun tammonta għal ksur ta’ deċiżjoni eżistenti tal-Kummissjoni. Fuq din il-bażi, kif il-Kummissjoni tqis fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-Artikolu 21(3) ma jistax jingħad, prima facie, li japplika peress li ma teżisti u ma hija ppjanata ebda konċentrazzjoni, li għaliha r-Regolament biss għandu japplika. Is-sehem minoritarju li jibqa’ ma jkunx għadu, prima facie, marbut ma’ l-akkwist ta’ kontroll, ma jibqax jagħmel parti minn “konċentrazzjoni” u jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament. Għaldaqstant, bħala prinċipju, l-Artikolu 21, li skond il-premessa 8 tar-Regolament għandu l-għan li jassigura li l-konċentrazzjonijiet li jipproduċu bidla strutturali sinjifikattiva jiġu evalwati biss mill-Kummissjoni bl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ‘one stop shop’, ma jipprekludix, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-applikazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u mill-qrati nazzjonali tal-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni.

102    F’dan ir-rigward, il-fatt li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara bħala inkompatibbli mas-suq komuni l-konċentrazzjoni in kwistjoni qiegħda tiġi kkontestata quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza ma jagħmel ebda differenza materjali, peress li, fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 242 KE, rikors imressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja m’għandux effett ta’ sospensjoni. Barra minn hekk, jekk l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti responsabbli għall-kompetizzjoni jippreferixxu li ma jadottawx miżuri definittivi minħabba kunsiderazzjonijiet li jirrelataw ma’ l-ekonomija tal-proċedura, huma jistgħu jadottaw miżuri provviżorji sabiex jindirizzaw preokkupazzjoni identifikata minnhom fil-mori tal-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

103    Barra minn hekk, safejn hija kkonċernata l-eżistenza ta’ lakuna regolamentari, għandu jiġi rrilevat li, filwaqt li sehem minoritarju tat-tip in kwistjoni ma jistax, prima facie, jiġi rregolat mir-Regolament, jista’ jitqies li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar il-kompetizzjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 82 KE, jistgħu jiġu applikati mill-Kummissjoni għall-aġir ta’ l-impriżi involuti wara l-akkwist tas-sehem minoritarju. F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li skond l-Artikolu 7(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002, fejn issib li seħħ ksur ta’ l-Artikolu 81 KE jew ta’ l-Artikolu 82 KE, il-Kummissjoni għandha l-kompetenza timponi “kwalunkwe rimedju komportamentali jew strutturali li huma proporzjonali għall-ksur kommess u neċessarju biex iġib fit-temm dan il-ksur”.

104    Filwaqt li l-Artikolu 81 KE jista’, prima facie, ikun diffiċli li jiġi applikat f’kawżi, bħal dik preżenti, fejn il-ksur in kwistjoni jirriżulta mill-akkwist ta’ ishma fuq is-suq u, għaldaqstant, il-ftehim neċessarju jista’ jkun diffiċli li jiġi stabbilit, ir-rikorrenti tista’ titlob lill-Kummissjoni tiftaħ proċedura skond l-Artikolu 82 KE jekk temmen li Ryanair tgawdi pożizzjoni dominanti fuq suq jew swieq u qed tabbuża minn din il-pożizzjoni dominanti billi tinterferixxi fl-istrateġija kummerċjali ta’ kompetitur dirett u/jew billi tuża s-sehem minoritarju tagħha f’kompetitur biex iddgħajjef il-pożizzjoni tiegħu.

105    Għandu jiġi rrilevat ukoll li din is-sitwazzjoni tapplika f’kawżi, bħall-kawża preżenti, fejn il-partijiet kollha jaqblu li ma seħħet ebda bidla tal-kontroll għall-għanijiet tar-Regolament. Madankollu, jekk iktar tard jiġi kkonstatat li Ryanair tgawdi minn jew akkwistat kontroll fuq Aer Lingus permezz tas-sehem minoritarju tagħha, allura f’dak il-każ jista’ japplika l-Artikolu 8(4) u (5).

