Language of document : ECLI:EU:T:2009:153

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

12 ta’ Mejju 2009 (*)

“Trade mark Komunitarja – Trade mark Komunitarja verbali JURADO – Nuqqas ta’ talba għal tiġdid mill-proprjetarju tat-trade mark – Kanċellazzjoni tat-trade mark fl-iskadenza tar-reġistrazzjoni – Applikazzjoni għal restitutio in integrum ippreżentata mil-liċenzjat esklużiv”

Fil-Kawża T‑410/07,

Jurado Hermanos, SL, stabbilita f’Alicante (Spanja), irrappreżentata minn C. Martín Álvarez, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn P. López Fernández de Corres u O. Montalto, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI tat-3 ta’ Settembru 2007 (Każ R 866/2007‑2), dwar l-applikazzjoni għal restitutio in integrum ippreżentata mir-rikorrenti,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),

komposta minn I. Pelikánová (Relatur), President tal-Awla, K. Jürimäe u S. Soldevila Fragoso, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-16 ta’ Novembru 2007,

wara li rat id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Frar 2008, Jurado Hermanos vs UASI (JURADO) (T‑410/07 R, mhux ippubblikat fil-Ġabra), li ċaħad it-talba għal miżuri provviżorji mressqa mir-rikorrenti,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-10 ta’ Marzu 2008,

wara s-seduta tas-17 ta’ Diċembru 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fil-25 ta’ April 1996, Café Tal de Costa Rica SA ressqet applikazzjoni quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja verbali JURADO għall-kafè u prodotti oħra fil-klassi 30 tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali tal-prodotti u s-servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tat-trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrevedut u emendat.

2        Peress li l-UASI rreġistra t-trade mark mitluba taħt in-numru 240 218, fil-5 ta’ Awwissu 1998, Café tal de Costa Rica (iktar ’il quddiem il-“proprjetarju tat-trade mark”) ikkonkludiet mar-rikorrenti, Jurado Hermanos, SL, kuntratt ta’ liċenzja esklużiva li għandu bħala suġġett it-trade mark ikkontestata. Dan il-kuntratt, li sar fil-kuntest ta’ kuntratt ieħor ta’ liċenzja esklużiva konkluż bejn l-istess kontraenti fil-15 ta’ April 1996 u li jirrigwarda żewġ trade marks Spanjoli u kif ukoll trade mark Pollakka, kien jipprevedi li l-liċenzja kellha tibqa’ fis-seħħ għal 48 sena, jiġifieri sal-2046. L-għoti ta’ din il-liċenzja tniżżel fir-reġistru tat-trade marks Komunitarji, skont l-Artikolu 22(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol  1, p. 146), kif emendat.

3        B’ittra tas-26 ta’ Settembru 2005, skont l-Artikolu 47(2) tar-Regolament Nru 40/94, l-UASI informa kemm lill-proprjetarju tat-trade mark kif ukoll lir-rikorrenti, bħala detentriċi tal-liċenzja esklużiva tat-trade mark ikkontestata, li r-reġistrazzjoni ta’ din tal-aħħar kienet se tiskadi fil-25 ta’ April 2006. F’din l-ittra, l-UASI spjega l-modalitajiet ta’ tiġdid u indika li talba għal dan il-għan kellha ssir qabel it-30 ta’ April 2006 jew, l-iktar tard, qabel l-1 ta’ Novembru 2006, u fit-tieni każ, madankollu, ikun dovut ħlas addizzjonali.

4        Peress li ma rċieva ebda talba għal tiġdid fit-termini previsti, b’ittra tal-24 ta’ Novembru 2006, l-UASI informa lill-proprjetarju tat-trade mark li din tal-aħħar kienet ġiet ikkanċellata mir-reġistru tat-trade marks b’effett mill-25 ta’ April 2006.

