Language of document : ECLI:EU:T:2010:281

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

9 ta’ Frar 2010 (*)

“Kompetizzjoni – Konċentrazzjonijiet – Deċiżjoni li tiddikjara konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq komuni – Kunċett ta’ konċentrazzjoni – Trasferiment tal-azzjonijiet kollha miksuba sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni li tippreċedi t-twettieq tal-konċentrazzjoni – Rifjut milli jiġu ordnati miżuri approprjati – Nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni”

Fil-Kawża T‑411/07,

Aer Lingus Group plc, stabbilita f’Dublin (l-Irlanda), inizjalment irrappreżentata minn A. Burnside, solicitor, B. van de Walle de Ghelcke u T. Snels, avukati, sussegwentement minn Burnside u van de Walle de Ghelcke,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn X. Lewis, É. Gippini Fournier u S. Noë, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ryanair Holdings plc, stabbilita f’Dublin (l-Irlanda), irrappreżentata minn J. Swift, QC, V. Power, A. McCarthy, D. Hull, solicitors, u G. Berrisch, avukat,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2007) 4600, tal-11 ta’ Ottubru 2007, li tiċħad it-talba tar-rikorrenti li tiftaħ proċedura skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, tal-20 ta’ Jannar 2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40), u li tadotta miżuri provviżorji skont l-Artikolu 8(5) ta’ dan ir-Regolament,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn J. Azizi, President, E. Cremona u S. Frimodt Nielsen (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: C. Kantza, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Lulju 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        L-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, tal-20 ta’ Jannar 2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40, iktar ’il quddiem ir-“Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet”), intitolat “Definizzjoni ta’ konċentrazzjoni”, jipprovdi:

“1.      Għandu jitqies li hemm konċentrazzjoni meta jkun hemm bidla fil-kontroll fuq bażi dewwiema, liema bidla tkun ir-riżultat ta’:

a)      l-għaqda ta’ tnejn jew aktar impriżi, jew ta’ partijiet minn impriżi, li qabel kienu indipendenti, jew

b)      l-akkwist, minn persuna jew minn aktar minn persuna waħda li diġa tikkontrolla jew jikkontrollaw mill-anqas impriża waħda, jew minn impriża jew minn aktar minn impriża waħda, ta’ kontroll dirett jew indirett ta’ impriża jew ta’ aktar minn impriża waħda, jew ta’ partijiet minn impriża jew minn aktar minn impriża waħda. Dan l-akkwist jista’ jsir kemm permezz tal-akkwist ta’ titoli jew ta’ assi, permezz ta’ kuntratt jew permezz ta’ kull mezz ieħor.

2.      Kontroll għandu jkun permezz ta’ drittijiet, kuntratti, jew permezz ta’ kull mezz ieħor li, separatament jew flimkien, fil-kuntest tal-fatti u tal-liġijiet involuti, jikkonferixxu l-possibbiltà li tkun eżerċitata influwenza deċiżiva fuq l-impriża […]”

2        L-Artikolu 8 tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet, intitolat “Poteri tal-Kummissjoni biex tieħu deċiżjoni”, jipprovdi fil-paragrafu 4 tiegħu:

“Meta l-Kummissjoni ssib li konċentrazzjoni:

a)      diġà kienet implimentat [ġiet implementata] u dik il-konċentrazzjoni kienet dikjarata bħala inkompatibbli mas-suq komuni

[…]

il-Kummissjoni tista’:

–        titlob lill-impriżi konċernati biex ixolju l-konċentrazzjoni, b’mod partikolari permezz tax-xoljiment ta’ l-għaqda jew tad-disponiment ta’ l-ishma u l-assi kollha li kienu akkwistati, sabiex treġġa’ lura s-sitwazzjoni għal kif kienet qabel l-implimentazzjoni tal-konċentrazzjoni; f’ċirkostanzi fejn dan ma jkunx possibbli permezz tax-xoljiment tal-konċentrazzjoni, l-Kummissjoni tista’ tieħu kull miżura oħra adattata sabiex, sa fejn ikun possibbli, is-sitwazzjoni titreġġa lura għal kif kienet qabel.

–        tordna kull miżura oħra adattata sabiex tassigura li l-impriżi konċernati jxolju l-konċentrazzjoni jew jieħdu miżuri oħra li jreġġgħu lura s-sitwazzjoni, kif mitlub fid-deċiżjoni tagħha.

F’każijiet li jaqgħu taħt il-punt (a) ta’ l-ewwel subparagrafu, il-miżuri msemmija f’dak is-subparagrafu jistgħu jkunu imposti jew b’deċiżjoni skond il-paragrafu 3 jew b’deċiżjoni separata.”

3        Skont l-Artikolu 8(5) tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet:

“Il-Kummissjoni tista’ tieħu miżura interim xierqa sabiex terġa ġġib jew iżżomm kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni effettiva meta konċentrazzjoni:

[…]

ċ)      kienet diġà ġiet implimentata u hija dikjarata bħala inkompatibbli mas-suq komuni.”

4        L-Artikolu 21 tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet, intitolat “Applikazzjoni tar-Regolament u ġurisdizzjoni”, jinkludi l-paragrafu 3 li huwa redatt kif ġej:

“L-ebda Stat Membru ma għandu japplika l-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni fir-rigward ta’ konċentrazzjoni li għandha dimensjoni Komunitarja.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 Il-partijiet fil-kawża

5        Ir-rikorrenti, Aer Lingus Group plc, hija kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata rreġistrata taħt id-dritt Irlandiż. Wara li l-Gvern Irlandiż ipprivatizzaha fl-2006, l-Istat żamm 25.35 % mill-kapital tagħha u l-azzjonijiet ta’ Aer Lingus Group ġew ikkwotati fil-Borża fit-2 ta’ Ottubru 2006. Aer Lingus Group hija l-kumpannija holding ta’ Aer Lingus Ltd (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, “Aer Lingus”), kumpannija tal-ajru bbażata fl-Irlanda li tiżgura titjiriet regolari minn jew għall-ajruporti ta’ Dublin, ta’ Cork u ta’ Shannon.

6        Ryanair Holdings plc (iktar ’il quddiem “Ryanair”) hija kumpannija kkwotata fil-Borża li tiżgura titjiriet regolari f’40 pajjiż, inkluż bejn l-Irlanda u pajjiżi Ewropej oħrajn.

 Offerta ta’ akkwist ta’ Aer Lingus minn Ryanair u akkwist ta’ holding

7        Fil-5 ta’ Ottubru 2006, jiġifieri tlett ijiem wara l-ewwel kwotazzjoni tal-azzjonijiet ta’ Aer Lingus, Ryanair innotifikat l-intenzjoni tagħha li tniedi offerta pubblika ta’ akkwist (OPA) għall-kapital kollu ta’ Aer Lingus. Din l-OPA tniedet fit-23 ta’ Ottubru 2006, b’terminu ta’ aċċettazzjoni stabbilit inizzjalment għat-13 ta’ Novembru 2006, li ġie sussegwentement estiż minn Ryanair sal-4 ta’ Diċembru 2006, imbagħad sat-22 ta’ Diċembru 2006.

8        Qabel ma nnotifikat l-intenzjoni tagħha li tniedi OPA, Ryanair kienet akkwistat mis-suq holding ta’ 16.03 % fil-kapital ta’ Aer Lingus. Fil-5 ta’ Ottubru, Ryanair żiedet dan il-holding għal 19.21 %. Ftit taż-żmien wara, Ryanair akkwistat azzjonijiet supplementari sabiex b’hekk fit-28 ta’ Novembru 2006, hija kienet qed iżżomm 25.17 % ta’ Aer Lingus. Dan il-holding baqa’ kif kien sa Awwissu 2007 meta, minkejja li fis-27 ta’ Ġunju 2007 il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej adottat id-deċiżjoni msemmija iktar ’il quddiem fil-punt 15, Ryanair akkwistat 4.3 % supplementari mill-kapital ta’ Aer Lingus, sabiex il-holding tagħha żdied għal 29.3 %.

 Eżami u projbizzjoni tal-konċentrazzjoni nnotifikata

9        Fit-30 ta’ Ottubru 2006, il-pjan ta’ konċentrazzjoni li permezz tiegħu Ryanair kellu jakkwista, skont l-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet, il-kontroll ta’ Aer Lingus bl-OPA ġie nnotifikat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 4 ta’ dan l-istess Regolament (iktar ’il quddiem il-“konċentrazzjoni nnotifikata” jew il-“konċentrazzjoni”).

10      Permezz ta’ posta elettronika tad-19 ta’ Diċembru 2006, Ryanair indikat lill-Kummissjoni li l-akkwisti tagħha ta’ azzjonijiet kienu jagħmlu parti mill-pjan tagħha li tikseb il-kontroll ta’ Aer Lingus.

11      Permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Diċembru 2006, il-Kummissjoni qieset li l-konċentrazzjoni nnotifikati kienet tqajjem dubji serji fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni u ddeċidiet li tibda l-proċedura ta’ eżami approfondit, skont l-Artikolu 6(1)(ċ), tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet. Il-konċentrazzjoni hija deskritta fil-paragrafu 7 ta’ din id-deċiżjoni kif ġej:

“Peress li Ryanair akkwistat l-ewwel 19 % tal-kapital ta’ Aer Lingus inqas minn għaxart ijiem qabel l-OPA tagħha, u s-6 % supplementari ftit taż-żmien wara, it-tranżazzjoni kollha li tinkludi l-akkwist tal-azzjonijiet qabel u wara l-perijodu pubbliku, kif ukoll in-notifika tal-OPA stess jitqiesu li jikkostitwixxu konċentrazzjoni waħda fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet.”

