Language of document : ECLI:EU:T:2015:51

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

28 ta’ Jannar 2015 (*)

“Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Suq Ewropew tal-perossidu tal-idroġenu u tal-perborat — Pubblikazzjoni ta’ deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Ċaħda ta’ talba intiża sabiex jinkiseb it-trattament kunfidenzjali ta’ informazzjoni pprovduta lill-Kummissjoni bis-saħħa tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tagħha — Obbligu ta’ motivazzjoni — Kunfidenzjalità — Sigriet professjonali — Aspettattivi leġittimi”

Fil-Kawża T‑341/12,

Evonik Degussa GmbH, stabbilita f’Essen (il-Ġermanja), irrappreżentata minn C. Steinle, M. Holm‑Hadulla u C. von Köckritz, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. Giolito, M. Kellerbauer u G. Meessen, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għal annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2012) 3534 finali, tal‑24 ta’ Mejju 2012, li tirrigwarda ċ-ċaħda ta’ talba għal trattament kunfidenzjali mressqa minn Evonik Degussa, skont l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni tal-President tal-Kummissjoni 2011/695/UE, tat‑13 ta’ Ottubru 2011, dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni (Każ COMP/38.620 – Perossidu tal-idroġenu u perborat),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn S. Papasavvas, President, N. J. Forwood (Relatur) u E. Bieliūnas, Imħallfin,

Reġistratur: C. Heeren, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad‑9 ta’ April 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-3 ta’ Mejju 2006, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej adottat id-Deċiżjoni C (2006) 1766 finali, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE kontra Akzo Nobel NV, Akzo Nobel Chemicals Holding AB, Eka Chemicals AB, Degussa AG, Edison SpA, FMC Corporation, FMC Foret SA, Kemira OYJ, L’Air Liquide SA, Chemoxal SA, Snia SpA, Caffaro Srl, Solvay SA/NV, Solvay Solexis SpA, Total SA, Elf Aquitaine SA u Arkema SA (Każ COMP/38.620 – Perossidu tal-idroġenu u perborat) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni PIP”).

2        Fid-Deċiżjoni PIP, il-Kummissjoni kkonstatat b’mod partikolari li Degussa AG, li saret Evonik Degussa GmbH, ir-rikorrenti, kienet ipparteċipat fi ksur tal-Artikolu 81 KE fit-territorju taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), flimkien ma’ sittax‑il kumpannija oħra attivi fis-settur tal-perossidu tal-idroġenu u tal-perborat. Peress li r-rikorrenti kienet l-ewwel kumpannija li għamlet kuntatt mal-Kummissjoni, f’Diċembru 2002, b’applikazzjoni tal-Komunikazzjoni ta’ din tal-aħħar dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002”), u peress li, f’din l-okkażjoni, hija kienet ikkooperat bis-sħiħ billi pprovdiet lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha li hija kellha fir-rigward tal-ksur, hija ngħatat il-benefiċċju ta’ immunità kompleta mill-multa.

3        Fl-2007, l-ewwel verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni PIP ġiet ippubblikata fis-sit internet tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Kompetizzjoni” tal-Kummissjoni (iktar ’il quddiem id-“DG COMP”).

4        F’ittra indirizzata lir-rikorrenti fit‑28 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni informatha dwar l-intenzjoni tagħha li tippubblika verżjoni ġdida mhux kunfidenzjali iktar iddettaljata tad-Deċiżjoni PIP, li tinkludi l-kontenut kollu tal-imsemmija deċiżjoni bl-eċċezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali. F’din l-okkażjoni, il-Kummissjoni talbet lir-rikorrenti sabiex hija tidentifika, fid-Deċiżjoni PIP, l-informazzjoni li fir-rigward tagħha hija kellha l-intenzjoni titlob it-trattament kunfidenzjali.

5        Peress li qieset li din il-verżjoni mhux kunfidenzjali iktar iddettaljata kienet tinkludi informazzjoni kunfidenzjali jew sigrieti tan-negozju, ir-rikorrenti informat lill-Kummissjoni, f’ittra tat‑23 ta’ Diċembru 2011, li hija kienet qiegħda topponi l-pubblikazzjoni ppjanata. Insostenn ta’ din l-oppożizzjoni, ir-rikorrenti sostniet, b’mod iktar partikolari, li l-imsemmija verżjoni mhux kunfidenzjali kienet tinkludi numru ta’ informazzjoni li hija kienet għaddiet lill-Kummissjoni taħt il-programm ta’ klemenza, kif ukoll l-ismijiet ta’ numru ta’ kollaboraturi tagħha kif ukoll indikazzjonijiet li jikkonċernaw ir-relazzjonijiet kummerċjali tagħha. Skont ir-rikorrenti, il-pubblikazzjoni ppjanata għalhekk tmur kontra, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tal-ugwaljanza fit-trattament u hija ta’ natura li tippreġudika l-attivitajiet ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni.

6        Permezz ta’ ittra tal‑15 ta’ Marzu 2012, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li hija kienet aċċettat li tħassar mill-verżjoni l-ġdida mhux kunfidenzjali li kellha tiġi ppubblikata l-informazzjoni kollha li tippermetti direttament jew indirettament li jiġi identifikat is-sors tal-informazzjoni kkomunikata taħt il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002, kif ukoll l-ismijiet ta’ kollaboraturi tar-rikorrenti. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni qieset li ma kienx ġustifikat li l-benefiċċju tal-kunfidenzjalità jingħata għall-informazzjoni l-oħra li fir-rigward tagħha r-rikorrenti kienet talbet it-trattament kunfidenzjali.

7        Billi għamlet użu mill-possibbiltà prevista mid-Deċiżjoni tal-President tal-Kummissjoni 2011/695/UE, tat‑13 ta’ Ottubru 2011, dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni (ĠU L 275, p. 29, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta”), ir-rikorrenti adixxa lill-uffiċjal tas-seduta sabiex dan tal-aħħar jeskludi mill-verżjoni mhux kunfidenzjali l-pubblikazzjoni ta’ kull informazzjoni pprovduta minnha bis-saħħa tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal‑2002.

 Id-deċiżjoni kkontestata

8        Permezz tad-Deċiżjoni C (2012) 3534 finali, tal‑24 ta’ Mejju 2012 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), l-uffiċjal tas-seduta, f’isem il-Kummissjoni, ċaħad it-talbiet għal trattament kunfidenzjali mressqa mir-rikorrenti u, konsegwentement, awtorizza l-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni kkomunikata minnha lill-Kummissjoni bil-għan li tibbenefika mill-programm ta’ klemenza ta’ din tal-aħħar.

9        Fid-deċiżjoni kkontestata, l-uffiċjal tas-seduta qabel kollox enfasizza l-limiti tal-mandat tiegħu, li kien jippermettilu biss li jeżamina jekk informazzjoni kellhiex titqies li hija kunfidenzjali u mhux li jirrimedja ksur allegat tal-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti lejn il-Kummissjoni.

10      Barra minn hekk huwa osserva li r-rikorrenti kienet topponi l-pubblikazzjoni ta’ verżjoni ġdida mhux kunfidenzjali iktar iddettaljata tad-Deċiżjoni PIP għas-sempliċi raġuni li din kienet tinkludi informazzjoni pprovduta bis-saħħa tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 u li l-komunikazzjoni ta’ din l-informazzjoni lil terzi setgħet tikkawżalha preġudizzju fil-kuntest ta’ rikorsi għad-danni quddiem qrati nazzjonali. Issa, skont l-uffiċjal tas-seduta, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tiddeċiedi li tippubblika iktar mill-essenzjali tad-deċiżjonijiet tagħha. Barra minn hekk, riferimenti għal dokumenti li jinsabu fil-fajl amministrattiv ma jikkostitwixxux, fihom infushom, sigrieti tan-negozju jew informazzjoni kunfidenzjali oħra.