5        Fit-23 ta’ Marzu 2007, ir-rikorrenti ppreżentat applikazzjoni għal restitutio in integrum skont l-Artikolu 78 tar-Regolament Nru 40/94. Hija indikat li ma kinitx irċiviet l-ittra tas-26 ta’ Settembru 2005 u li saret taf bin-nuqqas ta’ tiġdid tar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata b’mod kompletament inċidentali, waqt konsultazzjoni tas-sit tal-internet tal-UASI.

6        B’deċiżjoni tal-21 ta’ Mejju 2007, id-dipartiment “Trade marks u Reġistru” tal-UASI ċaħad l-applikazzjoni għal restitutio in integrum, billi kkunsidra li r-rikorrenti ma ġabitx prova li kienet tat l-attenzjoni kollha meħtieġa miċ-ċirkustanzi.

7        Fil-31 ta’ Mejju 2007, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-UASI, skont l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94, mid-deċiżjoni tal-21 ta’ Mejju 2007.

8        B’deċiżjoni tat-3 ta’ Settembru 2007 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tieni Bord tal-Appell ċaħad l-appell, u dan mingħajr ma eżamina jekk ir-rikorrenti kinitx issodisfat il-kundizzjoni tal-prova li tat l-attenzjoni kollha meħtieġa miċ-ċirkustanzi. Fil-fatt, il-Bord tal-Appell ikkunsidra, essenzjalment, li, fin-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni espressa mill-proprjetarju tat-trade mark, ir-rikorrenti la kellha dritt titlob it-tiġdid tar-reġistrazzjoni tat-trade mark u lanqas ma kellha dritt tapplika għal restitutio in integrum għal dan il-għan.

 It-talbiet tal-partijiet

9        Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        prinċipalment, tannulla d-deċiżjoni kkontestata u tilqa’ l-applikazzjoni għal restitutio in integrum li hija ppreżentat quddiem l-UASI;

–        sussidjarjament, tiddeċiedi l-mertu tal-kawża, billi tirrikonoxxilha l-kwalità ta’ parti kkonċernata fil-proċediment ta’ tiġdid tar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

10      Fis-seduta, ir-rikorrenti indikat, wara domanda tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li t-tieni kap ta’ talbiet tagħha kellu jiġi mifhum bħala li qed titlob li d-deċiżjoni kkontestata tiġi rriformata mill-Qorti tal-Prim’Istanza.

11      L-UASI titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

12      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi bbażati, fl-ewwel lok, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ u, fit-tieni lok, fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 40/94. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li hemm lok li jiġi eżaminat l-ewwel it-tieni motiv.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 40/94

 L-argumenti tal-partijiet

13      Ir-rikorrenti essenzjalment issostni li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell interpreta ħażin l-Artikolu 78(1) moqri flimkien mal-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 40/94, sa fejn il-Bord tal-Appell ikkunsidra li r-rikorrenti ma kinitx parti fil-proċediment ta’ tiġdid tat-trade mark, peress li ma kinitx espressament awtorizzata mill-proprjetarju tat-trade mark sabiex titlob it-tiġdid tagħha.

14      L-UASI jiċħad l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

15      Skont l-Artikolu 78(1) tar-Regolament Nru 40/94, restitutio in integrum quddiem l-UASI tippreżumi, fl-ewwel lok, li l-applikant ikun parti fil-proċediment ikkonċernat, fit-tieni lok, li, minkejja li jkun ġab prova li jkun ta l-attenzjoni kollha meħtieġa miċ-ċirkustanzi, huwa ma kienx f’pożizzjoni josserva terminu fir-rigward tal-UASI u, fit-tielet lok, li dan l-ostaklu kellu bħala konsegwenza diretta, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 40/94, it-telfien ta’ dritt.

16      Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, skont l-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 40/94, it-tiġdid jista’ jintalab mill-proprjetarju tat-trade mark jew minn kwalunkwe persuna espressament awtorizzata minnu. Minn dan isegwi li huwa biss il-proprjetarju tat-trade mark jew persuni espressament awtorizzati minnu li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala partijiet fil-proċediment ta’ tiġdid.