12      Il-ftuħ tal-investigazzjoni approfondita tat lok għall-invalidità tal-OPA ta’ Ryanair fl-istennija tad-deċiżjoni finali f’din il-kawża. Il-leġiżlazzjoni Irlandiża fil-fatt tinvalida l-OPA suġġetti għall-kontroll tal-Kummissjoni meta din tiftaħ il-proċeduri previsti fl-Artikolu 6(1)(ċ) tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet. Fi stqarrija għall-istampa tal-20 ta’ Diċembru 2006, id-direttur ġenerali ta’ Ryanair iddikjara madankollu li:

“Ryanair terġa’ ttenni l-intenzjoni tagħha li takkwista Aer Lingus u sejra ssegwi din it-triq lejn – dik li fil-fehma tagħna tkun – il-konklużjoni b’suċċess tal-fażi II tal-investigazzjoni.”

13      Fit-3 ta’ April 2007, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lil Ryanair, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet. Il-paragrafu 7 ta’ din id-dikjarazzjoni jiddeskrivi l-konċentrazzjoni nnotifikata bl-istess kliem bħal dawk tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ eżami approfondit.

14      Fit-tweġiba tagħha tas-17 ta’ April 2007 għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, Ryanair indikat li hija kienet qed timpenja ruħha mal-Kummissjoni li ma teżerċitax id-drittijiet ta’ vot marbutin mal-azzjonijiet tagħha f’Aer Lingus qabel ma tintemm il-proċedura ta’ eżami approfondit filwaqt li osservat li f’kull każ, dawn l-azzjonijiet ma kinux jippermettulha tikkontrolla lil Aer Lingus.

15      Fis-27 ta’ Ġunju 2007, skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet, il-Kummissjoni ddikjarat li l-konċentrazzjoni nnotifikata kienet inkompatibbli mas-suq komuni Deċiżjoni C (2007) 3104, Każ COMP/M.4439 – Ryanair/Aer Lingus, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Ryanair”. Din id-Deċiżjoni kienet is-suġġett tal-Kawża T-342/07, Ryanair vs Il-Kummisjoni, li fiha Aer Lingus tintervjeni insostenn tal-Kummissjoni.

16      Il-Premessa 12 tad-Deċiżjoni Ryanair hija redatta kif ġej:

“Peress li Ryanair akkwistat l-ewwel 19 % tal-kapital azzjonarju ta’ Aer Lingus f’perijodu ta’ inqas minn għaxart ijiem qabel it-tnedija tal-[OPA], u s-6 % supplementari ftit taż-żmien wara, u fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet ta’ Ryanair fir-rigward tal-għan ekonomiku li hija kienet qed issegwi meta wettqet dawn it-tranżazzjonijiet, it-tranżazzjoni kollha li tinkludi l-akkwist ta’ azzjonijiet qabel u wara l-perijodu tal-[OPA] kif ukoll l-[OPA] nnifisha jitqiesu li jikkostitwixxu konċentrazzjoni waħda, fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet.”

 Korrispondenza bejn Aer Lingus u l-Kummissjoni matul il-proċedura ta’ eżami tal-konċentrazzjoni

17      Matul il-proċedura ta’ eżami tal-konċentrazzjoni, Aer Lingus ippreżentat bosta osservazzjonijiet lill-Kummissjoni fir-rigward tal-holding ta’ Ryanair fil-kapital tagħha.

18      Sa mill-proċedura ta’ eżami preliminari, Aer Lingus talbet lill-Kummissjoni sabiex titratta l-holding ta’ Ryanair u l-OPA tagħha bħala konċentrazzjoni waħda. Wara d-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ eżami approfondit, li matulha l-Kummissjoni kkunsidrat dawn iż-żewġ elementi bħala parti minn konċentrazzjoni waħda, Aer Lingus talbet lill-Kummissjoni, permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Jannar 2007 u sussegwentement permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Ġunju 2007, sabiex tordna li Ryanair tneħħi l-holding tagħha fil-kapital ta’ Aer Lingus u sabiex tadotta l-miżuri provviżorji neċessarji skont l-Artikolu 8(4) u (5) tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet. Sussidjarjament, jekk il-Kummissjoni ma kinitx tqis li kellha kompetenza sabiex tieħu azzjoni taħt dawn id-dispożizzjonijiet, Aer Lingus talbitha tiddikjara li l-awtoritajiet nazzjonali inkarigati mill-kompetizzjoni ma kinux preklużi, skont l-Artikolu 21(3) tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet, milli jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom fir-rigward ta’ din il-holding.

19      Fis-27 ta’ Ġunju 2007, jiġifieri l-ġurnata tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni Ryanair, id-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Kompetizzjoni” tal-Kummissjoni kiteb lil Aer Lingus sabiex jindikalu li d-dipartimenti tiegħu ma kellhomx kompetenza sabiex jordnaw lil Ryanair tneħħi l-holding minoritarju tagħha jew sabiex tadotta miżuri oħra intiżi sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni li kien hemm qabel ma saret il-konċentrazzjoni skont l-Artikolu 8(4) u (5) tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet. Id-DĠ “Kompetizzjoni” żied li din il-pożizzjoni ma kinitx tipprekludi l-kompetenzi tal-Istati Membri fir-rigward tal-applikazzjoni eventwali tal-liġi tal-kompetizzjoni tagħhom fir-rigward tal-akkwist minn Ryanair ta’ holding minoritarju f’Aer Lingus.

 Korrispondenza bejn Aer Lingus u l-Kummissjoni wara d-Deċiżjoni Ryanair, sejħa għal teħid ta’ azzjoni skont l-Artikolu 232 KE u d-deċiżjoni kkontestata

20      Id-Deċiżjoni Ryanair li tipprojbixxi t-twettieq tat-tranżazzjoni Ryanair/Aer Lingus ma tinkludi ebda miżura relatata mal-holding ta’ 25.17 % ta’ Ryanair fil-kapital ta’ Aer Lingus.

21      Fit-12 ta’ Lulju 2007, Aer Lingus bagħtet memorandum lill-Kummissjoni, lill-Irish Competition Authority (Awtorità tal-kompetizzjoni Irlandiża), lill-Office for Fair Trading tar-Renju Unit (Uffiċċju tal-lealtà tat-tranżazzjonijiet kummerċjali) u lill-Bundeskartellamt Ġermaniż (Awtorità Federali kompetenti fil-qasam tal-kompetizzjoni) sabiex tistieden lil dawn l-awtoritajiet jadottaw pożizzjoni komuni li tikkonċerna l-awtorità kompetenti biex tieħu azzjoni fir-rigward ta’ dan il-holding. Skont ir-rikorrenti, dan il-memorandum kien indirizzat lill-Office for Fair Trading u lill-Bundeskartellamt, sa fejn dawn l-awtoritajiet huma kompetenti taħt id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jikkonċernaw il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet biex jieħdu azzjoni fir-rigward tal-holdings minoritarji, u lill-Irish Competition Authority, sa fejn iż-żewġ kumpanniji inkwistjoni huma Irlandiżi u fejn l-iktar konsumaturi milquta mill-konċentrazzjoni huma dawk residenti fl-Irlanda.

22      Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Awwissu 2007, id-dipartimenti tal-Kummissjoni reġgħu tennew il-pożizzjoni tagħhom li tgħid li huma ma kinux kompetenti sabiex jimponu li Ryanair tneħħi l-holding tagħha, iżda dan ma kienx jipprekludi lill-Istat Membri milli japplikaw il-leġiżlazzjoni tagħhom fil-qasam tal-kompetizzjoni.

23      Fis-17 ta’ Awwissu 2007, Aer Lingus bagħtet ittra lill-Membru tal-Kummissjoni inkarigat mill-kompetizzjoni, fejn stiednet lill-Kummissjoni tieħu azzjoni skont l-Artikolu 232 KE billi tiftaħ proċeduri skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet, u billi tadotta miżuri provviżorji skont l-Artikolu 8(5) ta’ dan ir-Regolament, jew inkella billi tindika b’mod formali li hija ma kellhiex kompetenza f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, Aer Lingus talbet lill-Kummissjoni tadotta pożizzjoni dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-Artikolu 21 tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet fir-rigward tal-holding ta’ 25.17 % ta’ Ryanair fil-kapital tagħha.

24      Fil-11 ta’ Ottubru 2007, Aer Lingus irċeviet it-tweġiba tal-Kummissjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

25      Minn naħa, il-Kummissjoni tiċħad it-talba ta’ Aer Lingus li tiftaħ proċeduri kontra Ryanair skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet. Hija tfakkar, qabel kollox, li mill-Artikolu 3(1) u (2) tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet jirriżulta li konċentrazzjoni tiġi implementata biss meta impriża takkwista l-kontroll ta’ impriża oħra, jiġifieri l-possibbiltà li teżerċita influwenza deċiżiva fuq din tal-aħħar (punt 8 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni tenfasizza wkoll li mill-Artikolu 8(4) ta’ dan ir-Regolament jirriżulta li, jekk hija tikkonstata li konċentrazzjoni diġà ġiet implementata u li din kienet iddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni, hija tista’ għalhekk tordna lill-impriżi kkonċernati jxolju l-konċentrazzjoni, b’mod partikolari permezz tat-trasferiment tal-azzjonijiet jew l-assi kollha akkwistati, sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni li kien hemm qabel ma saret il-konċentrazzjoni. Hija tfakkar li tista’ tordna wkoll kull miżura oħra approprjata sabiex l-impriżi kkonċernati jxolju l-konċentrazzjoni jew jadottaw miżuri intiżi sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni li kien hemm qabel ma saret il-konċentrazzjoni (punt 9).