11      Skont l-uffiċjal tas-seduta, ir-rikorrenti ma pprovatx li l-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni li hija kienet ikkomunikat lill-Kummissjoni bil-għan li tibbenefika mill-klemenza ta’ din tal-aħħar setgħet tikkawżalha preġudizzju serju. L-interess ta’ impriża li lilha l-Kummissjoni imponiet multa minħabba ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni sabiex id-dettalji tal-aġir li jikkostitwixxi ksur li bih qed tiġi akkużata ma jiġux żvelati lill-pubbliku, fi kwalunkwe każ, ma jixraqlu ebda protezzjoni partikolari. L-uffiċjal tas-seduta fakkar, dwar dan il-punt, li r-rikorsi għal kumpens kienu jagħmlu parti sħiħa mill-politika tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-kompetizzjoni u li, għalhekk, ir-rikorrenti ma setgħetx tinvoka interess leġittimu li tiġi protetta kontra r-riskju li tkun suġġetta għal tali rikorsi, minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fil-kartell imsemmi mid-Deċiżjoni PIP.

12      L-uffiċjal tas-seduta qies ukoll li huwa ma kienx kompetenti biex iwieġeb għall-argument tar-rikorrenti li l-iżvelar lil terzi tal-informazzjoni li hija kienet ikkomunikat lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-programm ta’ klemenza tippreġudika l-imsemmi programm, peress li kwistjoni bħal din teċċedi l-limiti tal-mandat tagħha. Huwa fakkar, f’dan ir-rigward, li, konformement mal-ġurisprudenza, hija l-Kummissjoni biss li għandha tevalwa kemm il-kuntest fattwali u storiku li fih jidħol l-aġir inkriminat għandu jiġi mgħarraf lill-pubbliku, sa fejn dan ma jinkludix informazzjoni kunfidenzjali.

13      Fl-aħħar nett, l-uffiċjal tas-seduta indika li, peress li l-mandat li ngħata lilu skont l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta kien jillimita ruħu sabiex jevalwa sa fejn informazzjoni kienet taqa’ taħt is-sigriet professjonali jew kellha tibbenefika minn trattament kunfidenzjali taħt titolu ieħor, huwa ma kienx kompetenti sabiex jiddeċiedi dwar l-argument tar-rikorrenti li l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni li hija kienet ikkomunikat taħt il-programm ta’ klemenza kienet tagħti lok għal differenza fit-trattament inġustifikat fir-rigward tal-parteċipanti fil-ksur issanzjonat fid-Deċiżjoni PIP u b’hekk kienet tmur kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

14      Permezz ta’ att li wasal fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑2 ta’ Awwissu 2012, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

15      Permezz ta’ digriet tas‑16 ta’ Novembru 2012, Evonik Degussa vs Il‑Kummissjoni (T‑341/12 R, li għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra), il-President tal-Qorti Ġenerali ddeċieda, minn naħa, li jissospendi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, u, min-naħa l-oħra, li jordna lill-Kummissjoni toqgħod lura milli tippubblika verżjoni tad-Deċiżjoni PIP li tkun iktar iddettaljata, għal dak li jikkonċerna lir-rikorrenti, minn dik ippubblikata fis-sit internet tad-DĠ COMP sa mill-2007.

16      Peress li kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali u l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tielet Awla, din il-kawża ġiet għalhekk assenjata lil din l-awla.

17      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali, (it-Tielet Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, talbet il-produzzjoni ta’ dokument mill-Kummissjoni. Din tal-aħħar ipproduċiet id-dokument mitlub fit-terminu mogħti.

18      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tad‑9 ta’ April 2014.

19      Fil-ġurnata tas-seduta, ir-rikorrenti ppreżentat kopja ta’ ittra tal-Kummissjoni tal‑11 ta’ Frar 2014, dwar proċedura ta’ arbitraġġ pendenti fl-Istati Uniti tal-Amerika. Miltuba mill-President tat-Tielet Awla tagħmel l-osservazzjonijiet tagħha dwar dan id-dokument ġdid f’terminu ta’ ġimgħa mis-seduta, il-Kummissjoni kkonfermat, f’ittra li waslet fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑15 ta’ April 2014, li hija kienet qed tikkontesta t-teħid inkunsiderazzjoni tagħha f’din il-proċedura, fid-dawl tal-preżentata tardiva tagħha.

20      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

21      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

22      Ir-rikorrenti tinvoka, essenzjalment, ħames motivi insostenn tar-rikors tagħha. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta, tad-dritt għal amministrazzjoni tajba u tad-dritt ta’ smigħ, it-tieni, fuq motivazzjoni insuffiċjenti, it-tielet, fuq ksur tas-sigriet professjonali protett mill-Artikolu 339 TFUE u mill-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), kif ukoll fuq in-natura kunfidenzjali tal-informazzjoni li l-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tippubblika, ir-raba’, fuq ksur tal-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi, ta’ ċertezza legali u ta’ ugwaljanza fit-trattament u, il-ħames, fuq ksur tal-prinċipju ta’ għan li jirriżulta fl-Artikolu 28(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas‑16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), kif ukoll fuq ksur tal-paragrafu 48 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-regoli ta’ aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni fil-kawżi li jirriżultaw mill-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE], tal-Artikoli 53, 54 u 57 tal-Ftehim ŻEE u tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (ĠU 2005, C 325, p. 7, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar l-aċċess għall-fajl”).

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta, tad-dritt għal amministrazzjoni tajba u tad-dritt ta’ smigħ

23      Dan il-motiv essenzjalment huwa maqsum f’żewġ partijiet. Fl-ewwel parti, ir-rikorrenti tilmenta li l-uffiċjal tas-seduta ma eżaminax fid-dettall l-argumenti li jirriżultaw mill-ksur tal-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ ugwaljanza fit-trattament li hija kienet ippreżentatlu, kif ukoll l-argument li l-pubblikazzjoni li kellha intenzjoni tagħmel il-Kummissjoni tmur kontra l-prinċipju li jirriżulta fl-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 1/2003, li jgħid li l-informazzjoni miġbura bis-saħħa tal-Artikolu 17 sa 22 tal-imsemmi regolament tista’ tintuża biss għall-finijiet li għalihom inġabret. Billi jillimita l-eżami tiegħu għas-sempliċi kwistjoni dwar jekk l-informazzjoni għall-pubblikazzjoni kkontestata mir-rikorrenti kinitx kunfidenzjali jew le, l-uffiċjal tas-seduta indebitament illimita l-portata tal-istħarriġ li huwa f’pożizzjoni li jeżerċita bis-saħħa tal-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta.