17      Fil-każ ineżami, b’mod kuntrarju għal dak li r-rikorrenti tallega, l-obbligu tal-UASI, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 47(2) tar-Regolament Nru 40/94, li jinforma lill-proprjetarji ta’ dritt irreġistrat fuq it-trade mark ikkonċernata bl-iskadenza tar-reġistrazzjoni, ma jwassalx għall-konklużjoni li dawn il-proprjetarji huma partijiet fil-proċediment ta’ tiġdid. Fil-fatt, kif jirriżulta mit-tieni sentenza tal-Artikolu 47(2) tar-Regolament Nru 40/94, li tipprovdi li n-nuqqas li tingħata informazzjoni ma jinvolvix ir-responsabbiltà tal-UASI, u mit-tieni sentenza tar-Regola 29 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplementa r-Regolament Nru 40/94 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol 1, p. 189), li tispeċifika li n-nuqqas li tingħata informazzjoni ma għandu ebda effett fuq l-iskadenza tar-reġistrazzjoni, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 47(2) tar-Regolament Nru 40/94 tipprevedi biss obbligu tal-UASI li jagħti informazzjoni li huwa purament aċċessorju għall-proċediment, iżda mhijiex intiża li tagħti drittijiet, la lill-proprjetarju tat-trade mark u lanqas lil persuni oħra.

18      Bl-istess mod, hemm lok li jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li l-korrispondenza bejnha u l-UASI dwar l-iskrizzjoni tal-liċenzja fuq it-trade mark u dwar it-tilwima mal-proprjetarju tat-trade mark hija prova li l-UASI kkunsidra li hija kienet “parti fil-fajl tat-trade mark”. Fil-fatt, fl-ewwel lok, ir-Regolament Nru 40/94 ma jagħrafx il-kunċett ta’ “parti fil-fajl li jirrigwarda trade mark”. Fit-tieni lok, il-fatt li l-UASI skambja mar-rikorrenti korrispondenza huwa spjegabbli bil-fatt li r-rikorrenti kienet proprjetarja ta’ liċenzja fuq it-trade mark u għalhekk parti fil-proċediment dwar ir-reġistrazzjoni ta’ din il-liċenzja. Fit-tielet lok, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 40/94 mhumiex għad-dispożizzjoni tal-UASI. Għalhekk, anki jekk stess jirriżulta li l-UASI kkunsidra b’mod żbaljat li r-rikorrenti kienet parti fil-proċediment ta’ tiġdid, din iċ-ċikustanza ma tistax tkun suffiċjenti sabiex ir-rikorrenti tassumi din il-kwalità.

19      Fl-aħħar nett, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li l-linji gwida dwar il-proċedimenti quddiem l-UASI (Parti E, Taqsima 6, bit-titolu “Tiġdid”), miġjuba mir-rikorrenti u li għandhom l-indikazzjoni “Verżjoni finali (27.11.2003)”, jassimilaw ġuridikament, f’dak li jirrigwarda t-tiġdid ta’ reġistrazzjoni, id-detentur ta’ liċenzja fuq trade mark mal-proprjetarju ta’ din tal-aħħar.

20      Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li l-proċedimenti quddiem l-UASI huma rregolati mid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nri 40/94 u 2868/95. Fir-rigward tal-linji gwida dwar il-proċedimenti quddiem l-UASI, ippubblikati fuq is-sit tiegħu tal-internet, dawn jikkostitwixxu biss kodifikazzjoni ta’ linja ta’ mġiba li huwa stess jipproponi li jadotta, b’tali mod li, sakemm dawn huma konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ dritt ta’ livell ogħla, dawn jikkostitwixxu awtolimitazzjoni tal-UASI, inkwantu huwa l-kompitu tiegħu li jikkonforma ruħu ma’ dawn ir-regoli li huwa impona fuqu stess. Min-naħa l-oħra, dawn il-linji gwida ma jistgħux jiksru r-Regolamenti Nri 40/94 u 2868/95 u għalhekk huwa biss fid-dawl ta’ dawn tal-aħħar li għandha tiġi evalwata l-fakultà tar-rikorrenti li tressaq talba għal tiġdid tar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata.