26      Sussegwentement il-Kummissjoni tapplika dawn id-dispożizzjonijiet għall-każ inkwistjoni sabiex tikkonkludi, fil-punti 10 u 11 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma kienx hemm il-konċentrazzjoni nnotifikata kif ukoll li l-holding ikkontestat ma kienx jagħti l-kontroll ta’ Aer Lingus lil Ryanair. Dawn il-punti jgħidu li ġej:

“10. Il-Kummissjoni tqis li l-konċentrazzjoni li ġiet eżaminata f’dan il-każ ma ġietx implementata. Ryanair ma kisbitx il-kontroll ta’ Aer Lingus, u d-Deċiżjoni [Ryanair] teskludi li din tista’ tagħmel hekk iktar ’il quddiem fil-kuntest tat-tranżazzjoni nnotifikata. Għaldaqstant it-tranżazzjonijiet imwettqa matul il-proċeduri mressqa quddiem il-Kummissjoni ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala parti minn konċentrazzjoni implementata.

11. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li holding minoritarju ta’ 25.17 % ma jagħtix il-kontroll, ta’ fatt jew ta’ dritt, ta’ Aer Lingus lil Ryanair fis-sens tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet. Minkejja li, f’ċerti ċirkustanzi, holding minoritarju jista’ jwassal għall-eżerċizzju tal-kontroll, il-Kummissjoni ma għandha ebda element li jindika li f’dan il-każ dawn iċ-ċirkustanzi huma sodisfatti. Fil-fatt, skont informazzjoni fil-pussess tal-Kummisjoni, id-drittijiet ta’ Ryanair bħala azzjonista minoritarja (b’mod partikolari d-dritt li tikkontesta r-riżoluzzjonijiet hekk imsejħa ‘speċjali’, skont il-leġiżlazzjoni Irlandiża fuq il-kumpanniji) huma esklużivament assoċjati mad-drittijiet relatati mal-protezzjoni tal-azzjonisti minoritarji. Issa, dawn id-drittijiet ma jagħtux il-kontroll fis-sens tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet. Barra minn hekk, Aer Lingus stess tidher li ma hijiex qed tagħti x’tifhem li dan il-holding minoritarju jista’ jwassal sabiex hija tkun ikkontrollata minn Ryanair u hija ma pprovdietx provi lill-Kummissjoni li jissuġġerixxu l-eżistenza ta’ dan il-kontroll.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

27      Barra minn hekk, fil-punti 12 u 13 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni tikkonfuta l-analiżi proposta minn Aer Lingus, li tgħid li l-holding minoritarju ta’ Ryanair fil-kapital tagħha jirrappreżenta implementazzjoni parzjali tal-konċentrazzjoni li ġiet iddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni mill-Kummissjoni, li għandha tintemm skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet:

“12. L-interpretazzjoni ssuġġerita tal-akkwist tal-holding minoritarju bħala ‘implementazzjoni parzjali’ li taqa’ taħt l-Artikolu 8(4) tar-Regolament (KE) fuq il-konċentrazzjonijiet ma taqbilx ħafna mal-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, li tirreferi kjarament għal konċentrazzjoni li ‘diġà ġiet implementata’. Billi l-element determinanti ta’ konċentrazzjoni fis-sens tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet, f’dan il-każ l-akkwist tal-kontroll, huwa nieqes, ma huwiex possibbli li f’dan il-każ wieħed jitkellem dwar konċentrazzjoni li ‘diġà ġiet implementata’ u għaldaqstant il-partijiet ma jistgħux jiġu mġiegħla ‘jxolju l-konċentrazzjoni’. Il-kompetenza tal-Kummissjoni tillimita ruħha għas-sitwazzjonijiet li fihom min qiegħed jakkwista jikseb il-kontroll ta’ dak li qiegħed jimmira għalih. Id-deċiżjonijet skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet huma intiżi sabiex jingħata rimedju għall-effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni li jistgħu jirriżultaw mill-implementazzjoni ta’ konċentrazzjoni hekk kif inhi ddefinita fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament. F’dan il-każ, ma jistgħux jirriżultaw effetti negattivi ta’ dan it-tip peress li Ryanair ma akkwistatx, u ma tistax takkwista, il-kontroll ta’ Aer Lingus fil-kuntest tal-konċentrazzjoni proposta.

13. F’dan ir-rigward, is-sitwazzjoni f’din il-kawża hija kjarament differenti minn dik li kien hemm f’kawżi preċedenti fejn ġie applikat l-Artikolu 8(4) tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet, bħall-kawża Tetra Laval vs Sidel jew il-kawża Schneider vs Legrand, li fihom l-[OPA] kienet diġà ġiet implementata kompletament u min kien qiegħed jakkwista kien diġà kiseb il-kontroll ta’ dak li kien qiegħed jimmira għalih.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

28      Sa fejn l-Artikolu 8(5) tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet juża l-istess espressjoni bħall-Artikolu 8(4) sabiex jidentifika s-sitwazzjonijiet li fihom il-Kummissjoni tista’ tieħu azzjoni, u fid-dawl tal-fatt li f’dan il-każ, ma ġietx implementata konċentrazzjoni, għall-istess raġunijiet il-Kummissjoni tiċħad it-talba ta’ Aer Lingus sabiex tadotta miżuri provviżorji skont l-Artikolu 8(5) ta’ dan ir-Regolament (ara l-punti 15 sa 17 tad-deċiżjoni kkontestata).

29      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-talba għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 21 tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet, fir-rigward tal-holding ta’ 25.17 % ta’ Ryanair fil-kapital ta’ Aer Lingus, il-Kummissjoni tosserva li l-paragrafu 3 ta’ din id-dispożizzjoni jimponi obbligu fuq l-Istati Membri u ma jagħtihomx dritt jew setgħa partikolari. Għaldaqstant il-Kummissjoni tqis li hija ma għandhiex kompetenza li tipprovdi interpretazzjoni vinkolanti ta’ dispożizzjoni indirizzata lill-Istati Membri kif ukoll li hija ma hijiex f’pożizzjoni li twieġeb it-talba għal interpretazzjoni ppreżentata minn Aer Lingus (ara l-punti 20 sa 25, kif ukoll l-aħħar sentenza tal-punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata).

30      Il-Kummissjoni tosserva wkoll li, jekk l-Istat Membru ma josservax l-Artikolu 21(3) tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet, hija dejjem għandha s-setgħa li tiftaħ kontra dan l-Istat proċeduri għal ksur skont l-Artikolu 226 KE (punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata). Bl-istess mod, jekk Aer Lingus kienet tqis li awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni kellha l-obbligu li tieħu azzjoni fir-rigward tal-holding minoritarju miżmum minn Ryanair skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-qasam tal-kompetizzjoni, kien ikun possibbli għaliha li tressaq din il-kawża quddiem din l-awtorità u/jew il-qorti nazzjonali kompetenti. Jekk qorti nazzjonali kienet tqis li interpretazzjoni tal-Artikolu 21(3) kienet neċessarja sabiex tagħti d-deċiżjoni tagħha, din il-qorti tista’ għalhekk titlob deċiżjoni preliminari mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 234 KE, sabiex tikkjarifika l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u tiggarantixxi interpretazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju kkontestat (punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

31      Permezz ta’ talba ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fid-19 ta’ Novembru 2007, ir-rikorrenti ppreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE.

32      B’att separat, ippreżentat fl-istess ġurnata, ir-rikorrenti ressqet ukoll talba għal miżuri provviżorji kif ukoll għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, skont l-Artikolu 242 KE.

33      Permezz ta’ digriet tat-18 ta’ Marzu 2008, Aer Lingus Group vs Il‑Kummissjoni (T‑411/07 R, Ġabra p. II‑411), il-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħad it-talba għal miżuri provviżorji u għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni.

34      B’att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fid-19 ta’ Novembru 2007, ir-rikorrenti ressqet ukoll talba għal proċedura mħaffa, skont l-Artikolu 76a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Diċembru 2007, il-Kummissjoni tat l-osservazzjonijiet tagħha fuq din it-talba.

35      Permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Diċembru 2007, il-Qorti tal-Prim’Istanza (it-Tielet Awla) ċaħdet it-talba għal proċedura mħaffa.

36      Permezz ta’ digriet tat-23 ta’ Mejju 2008, il-President tat-Tielet Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza laqgħet lil Ryanair sabiex tintervjeni fil-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

37      Permezz ta’ faks li waslet ir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-4 ta’ Awwissu 2008, Ryanair indikat li hija kienet tqis li l-osservazzjonijiet li ġew ippreżentati mill-Kummissjoni fin-noti tagħha kienu biżżejjed u li għalhekk hija ma kinitx ser tippreżenta nota ta’ intervent. Dan il-faks kien jinkludi t-talbiet tagħha fir-rigward tal-kawża.

38      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (it-Tielet Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

39      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu fis-seduta tas-7 ta’ Lulju 2009.