106    Għaldaqstant, fir-rigward ukoll ta’ dan il-motiv, li jirrigwarda l-eżistenza ta’ lakuna li mhijiex kompatibbli ma’ l-għan tar-Regolament, jista’ jiġi konkluż li r-rikorrenti naqset milli tistabbilixxi l-eżistenza ta’ każ prima facie.

107    Minn dan isegwi li r-rikorrenti naqset milli tistabbilixxi l-eżistenza ta’ każ prima facie.

 Urġenza

–       L-argumenti tal-partijiet

108    Ir-rikorrenti ssostni li l-kundizzjoni relatata ma’ l-urġenza hija ssodisfatta f’din il-kawża, b’mod partikolari safejn hemm ir-riskju li Ryanair tista’ timponi r-rieda tagħha fuq Aer Lingus fi kwalunkwe ħin.

109    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li, taħt l-istruttura kurrenti ta’ l-ishma f’Aer Lingus, Ryanair diġà tgawdi l-poter li twaqqaf riżoluzzjonijiet speċjali li jeħtieġu maġġoranza ta’ 75 %. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li Ryanair diġà użat is-sehem minoritarju tagħha f’Aer Lingus sabiex twaqqaf proposta għal riżoluzzjoni speċjali li permezz tagħha Aer Lingus kienet tkun awtorizzata toħroġ ishma addizzjonali li kien jammontaw għal 5 % tal-kapital azzjonarju maħruġ mingħajr ma tkun obbligata toffri l-ewwel dawn l-ishma lill-azzjonisti eżistenti.

110    Fit-tieni lok, minħabba diversi raġunijiet, il-piż ta’ Ryanair f’votazzjoni dwar riżoluzzjonijiet ordinarji hija fil-prattika iktar sinjifikattiva mill-piż li jagħtiha s-sehem taghha. B’mod partikolari, jekk jitqies li madwar 80 % biss ta’ l-ishma ta’ Aer Lingus ser jeżerċitaw id-dritt tal-vot f’laqgħa ġenerali, li skond ir-rikorrenti hija l-attendenza probabbli fuq il-bażi ta’ l-attendenza fl-ewwel, u s’issa l-unika, laqgħa ġenerali ta’ Aer Lingus, il-piż attwali tal-vot ta’ Ryanair huwa qrib l-40 %. Dan il-piż ikompli jiżdied mill-fatt li Ryanair hija l-ikbar azzjonista f’Aer Lingus u għandha esperjenza sinjifikattiva fil-qasam tat-trasport bl-ajru u, skond ir-rikorrenti, jista’ jkollha influwenza potenzjalment sinjifikattiva ħafna fuq l-azzjonisti l-oħra.

111    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li hemm possibbiltà li l-Gvern Irlandiż, li huwa t-tieni l-ikbar azzjonista f’Aer Lingus, jastjeni mir-riżoluzzjonijiet ta’ l-azzjonisti li jaffettwaw id-direzzjoni strateġika tal-kumpannija. Barra minn hekk, jista’ jkun hemm ċirkustanzi li fihom il-Gvern Irlandiż ikun imġiegħel jastjeni milli jivvota, per eżempju, fejn ikun parti fi tranżazzjoni. Skond ir-rikorrenti, dan jista’ jkun il-każ fejn Aer Lingus ikollha l-intenzjoni tidħol fi ftehim mad-Dublin Airport Authority, li l-kapital tagħha huwa miżmum kollu mill-amministrazzjoni pubblika, sabiex, per eżempju, tiżviluppa s-sit ta’ l-uffiċju prinċipali ta’ Aer Lingus. F’tali sitwazzjoni, is-sehem ta’ Ryanair ikun fil-fatt jirrappreżenta iktar minn 50 % tal-voti li probabbilment jintefgħu.