21      Fit-tieni lok, il-linji gwida mressqa mir-rikorrenti, indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk dawn kinux applikabbli ratione temporis għall-fatti tal-każ ineżami, ma għandhomx il-kontenut li din tal-aħħar tixtieq tagħtihom. B’mod partikolari, hija ċċitat biss parzjalment il-punt 6.3.1 tal-linji gwida, u ħalliet barra b’mod partikolari l-parti li tipprovdi li “[…]l-persuna li għandha dritt irreġistrat fuq it-trade mark Komunitarja ma tistax tressaq hija nfisha talba għal tiġdid, ħlief […] jekk tkun espressament awtorizzata mill-proprjetarju tat-trade mark sabiex titlob it-tiġdid” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għalhekk minn dawn il-linji gwida bl-ebda mod ma jirriżulta li r-rikorrenti, bħala proprjetarja ta’ liċenzja fuq it-trade mark, hija assimilata ġuridikament mal-proprjetarju tat-trade mark f’dak li jirrigwarda it-tiġdid. Għall-kuntrarju, bħal kull persuna oħra, hija għandha tkun espressament awtorizzata mill-proprjetarju tat-trade mark, sabiex tkun tista’ tressaq talba ta’ tiġdid, u għandha ġġib prova tal-eżistenza ta’ din l-awtorizzazzjoni.

22      Konsegwentement, ladarba r-rikorrenti, mill-fatt biss tal-kwalitá tagħha ta’ proprjetarja ta’ liċenzja fuq it-trade mark, ma kinitx parti fil-proċediment ta’ tiġdid ta’ din tal-aħħar, għandu jiġi eżaminat jekk hija kinitx awtorizzata mill-proprjetarju tat-trade mark sabiex titlob it-tiġdid tar-reġistrazzjoni tagħha.

23      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li r-rikorrenti, fl-ebda mument tal-proċediment quddiem l-UASI jew quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, ma ppreżentat tali awtorizzazzjoni espressa maħruġa mill-proprjetarju tat-trade mark. Il-fatt li l-UASI ma talabx espressament lir-rikorrenti sabiex tipproduċi din l-awtorizzazzjoni huwa irrilevanti f’dan ir-rigward, peress li hija r-rikorrenti li għandha l-oneru li tipproduċi prova li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li fuqhom hija kellha l-intenzjoni li tibbaża ruħha kienu sodisfatti, u dan mingħajr mal-UASI ma huwa marbut li jistidinha sabiex tagħmel dan.

24      Fit-tieni lok, hemm lok li jiġu miċħuda l-affermazzjonijiet tar-rikorrenti li jgħidu li, bħala detentriċi ta’ liċenzja esklużiva, hija għandha d-dritt, matul it-terminu ta’ validità tal-liċenzja, li titlob it-tiġdid tat-trade mark jekk il-proprjetarju tat-trade mark ma jagħmilx dan. Huwa veru li awtorizzazzjoni espressa tista’, bħala regola ġenerali, tkun inkluża fil-kuntratt ta’ liċenzja. Madankollu, fil-każ ineżami, il-kuntratt ta’ liċenzja ma jinkludi ebda dispożizzjoni dwar dan is-suġġett. Barra minn hekk, jekk stess ir-rikorrenti ssostni li l-kuntratt ta’ liċenzja esklużiva jimplika l-awtorizzazzjoni lil-liċenzjat sabiex jitlob it-tiġdid tar-reġistrazzjoni, jew li din l-awtorizzazzjoni għandha tiġi rrikonoxxuta lilha bħala sanzjoni tal-abbuż ta’ liġi u tal-evażjoni illegali tal-liġi allegatament imwettqa mill-proprjetarju tat-trade mark, għandu jiġi kkonstatat li din l-allegazzjoni tmur kontra l-kliem ċar u l-iskop tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 40/94, li jipprovdi li l-awtorizzazzjoni għandha tkun espressa u li ma jinkludi ebda idea ta’ sanzjoni fil-konfront ta’ partijiet privati.