24      Fit-tieni parti, ir-rikorrenti ssostni li billi astjena milli jiddeċiedi dwar uħud mill-argumenti li hija kienet ippreżentat, l-uffiċjal tas-seduta adotta d-deċiżjoni kkontestata billi mar kontra d-dritt ta’ din tal-aħħar għal amministrazzjoni tajba, iggarantit fl-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Dan in-nuqqas jikkostitwixxi wkoll ksur tad-dritt ta’ smigħ effettiv tar-rikorrenti fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva, stabbilit fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

25      Il-Kummissjoni tikkontesta din l-argumentazzjoni.

26      Fir-rigward tal-ewwel parti, għandi jitfakkar, preliminarjament, li, permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti tilmenta li l-uffiċjal tas-seduta, essenzjalment, qagħad lura milli jwieġeb tliet argumenti distinti li hija kienet qajmet quddiemu, fejn kull wieħed minnhom kien tali, fil-fehma tagħha, li jostakola l-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni ta’ verżjoni mhux kunfidenzjali iktar kompleta tad-Deċiżjoni PIP. Dawn l-argumenti jikkonċernaw, fl-ewwel lok, il-ksur tal-prinċipju ta’ għan stabbilit fl-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 1/2003, li jgħid li l-informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni bis-saħħa tal-Artikoli 17 sa 22 tal-imsemmi regolament tista’ tintuża biss għall-għanijiet li għalihom inġabru, fit-tieni lok, il-ksur tal-aspettattiva leġittima mqiegħda mir-rikorrenti fil-fatt li l-informazzjoni kontenzjuża ma tiġix ippubblikata u, fit-tielet lok, il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li jirriżulta mill-fatt li din il-pubblikazzjoni għandha bħala effett li tqiegħed lir-rikorrenti f’pożizzjoni inqas favorevoli minn destinatarji oħra tad-Deċiżjoni PIP li ma kkooperawx mal-Kummissjoni, fil-kuntest ta’ azzjonijiet għal kumpens eventwalment mibdija minn vittmi tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni ssanzjonat f’din id-deċiżjoni.

27      Skont l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta, il-kompetenzi u l-funzjonijiet tal-uffiċjali tas-seduta maħtura fil-proċeduri ta’ kompetizzjoni huma ddefiniti permezz tal-imsemmija deċiżjoni.

28      L-Artikolu 8(1) sa (3) tad-Deċiżjoni dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta jipprovdi kif ġej:

“1.      Meta l-Kummissjoni jkollha l-ħsieb li tiżvela informazzjoni li tista’ tikkostitwixxi sigriet kummerċjali jew informazzjoni kunfidenzjali oħra ta’ kwalunkwe impriża jew persuna, din tal-aħħar għandha tiġi informata bil-miktub dwar din l-intenzjoni u r-raġunijiet tagħha mid-[DG COMP]. Għandu jiġi ffissat limitu ta’ żmien li matulu l-impriża jew il-persuna kkonċernata tkun tista’ tippreżenta kummenti bil-miktub.

2.      Meta l-impriża jew il-persuna kkonċernata toġġezzjona għall-iżvelar tal-informazzjoni, hija tista’ tirreferi l-kwistjoni lill-uffiċjal tas-seduta. Jekk l-uffiċjal tas-seduta jsib li l-informazzjoni tista’ tiġi żvelata minħabba li ma tikkostitwixxi ebda sigriet kummerċjali jew informazzjoni kunfidenzjali oħra jew minħabba li jkun hemm interess akbar fl-iżvelar tagħha, dik is-sejba għandha tiġi ddikjarata f’deċiżjoni motivata li għandha tintbagħat lill-impriża jew lill-persuna kkonċernata. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika d-data li warajha tista’ tiġi żvelata din l-informazzjoni. Din id-data ma għandhiex tkun inqas minn ġimgħa mid-data tan-notifika.

3.      Il-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-iżvelar tal-informazzjoni permezz ta’ pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjal tal-Unjoni Ewropea.”

29      Qabel kollox fir-rigward tal-ilment magħmul lill-uffiċjal tas-seduta talli ma eżaminax l-argument dwar ksur tal-prinċipju ta’ għan, minħabba li jista’ jiġi kkunsidrat li tali argument ġie ppreżentat speċifikament quddiemu mir-rikorrenti fit-talba tagħha tal‑10 ta’ April 2012, għandha tiġi approvata l-fehma tal-Kummissjoni li d-deċiżjoni kkontestata essenzjalment tagħti tweġiba għal dan l-argument. Fil-fat, fil-punt 19 tad-deċiżjoni kkontestata, l-uffiċjal tas-seduta indika li, bla ħsara għar-rispett dovut lis-sigriet professjonali, hija l-Kummissjoni li għandha tiddetermina liema informazzjoni hija kellha l-intenzjoni li tippubblika lil hinn mill-kontenut essenzjali tad-deċiżjonijiet li hija kienet tadotta skont l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003. Issa, fil-punti 20 u 21 tad-deċiżjoni kkontestata, l-uffiċjal tas-seduta barra minn hekk ċaħad l-argument tar-rikorrenti li tali pubblikazzjoni kienet eskluża fir-rigward ta’ informazzjoni li kienet ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni bil-għan li tibbenefika mill-programm ta’ klemenza tagħha.

30      B’hekk, bla ħsara għall-eżami tal-validità ta’ dan l-approċċ fil-kuntest tal-ħames motiv, impliċitament iżda neċessarjament mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni kkomunikata minn impriża li tixtieq li tibbenefika mill-programm ta’ klemenza, minkejja n-nuqqas ta’ qbil espress mill-imsemmija impriża f’dan ir-rigward, ma tmurx kontra l-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 1/2003, li l-informazzjoni miksuba mill-Kummissjoni matul investigazzjoni li tikkonċerna ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tista’ tintuża biss għall-għanijiet li għalihom inġabret.

31      Sussegwentement fir-rigward tal-argumenti li jirriżultaw mill-fatt li l-uffiċjal tas-seduta ma weġibx għall-oġġezzjonijiet misluta mill-ksur tal-aspettattiva leġittima mqiegħda fil-fatt li ma ssirx il-pubblikazzjoni kontenzjuża kif ukoll mill-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandu jiġi osservat li dawn l-argumenti effettivament ġew ippreżentati mir-rikorrenti fit-talba tagħha ppreżentata quddiem l-uffiċjal tas-seduta fl‑10 ta’ April 2012.

32      Għalhekk għandu jiġi ddeterminat jekk dan tal-aħħar ġustament, fil-punti 15 u 24 tad-deċiżjoni kkontestata, qies li ma kellux kompetenza sabiex jiddeċiedi dwar dawn l-argumenti, fid-dawl tal-limiti tat-termini ta’ referenza fdati lilu skont l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta.

33      F’dan ir-rigward, qabel kollox għandu jiġi osservat li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, meta l-uffiċjal tas-seduta kien jieħu deċiżjoni skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/462/KE, KEFA, dwar it-termini ta’ riferenza ta’ uffiċjali tas-seduta f’ċerti proċeduri dwar il-kompetizzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 151), issostitwit bl-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta, huwa ma kellux biss l-obbligu li jeżamina jekk il-verżjoni ta’ deċiżjoni li tissanzjona ksur tal-Artikolu 81 KE mressqa għall-eżami tiegħu kinitx tinkludi sigrieti ta’ negozju jew informazzjoni kunfidenzjali oħra li tgawdi minn protezzjoni simili, iżda wkoll li tivverifika jekk din il-verżjoni kinitx tinkludi informazzjoni oħra li ma setgħetx tiġi żvelata lill-pubbliku, jew minħabba regoli tad-dritt Komunitarju li jipproteġuha speċifikament, jew minħabba l-fatt li hija kienet tagħmel parti minn dik l-informazzjoni li, min-natura tagħha, hija koperta bis-sigriet professjonali (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat‑30 ta’ Mejju 2006, Bank Austria Creditanstalt vs Il‑Kummissjoni, T‑198/03, Ġabra p. II‑1429, punt 34, u tat‑12 ta’ Ottubru 2007, Pergan Hilfsstoffe für industrielle Prozesse vs Il‑Kummissjoni, T‑474/04, Ġabra p. II‑4225, punt 66).