112    Barra minn hekk, Aer Lingus tressaq numru ta’ eżempji ta’ sitwazzjonijiet li fihom Ryanair tista’ tinterferixxi fin-negozju ta’ Aer Lingus billi tieħu vantaġġ mis-sitwazzjonijiet deskritti iktar’il fuq. B’mod partikolari, Ryanair tista’ tuża s-sehem tagħha f’Aer Lingus sabiex tmexxi l-quddiem il-kampanja taghha kontra t-Terminal 2 ta’ Dublin Airport, li skond ir-rikorrenti huwa essenzjali għall-pjanijiet ta’ tkabbir ta’ Aer Lingus. Bl-istess mod, Ryanair, fuq bażi tal-preferenza tagħha għal ajruplani Boeing, tista’ tinterferixxi fil-pjani ta’ Aer Lingus li tixtri ajruplani Airbus. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, Aer Lingus tirrapporta l-intenzjoni ta’ Ryanair li tinterferixxi fid-deċiżjoni tal-Bord ta’ Aer Lingus li jiġu abbandunati numru ta’ rotot u li jinfetħu rotot ġodda. Madankollu, waqt is-seduta ġie kkonfermat li tali attentati ma rnexxewx. Skond ir-rikorrenti, id-dannu li jista’ jirriżulta mill-eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot ta’ Ryanair bħala azzjonista minoritarja, jekk dan jirriżulta fit-telfa tal-Bord fuq kwistjoni ta’ politika kummerċjali, ikun gravi u irreparabbli, u t-tfixkil li jirriżulta għan-negozju ta’ Aer Lingus ma jkunx jista’ jiġi rrimedjat mid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-kawża prinċipali, jekk tabilħaqq ikun jista’ jiġi rrimedjat b’xi mod.

113    Waqt is-seduta, ir-rikorrenti pprovat tintroduċi bħala prova ġdida informazzjoni li tirrigwarda, inter alia, kuntratt ma’ Airbus għall-kunsinna ta’ ajruplani wiesgħa li, skond ir-rikorrenti, kellu jiġi approvat mill-azzjonisti ftit wara s-seduta, u li jikkostitwixxi aspett kruċjali ta’ l-istrateġija kummerċjali ta’ Aer Lingus sabiex tapprofitta mill-opportunitajiet li jirriżultaw mis-sistema Open Skies. Jekk l-inizjattivi tal-Bord fir-rigward ta’ tali opportunitajiet ma jiġux approvati mill-azzjonisti ta’ Aer Lingus fi żmien qasir, Aer Lingus ser tbati dannu gravi u irreparabbli peress li tali opportunitajiet ma jkunux disponibbli għal Aer Lingus wara deċiżjoni fil-kawża prinċipali.

114    Fl-aħħar lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza għandha, fil-kawża preżenti, tapplika l-“prinċipju ta’ prekawzjoni”, peress li, skond ir-rikorrenti, la darba jiġi pprovat li hemm riskju li mhux ta’ min jinjorah li Ryanair tista’ tikkawża jew tikkontribwixxi sabiex Aer Lingus iġġarrab dannu gravi u irreparabbli, il-Qorti tal-Prim’Istanza hija intitolata tieħu miżuri ta’ protezzjoni mingħajr ma jkollha tistenna iktar provi dwar ir-realtà ta’ dan ir-riskju.

115    Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni ssostni essenzjalment li l-kundizzjoni ta’ urġenza ma ġietx issodisfata.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza

116    Skond ġurisprudenza stabbilita, in-natura urġenti ta’ talba għal miżuri provviżorji għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-bżonn li tingħata ordni interlokutorja sabiex jiġi evitat li jiġi kkawżat dannu gravi u irreparabbli lill-parti li qed titlob il-miżura provviżorja. Hija dik il-parti li għandha ġġib il-prova li ma tistax tistenna l-eżitu tal-kawża prinċipali mingħajr ma tbati dannu ta’ dan it-tip (ara d-digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Novembru 2001, Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni, T-151/01 R, Ġabra p. II-3295, punt 187 u l-ġurisprudenza ċċitata).