25      Fit-tielet lok, l-argument tar-rikorrenti dwar l-impossibbiltà li tikseb, qabel l-iskadenza tat-“terminu ta’ konċessjoni” previst fl-Artikolu 47(3) tar-Regolament Nru 40/94, deċiżjoni ġudizzjarja li tobbliga lill-proprjetarju tat-trade mark jagħtiha l-awtorizzazzjoni espressa sabiex titlob it-tiġdid tar-reġistrazzjoni, huwa irrilevanti. Fil-fatt, anki jekk tali impossibbiltà titqies stabbilita, din ma tistax twassal sabiex tiġi injorata l-kundizzjoni ta’ awtorizzazzjoni espressa imposta mill-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 40/94.

26      Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li r-rimedju amministrattiv huwa iktar adattat minn azzjoni ċivili sabiex jipproteġi l-interessi tagħha, inkwantu joffri l-possibbiltà li l-validità tat-trade mark tinżamm, dan l-argument jinvolvi kunsiderazzjonijiet ta’ opportunità min-naħa tar-rikorrenti fil-kuntest tal-għażla tar-rimedji legali li għandha topera sabiex tipproteġi l-interessi kummerċjali tagħha, għażla li taqa’ esklużivament taħt ir-responsabbiltà tagħha. Min-naħa l-oħra, tali għażla ma tistax torbot lill-UASI, la fir-rigward tal-kwalità proċedurali li għandha tiġi rrikonoxxuta lir-rikorrenti fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva, u lanqas fir-rigward tar-riżultat ta’ din tal-aħħar. Għalhekk, jekk ir-rikorrenti għażlet li ma tirrikorrix għar-rimedju ġudizzjarju sabiex tikseb l-awtorizzazzjoni li titlob tiġdid tar-reġistrazzjoni, mhuwiex il-kompitu tal-UASI li jikkumpensa għal dan in-nuqqas billi jatiha dan id-dritt, bi ksur tar-Regolament Nru 40/94.

27      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti, inkwantu ma kellhiex awtorizzazzjoni espressa mill-proprjetarju tat-trade mark sabiex titlob it-tiġdid tar-reġistrazzjoni tat-trade mark, ma kinitx parti fil-proċediment ta’ tiġdid u ma setgħetx għalhekk titlob restitutio in integrum f’dan il-proċediment. Għalhekk il-Bord tal-Appell ma wettaq ebda żball meta ċaħad l-appell tar-rikorrenti għal din ir-raġuni.

28      Peress li l-ewwel kundizzjoni imposta mill-Artikolu 78(1) tar-Regolament Nru 40/94 ma ġietx sodisfatta, hemm lok li t-tieni motiv tar-rikorrenti jiġi miċħud, mingħajr ħtieġa li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra stipulati minn din id-dispożizzjoni.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difża u tad-dritt għal smigħ

 L-argumenti tal-partijiet

29      Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell ibbaża d-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari, fuq iċ-ċaħda li jiġi rrikonoxxut lilha l-istatus ta’ parti kkonċernata fil-proċediment ta’ tiġdid tar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata. Ladarba, b’mod kuntrarju, id-deċiżjoni tad-dipartiment “Trade marks u Reġistru” bl-ebda mod ma kkonfutat l-istatus tagħha bħala parti kkonċernata, hija ma kkunsidratx li kien meħtieġ, fl-appell tagħha, li tieħu pożizzjoni dwar din il-kwistjoni. Ghalhekk, il-Bord tal-Appell, li kellu għarfien tad-deċiżjoni tad-dipartiment “Trade marks u Reġistru”, kellu jieħu l-osservazzjonijiet tagħha qabel ma jiċħad l-appell tagħha fuq il-bażi li ma kinitx parti kkonċernata.