40      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

41      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat fir-rigward tar-rifjut tagħha li tiftaħ proċeduri skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet u li tadotta miżuri provviżorji skont l-Artikolu 8(5) tal-istess Regolament;

–        tiddikjara inammissibbli jew, sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat fir-rigward tar-rifjut tagħha li tagħti interpretazzjoni tal-Artikolu 21(3) tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

42      Ryanair titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż marbuta mal-intervent.

 Id-dritt

43      Ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi insostenn tar-rikors tagħha: l-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(4) u (5), tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet u t-tieni wieħed jikkonċerna l-ksur tal-Artikolu 21(3) ta’ dan l-istess Regolament. Ġaladarba t-tieni motiv huwa ppreżentat mir-rikorrenti b’mod li jorbtu mal-ewwel motiv, liema fatt ġie kkonfermat matul is-seduta, li matulha r-rikorrenti indikat li t-tieni motiv seta’ jiġi kkunsidrat bħala parti mill-ewwel motiv, il-Qorti Ġenerali se teżamina dawn iż-żewġ motivi flimkien.

 L-argumenti tal-partijiet

44      Fir-rigward tal-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(4) u (5) tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni kisret dawn id-dispożizzjonijiet fid-deċiżjoni kkontestata billi kkunsidrat, wara d-deċiżjoni Ryanair li kienet tipprojbixxi t-twettieq tal-konċentrazzjoni proposta, li hija ma kinitx kompetenti biex tobbliga lil Ryanair tneħħi l-holding minoritarju tagħha fil-kapital tagħha, biex tadotta miżuri approprjati sabiex tistabbilixxi mill-ġdid i-sitwazzjoni li kien hemm qabel il-konċentrazzjoni, jew biex tadotta miżuri provviżorji.

45      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tikkontesta l-affermazzjoni li tinsab fil-punt 12 tad-deċiżjoni kkontestata li tgħid: “ma jistgħux jirriżultaw effetti negattivi [fuq il-kompetizzjoni] peress li Ryanair ma akkwistatx, u ma tistax takkwista, il-kontroll ta’ Aer Lingus fil-kuntest tal-konċentrazzjoni proposta.” Bil-kontra, il-holding ta’ Ryanair għandha effetti negattivi kunsiderevoli fuq il-kompetizzjoni u, jekk, f’ċirkustanzi bħal dawn, il-Kummissjoni ma kellhiex kompetenza, skont l-Artikolu 8(4) u (5), tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet, sabiex telimina dawn l-effetti, dan ir-Regolament kif ukoll il-kompetenza tal-Komunità sabiex tiggarantixxi “kompetizzjoni mhux distorta” tippreżenta lakuna serja.

46      Minħabba l-bosta effetti negattivi kunsiderevoli fuq il-kompetizzjoni li jirriżultaw minħabba l-holding ta’ Ryanair fil-kapital tagħha, ir-rikorrenti ssostni l-elementi fattwali li ġejjin: Ryanair użat il-holding tagħha sabiex tipprova jkollha aċċess għall-pjan strateġiku kunfidenzjali u għas-sigrieti tan-negozju tagħha; hija waqfet riżoluzzjoni speċjali fir-rigward taż-żieda tal-kapital tagħha u hija rrikjediet li jissejħu żewġ laqgħat ġenerali straordinarji sabiex jerġgħu jiġu ttrattati deċiżjonijiet strateġiċi adottati minnha. Barra minn hekk, Ryanair użat il-kapaċità tagħha bħala azzjonista sabiex tmexxi kampanja kontra l-amministrazzjoni tagħha u thedded lill-amministraturi tagħha bi proċedimenti legali minħabba ksur ta’ obbligi legali fil-konfront tagħha. Dawn il-fatti jdgħajfu lil Aer Lingus bħala kompetitriċi effettiva ta’ Ryanair.

47      Mill-aspett ekonomiku, dawn it-tipi ta’ holdings minoritarji bejn kompetituri li jkunu jinsabu f’sitwazzjoni ta’ duopolju jagħtu lok għal distorsjoni inerenti tal-kompetizzjoni. Ryanair hija inqas inċentivata li tikkompeti ma’ Aer Lingus peress li, bħala azzjonista, hija tixtieq iżżomm il-valur tal-holding tagħha kif ukoll li tiżgura li Aer Lingus tkun benefiċjarja. Dan il-holding ibiddel l-interess tal-partijiet billi jinċentiva ż-żieda fil-prezz u l-akkordji taċiti, li joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni. In-natura attraenti ta’ Aer Lingus mill-aspett azzjonarju u mill-apett finanzjarju tonqos ukoll minħabba l-holding ta’ Ryanair.

48      L-affermazzjoni kkontestata minn Aer Lingus hija wkoll kontra l-prassi preċedenti tal-Kummissjoni stabbilita permezz tad-Deċiżjoni 2004/103/KE, tat-30 ta’ Jannar 2002, li tipprovdi miżuri intiżi sabiex terġa’ tiġi stabbilita kompetizzjoni effettiva skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (Każ COMP/M.2416 – Tetra Laval/Sidel) (ĠU 2004, L 38, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Tetra Laval”), li fiha l-Kummissjoni kkunsidrat li Tetra Laval ma kellhiex tiġi awtorizzata żżomm holding f’Sidel, kif ukoll permezz tad-Deċiżjoni 2004/276/KE, tat-30 ta’ Jannar 2002, li tordna separazzjoni bejn impriżi abbażi tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 (Każ COMP/M.2283 – Schneider/Legrand) (ĠU 2004, L 101, p. 134, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Schneider”), li fiha l-Kummissjoni qieset li holding ta’ Schneider inferjuri għal 5 % tal-kapital ta’ Legrand ma tagħtix lok għal effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni. Fuq dan il-punt, ir-rikorrenti tikkontesta l-affermazzjoni tal-Kummissjoni, fil-punt 13 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li s-sitwazzjoni f’din il-kawża hija differenti minn dawk li taw lok għall-każijiet Tetra Laval u Schneider, li fihom l-OPA kienet diġà saret kif ukoll li min kien qiegħed jakkwista kien diġà kiseb il-kontroll ta’ dak li għalih kien qiegħed jimmira. Din id-distinzjoni ma hijiex rilevanti fir-rigward tal-evalwazzjoni li tinsab fil-punt 12 tad-deċiżjoni li tgħid li, “fin-nuqqas ta’ kontroll”, ma jkunx hemm konsegwenzi negattivi fuq il-kompetizzjoni. Fil-każijiet Tetra Laval u Schneider, il-Kummissjoni adottat preċiżament il-fehma opposta, jiġifieri li, anki li kieku l-holdings rilevanti kellhom jitnaqqsu għal livell li ma kienx jippermetti li jiġi eżerċitat il-“kontroll”, holding minoritarju xorta waħda jagħti lok għal distorsjoni mhux aċċettabbli tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, il-konċentrazzjoni inkwistjoni hawnhekk tibqa’ konċentrazzjoni potenzjali. Huwa irrilevanti jekk l-OPA għadux validu jew le, peress li Ryanair żammet, u tkompli żżomm, l-intenzjoni tagħha li takkwista Aer Lingus. Ma jistgħux jiġu sostnuti differenzi bejn il-liġijiet nazzjonali applikabbli għall-OPA sabiex jiġi ġustifikat il-fatt li persuna li qegħda takkwista tkun tista’ żżomm holding minoritarju filwaqt li persuna oħra tkun obbligata li tneħħi dan il-holding. L-impatt fuq il-kompetizzjoni jkun l-istess fiż-żewġ każijiet. F’din il-kawża, l-adozzjoni tad-deċiżjoni Ryanair ma jistax ikollha bħala effett li tneħħi lill-Kummissjoni l-kompetenza tagħha li teżamina d-distorsjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta minn parti tal-konċentrazzjoni li hija tkun ipprojbixxiet.

49      Ir-rikorrenti ssemmi wkoll il-prassi tal-United Kingdom Competition Commission (Kummissjoni tal-kompetizzjoni tar-Renju Unit), li, f’Ottubru 2007, qieset b’mod provviżorju li l-akkwist min-naħa ta’ BSkyB ta’ 17.9 % tal-azzjonijiet ta’ ITV seta’ jnaqqas b’mod sostanzjali l-kompetizzjoni minħabba t-tmiem tar-rivalità bejn dawn iż-żewġ kumpanniji u minħabba l-kapaċità ta’ BSkyB li tinfluwenza konkretament l-amministrazzjoni ta’ ITV.

50      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 8(4) tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għall-holding ta’ Ryanair akkwistat taħt konċentrazzjoni pprojbita. L-istess raġunament japplika, mutatis mutandis, għall-kompetenza tal-Kummissjoni biex tadotta miżuri provviżorji skont l-Artikolu 8(5)(ċ) ta’ dan ir-Regolament.

51      Qabel kollox, jeħtieġ li tingħata interpretazzjoni teleoloġika tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet. Meta kellhom jagħżlu bejn żewġ interpretazzjonijiet possibbli tar-Regolament, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali indikaw li l-interpretazzjoni l-iktar restrittiva kienet tneħħi l-effett utli tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet, filwaqt li l-interpretazzjoni l-iktar wiesgħa kienet konformi mat-test tar-Regolament, anki jekk dan ma ġiex indikat espliċitament. L-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(4) u (5) tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet li tagħmel il-Kummisjoni fid-deċiżjoni kkontestata tmur kontra l-għan tagħha, li huwa li tiggarantixxi sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta skont l-Artikolu 3(g) KE. L-approċċ ikkunsidrat mill-Kummissjoni jċaħħad lill-Unjoni mill-possibbiltà ta’ azzjoni quddiem id-distorsjoni tal-kompetizzjoni maħluqa mill-holding minoritarju ta’ Ryanair, anki jekk dan il-holding ikun inkiseb fil-kuntest ta’ konċentrazzjoni pprojbita.