117    Meta d-dannu jiddependi fuq il-fatt li jseħħu numru ta’ fatturi, huwa biżżejjed li dan id-dannu jkun previdibbli bi grad suffiċjenti ta’ probabbiltà (digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ Jannar 2004, Arizona Chemical et vs Il-Kummissjoni, iċċitat fil-punt 49 iktar’il fuq, punt 71; ara wkoll, f’dan is-sens, id-digrieti tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 1993, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-280/93 R, Ġabra p. I-3667, punti 32 sa 34, u tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Diċembru 1999, HFB et vs Il-Kummissjoni, C-335/99 P(R), Ġabra p. I-8705, punt 67). Madankollu, ir-rikorrenti tibqa’ obbligata tipprova l-fatti li huma meqjusa li juru l-probabbiltà ta’ tali dannu gravi u irreparabbli (digriet Arizona Chemical et vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar’il fuq, punt 72; ara wkoll, f’dan is-sens, id-digriet HFB et vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar’il fuq, punt 67).

118    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, sabiex ikun jista’ jiddetermina jekk id-dannu li tista’ tbati r-rikorrenti huwiex gravi u irreparabbli u għaldaqstant, jekk jipprovdix bażi għall-adozzjoni ta’ miżuri provviżorji, l-Imħallef għal miżuri provviżorji jrid ikollu provi konkreti li jippermettulu jiddetermina l-konsegwenzi preċiżi li probabbilment jirriżultaw għall-impriżi kollha kkonċernati fin-nuqqas tal-miżuri mitluba.

119    Għaldaqstant, bħala punt preliminari, għandu jiġi enfasizzat li l-argument tar-rikorrenti li l-President għandu japplika l-“prinċipju ta’ prekawzjoni”, u li l-Qorti tal-Prim’Istanza hija intitolata tapplika “miżuri ta’ protezzjoni” mingħajr ma jkollha għalxiex tistenna provi tar-realtà tar-riskju allegat mir-rikorrenti huwa manifestament inkonsistenti mal-prinċipji u l-ġurisprudenza applikabbli għat-talbiet għal miżuri provviżorji u għaldaqstant ma jistax jintlaqa’.

120    Fil-kawża preżenti, ir-rikorrenti ssostni li l-indħil fin-negozju tagħha mill-azzjonista u kompetitriċi prinċipali tagħha Ryanair tqiegħda f’pożizzjoni diffiċli ħafna u li, konsegwentement, tikkawżalha dannu gravi u irreparabbli. B’mod partikolari, ir-rikorrenti ressqet numru ta’ sitwazzjonijiet li fihom Ryanair tista’ tinfluwenza r-riżultat ta’ votazzjoni fir-rigward ta’ diversi kwistjonijiet li huma, skond ir-rikorrenti, essenzjali għall-pjanijiet ta’ tkabbir li l-Bord ta’ Aer Lingus ħejja għall-kumpannija.

121    F’dan ir-rigward, bħala punt preliminari, għandu jiġi enfasizzat li mhuwiex qiegħed jiġi allegat mir-rikorrenti li Ryanair qiegħda f’pożizzjoni li teżerċita kontroll fuq Aer Lingus. Fuq il-bażi tad-definizzjoni ta’ kontroll fl-Artikolu 3(2), isegwi li Ryanair ma tistax titqies li qiegħda f’pożizzjoni li minnha tiġi “eżerċitata influwenza deċiżiva” fuq Aer Lingus.