30      L-UASI jiċħad l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

31      Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94, id-deċiżjonijiet tal-UASI għandhom ikunu bbażati biss fuq raġunijiet li fir-rigward tagħhom il-partijiet setgħu jieħdu pożizzjoni. Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi, fil-kuntest tad-dritt tat-trade marks Komunitarji, il-prinċipju ġenerali ta’ protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża. Skont dan il-prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju, id-destinatarji tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi li jaffettwaw b’mod sostanzjali l-interessi tagħhom għandu jkollhom l-opportunità li jesponu l-opinjoni tagħhom b’mod effettiv. Id-dritt għal smigħ japplika għall-punti ta’ fatt jew ta’ liġi kollha li jikkostitwixxu l-bażi tal-att deċiżjonali, iżda mhux għall-pożizzjoni finali li l-amministrazzjoni għandha l-intenzjoni li tadotta [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tas-7 ta’ Frar 2007, Kustom Musical Amplification vs UASI (Forma ta’ kitarra), T‑317/05, Ġabra p. II 427, punti 24, 26 u 27, u l-ġurisprudenza ċċitata].

32      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li d-drittijiet tad-difiża jinkisru minħabba xi irregolarità proċedurali biss jekk din ikollha impatt konkret fuq il-possibbiltà li l-impriżi involuti jiddefendu lilhom infushom (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-14 ta’ Diċembru 2005, General Electric vs Il-Kummissjoni, T‑210/01, Ġabra p II 5575, punt 632 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’hekk, in-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli fis-seħħ intiżi sabiex jipproteġu d-drittijiet tad-difiża jistgħu jivvizzjaw il-proċedura amministrattiva biss jekk jiġi stabbilit li din il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti kieku r-regoli ġew osservati (sentenza General Electric vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 632; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tas-17 ta’ Diċembru 1991, Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, T‑7/89, Ġabra p. II 1711, punt 56, u tat-30 ta’ Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il‑Kummissjoni, T‑191/98, T‑212/98 sa T‑214/98, Ġabra p. II 3275, punt 340).

33      Issa, kif ġie kkonstatat matul l-eżami tat-tieni motiv, l-UASI kien korrett meta kkunsidra li r-rikorrenti ma kinitx parti fil-proċediment ta’ tiġdid tar-reġistrazzjoni, minħabba li ma kinitx ippreżentat awtorizzazzjoni espressa, maħruġa mill-proprjetarju tat-trade mark, sabiex titlob it-tiġdid. F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li r-rikorrenti fl-ebda mument ma indikat li hija kienet f’pożizzjoni li tressaq awtorizzazzjoni bħal din, kieku din intalbitilha. Minn dan isegwi li, fi kwalunkwe każ, il-proċediment quddiem l-UASI ma seta jwassal għal ebda riżultat ieħor għajr dak li l-appell jiġi miċħud mill-Bord tal-Appell.

34      Għalhekk, l-ewwel motiv tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud, u dan mingħajr ma huwa meħtieġ li jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti tqegħditx f’pożizzjoni, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li tesponi b’mod effettiv il-pożizzjoni tagħha dwar il-kwistjoni ta’ jekk hija kinitx parti fil-proċediment ta’ tiġdid.

35      Peress li ż-żewġ motivi mressqa mir-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda, hemm lok li jiġu miċħuda kemm it-talbiet prinċipali kif ukoll it-talbiet sussidjarji tar-rikorrenti.

 Fuq l-ispejjeż

36      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż, inklużi dawk marbuta mal-proċedura għal miżuri provviżorji, skont it-talbiet tal-UASI.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Jurado Hermanos, SL hija kkundannata għall-ispejjeż, inklużi dawk marbuta mal-proċedura għal miżuri provviżorji.

Pelikánová

Jürimäe

Soldevila Fragoso

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fit-12 ta’ Mejju 2009.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.