52      Fir-rigward tat-talba għall-implementazzjoni tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet, li jirrikjedi konċentrazzjoni li “diġà kienet [implementata]” u li “kienet dikjarata bħala inkompatibbli mas-suq komuni”, ir-rikorrenti tenfasizza li l-Kummissjoni twettaq interpretazzjoni purament litterali ta’ din id-dispożizzjoni billi tosserva fil-punt 10 tad-deċiżjoni kkontestata li “l-konċentrazzjoni li ġiet eżaminata f’dan il-każ ma ġietx implementata” kif ukoll li “[g]ħaldaqstant it-tranżazzjonijiet imwettqa matul il-proċeduri mressqa quddiem il-Kummissjoni ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala parti minn konċentrazzjoni implementata”. Din l-interpretazzjoni hija żbaljata, peress li l-Kummissjoni tqis li t-“tranżazzjonijiet” li għandhom jiġu eżaminati fid-deċiżjoni kkontestata huma distinti mill-konċentrazzjoni eżaminata fil-Premessa 12 tad-deċiżjoni Ryanair (ara l-punt 16 iktar ’il fuq). Din l-interpretazzjoni hija wkoll żbaljata minħabba l-mod kif il-Kummissjoni tikkunsidra li t-tifsira tal-kelma “implimentata” fl-Artikolu 8(4)(a) tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet hija ekwivalenti għat-tifsira ta’ “kontroll akkwistat” fis-sens tal-Artikolu 3(2) tal-istess Regolament. Fil-fehma tar-rikorrenti, huwa ċar li l-konċentrazzjoni f’dan il-każ ġiet implementata permezz ta’ tranżazzjonijiet li jagħmlu parti mill-konċentrazzjoni pprojbita u li ppermettew lil Ryanair takkwista (u li tkompli żżomm) iktar minn 25 % tal-kapital ta’ Aer Lingus. Il-fatt li l-konċentrazzjoni ma ġietx mitmuma – minħabba li l-Kummissjoni pprekludiet milli dan iseħħ – ma jfissirx li l-konċentrazzjoni ma ġietx implementata, minn tal-inqas parzjalment permezz tat-tranżazzjonijiet imsemmija fil-Premessa 12 tad-deċiżjoni Ryanair. F’dan ir-rigward, l-allegazzjoni tal-Kummissjoni fil-punt 12 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-kunċett ta’ konċentrazzjoni “parzjalment implementata” ma huwiex issostanzjat mill-kliem tal-Artikolu 8(4) hija korretta iżda ma tantx hi utli, peress li l-kliem ta’ din id-dispożizzjoni lanqas ma jippermettu r-rekwiżit ta’ implementazzjoni sħiħa fis-sens tal-akkwist tal-kontroll. Skont ir-rikorrenti, il-prinċipju ewlieni tal-Artikolu 8(4)(a) tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet ma huwiex l-akkwist tal-kontroll, iżda l-ħtieġa li jerġa jiġi stabbilit l-istatus quo ante billi jiġu annullati t-tranżazzjonijiet li jagħmlu parti mill-konċentrazzjoni pprojbita.

53      Approċċ koerenti tal-kunċett ta’ “implementazzjoni” għandu wkoll iwassal sabiex tiġi eżaminata t-tifsira ta’ din il-kelma fir-rigward tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet, li jipprovdi li konċentrazzjoni ta’ dimensjoni Komunitarja ma tistax tiġi “implementata” la qabel ma tiġi nnotifikata u lanqas qabel ma tkun ġiet iddikjarata kompatibbli mas-suq komuni. L-eżami tal-prassi tal-Kummissjoni fuq dan il-punt jippermetti li jiġi kkonstatat li hija tqis li din id-dispożizzjoni tippermetti li jiġu ostakolati l-implementazzjonijiet parzjali, inkluż għat-tranżazzjonijiet li jistgħu jwasslu għal trasferiment ta’ kontroll. F’dan il-każ, il-Kummissjoni kienet kisbet mingħand Ryanair is-sospensjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ vot tagħha fir-rigward tal-holding tagħha fil-kapital ta’ Aer Lingus, minkejja li l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet ma huwiex ekwivalenti għall-eżerċizzju ta’ kontroll. Għaldaqstant dan il-fatt kien intiż sabiex jiġu evitati effetti negattivi possibbli fuq il-kompetizzjoni.

54      Ir-rikorrenti ssostni wkoll li, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu evalwati l-verżjonijiet lingwistiċi differenti tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet, il-kunċett ta’ “implementazzjoni ta’ konċentrazzjoni” użat mill-Artikolu 8(4) u (5) u mill-Artikolu 7 jista’ jkollu tliet tifsiriet: l-implementazzjoni sħiħa tal-konċentrazzjoni; l-implementazzjoni parzjali tal-konċentrazzjoni sħiħa jew l-implementazzjoni sħiħa ta’ parti mill-konċentrazzjoni. Din l-ambigwità tintwera f’din il-kawża, fejn il-Kummissjoni pprojbixxiet konċentrazzjoni deskritta bħala waħda li tinkludi żewġ partijiet (akkwist ta’ azzjonijiet fis-suq u OPA), li minnhom ġiet implementata l-ewwel waħda biss.

55      Fir-rigward tat-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 21(3) tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet, ir-rikorrenti ssostni li l-konklużjonijiet żbaljati tal-Kummissjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(4) u (5) ta’ dan ir-Regolament iwasslu għal interpretazzjoni żbaljata ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, jekk jirriżulta li l-Kummissjoni hija kompetenti sabiex tadotta miżuri ta’ xoljiment tal-investiment fir-rigward tal-holding ta’ Ryanair, l-awtoritajiet nazzjonali inkarigati mill-kompetizzjoni ma jkollhom ebda kompetenza f’dan ir-rigward skont l-Artikolu 21(3). Dan l-approċċ jissostanzja l-prinċipju ta’ “one stop shop”. Li kieku dan l-approċċ kien korrett, il-Kummissjoni tkun għamlet kunsiderazzjoni żbaljata tal-Artikolu 21(3) tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet fid-deċiżjoni kkontestata, billi ma indikatx, b’mod inekwivoku, li din id-dispożizzjoni kienet tostakola l-intervent tal-awtoritajiet nazzjonali inkarigati mill-kompetizzjoni u billi għaldaqstant ħalliet miftuħa l-possibbiltà għat-tali intervent. Dan il-ksur huwa ferm iktar serju tant li l-awtoritajiet nazzjonali ħarġu opinjonijiet kuntrarji. Interpretazzjoni koerenti tal-Artikolu 8(4) u (5) ta’ dan l-istess Regolament teskludi kull interpretazzjoni tal-Artikolu 21(3) li tipprekludi l-Istati Membri milli japplikaw id-dritt nazzjonali tagħhom għall-holding ta’ Ryanair, ladarba dan il-holding jiġi iżolat mill-OPA, u li ċċaħħad ukoll il-Kummissjoni minn kompetenza sabiex teżamina dan il-holding skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet. Fil-każ oppost, il-holding ta’ Ryanair igawdi minn immunità ġuridika kemm fir-rigward tal-Unjoni Ewropea kif ukoll fir-rigward tal-Istati Membri.

56      Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument. Hija tenfasizza b’mod partikolari li r-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet japplika biss għall-“konċentrazzjonijiet” li jissodisfaw id-definizzjoni stabbilita mill-Artikolu 3 tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet. F’dan il-kuntest, l-akkwist ta’ holding minoritarju, li fih innifsu ma jagħtix “kontroll”, ma jikkostitwix “konċentrazzjoni” skont ir-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-Artikolu 21(3) ma tagħtihiex obbligi jew setgħat partikolari u li għaldaqstant hija ma hijiex kompetenti sabiex tagħti interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni meta tiġi mistiedna tieħu azzjoni skont l-Artikolu 232 KE.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

57      Fit-talba tagħha sabiex tittieħed azzjoni bħal f’dan ir-rikors, Aer Lingus issostni essenzjalment li l-holding ta’ Ryanair fil-kapital tagħha akkwistat qabel jew waqt l-OPA jirrappreżenta implementazzjoni parzjali tal-konċentrazzjoni ddikjarata inkompatibbli mill-Kummissjoni. Sabiex jerġgħu jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni effettiva, hija jkollha għaldaqstant tordna t-trasferiment tal-azzjonijiet kollha akkwistati minn Ryanair skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet (ara l-punti 8, 23, 44 et seq iktar ’il fuq).

58      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tiċħad it-talba li jinfetħu proċeduri kontra Ryanair taħt l-Artikolu 8(4) tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet, billi kkunsidrat li l-konċentrazzjoni nnotifikata minn din l-impriża ma ġietx implementata kif ukoll li l-holding ikkontestata ma tittrasferixxix il-kontroll ta’ Aer Lingus lil Ryanair. Il-Kummissjoni tqis ukoll li, fin-nuqqas ta’ konċentrazzjoni implementata fis-sens iddefinit mir-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet, l-interpretazzjoni proposta mir-rikorrenti teċċedi l-limiti tal-kompetenza tagħha (ara l-punti 25 sa 27 iktar ’il fuq).

59      Sabiex tiġi evalwata l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tas-setgħa rrikonoxxuta lill-Kummissjoni li tordna lil impriża x-xoljiment ta’ konċentrazzjoni, b’mod partikolari permezz tat-trasferiment tal-azzjonijiet kollha akkwistati f’impriża oħra, wieħed għandu jikkunsidra l-mument rilevanti ddefinit mill-Artikolu 8(4) tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet, li jipprevedi “konċentrazzjoni” li “diġà kienet implimentat[a]” u li “kienet dikjarata bħala inkompatibbli mas-suq komuni” (ara l-punt 2 iktar ’il fuq).

