Language of document :

Rikors ippreżentat fit-2 ta' Awwissu 2012 - Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-341/12)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Evonik Degussa GmbH (Essen, il-Ġermanja) (rappreżentanti: C. Steinle, M. Holm-Hadulla u C. von Köckritz, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2012) 3534 finali, tal-24 ta' Mejju 2012, dwar iċ-ċaħda tat-talba ta' Evonik Degussa għat-trattament kunfidenzjali ta' informazzjoni fid-deċiżjoni adottata fil-Każ COMP/F/38.620 - Perossidu tal-idroġenu u perborat - skont ir-raba' paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tar-rikorrenti skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8 tal-mandat tal-uffiċjal tas-seduta 2 u tad-dritt tar-rikorrenti għal amministrazzjoni tajba u tad-dritt tagħha għal smigħ.

Fuq dan il-punt, ir-rikorrenti ssostni li l-uffiċjal tas-seduta ma kkunsidrax l-oġġezzjonijiet fundamentali tagħha għall-pubblikazzjoni. B'dan il-mod, huwa ma rrispettax il-portata tas-setgħat u tad-dmirijiet tiegħu u kiser l-Artikolu 8 tal-mandat tiegħu. Minħabba li la l-uffiċjal tas-seduta u lanqas id-dipartimenti l-oħra tal-Kummissjoni ma kkunsidraw l-oġġezzjonijiet fundamentali mressqa mir-rikorrenti kontra d-deċiżjoni ta' pubblikazzjoni, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni naqset milli tinvestiga l-aspetti rilevanti kollha tal-każ. Għalhekk, il-Kummissjoni kisret id-dritt għal amministrazzjoni tajba u d-dritt għal smigħ xieraq [Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea].

It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni.

F'dan ir-rigward, huwa argumentat li d-deċiżjoni kkontestata ma fiha ebda motivazzjoni dwar l-oġġezzjonijiet imqajma mir-rikorrent kontra l-pubblikazzjoni tal-verżjoni estiża tad-deċiżjoni. L-istess japplika għall-motivazzjonijiet tal-Kummissjoni u l-interess pubbliku fil-pubblikazzjoni tal-verżjoni estiża kważi ħames snin wara l-adozzjoni tal-verżjoni oriġinali mhux kunfidenzjali.

It-tielet motiv, ibbażat fuq żball ta' liġi u ta' evalwazzjoni minħabba l-ksur tas-sigriet professjonali skont l-Artikolu 339 TFUE u l-Artikolu 8 KEDB, kif ukoll fuq ksur tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li għandha tkun ippubblikata.

- Bħala parti minn dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-partijiet li l-Kummissjoni għandha l-intenzjoni tippubblika fil-verżjoni estiża u mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni huma protetti mis-sigriet professjonali u sa ċertu punt fihom ukoll sigrieti tal-kummerċ. Il-pubblikazzjoni ta' tali informazzjoni fuq l-Internet tikser id-dritt tar-rikorrenti għall-osservanza tas-sigriet professjonali.

- Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-pubblikazzjoni proposta tal-informazzjoni pprovduta mix-xhieda prinċipali taqa' fl-ambitu tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 4, u li r-Regolament KE Nru 1/2003  u r-regoli dwar klemenza  fihom dispożizzjonijiet speċjali dwar l-aċċess għal tali informazzjoni pprovduta mix-xhieda prinċipali. Skont ir-rikorrenti, minn dan jirriżulta, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, C-139/07 P, Ġabra p. I-5885 u tat-28 ta' Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, C-404/10 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), li hemm preżunzjoni li l-pubblikazzjoni ta' din l-informazzjoni tikser l-interessi kummerċjali tar-rikorrenti kif ukoll l-iskop tal-investigazzjonijiet mill-Kummissjoni. L-eżistenza ta' interess pubbliku speċjali fil-pubblikazzjoni ta' tali informazzjoni għalhekk għandha tiġi pprovata separatament. Peress li, skont ir-rikorrenti, l-uffiċjal tas-seduta naqas milli jipprovdi tali prova, huwa kien għalhekk wettaq żball manifest ta' evalwazzjoni.

Ir-raba' motiv, ibbażat fuq ksur tal-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti u tal-prinċipju ta' ċertezza legali.

Ir-rikorrenti ssostni f'dan ir-rigward li meta ċaħdet it-talba għal trattament kunfidenzjali u ddeċidiet li tippubblika l-verżjoni estiża tad-deċiżjoni, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta' protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Ir-rikorrenti kienet ibbażat ruħha fuq il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni trażmessa. Hija bbażat ruħha fuq l-avviż dwar il-klemenza u fuq il-prattika kostanti tal-Kummissjoni u temmen li din il-fiduċja hija denja ta' protezzjoni. Ksur tal-prinċipju ta' protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jirriżulta wkoll mill-fatt li l-Kummissjoni fl-2007 diġà kienet ippubblikat verżjoni finali mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni fejn hija kienet aċċettat il-proposti tar-rikorrenti sabiex ċerti partijiet jitħallew barra. Ir-rikorrenti ssostni li ma hemm ebda bażi legali u li lanqas ma hemm raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw bidla sussegwenti f'din id-deċiżjoni.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-applikazzjoni speċifika.

Fil-kuntest ta' dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-użu tal-informazzjoni pprovduta minn xhieda prinċipali bħala informazzjoni pubblika tikser l-applikazzjoni speċifika ta' din l-informazzjoni, skont l-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 1/2003 u l-paragrafu 48 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-aċċess għall-fajl . Dan huwa partikolarment minnu meta dak l-użu sar iktar minn sitt snin wara t-tlestija tal-proċeduri amministrattivi.

____________

1 - Deċiżjoni tal-President tal-Kummissjoni Ewropea 2011/695/UE, tat-13 ta' Ottubru 2011, dwar il-funzjoni u t-termini ta' referenza tal-uffiċjal tas-seduta f'ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni (ĠU L 275, p. 29).

2 - Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta' Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).

3 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta' Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).

4 - Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f'multi f'każijiet ta' kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155).

5 - Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-regoli għall-aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni f'każijiet skont l-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE], l-Artikoli 53, 54 u 57 tal-Ftehim ŻEE u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (ĠU C 325, p. 7).