122    Kemm fl-osservazzjonijiet bil-miktub u kemm matul is-seduta, fejn ingħatat opportunità suffiċjenti biex tippreżenta l-kawża tagħha, ir-rikorenti, barra minn hekk, naqset milli tipprovdi provi konkreti biżżejjed fir-rigward tat-tip ta’ dannu li Aer Lingus qiegħda fil-periklu li ġġarrab, il-probabbiltà li tali dannu jseħħ, u jekk dan id-dannu huwiex fil-fatt gravi u irreparabbli. Per eżempju, ir-rikorrenti naqset milli tipprovdi provi konkreti biżżejjed biex tistabilixxi, fir-rigward ta’ kull eżempju mressaq minnha, inter alia, jekk u meta għandha tinżamm votazzjoni, għalfejn votazzjoni għandha tinżamm qabel ma tingħata d-deċiżjoni fil-kawża prinċipali, għalfejn Ryanair biss tista’, f’sitwazzjonijiet speċifiċi, topponi proposta tal-Bord jew tgħaddi r-riżoluzzjoni tagħha stess. Barra minn hekk, Aer Lingus naqset milli tipprovdi provi suffiċjenti sabiex issostni l-allegazzjoni tagħha li d-dannu li jirriżulta jkun gravi u irreparabbli.

123    Minn dan isegwi li l-affermazzjonijiet imressqa mir-rikorrenti jibqgħu ipotetiċi u stqarrijiet bla sustanza li ma jissodisfawx il-kundizzjoni ta’ prevedibbiltà tad-dannu bil-grad ta’ probabbiltà meħtieġ.

124    Fl-ewwel lok, fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, ta’ l-argument li taħt l-istruttura ta’ l-ishma kurrenti ta’ Aer Lingus, Ryanair diġà tgawdi l-poter li twaqqaf riżoluzzjonijiet speċjali li jeħtieġu maġġoranza ta’ 75 %, u f’okkażjoni waħda diġà għamlet dan, Aer Lingus naqset milli tipprovdi provi konkreti li juru li huwa antiċipat li qabel id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-kawża prinċipali ser ikun meħtieġ li tiġi approvata tali riżoluzzjoni. Barra minn hekk, Aer Lingus naqset milli tipprovdi provi konkreti li jindikaw bil-grad ta’ probabbiltà meħtieġ li Ryanair ser topponi tali riżoluzzjoni speċjali ipotetika, u naqset milli tipprovdi kwalunkwe prova konkreta biex issostni l-istqarrija tagħha li tali oppożizzjoni probabbilment toħloq dannu gravi u irreparabbli għal Aer Lingus. B’riferiment għall-eżempju ta’ l-unika riżoluzzjoni speċjali li Ryanair opponiet b’suċċess s’issa, l-ebda provi konkreti ma tressqu minn Aer Lingus in sostenn ta’ l-istqarrija tagħha li n-nuqqas tal-Bord li jikseb it-tneħħija tad-drittijiet ta’ prelazzjoni ta’ l-azzjonisti probabbilment jirriżulta f’dannu gravi u irreparabbli għal Aer Lingus.

125    Fit-tieni lok, fir-rigward ta’ l-argument ta’ Aer Lingus li l-piż ta’ Ryanair f’vot dwar riżoluzzjonijiet ordinarji huwa iktar sinjifikattiv mill-piż mogħti lilha mis-sehem tagħha, għandu jiġi rrilevat għal darb’oħra li, permezz ta’ dan l-argument, ir-rikorrenti mhijiex qed tallega li Ryanair qiegħda f’pożizzjoni ta’ kontroll de jure jew de facto. Barra minn hekk, Aer Lingus naqset milli tipprovdi provi konkreti biex turi li huwa antiċipat li qabel id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-kawża prinċipali ser ikun meħtieġ li tiġi approvata tali riżoluzzjoni. Barra minn hekk, Aer Lingus naqset milli tipprovdi provi konkreti in sostenn ta’ l-istqarrija tagħha li tali oppożizzjoni aktarx tirriżulta f’dannu gravi u irreparabbli għaliha.