60      F’dan ir-rigward, id-deċiżjoni kkontestata tintervjeni fil-mument li fih il-Kummissjoni ddikjarat li l-konċentrazzjoni nnotifikata minn Ryanair kienet inkompatibbli mas-suq komuni. Peress li fid-deċiżjoni Ryanair, li tikkonstata l-inkompatibbiltà tal-konċentrazzjoni nnotifikata skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet, il-Kummissjoni ma kinitx iddeċidiet il-kwistjoni tal-holding minoritarju ta’ Ryanair fil-kapital ta’ Aer Lingus, hija kienet għadha tista’ tagħmel dan f’deċiżjoni separata adottata abbażi tal-Artikolu 8(4) in fine ta’ dan ir-Regolament.

61      Madankollu, kif ġie ġustament spjegat fid-deċiżjoni kkontestata, il-kundizzjoni l-oħra prevista mill-Artikolu 8(4) tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet ma hijiex sodisfatta sa fejn il-konċentrazzjoni nnotifikata ma ġietx implementata. F’dan il-każ, mill-mument li fih ġiet adottata d-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà mas-suq komuni, Ryanair ma għandhiex il-possibbiltà, la legali u lanqas fattwali, li tikkontrolla Aer Lingus jew li teżerċita influwenza deċiżiva fuq l-attività ta’ din l-impriża.

62      Mill-aspett ġuridiku, il-kunċett ta’ konċentrazzjoni użat mir-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet huwa importanti peress li dan jibbaża l-kompetenza tal-Kummissjoni fuq dan ir-Regolament. Fil-fatt, ir-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet japplika għall-konċentrazzjonijiet kollha ta’ dimensjoni Komunitarja (Artikolu 1(1)). Il-kunċett ta’ konċentrazzjoni huwa ddefinit mill-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament. Skont dan l-Artikolu 3(1), konċentrazzjoni titqies li ġiet implementata meta jkun hemm bidla fil-kontroll fuq bażi dewwiema, li tirriżulta pereżempju meta jingħaqdu żewġ impriżi jew meta impriża takkwista l-kontroll ta’ impriża oħra. L-Artikolu 3(2) jispeċifika li dan il-kontroll jirriżulta mid-drittijiet, kuntratti jew kull mezz ieħor li jikkonferixxu l-possibbiltà li tiġi eżerċitata influwenza deċiżiva fuq l-attività tal-impriża kkonċernata.

63      B’hekk, kull tranżazzjoni jew numru ta’ tranżazzjonijiet li jwettqu “bidla fil-kontroll fuq bażi dewwiema” billi jikkonferixxu l-“possibbiltà li tkun eżerċitata influwenza deċiżiva fuq l-impriża” hija konċentrazzjoni li titqies li ġiet implementata skont ir-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet. Il-karatteristika komuni għal dawn il-konċentrazzjonijiet hija din li ġejja: fejn kien hemm żewġ impriżi separati qabel ma saret it-tranżazzjoni fir-rigward ta’ attività ekonomika partikolari, wara din it-tranżazzjoni jkun hemm waħda biss. Apparti din l-ipoteżi tal-għaqda, li tistabbilixxi t-tmiem ta’ waħda miż-żewġ impriżi kkonċernati, il-Kummissjoni għandha għalhekk tiddetermina jekk l-implementazzjoni tal-konċentrazzjoni għandhiex il-konsegwenza li tattribwixxi lil waħda mill-impriżi kkonċernati setgħa ta’ kontroll fuq l-oħra, liema setgħa hija ma kellhiex preċedentement. Din is-setgħa ta’ kontroll tikkonsisti fil-possibbiltà li tiġi eżerċitata influwenza deċiżiva fuq l-attività ta’ impriża, b’mod partikolari meta l-impriża li għandha din is-setgħa tista’ timponilha għażliet li jikkonċernaw id-deċiżjonijiet strateġiċi tagħha.

64      Minn dak li jippreċedi jirriżulta li l-akkwist ta’ holding li fih innifsu ma jagħtix il-kontroll fis-sens iddefinit mill-Artikolu 3 tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet ma jikkostitwixxix konċentrazzjoni li titqies li ġiet implementata, imsemmija minn dan ir-Regolament. Fuq dan il-punt, id-dritt tal-Unjoni huwa differenti mid-dritt ta’ ċerti Stati Membri, li l-awtoritajiet tagħhom jingħataw kompetenza mid-dispożizzjonijiet ta’ dritt intern relatati mal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet sabiex jieħdu azzjoni fir-rigward tal-holdings minoritarji fis-sens wiesa’ tat-tifsira (ara l-punti 21 u 49 iktar ’il fuq).

65      Bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-kunċett ta’ konċentrazzjoni ma jistax jiġi estiż għal każijiet fejn, fin-nuqqas ta’ kisba ta’ kontroll, il-holding inkwistjoni ma tagħtix, fiha nnifisha, il-possibbiltà li tiġi eżerċitata influwenza deċiżiva fuq l-attività tal-impriża, iżda tidħol b’mod iktar wiesa’ fil-kuntest ta’ konċentrazzjoni nnotifikata eżaminata mill-Kummissjoni u ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni wara li jkun sar dan l-eżami mingħajr ma jkun inbidel il-kontroll fis-sens iċċitat iktar ’il fuq.

66      Din is-setgħa ma tingħatax lill-Kummissjoni skont ir-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet. Skont il-kliem innifishom li jintużaw mill-Artikolu 8(4) ta’ dan ir-regolament, is-setgħa li jiġi ordnat it-trasferiment tal-azzjonijiet kollha li impriża tkun akkwistat f’oħra teżisti biss sabiex “treġġa’ lura s-sitwazzjoni għal kif kienet qabel l-implimentazzjoni tal-konċentrazzjoni”. Mingħajr l-akkwist tal-kontroll, il-Kummissjoni ma għandhiex setgħa li xxolji din il-konċentrazzjoni. Li kieku l-leġiżlatur xtaq jagħti lill-Kummissjoni setgħa usa’ minn dik stabbilita fir-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet, huwa kien jipprovdi dispożizzjoni f’dan is-sens.

67      Mill-aspett fattwali, huwa paċifiku li l-holding ta’ Ryanair fil-kapital ta’ Aer Lingus f’dan il-każ ma jagħtix lil Ryanair il-possibbiltà li “tikkontrolla” Aer Lingus. Minbarra l-elementi msemmija fil-punti 10 u 11 tad-deċiżjoni kkontestata, Aer Lingus tindika li “taċċetta s-suppożizzjoni magħmula fil-punt 11 tad-deċiżjoni kkontestata li, fis-27 ta’ Ġunju 2007, Ryanair ma kinitx teżerċita l-‘kontroll’ fis-sens tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet.” Bl-istess mod, Aer Lingus ma tqisx illi l-holding ta’ 29.3 % li għandha Ryanair fil-kapital tagħha mix-xahar ta’ Awwissu 2007 jagħti lil din tal-aħħar il-kontroll tal-kumpannija, iżda ssostni sempliċement li din il-holding tagħtiha “possibbiltà kunsiderevoli li tinterferixxi fl-amministrazzjoni tagħha u fl-istrateġija kummerċjali tagħha.”

68      Barra minn hekk, bi tweġiba għall-argumenti tar-rikorrenti relatati mal-allegati effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni, għandu jiġi osservat li dawn huma ġustament ikkonfutati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata fis-sens li jistgħu jitqiesu b’mod konkret bħala forma ta’ kontroll f’din il-kawża (punt 11 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, b’mod ġenerali, li r-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet ma għandux bħala għan li jippreżerva l-kumpanniji minn kontenzjuż ta’ natura kummerċjali bejnhom u l-azzjonisti tagħhom jew li jneħħi kull inċertezza fir-rigward tal-approvazzjoni ta’ deċiżjonijiet importanti minn dawn tal-aħħar. Jekk l-amministrazzjoni ta’ Aer Lingus tqis li l-imġieba ta’ Ryanair bħala azzjonista hija abbużiva jew illegali, hija għandha l-possibbiltà li tressaq il-każ quddiem il-qrati jew l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

69      F’kull każ, jekk huwa minnu li l-elementi fattwali invokati mir-rikorrenti jindikaw li r-relazzjonijiet bejn l-amministrazzjoni tagħha u Ryanair jinsabu f’tensjoni u li l-opinjonijiet tagħhom huma differenti fir-rigward ta’ numru ta’ punti, b’daqshekk dawn ma jipprovawx – bħal ma hu meħtieġ sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi li timplementa l-Artikolu 8(4) tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet – l-eżistenza ta’ possibbiltà li tiġi eżerċitata influwenza deċiżiva fuq l-attività ta’ din l-impriża.

70      B’hekk, fir-rigward tal-allegazzjoni li tgħid li Ryanair użat il-holding tagħha sabiex tipprova jkollha aċċess għall-pjan strateġiku kunfidenzjali u għas-sigrieti tan-negozju ta’ Aer Lingus, l-uniku element iċċitat insostenn ta’ din l-affermazzjoni huwa ittra li fiha Ryanair titlob, f’termini ġenerali, li ssir laqgħa mad-diretturi ta’ Aer Lingus. Ir-rikors ma jinkludi l-ebda element li jipprova li ġiet effettivament skambjata informazzjoni kunfidenzjali matul din il-laqgħa. Dan l-iskambju ta’ informazzjoni, f’kull każ, ma huwiex il-konsegwenza diretta tal-holding minoritarja, iżda jikkostitwixxi l-imġieba ulterjuri taż-żewġ kumpanniji li eventwalment tista’ tiġi eżaminata taħt l-Artikolu 81 KE.