34      Minn din l-istess ġurisprudenza jirriżulta wkoll li, fost dawn ir-regoli li jipproteġu speċifikament ċerta informazzjoni, jirriżultaw ir-Regolament (KE) Nru 45/20014, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑18 ta’ Diċembru 2000, dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 26, p. 102), u l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), li jipprovdu eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet stabbilit fl-Artikolu 2(1) ta’ dan l-aħħar regolament (sentenza Pergan Hilfsstoffe für industrielle Prozesse vs Il‑Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq, punt 64).

35      Sussegwentement għandu jiġi enfasizzat li, fiż-żmien meta ġew deċiżi s-sentenzi Bank Austria Creditanstalt vs Il‑Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq, u Pergan Hilfsstoffe für industrielle Prozesse vs Il‑Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq, l-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni 2001/462 kien jagħmel riferiment biss għall-protezzjoni dovuta lis-sigrieti tan-negozju tal-impriżi li kienu suġġetti għal investigazzjoni minħabba ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. B’hekk, fuq dan il-punt, din id-dispożizzjoni kienet differenti mill-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta, li jissostitwixxiha, peress li min-naħa tiegħu l-imsemmi artikolu jirreferi kemm għas-sigrieti tan-negozju tal-impriżi kif ukoll għal informazzjoni kunfidenzjali oħra.

36      Kif ġie enfasizzat fil-punt 33 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali madankollu tat lill-Artikolu 9(3) tad-Deċiżjoni 2001/462, fil-ġurisprudenza ċċitata fl-imsemmi punt, interpretazzjoni li tmur lil hinn mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, li tistrieħ fuq analiżi tal-kuntest u tal-għanijiet tagħha.

37      B’hekk, il-Qorti Ġenerali qabel kollox osservat li l-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni 2001/462 kien intiż li jimplementa, mill-perspettiva proċedurali, il-protezzjoni prevista mid-dritt Komunitarju tal-informazzjoni li l-Kummissjoni kellha għarfien dwarha fil-kuntest tal-proċeduri għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenza Bank Austria Creditanstalt vs Il‑Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq, punt 28). Billi fakkret, f’dan ir-rigward, il-protezzjoni tal-informazzjoni li, min-natura tagħha stess, hija koperta bis-sigriet professjonali skont l-Artikolu 20(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas‑6 ta’ Frar 1962, l‑ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), il-Qorti Ġenerali indikat li, konformement mal-ġurisprudenza, il-qasam tal-informazzjoni koperta bis-sigriet professjonali kien imur lil hinn mis-sigrieti tan-negozju tal-impriżi (sentenza Bank Austria Creditanstalt vs Il‑Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq, punt 29).

38      Sussegwentement il-Qorti Ġenerali indikat, minn naħa, li l-ewwel żewġ paragrafi tal-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni 2001/462 kienu jikkonċernaw l-iżvelar ta’ informazzjoni lil persuni, impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ impriżi għall-finijiet tal-eżerċizzju tad-dritt ta’ smigħ tagħhom fil-kuntest ta’ proċedura għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni u, min-naħa l-oħra, li l-proċedura prevista minn dawn iż-żewġ paragrafi kienet tapplika biss mutatis mutandis għall-iżvelar ta’ informazzjoni minħabba l-pubblikazzjoni tagħhom f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li fir-rigward tagħha tissemma fit-tielet paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni. Dan ifisser, b’mod partikolari, li meta l-uffiċjal tas-seduta kien jieħu deċiżjoni skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni 2001/462, huwa kellu l-obbligu li jħares li jiġi osservat is-sigriet professjonali fir-rigward ta’ informazzjoni li ma kinitx teħtieġ protezzjoni daqstant speċjali bħal dik mogħtija għas-sigrieti tan-negozju, u b’mod partikolari informazzjoni li setgħet tiġi kkomunikata lil terzi li għandhom dritt ta’ smigħ fir-rigward tas-suġġett tagħhom, iżda li n-natura kunfidenzjali tagħha kienet tipprekludi żvelar lill-pubbliku (sentenza Bank Austria Creditanstalt vs Il‑Kummissjoni, punt 33, iktar ’il fuq, punt 31).

39      Il-Qorti Ġenerali kompliet tiġġustifika l-interpretazzjoni wiesgħa tagħha tal-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni 2001/462 billi għamlet riferiment għall-premessa 9 tal-imsemmija deċiżjoni, li tgħid, “[m]eta tingħata informazzjoni dwar persuni naturali, [kellha] tingħata attenzjoni partikolari għar-Regolament [...] Nru 45/2001” (sentenza Bank Austria Creditanstalt vs Il‑Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq, punt 32).

40      Konstatazzjonijiet bħal dawn jibqgħu rilevanti fl-ambitu tad-Deċiżjoni dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta.

41      Bħall-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni 2001/462, l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta huwa fil-fatt intiż sabiex jimplementa, mill-perspettiva proċedurali, il-protezzjoni li joffri d-dritt tal-Unjoni għall-informazzjoni li dwarha kellha għarfien il-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċeduri għall-applikazzjoni tar-regoli ta’ kompetizzjoni, illum prevista fl-Artikolu 28(2) tar-Regolament Nru 1/2003. B’hekk, l-imsemmi Artikolu 8 jagħmel l-istess distinzjoni bħal dik imfakkra fil-punt 38 iktar ’il fuq bejn il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni lejn terzi li jibbenefikaw mid-dritt ta’ smigħ fil-kuntest ta’ proċedura għall-applikazzjoni tar-regoli ta’ kompetizzjoni u dik, usa’, li għandha tiġi mħarsa meta jkun hemm intenzjoni li ssir pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali. Barra minn hekk, il-premessa 23 tad-Deċiżjoni dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta ssemmi, essenzjalment, il-kontenut tal-premessa 9 tad-Deċiżjoni 2001/462, billi tagħmel riferiment għall-ħtieġa għall-uffiċjal tas-seduta li jieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, ir-Regolament Nru 45/2001 meta jiżvela informazzjoni dwar persuni fiżiċi.

42      F’dan il-każ, madankollu, il-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ ugwaljanza fit-trattament, invokati mir-rikorrenti quddiem l-uffiċjal tas-seduta, ma jikkostitwixxux regoli intiżi sabiex jipproteġu speċifikament kontra żvelar lill-pubbliku tal-informazzjoni bħal dik li ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni mir-rikorrenti bil-għan li tikseb il-klemenza tagħha.

43      Fil-fatt, kuntrarjament, pereżempju, għar-regoli li jirriżultaw fir-Regolament Nru 45/2001 fir-rigward tal-ipproċessar tad-data ta’ natura personali mill-korpi jew mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew ukoll għall-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 fir-rigward tal-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti, tali prinċipji ma għandhomx bħala għan speċifiku li jipproteġu l-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni jew ta’ dokumenti. Għalhekk peress li dawn il-prinċipji ma jaqgħux, bħala tali, taħt il-protezzjoni prevista mid-dritt tal-Unjoni tal-informazzjoni li dwarha l-Kummissjoni kellha għarfien fil-kuntest tal-proċeduri għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, dawn imorru lil hinn mill-ispeċifikazzjonijiet tal-mandat fdat lill-uffiċjal tas-seduta skont l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta.