126    F’dan il-kuntest, Aer Lingus allegat li s-sehem ta’ Ryanair jista’ jwassal għal dannu serju għall-kompetizzjoni prinċipalment fil-kuntest ta’ żewġ kwistjonijiet, jiġifieri l-proposta tal-Bord ta’ Aer Lingus għall-akkwist ta’ ajruplani Airbus, u l-pjanijiet tal-Bord fir-rigward tat-Terminal 2 ta’ Dublin Airport.

127    Fir-rigward tal-proposta tal-Bord għall-akkwist ta’ ajruplani Airbus, għandu qabel kollox jiġi rrilevat li l-konklużjoni ta’ Aer Lingus li Ryanair kienet ser toġġezzjona għal tali akkwist hija bbażata fuq il-preżunzjoni ġenerali li, peress li Ryanair għandha flotta komposta minn Boeing biss, Ryanair kienet ser timponi l-akkwist ta’ ajruplani Boeing fuq Aer Lingus, u fuq komunikat għall-istampa li fih Ryanair allegatament qalet li kienet se tiżgura l-bidla tal-flotta ta’ Aer Lingus fi flotta komposta minn Boeing biss. F’dan ir-rigward, ġie rrilevat minn Ryanair waqt is-seduta, mingħajr ma dan ġie kkontestat minn Aer Lingus, li tali intenzjoni ġiet espressa fi żmien meta l-akkwist kien qiegħed jiġi ppjanat, u li l-għan tal-ħsieb li l-flotta ta’ Aer Lingus tinbidel fi flotta komposta minn Boeing biss kien sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni ta’ Aer Lingus f’Ryanair. Filwaqt li Ryanair appellat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara l-akkwist tagħha ta’ Aer Lingus inkompatibbli mas-suq komuni, u fuq dan il-bażi jista’ jingħad li għadha qed tippjana, fl-aħħar mill-aħħar, il-possibbiltà ta’ l-integrazzjoni ta’ Aer Lingus f’Ryanair, ma jistax jigi konkluż fuq il-bażi ta’ l-evidenza pprovduta li hemm probabbiltà suffiċjenti li Ryanair se topponi l-proposta tal-Bord ta’ Aer Lingus li jiġu akkwistati ajruplani Airbus.

128    Barra minn hekk, għalkemm waqt is-seduta, Aer Lingus sostniet li l-akkwist ta’ ajruplani wiesgħa Airbus kien antiċipat, u li dan kellu jiġi approvat mill-azzjonisti ftit wara s-seduta, Aer Lingus naqset milli turi sal-grad ta’ probabbiltà meħtieġ li, jekk tali approvazzjoni tkun meħtieġa, l-attendenza għal-laqgħa ta’ l-azzjonisti se tkun tant baxxa li tipprovdi lil Ryanair b’biżżejjed piż fil-vot sabiex timpedixxi l-approvazzjoni ta’ dan l-akkwist, u inqas u inqas sabiex timponi l-akkwist ta’ ajruplani Boeing. Fl-aħħar, anke jekk jitqies li Ryanair se tkun f’pożizzjoni li toġġezzjona għall-akkwist ta’ ajruplani Airbus, Aer Lingus ma allegatx li jekk il-kuntratt ma jiġix konkluż sa ċertu data, l-għażla tagħha neċessarjament tiskadi.