71      Bl-istess mod, fir-rigward tal-allegazzjoni li tgħid li Ryanair ivvutat kontra riżoluzzjoni speċjali li kellha tippermetti lill-bord tad-diretturi joħroġ azzjonijiet mingħajr ma jkollha qabel tipproponihom lill-azzjonisti eżistenti, bħal ma jipprovdi ġeneralment id-dritt tal-kumpanniji, jirriżulta mill-kummenti tal-uffiċjal kap eżekuttiv tar-rikorrenti, li ġew irraportati fil-ġurnal The Irish Times tas-7 ta’ Lulju 2007 f’artiklu intitolat “Ryanair tostakola t-tentattiv ta’ Aer Lingus li tnaqqas il-holding tagħha” [traduzzjoni libera] u ċċitati mill-Kummissjoni mingħajr ma ġew ikkontestati mir-rikorrenti, li t-twaqqiegħ ta’ din ir-riżoluzzjoni ma kellux riperkussjonijiet sinjifikattivi fuq il-kumpannija.

72      Fir-rigward tal-allegazzjoni li tgħid li Ryanair talbet sabiex jissejħu żewġ laqgħat ġenerali straordinarji sabiex jerġgħu jiġu diskussi deċiżjonijiet strateġiċi adottati minn Aer Lingus, il-Kummissjoni tosserva, mingħajr ma tiġi kkontestata mir-rikorrenti, li l-bord tad-diretturi ta’ Aer Lingus ċaħad dawn iż-żewġ talbiet u li d-deċiżjonijiet previsti ġew implementati minkejja l-oppożizzjoni ta’ Ryanair. Dan l-eżempju juri l-fatt li, bil-kontra ta’ dak li tallega r-rikorrenti, Ryanair ma hijiex f’pożizzjoni li timponi r-rieda tagħha fuqha.

73      Fir-rigward tal-allegazzjoni li tgħid li Ryanair mexxiet kampanja kontra l-amministrazzjoni ta’ Aer Lingus, din għandha tinfthiem bħala riferenza mill-ġdid għaż-żewġ laqgħat ġenerali straordinarji mitluba minn Ryanair kif ukoll għall-korrispondenza u għad-dikjarazzjonijiet pubbliċi relatati magħha. Bħal ma osservat il-Kummissjoni fin-noti tagħha, Aer Lingus ċaħdet dawn iż-żewġ talbiet u implementat id-deċiżjoni tagħha kif kien previst. Li kieku kellu jirriżulta li Ryanair kienet xekklet lit-tmexxija ta’ Aer Lingus tul bosta ġimgħat, dan xorta waħda ma jipprovax l-eżistenza ta’ possibbiltà li tiġi eżerċitata influwenza deċiżiva fuq l-attività ta’ din l-impriża fis-sens tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet.

74      B’risposta għall-allegazzjoni li tgħid li ż-żamma ta’ holding minoritarju fi ħdan impriża kompetitriċi li tinsab f’sitwazzjoni ta’ duopolju tkun ta’ distorsjoni fuq il-kompetizzjoni b’mod inerenti, peress li l-kumpannija li jkollha dan il-holding ikollha inqas inċentiv li tikkompeti ma’ kumpannija li jinteressawha l-profitti tagħha, għandu jiġi osservat li din l-allegazzjoni hija kkonfutata mill-fatti. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva, mingħajr ma tiġi kkontestata mir-rikorrenti, li, wara li akkwistat il-holding tagħha f’Aer Lingus, Ryanair bdiet topera fuq erba’ rotot bl-ajru li qabel kienu esklużivament żgurati minn Aer Lingus, filwaqt li żiedet il-frekwenza tat-titjiriet tagħha fuq sitt rotot oħra, li fuqhom hija tikkompeti ma’ Aer Lingus (ara l-istqarrijiet għall-istampa ta’ Ryanair intitolati “Ryanair tħabbar sitt rotot ġodda minn Dublin” [traduzzjoni libera] tal-15 ta’ Awwissu 2007 u “Rotta ġdida – il-31 waħda – mill-ajruport ta’ Shannon u tliet rotot ġodda minn Dublin” [traduzzjoni libera] tal-25 ta’ Ottubru 2007). Din l-allegazzjoni teoretika ma hijiex biżżejjed, f’kull każ, sabiex fiha nnifisha turi forma ta’ kontroll ta’ Ryanair fuq Aer Lingus, sabiex tiġġustifika t-tneħħija tal-holding minoritarju kkontestat f’dan il-każ.

75      L-istess jgħodd għall-allegazzjoni li tgħid li l-holding ta’ Ryanair għandu konsegwenzi materjali fuq l-azzjonijiet ta’ Aer Lingus, li jsiru inqas interessanti għal din l-aħħar impriża. Fil-fatt, mill-aspett ta’ prinċipji, in-natura attraenti tagħha fuq il-borża kif ukoll dik finanzjarja ta’ Aer Lingus ma tistriehx fuq is-sempliċi holding minoritarju ta’ Ryanair, iżda għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-kapital kollu ta’ din l-impriża, fejn azzjonisti oħra jistgħu jkunu wkoll preżenti. Barra minn hekk, li kieku kellu jitqies li l-holding ta’ Ryanair jista’ jkollu inċidenza fuq din in-natura attraenti, din ma tkunx biżżejjed biex tiġi pprovata l-eżistenza ta’ kontroll fis-sens meħtieġ mir-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet.

76      Li wieħed jaċċetta li l-Kummissjoni tista’ tordna t-tneħħija ta’ holding minoritarju minħabba s-sempliċi raġuni li dan jirrappreżenta riskju teoretiku mill-aspett ekonomiku f’sitwazzjoni ta’ duopolju jew ta’ inkonvenjent fil-konfront tan-natura attraenti tal-azzjonijiet ta’ waħda mill-impriżi li jikkostitwixxu dan id-duopolju jmur lilhinn mill-kompetenzi mogħtija lill-Kummissjoni fir-rigward tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet.

77      Fir-rigward tal-prassi preċedenti ta’ din tal-aħħar, l-eżami tagħha jippermetti, f’kull każ, li jiġi kkonstatat li d-deċiżjonijiet kollha adottati sa llum mill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 8(4) tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet jikkonċernaw konċentrazzjonijiet li diġà ġew implementati, fejn il-kumpannija li ġiet akkwistata ma baqgħetx kompetitriċi indipendenti ta’ min akkwistaha. B’differenza għal din il-kawża, dawn id-deċiżjonijiet ma kinux jirrigwardaw l-applikabbiltà tal-Artikolu 8(4) għall-konċentrazzjoni inkwistjoni, iżda sempliċement il-miżuri approprjati biex terġa’ tiġi stabbilita l-kompetizzjoni li l-implementazzjoni tal-konċentrazzjoni kienet neħħiet, fejn dawn il-miżuri setgħu jvarjaw minn kawża għal oħra skont l-informazzjoni dwar il-każ. Il-prassi preċedenti tal-Kummissjoni fir-rigward tat-trattament tal-holdings minoritarji skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet, ma tistax għaldaqstant tiġi invokata b’mod utli sabiex jiġu kkontestati l-kriterji ddefiniti minn din id-dispożizzjoni.

78      B’hekk, il-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li kisret l-Artikolu 8(4) tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet billi qieset li ma kienet ġiet implementata l-ebda konċentrazzjoni f’dan il-każ u li għaldaqstant hija ma kellhiex il-kompetenza sabiex tordna lil Ryanair tittrasferixxi l-kapital tagħha f’Aer Lingus. Huwa biss li kieku dan il-holding kellu jippermetti li Ryanair tikkontrolla lil Aer Lingus billi teżerċita influwenza deċiżiva ta’ dritt jew ta’ fatt, li ma jirriżultax f’dan il-każ, li din is-setgħa kienet tiġi rikonoxxuta lill-Kummissjoni taħt ir-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet.

79      L-evalwazzjoni magħmula iktar ’il fuq ma hijiex affettwata mill-fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat, matul il-proċedura ta’ eżami, li l-holding akkwistat minn Ryanair mis-suq eżattament qabel u matul din l-offerta għandu jitqies li jidħol fil-kamp tal-OPA, li skont il-kliem tagħha tikkostitwixxi “konċentrazzjoni waħda”. Fil-fatt, f’dan l-istadju, jiġifieri dak tal-proċedura ta’ eżami, il-preokkupazzjonijiet tal-Kummissjoni ma humiex li “treġġa’ lura s-sitwazzjoni għal kif kienet qabel l-implimentazzjoni tal-konċentrazzjoni”, li kieku hija kienet adottat deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà, meta l-konċentrazzjoni nnotifikata kienet ġiet implementata. Dawn il-preokkupazzjonijiet jeżistu biss mill-mument li deċiżjoni finali tkun ġiet adottata u jkun meħtieġ li minn din id-deċiżjoni jittieħdu l-konsegwenzi meħtieġa ladarba jirriżulta li s-sitwazzjoni ma hijiex konformi magħha.

80      Matul il-proċedura ta’ eżami, il-Kummissjoni għandha tfittex pjuttost li tevita milli ssib ruħha f’sitwazzjonijiet fejn il-konċentrazzjoni tiġi implementata meta din tkun għada tista’ tiġi ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni. Huwa dan l-għan tal-Artikolu 7 tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet, li jħares li jiġi rrispettat wieħed mill-prinċipji li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament u li jipprovdi li konċentrazzjoni ta’ dimensjoni Komunitarja ma tistax tiġi implementata mingħajr ma tkun ġiet preċedentement innotifikata u awtorizzata mill-Kummissjoni.