44      Għaldaqstant, f’dan il-każ, l-uffiċjal tas-seduta ġustament qal li ma kienx kompetenti sabiex iwieġeb għall-oġġezzjonijiet għall-pubblikazzjoni kontenzjuża mqajma mir-rikorrenti abbażi tal-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ ugwaljanza fit-trattament.

45      Barra minn hekk għal dak li jikkonċerna l-ilment li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni peress li ebda dipartiment tal-Kummissjoni ma eżamina l-oġġezzjonijiet ta’ prinċipju tar-rikorrenti kontra l-pubblikazzjoni ta’ verżjoni mhux kunfidenzjali iktar dettaljata tad-Deċiżjoni PIP, imressaq mir-rikorrenti insostenn tal-ewwel motiv tagħha, dan lanqas ma jista’ jintlaqa’.

46      Fil-fatt, dan l-ilment jistrieħ, hekk kif issostni ġustament il-Kummissjoni, fuq il-premessa żbaljata li din tal-aħħar, b’mod ġenerali, naqset milli tieħu pożizzjoni f’dan ir-rigward.

47      B’hekk, fl-ittra indirizzata lir-rikorrenti mid-DG COMP fit‑28 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni indikat li hija kienet iddeċidiet li tippubblika verżjoni ġdida mhux kunfidenzjali iktar dettaljata tad-Deċiżjoni PIP, għal raġunijiet ta’ trasparenza.

48      Barra minn hekk, mill-ittra li ntbagħtet lir-rikorrenti mid-DG COMP lir-rikorrenti fil‑15 ta’ Marzu 2012 jirriżulta li, fil-kuntest tal-analiżi tal-oġġezzjonijiet ta’ prinċipju għall-pubblikazzjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni qieset li huwa kellu l-obbligu li jżomm bilanċ, b’mod partikolari, bejn il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet investigattivi tagħha, imsemmija mill-eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ trasparenza prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, u l-interessi leġittimi tal-partijiet. Barra minn hekk il-Kummissjoni indikat li dokument, bħal dikjarazzjoni magħmula minn impriża, ma kinitx tibbenefika minn protezzjoni għas-sempliċi fatt li din kienet ġiet ikkomunikata lilha fil-kuntest ta’ talba għal klemenza u li l-pubblikazzjoni pprospettata ma kinitx tippreġudika l-għanijiet tal-attivitajiet investigattivi tagħha. Barra minn hekk hija enfasizzat li kien jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni, f’dan il-każ, l-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1049/2001, li fir-rigward tiegħu l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti msemmija fl-ewwel tliet paragrafi ta’ dan l-artikolu kienu japplikaw biss fil-perijodu li matulu l-protezzjoni li kienet prevista fih kienet tiġġustifika ruħha fir-rigward tal-kontenut tad-dokument. Minn dan il-Kummissjoni ddeduċiet li l-pubblikazzjoni kontenzjuża ma kinitx iġġib magħha ksur tal-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti.

49      Għalhekk, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, il-Kummissjoni effettivament eżaminat l-oġġezzjonijiet ta’ prinċipju għall-pubblikazzjoni kontenzjuża fformulati mir-rikorrenti.

50      Fl-aħħar nett, fid-dawl tal-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 30, 44 u 49 iktar ’il fuq, għandha tiġi miċħuda bħala infondata t-tieni parti tal-motiv, li permezz tiegħu r-rikorrenti ssostni li r-rifjut tal-uffiċjal tas-seduta li jwieġeb għal uħud mill-oġġezzjonijiet tagħha għall-pubblikazzjoni kontenzjuża jġib miegħu ksur tad-dritt tiegħu għal amministrazzjoni tajba, iggarantit fl-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, kif ukoll tad-dritt tiegħu ta’ smigħ effettiv fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva, stabbilita fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

51      Minn dan jirriżulta li l-ewwel motiv huwa infondat u għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti

52      Ir-rikorrenti tilmenta li l-uffiċjal tas-seduta ma mmotivax suffiċjentement id-deċiżjoni kkontestata, fejn, minn naħa, mar kontra l-Artikolu 296 TFUE u l-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u, min-naħa l-oħra, mar kontra l-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta. B’hekk, id-deċiżjoni kkontestata ma tesponix x’jiġġustifika, iktar minn ħames snin wara l-pubblikazzjoni tal-ewwel verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni PIP, il-pubblikazzjoni ta’ l-ewwel verżjoni mhux kunfidenzjali iktar kompleta ta’ din tal-aħħar. Filwaqt li r-rikorrenti tirrikonoxxi li l-Kummissjoni għamlet riferiment għal raġunijiet ta’ trasparenza fl-ittra li bagħtitilha fit‑28 ta’ Novembru 2011, dan is-sempliċi riferiment madankollu ma jippermettix li jinftiehmu r-raġunijiet li wassluha tqis li l-ewwel verżjoni mhux kunfidenzjali ppubblikata fuq is-sit internet tagħha fl‑2007 ma kinitx tissodisfa dan ir-rekwiżit. Motivazzjoni speċifika dwar dan il-punt, fid-deċiżjoni kkontestata nnifisha, kienet tkun wisq iżjed neċessarja mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tippubblika verżjoni mhux kunfidenzjali iktar kompleta tad-Deċiżjoni PIP li kienet teskludi l-prassi amministrattiva preċedenti.

53      Il-Kummissjoni ssostni li d-deċiżjoni kkontestata, meqjusa fil-kuntest tagħha, hija mmotivata biżżejjed minn din il-perspettiva.

54      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu li tingħata motivazzjoni għal deċiżjoni individwali għandu bħala għan li jippermetti lill-qorti tal-Unjoni tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni u li tagħti indikazzjoni suffiċjenti lill-persuna kkonċernata sabiex tkun tista’ tagħraf jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew jekk hijiex possibbilment ivvizzjata b’difett li abbażi tiegħu tkun tista’ tiġi kkontestata l-validità tagħha, fejn għandu jiġi ppreċiżat madankollu li l-portata ta’ dan l-obbligu tiddependi min-natura tal-att inkwistjoni u mill-kuntest li fih ikun ġie adottat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑9 ta’ Novembru 1983, Nederlandsche Banden‑Industrie‑Michelin vs Il‑Kummissjoni, 322/81, Ġabra p. 3461, punt 14; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑11 ta’ Diċembru 1996, Van Megen Sports vs Il‑Kummissjoni, T‑49/95, Ġabra p. II‑1799, punt 51).

55      B’hekk, għalkemm, skont l-Artikolu 296 TFUE, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li ssemmi l-punti ta’ fatt u ta’ dritt li minnhom tiddependi l-ġustifikazzjoni legali tad-deċiżjoni u l-kunsiderazzjonijiet li wassluha tieħu din id-deċiżjoni, ma huwiex rikjest li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ dritt kollha rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-kliem tiegħu, iżda wkoll mill-kuntest tiegħu kif ukoll min-numru ta’ regoli ġuridiċi li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 63, u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tal-Qorti Ġenerali tas‑26 ta’ Ottubru 2012, CF Sharp Shipping Agencies vs Il‑Kunsill, T‑53/12, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 37). B’mod partikolari, att li jikkawża preġudizzju jiġi mmotivat b’mod suffiċjenti jekk jiġi adottat f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata, li permezz tiegħu din il-persuna tkun tista’ tifhem il-portata tal-miżura meħuda fir-rigward tagħha (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑15 ta’ April 2011, Ir-Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni, T‑465/08, Ġabra p. II‑1941, punt 163).