129    Bl-istess mod, fir-rigward ta’ l-allegazzjoni ta’ Aer Lingus li l-Gvern Irlandiż jista’ jiddeċiedi, jew ikun meħtieġ mil-liġi Irlandiża, li jastjeni minn ċerti riżoluzzjonijiet ta’ l-azzjonijiet, ebda provi konkreti ma tressqu biex juru li kwistjoni speċifika li fir-rigward tagħha l-Gvern Irlandiż ma jeżerċitax id-drittijiet tal-vot tiegħu hija antiċipata li teħtieġ l-appoġġ ta’ l-azzjonisti qabel ma tingħata d-deċiżjoni fil-kawża prinċipali mill-Qorti tal-Prim’Istanza. Barra minn hekk, Aer Lingus naqset milli tipprovdi provi konkreti li jindikaw sal-grad ta’ probabbiltà meħtieġ li tali astensjoni probabbilment tirriżulta fiċ-ċaħda tal-proposta tal-Bord, u li din min-naħa tagħha aktarx tirriżulta f’dannu gravi u irreparabbli għal Aer Lingus. B’riferiment għall-eżempju speċifiku ta’ Terminal 2, Aer Lingus ma pprovdiet ebda provi konkreti in sostenn ta’ l-istqarrija tagħha li riżoluzzjoni ta’ l-azzjonijisti hija meħtieġa sabiex jiġu approvati l-pjanijiet tal-Bord f’dan il-kuntest, u lanqas ma tressqu xi provi konkreti li juru li l-Gvern Irlandiż, skond il-liġi Irlandiża, huwa meħtieġ jastjeni milli jeżerċita d-drittijiet tal-vot tiegħu. Fl-aħħar, ma tressqet ebda evidenza in sostenn ta’ l-argument li n-nuqqas tal-Bord li jikseb l-approvazzjoni ta’ l-azzjonisti fir-rigward ta’ l-approċċ tiegħu għall-użu ta’ Terminal 2 aktarx jikkawża dannu għal Aer Lingus li jkun gravi u irreparabbli.

130    Barra minn hekk, fl-osservazzjonijiet tagħħa li jirrigwardaw dawn il-kwistjonijiet, ir-rikorrenti naqset milli turi li d-dannu li Aer Lingus allegatament se tbati huwa ta’ tip mhux finanzjarju.

131    Fir-rigward ta’ dannu finanzjarju, għandu jiġi rrilevat f’dan l-istadju li hija ġurisprudenza kostanti li dannu ta’ din in-natura ma jistax, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, jiġi meqjus bħala irreparabbli jekk fl-aħħar mill-aħħar jista’ jkun is-suġġett ta’ kumpens finanzjarju. Dannu finanzjarju jista’ jiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżuri provviżorji biss meta jidher li, mingħajr il-miżuri mitluba, ir-rikorrenti tkun f’sitwazzjoni li tqiegħed fil-perikolu l-eżistenza tagħha qabel id-deċiżjoni finali fil-kawża prinċipali jew li tbiddel b’mod irreparabbli l-pożizzjoni tagħha fuq is-suq (digrieti tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-3 ta’ Diċembru 2002, Neue Erba Lautex vs Il-Kummissjoni, T-181/02 R, Ġabra p. II-5081, punt 84; ta’ l-20 ta’ Lulju 2000, Esedra vs Il-Kummissjoni, T-169/00 R, Ġabra p. II-2951, punt 45; tas-27 ta’ Lulju 2004, TQ3 Travel Solutions Belgium vs Il-Kummissjoni, T-149/04 R, Ġabra p. II-3027, punt 46, u ta’ l-10 ta’ Novembru 2004, Wam vs Il-Kummissjoni, T-316/04 R, Ġabra p. II-3917, punt 29). F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jingħad li r-rikorrenti f’ebda mument ma allegat li, mingħajr il-miżuri provviżorji mitluba, l-eżistenza tagħha se tkun fil-perikolu jew il-pożizzjoni tagħha fuq is-suq se titbiddel b’mod irreparabbli qabel ma tingħata d-deċiżjoni finali fil-kawża prinċipali.