81      Fil-fatt, l-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament intitolat “Notifika minn qabel [...]” jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu li l-konċentrazzjonijiet imsemmija minn dan ir-Regolament għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni qabel ma jiġu implementati u wara l-konklużjoni tal-ftehim, id-dikjarazzjoni tal-OPA, jew tal-offerta pubblika ta’ skambju (OPS) jew tal-akkwist ta’ holding ta’ kontroll. Dan il-prinċipju jissemma wkoll fl-Artikolu 7 tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet, intitolat “Sospensjoni ta’ konċentrazzjonijiet”. Skont l-Artikolu 7(1), konċentrazzjoni b’dimensjoni Komunitarja ma tistax tiġi implementata la qabel ma tkun innotifikata u lanqas qabel ma tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni. L-Artikolu 7(2) jipprovdi li l-paragrafu 1 ma jostakolax l-implementazzjoni ta’ OPA jew ta’ OPS jew tranżazzjonijiet li permezz tagħhom il-kontroll fis-sens tal-Artikolu 3 jinkiseb bl-għajnuna ta’ bosta bejjiegħa permezz ta’ serje ta’ tranżazzjonijiet f’titoli sakemm il-konċentrazzjoni tiġi nnotifikata mingħajr dewmien lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 4 kif ukoll li min jakkwista ma jeżerċitax id-drittijiet ta’ vot marbutin mal-holdings ikkonċernati jew jeżerċitahom biss bil-għan li jissalvagwardja l-valur sħiħ tal-investiment tiegħu u abbażi ta’ deroga mogħtija mill-Kummissjoni.

82      Għandu jiġi osservat li l-obbligu ta’ sospensjoni tal-implementazzjoni tal-konċentrazzjoni sakemm din tiġi awtorizzata mill-Kummissjoni huwa suġġett għal deroga awtomatika fil-każ ta’ OPA jew ta’ akkwist tal-kontroll permezz ta’ serje ta’ tranżazzjonijiet fuq titoli li jimplikaw numru ta’ bejjiegħa.  Sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn din id-deroga, il-partijiet interessati għandhom jinnotifikaw il-konċentrazzjoni lill-Kummissjoni mingħajr ebda dewmien u ma għandhomx jeżerċitaw id-drittijiet ta’ vot marbutin ma’ dawn il-holdings. Hekk kif sostniet il-Kummissjoni fin-noti tagħha, din id-deroga għandha l-effett li tittrasferixxi r-riskju tal-projbizzjoni tat-tranżazzjoni fuq min jakkwista. Jekk il-Kummissjoni tqis meta tintemm il-proċedura ta’ eżami li t-tranżazzjoni nnotifikata għandha tiġi pprojbita, it-titoli akkwistati sabiex tiġi implementata l-konċentrazzjoni jkollhom jiġu ttrasferiti, hekk kif juru l-kawżi Tetra Laval u Schneider, imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata kif ukoll mir-rikorrenti (ara l-punti 27 u 48 iktar ’il fuq).

83      F’dan il-kuntest, l-akkwist ta’ holding li fih innifsu ma jagħtix il-kontroll fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet jista’ jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament. L-approċċ tal-Kummissjoni għandu jinfthiem fis-sens li hija tuża l-kunċett ta’ “konċentrazzjoni unika” sabiex tillimita r-riskju li ssib lilha nnifisha f’sitwazzjoni fejn deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà jkollha l-ħtieġa li tiġi kkompletata minn deċiżjoni ta’ xoljiment intiża sabiex ittemm il-kisba tal-kontroll saħansitra qabel mal-Kummissjoni tagħti deċiżjoni fir-rigward tal-effetti kompetittivi tagħha. Meta l-Kummissjoni talbet lil Ryanair sabiex ma teżerċitax id-drittijiet ta’ vot tagħha, li barra minn hekk osservat li dawn ma jagħtuhiex il-kontroll ta’ Aer Lingus (ara l-punt 14 iktar ’il fuq), hija sempliċement talbet lil din l-impriża sabiex tevita milli tqiegħed lilha nnifisha f’sitwazzjoni fejn hija timplementa konċentrazzjoni li għandha tagħti lok għal miżura adottata abbażi tal-Artikolu 8(4) u (5) fil-każ ta’ deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà mas-suq komuni.

84      Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni ġustament qieset, fil-punti 12 u 13 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-holding minoritarju ta’ Ryanair fil-kapital ta’ Aer Lingus ma setax jiġi kkunsidrat f’din il-kawża bħala “implementazzjoni parzjali” ta’ konċentrazzjoni li tista’ tagħti lok għal miżura adottata abbażi tal-Artikolu 8(4) jew (5), fil-każ ta’ deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà mas-suq komuni.

85      Fin-nuqqas ta’ teħid ta’ kontroll effettiv ta’ Aer Lingus minn Ryanair, il-holding kontenzjuż ma jistax jitqies bħala “konċentrazzjoni” li “diġà ġiet implimentata”, anki jekk it-tranżazzjoni li fiha jidħol dan il-holding ġiet iddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni.

86      L-ebda wieħed mill-argumenti ppreżentati mir-rikorrenti fin-noti tagħha u matul is-seduta, li essenzjalment jirreferu għat-teorija li għaliha twieġeb id-deċiżjoni kkontestata, ma huwa tali li jikkontesta l-evalwazzjoni msemmija iktar ’il fuq.

87      B’hekk, minkejja d-definizzjoni tal-konċentrazzjoni unika u d-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà tal-konċentrazzjoni mas-suq komuni stabbiliti permezz tad-deċiżjoni Ryanair, il-Kummissjoni ġġustifikat biżżejjed skont il-liġi u skont il-fatti fid-deċiżjoni kkontestata d-deċiżjoni tagħha li ma tadottax miżura skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet.

88      L-istess raġunament jgħodd għall-Artikolu 8(5) tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet, li fir-rigward tiegħu r-rikorrenti ssostni l-istess argumenti kontra l-analiżi żviluppata fuq dan il-punt mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, li tirrepeti, mutatis mutandis, l-analiżi żviluppata fir-rigward tal-Artikolu 8(4) ta’ dan ir-Regolament.

89      Fl-aħħar nett, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni indikat, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-Artikolu 21(3) tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet kien jimponi obbligu fuq l-Istati Membri u ma kien jagħtih ebda dritt jew setgħa partikolari. Għaldaqstant il-Kummissjoni kkunsidrat li hija ma kellhiex il-kompetenza li tipprovdi interpretazzjoni vinkolanti ta’ din id-dispożizzjoni u li hija ma kinitx f’pożizzjoni li twieġeb it-talba ta’ interpretazzjoni ppreżentata minn Aer Lingus (ara l-punt 29 iktar ’il fuq).

90      Bħall-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali tosserva li l-Artikolu 21(3) tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet jipprovdi li “[l]-ebda Stat Membru ma għandu japplika l-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni fir-rigward ta’ konċentrazzjoni li għandha dimensjoni Komunitarja” u li għaldaqstant dan ma jagħtix lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta miżura li tipproduċi effetti ġuridiċi vinkolanti li jkunu tali li jaffettwaw l-interessi ta’ Aer Lingus. Għaldaqstant ma jistax jiġi lmentat fil-konfront tal-Kummissjoni talli fit-tweġiba tagħha hija fakkret il-kuntest ġuridiku applikabbli għal din il-kawża u l-konsegwenzi li jirriżultaw minnu, b’mod partikolari fir-rigward tar-rikorsi previsti fl-Artikoli 226 KE u 234 KE (ara l-punt 31 iktar ’il fuq).

91      Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti f’din il-kawża jistieden lill-Qorti Ġenerali sabiex teżamina ipoteżi li ma seħħitx, sa fejn l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(4) u (5) tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet ma tibbażax ruħha fuq konklużjonijiet żbaljati bħal ma tallega r-rikorrenti (ara l-punt 55 iktar ’il fuq). Fin-nuqqas ta’ konċentrazzjoni ta’ daqs Komunitarju, l-Istati Membri jibqgħu liberi, fil-fatt, li japplikaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom fuq il-kompetizzjoni għall-holding ta’ Ryanair fil-kapital ta’ Aer Lingus skont ir-regoli previsti f’dan ir-rigward.

92      Minn dak li jippreċedi jirriżulta li r-rikors kollu għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

93      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet u peress li l-Kummissjoni u Ryanair talbu sabiex ir-rikorrenti tiġi kkundannata għall-ispejjeż, hemm lok sabiex hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż tagħha kif ukoll għall-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni u minn Ryanair, inklużi l-ispejjeż relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Aer Lingus Group plc għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni u minn Ryanair Holdings plc, inklużi l-ispejjeż relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

Azizi

Cremona

Frimodt Nielsen

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-9 ta’ Frar 2010.

Firem

Werrej


Il-kuntest ġuridiku

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-partijiet fil-kawża

Offerta ta’ akkwist ta’ Aer Lingus minn Ryanair u akkwist ta’ holding

Eżami u projbizzjoni tal-konċentrazzjoni nnotifikata

Korrispondenza bejn Aer Lingus u l-Kummissjoni matul il-proċedura ta’ eżami tal-konċentrazzjoni

Korrispondenza bejn Aer Lingus u l-Kummissjoni wara d-Deċiżjoni Ryanair, sejħa għal teħid ta’ azzjoni skont l-Artikolu 232 KE u d-deċiżjoni kkontestata

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.