56      Dan l-obbligu ta’ motivazzjoni huwa implementat fl-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta, moqri flimkien mal-paragrafu 3 ta’ din id-dispożizzjoni, fir-rigward tad-deċiżjonijiet li l-uffiċjal tas-seduta huwa mitlub jadotta fuq talbiet ta’ trattament kunfidenzjali ta’ ċerta informazzjoni fil-kuntest ta’ proċeduri għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni.

57      F’dan il-każ, kemm mill-ittra tar-rikorrenti tat‑23 ta’ Diċembru 2011, indirizzata lid-DG COMP, kif ukoll mill-ittra li hija bagħtet lill-uffiċjal tas-seduta fl‑10 ta’ April 2012 jirriżulta li r-rikorrenti sostniet, matul il-proċedura amministrattiva, li l-pubblikazzjoni ta’ verżjoni ġdida tad-Deċiżjoni PIP li tinkludi informazzjoni li hija kienet ikkomunikat b’mod volontarju bil-għan li tibbenefika mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal‑2002 tmur kontra l-aspettattivi leġittimi tagħha u barra minn hekk ma tista’ tiġi ġġustifikata minn ebda interess pubbliku superjuri. Barra minn hekk minn dawn l-istess ittri jirriżulta li r-rikorrenti sostniet li pubblikazzjoni ta’ dan it-tip tiddevja mill-prassi amministrattiva preċedenti tal-Kummissjoni, li tikkonsisti f’li ma tiżvelax lil terzi l-informazzjoni li kienet ikkomunikata lilha minn impriżi fil-kuntest tal-programm ta’ klemenza.

58      Dwar dan il-punt, għandu jiġi osservat li, filwaqt li l-uffiċjal tas-seduta ma weġibx speċifikament fuq il-mertu għal kull wieħed minn dawn l-argumenti, dan għamlu, hekk kif jirriżulta essenzjalment mill-eżami tal-ewwel motiv, bil-għan li josserva l-limiti tat-termini ta’ referenza li kienu ġew fdati lilu skont l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta.

59      Madankollu, hekk kif diġà ġie enfasizzat fil-punt 49 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fit-tmiem ta’ proċedura amministrattiva li matulha l-Kummissjoni ġiet imsejħa twieġeb għall-oġġezzjonijiet ta’ prinċipju għall-pubblikazzjoni pprospettata mqajma mir-rikorrenti, li kienu joħorġu mill-qafas tal-kompetenzi tal-uffiċjal tas-seduta.

60      F’dawn iċ-ċirkustanzi u sabiex tiġi ggarantita protezzjoni ġudizzjarja effettiva lir-rikorrenti, hemm lok li d-deċiżjoni kkontestata titqies fil-kuntest li wassal għall-adozzjoni tagħha u li jiġi kkunsidrat, għaldaqstant, li l-imsemmija deċiżjoni tinkludi impliċitament, iżda neċessarjament, il-pożizzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-pubblikazzjoni pprospettata, espressa permezz tad-DG COMP, sa fejn din tikkonċerna aspetti li ma jaqawx taħt it-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta.

61      Issa, id-deċiżjoni kkontestata, ikkunsidrata b’dan il-mod, tippermetti lir-rikorrenti tifhem il-punti ta’ fatt u ta’ dritt li minnhom tiddependi l-ġustifikazzjoni legali tagħha.

62      Għalhekk, fl-ewwel lok, kif diġà ġie enfasizzat fil-punt 47 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni, fl-ittra mibgħuta mid-DG COMP tagħha lir-rikorrenti fit‑28 ta’ Novembru 2011, iġġustifikat l-intenzjoni tagħha li tippubblika verżjoni mhux kunfidenzjali iktar dettaljata tad-Deċiżjoni PIP b’riferiment għal għan ta’ trasparenza.

63      Fit-tieni lok, għalkemm huwa minnu li l-uffiċjal tas-seduta ddeklina l-kompetenza tiegħu sabiex jeżamina ksur eventwali tal-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti, minħabba li tali eżami kien imur lil hinn mil-limiti tat-termini ta’ referenza li kienu jirriżultaw mill-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta, il-Kummissjoni, fl-ittra tagħha indirizzata lir-rikorrenti fil‑15 ta’ Marzu 2012, madankollu wieġbet espressament għall-argument ta’ din tal-aħħar li l-pubblikazzjoni kontenzjuża tmur kontra l-aspettattivi leġittimi tagħha.

64      Hekk kif diġà ġie enfasizzat fil-punt 48 iktar ’il fuq, fil-fatt mill-imsemmija ittra jirriżulta, essenzjalment, li, fil-kuntest tal-analiżi tal-oġġezzjoni ta’ prinċipju għall-pubblikazzjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni qieset li hija kellha l-obbligu li tibbilanċja, b’mod partikolari, il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet investigattivi tagħha, imsemmija mill-eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ trasparenza prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, mal-interessi leġittimi tal-partijiet. Barra minn hekk il-Kummissjoni indikat li dokument ma kienx jibbenefika minn protezzjoni għas-sempliċi fatt li kien ġie kkomunikat fil-kuntest ta’ talba għal klemenza u li l-pubblikazzjoni pprospettata ma kinitx tippreġudika l-għanijiet tal-attivitajiet investigattivi tagħha. Hija enfasizzat ulterjorment li kien jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni, f’dan il-każ, l-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jgħid li l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti msemmija fl-ewwel tliet paragrafi ta’ dan l-artikolu kienu japplikaw biss matul il-perijodu fejn il-protezzjoni li kienet prevista għalihom kienet ġustifikata fir-rigward tal-kontenut tad-dokument. Minn dan il-Kummissjoni ddeduċiet li l-pubblikazzjoni kontenzjuża ma kinitx twassal għal ksur tal-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti.

65      Fit-tielet lok, id-deċiżjoni kkontestata ssemmi numru ta’ elementi insostenn taċ-ċaħda tat-talba għal kunfidenzjalità mressqa mir-rikorrenti. L-uffiċjal tas-seduta enfasizza fiha, preliminarjament, li riferimenti għal dokumenti li jinsabu fil-fajl amministrattiv ma jikkostitwixxux, fihom infushom, sigrieti tan-negozju jew informazzjoni oħra ta’ natura kunfidenzjali. Iċ-ċaħda tat-talbiet ta’ kunfidenzjalità sussegwentement ġiet iġġustifikata, l-ewwel nett, permezz tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ li minnu tibbenefika l-Kummissjoni sabiex tippubblika iktar milli hu essenzjali tad-deċiżjonijiet li hija kienet tadotta bis-saħħa tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003, it-tieni nett, permezz taċ-ċirkustanza li r-rikorrenti ma kinitx ipprovat li l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni li hija kienet ikkomunikat lill-Kummissjoni taħt il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal‑2002 setgħet tikkawżalha dannu gravi u, it-tielet nett, permezz tal-fatt li, kieku kellu jitqies li tali riskju ġie stabbilit, mill-ġurisprudenza kien jirriżulta li l-interess tar-rikorrenti li d-dettalji tal-parteċipazzjoni tagħha fi ksur ma kinux magħrufa mill-pubbliku ma kienx jixraqlu protezzjoni. L-uffiċjal tas-seduta żied jgħid li l-imsemmija ġurisprudenza kienet tapplika f’dan il-każ b’analoġija peress li, minkejja l-fatt li r-rikorrenti ma kinitx ġiet ikkundannata għall-ħlas ta’ multa fid-Deċiżjoni PIP, il-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 81 KE kif ukoll tal‑Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE msemmi mill-imsemmija deċiżjoni kienet madankollu ġiet ikkonstatata.