132    Waqt is-seduta, ir-rikorrenti offriet li tipprovdi, in camera, u fin-nuqqas tal-preżenza ta’ l-intervenjenti, informazzjoni ġdida u iktar speċifika li tirrigwarda l-eżempji ta’ dannu msemmija iktar’il fuq. Bħala eżempju ta’ l-informazzjoni li setgħat tipprovdi f’seduta in camera, ir-rikorrenti spjegat li votazzjoni fuq livell ta’ l-azzjonisti kienet dalwaqt se tkun neċessarja sabiex jiġi approvat kuntratt għall-akkwist ta’ ajruplani Airbus, kuntratt li l-informazzjoni dettaljata relatata miegħu kienet strettament kunfidenzjali. Madankollu, ir-rikorrenti ma spjegatx kif l-informazzjoni addizzjonali setgħet tissodisfa l-kundizzjoni ta’ urġenza sabiex jiġu adottati miżuri provviżorji. Barra minn hekk, ir-rikorrenti naqset milli tispjega għalfejn tali informazzjoni addizzjonali ma setgħetx tiġi pprovduta mar-rikors tagħha, b’talba għal kunfidenzjalità, u kellha tiġi introdotta f’din il-fażi tardiva tal-proċeduri. Fl-aħħar, mill-kunsiderazzjonijiet magħmula qabel jirriżulta li fir-rigward ta’ l-ammissibbiltà ta’ talba għal miżuri provviżorji kontra Ryanair jew li jkollhom impatt fuq Ryanair, tali evidenza mressqa fin-nuqqas tal-preżenza ta’ Ryanair ma tistax tintuża bħala bażi għal miżuri provviżorji, peress li dan jirriżulta fi ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ Ryanair. L-unika eċċezzjoni għal dan il-prinċipju, li hija bbażata fuq in-natura temporanja tal-miżuri provviżorji, tapplika f’każijiet fejn, fin-nuqqas tal-miżuri provviżorji mitluba, l-eżistenza stess tar-rikorrenti tkun fil-periklu. Kif ġie nnotat iktar’il fuq, Aer Lingus f’ebda punt tal-proċeduri ma allegat li l-eżistenza tagħha se titqiegħed fil-periklu fin-nuqqas ta’ miżuri provviżorji.

133    F’kull każ, irrispettivament minn jekk tali provi ġodda humiex ammissibbli jew le, m’hemm ebda prova li tali informazzjoni addizzjonali kienet tkun ta’ natura li tbiddel l-evalwazzjoni tal-President magħmula iktar’il fuq.

134    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal qabel, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma stabbilixxietx li mingħajr il-miżuri provviżorji mitluba se tbati dannu gravi u irreparabbli.

135    Minn dak kollu li ntqal qabel jirriżulta li r-rikorrenti ma stabbilixxietx il-każ prima facie meħtieġ u l-bżonn ta’ miżuri provviżorji sabiex jiġi evitat ir-riskju imminenti ta’ dannu gravi u irreparabbli. Għaldaqstant, it-talba għal miżuri provviżorji għandha tiġi miċħuda. Dan jgħodd b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li, kif jirriżulta mir-raġunament fil-punt 56 iktar’il fuq, huma meħtieġa li jiġu stabbiliti każ prima facie partikolarment b’saħħtu u l-eżistenza ta’ dannu serju ħafna u irreparabbli qabel ma l-miżuri mitluba jkunu jistgħu jiġu imposti fuq Ryanair, fid-dawl tal-fatt li dawn il-miżuri jkollhom impatt serju fuq id-drittijiet u l-interessi ta’ Ryanair bħala azzjonista ta’ Aer Lingus.

Għal dawn il-motivi,

IL-PRESIDENT TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA

jaqta’ u jiddeċiedi:

1)       It-talba għal miżuri provviżorji hija miċħuda.

2)      L-ispejjeż huma rriżervati.

Il-Lussemburgu, 18 ta’ Marzu 2008.

Reġistratur

 

       President

E. Coulon

 

       M. Jaeger


* Il-lingwa tal-kawża: l-ingliż.