66      Fl-aħħar nett, il-konstatazzjonijiet magħmula fil-punt preċedenti jwasslu wkoll sabiex jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li d-deċiżjoni kkontestata ma tesponix x’jiġġustifika li f’dan il-każ il-Kummissjoni tidderoga mill-prassi amministrattiva preċedenti tagħha. Fil-fatt, li kieku kellu jitqies li ġiet stabbilita l-prassi amministrattiva preċedenti li għaliha tagħmel riferiment ir-rikorrenti, eżaminata fil-kuntest tar-raba’ motiv, id-deċiżjoni kkontestata, meħuda fil-kuntest tal-adozzjoni tagħha, tipprovdi biżżejjed elementi li jippermettulha tifhem ir-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tapplikahiex f’dan il-każ.

67      Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax tiġi segwita meta tallega li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex immotivata b’mod suffiċjenti u t-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tas-sigriet professjonali kif ukoll fuq ksur tan-natura kunfidenzjali ta’ informazzjoni intiża għall-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni

68      Ir-rikorrenti tallega li l-uffiċjal tas-seduta mar kontra, fid-deċiżjoni kkontestata, in-natura kunfidenzjali tal-informazzjoni trażmessa b’mod volontarju lill-Kummissjoni matul l-investigazzjoni tagħha. Għal din ir-raġuni, id-deċiżjoni kkontestata tikser kemm l-Artikolu 339 TFUE kif ukoll l-Artikolu 8 tal-KEDB.

69      Skont ir-rikorrenti, natura kunfidenzjali tali tirriżulta qabel kollox miċ-ċirkustanza li din l-informazzjoni tirriżulta mid-dikjarazzjonijiet magħmula minnha stess jew minn impriżi oħra taħt il-programm ta’ klemenza, jew saħansitra minn dokumenti trażmessi volontarjament lill-Kummissjoni matul l-investigazzjoni. Informazzjoni ta’ dan it-tip tirriżulta mill-attivitajiet privati tar-rikorrenti, protetti mill-Artikolu 8(1) tal-KEDB, irrispettivament ukoll mill-kontenut tagħha. Barra minn hekk mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑7 ta’ Novembru 1985, Adams vs Il‑Kummissjoni, (145/83, Ġabra p. 3539), jirriżulta li hija dovuta protezzjoni partikolari għall-informazzjoni u għad-dokumenti li ġew ikkomunikati b’mod volontarju lill-Kummissjoni taħt il-kundizzjoni li din tal-aħħar ma tiżvelahomx.

70      Sussegwentement ir-rikorrenti ssostni li l-informazzjoni li dwarha hija titlob it-trattament kunfidenzjali taqa’ taħt is-sigriet professjonali protett mill-Artikolu 339 TFUE kif ukoll mill-Artikolu 30(2) tar-Regolament Nru 1/2003, ġaladarba hija tissodisfa t-tliet kundizzjonijiet identifikati f’dan is-sens mis-sentenza Bank Austria Creditanstalt vs Il‑Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq. B’hekk din l-informazzjoni hija magħrufa biss minn numru limitat ta’ persuni, l-iżvelar tagħha tista’ tikkawża dannu serju lir-rikorrenti u l-assenza ta’ żvelar ta’ din l-informazzjoni timponi ruħha oġġettivament, anki billi jittieħdu inkunsiderazzjoni interessi kuntrarji favur l-iżvelar tagħha.

71      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tosserva li l-informazzjoni li tagħha hija intiża l-pubblikazzjoni f’dan il-każ u li ma kinitx tirriżulta fil-verżjoni mhux kunfidenzjali provviżorja tad-Deċiżjoni PIP ippubblikata fl‑2007 turi fid-dettall mhux biss il-ftehim antikompetittiv u l-iskambji ta’ informazzjoni msemmija mid-Deċiżjoni PIP, iżda wkoll il-mod li biha hija pparteċipat fihom. Din l-informazzjoni tinkludi numru ta’ ċitazzjonijiet estratti mid-dokumenti prodotti mill-kandidati għall-klemenza kif ukoll minn għodda għal interpretazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni. Tali pubblikazzjoni għandha tixxebbah ma pubblikazzjoni diretta tad-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti jew ta’ impriżi oħra destinatarji tad-Deċiżjoni PIP li għamlu dikjarazzjonijiet taħt il-programm ta’ klemenza, li hija tali li tikkawża preġudizzju serju fuq ir-reputazzjoni tar-rikorrenti u li taffettwa l-pożizzjoni tiegħu fis-suq. Ir-rikorrenti żżid tgħid li l-pubblikazzjoni pprospettata għandha tikkawżalha dannu iżjed gravi minn dak ikkawżat lill-impriżi l-oħra li pparteċipaw fil-ksur issanzjonat fid-Deċiżjoni PIP peress li, bil-għan li tikseb immunità mill-multa, hija ma kellha ebda għażla ħlief li tirrikonoxxi mingħajr riżervi l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur u li tikkontribwixxi, sa fejn possibbli, għall-kjarifika tal-fatti mill-Kummissjoni.

72      Barra minn hekk mill-ġurisprudenza jirriżulta li informazzjoni dwar ir-relazzjonijiet tan-negozju tal-kumpanniji, dwar il-prezz tal-prodotti tagħhom, dwar l-istruttura tal-ispejjeż tagħhom, dwar il-partijiet mis-suq jew dwar punti simili, bħall-informazzjoni li dwarha hija intiża l-pubblikazzjoni f’dan il-każ, tagħmel parti mill-interessi kummerċjali tal-imsemmija kumpanniji u jixirqilha protezzjoni anki meta tikkonċerna aġir li l-illegalità tiegħu ġie kkonstatat. Il-pubblikazzjoni pprospettata barra minn hekk tesponi lir-rikorrenti għal riskju ulterjuri ta’ kundanna għall-ħlas ta’ danni fil-kuntest ta’ rikorsi ppreżentati quddiem qrati nazzjonali. Issa, ir-rikorrenti tenfasizza, waqt is-seduta, li hija kellha tiġi protetta kontra tali azzjonijiet għal responsabbiltà.

73      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tallega li ċ-ċaħda tal-uffiċjal tas-seduta għat-talbiet ta’ kunfidenzjalità tagħha tmur kontra l-preżunzjoni ġenerali ta’ illegalità marbuta mal-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni li tirriżulta minn dikjarazzjonijiet magħmula minn impriżi taħt il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal‑2002 kif ukoll minn dokumenti kkomunikati b’mod volontarju lill-Kummissjoni minn dawn l-impriżi. Fil-fatt għandu jiġi evitat li ma jsirux ineffettivi, minħabba pubblikazzjonijiet fil-Ġurnal Uffiċjali, ir-regoli stretti li jirregolaw it-trattament ta’ informazzjoni li l-Kummissjoni tikseb fil-kuntest ta’ proċeduri fil-qasam ta’ akkordji, b’mod partikolari dik li tirriżulta mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal‑2002. Bl-istess mod, ir-rikorrenti enfasizzat, waqt is-seduta, li l-Kummissjoni ma tistax, permezz ta’ pubblikazzjoni, iċċaħħad mill-effettività tagħha l-protezzjoni kontra l-iżvelar ta’ ċerta informazzjoni li joffri l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001.

74      Ir-rikorrenti tosserva ulterjorment li d-deċiżjoni kkontestata ma tistabbilixxi ebda interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-pubblikazzjoni pprospettata, minkejja n-natura kunfidenzjali tal-informazzjoni kontenzjuża. Peress li l-pubbliku diġà ġie informat biżżejjed permezz tal-pubblikazzjoni ta’ verżjoni mhux kunfidenzjali fl‑2007, tali interess pubbliku huwa fi kwalunkwe każ ineżistenti f’dan il-każ. Fir-rigward tal-interess eventwali ta’ vittmi tal-ksur issanzjonat fid-Deċiżjoni PIP li tiġi ppubblikata verżjoni iktar iddettaljata tal-imsemmija deċiżjoni, dan huwa interess strettament privat. Fuq dan l-aħħar punt, ir-rikorrenti żżid tgħid, waqt is-seduta, li d-deċiżjoni kkontestata fi kwalunkwe każ ma kienet esponiet b’ebda mod f’xiex il-pubblikazzjoni pprospettata hija neċessarja għad-dritt tal-vittmi tal-kartell imsemmi mid-Deċiżjoni PIP għal rimedju effettiv.

75      Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

76      Dan il-motiv essenzjalment jinkludi tliet partijiet, ibbażati, l-ewwel parti, fuq ksur tas-sigrieti tan-negozju tar-rikorrenti jew, mill-inqas, tal-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni li tikkonċernaha, it-tieni parti, fuq ksur tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kkomunikata lill-Kummissjoni taħt il-programm ta’ klemenza u, it-tielet parti, fuq ksur tad-dritt għall-protezzjoni tal-ħajja privata.

77      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali osservat, preliminarjament, li l-argumenti dwar ksur tal-aspettattivi leġittimi allegatament miksuba mir-rikorrenti permezz tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 kif ukoll permezz tal-prassi preċedenti tal-Kummissjoni, invokati insostenn tat-tielet motiv, jitħalltu, essenzjalment, ma’ parti mill-argument żviluppat taħt ir-raba’ motiv. Għalhekk dawn l-argumenti għandhom jiġu eżaminati f’dan il-kuntest.

78      Sussegwentement għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 339 TFUE, il-membri tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, il-membri tal-kumitati kif ukoll l-uffiċjali u l-aġenti l-oħra tal-Unjoni huma meħtieġa, anki wara t-tmiem tal-funzjonijiet tagħhom, li ma jiżvelawx l-informazzjoni li, min-natura tagħha, hija koperta bis-sigriet professjonali, u b’mod partikolari t-tagħrif li jirreferi għall-impriżi u li jikkonċerna r-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom jew l-elementi tal-prezz ta’ manifattura u ta’ distribuzzjoni tal-prodotti tagħhom.

79      Skont l-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 1/2003, l-informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni matul investigazzjonijiet li hija tmexxi taħt l-imsemmi regolament, bis-saħħa tal-Artikoli 17 sa 22 tiegħu, jistgħu, bla ħsara għall-Artikoli 12 u 15 ta’ dan l-istess regolament, jintużaw biss għall-finijiet li għalihom inġabru. L-Artikolu 28(2) tar-Regolament Nru 1/2003, li jikkompleta r-regola ta’ kondotta stabbilita fl-Artikolu 339 TFUE fil-qasam ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament, jispeċifika, b’mod partikolari, li, bla ħsara għall-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet ta’ kompetizzjoni tal-Istati Membri kif ukoll għall-possibbiltà mogħtija lid-destinatarji ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li jikkonsultaw il-fajl tal-investigazzjoni, il-Kummissjoni u l-imsemmija awtoritajiet, l-uffiċjali tagħhom, il-membri tal-persunal tagħhom u l-persuni l-oħra li jaħdmu taħt is-superviżjoni ta’ dawn l-awtoritajiet, kif ukoll il-membri tal-persunal u l-uffiċjali ta’ awtoritajiet oħra tal-Istati Membri, għandhom l-obbligu li ma jiżvelawx l-informazzjoni li huma ġabru jew skambjaw bis-saħħa tal-imsemmi regolament u li, min-natura tagħha stess, hija koperta bis-sigriet professjonali.

80      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 30(2) ta’ dan ir-regolament, l-imsemmija pubblikazzjoni ssemmi l-ismijiet tal-partijiet ikkonċernati u l-kontenut prinċipali tad-Deċiżjoni, inklużi s-sanzjonijiet imposti, iżda għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-interess leġittimu tal-impriżi li s-sigrieti tan-negozju tagħhom ma jiġux żvelati.

81      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 16(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004, tas‑7 ta’ April 2004, dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 81 [KE] sa 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81), jipprovdi, essenzjalment, li l-Kummissjoni għandha l-obbligu li ma tagħmilx aċċessibbli u li ma tikkomunikax l-informazzjoni, inklużi d-dokumenti, li jinsabu fil-fajl tal-investigazzjoni sa fejn dawn jinkludu sigrieti tan-negozju jew informazzjoni kunfidenzjali oħra li tappartjeni għal persuna kwalunkwe.

82      F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma tikkontestax il-fatt li pparteċipat fl-akkordju msemmi mid-Deċiżjoni PIP. Min-naħa l-oħra hija ssostni, minn naħa, li l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kontenzjuża tirriżulta mis-sempliċi fatt li din ġiet ikkomunikata b’mod volontarju lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-programm ta’ klemenza, u li l-pubblikazzjoni pprospettata tista’ għalhekk tikkomprometti l-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni.

83      Min-naħa l-oħra, hija tinvoka, qabel kollox, il-fatt li l-pubblikazzjoni tal-verżjoni mhux kunfidenzjali iżjed iddettaljata tad-Deċiżjoni PIP intiża mill-Kummissjoni tippreġudika b’mod indebitu l-interessi kummerċjali tagħha fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, sa fejn l-imsemmija verżjoni tinkludi informazzjoni dwar il-livell tal-prezzijiet li hija talbet, dwar żidiet fil-prezz ipprospettat, dwar ir-rwol tagħha waqt laqgħat bejn kompetituri, dwar il-postijiet li fihom inżammu dawn il-laqgħat kif ukoll dwar id-dati tagħhom, dwar il-persuni li pparteċipaw fihom u dwar il-kontenut tagħhom. Skont ir-rikorrenti, il-pubblikazzjoni pprospettata għalhekk tippreġudika serjament ir-reputazzjoni tagħha u żżid ir-riskju li hija tiġi esposta għal rikorsi għad-danni ppreżentati minn vittmi tal-ksur issanzjonat fid-Deċiżjoni PIP jew għal azzjonijiet ta’ rikors ippreżentati kontriha minn impriżi oħra li pparteċipaw fil-ksur imsemmi. Sussegwentement hija ssostni li l-informazzjoni kontenzjuża tikkostitwixxi, fi kwalunkwe każ, sigriet tan-negozju jew, mill-inqas, informazzjoni kummerċjali ta’ natura kunfidenzjali, li l-pubblikazzjoni tagħha hija eskluża skont l-Artikolu 28(2) jew l-Artikolu 30(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Sussegwentement barra minn hekk, hija ssostni li l-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji stabbilita fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 jostakola l-pubblikazzjoni kontenzjuża sa fejn din tal-aħħar għandha bħala effett li tkisser l-opportunitajiet ugwali għall-partijiet fil-kuntest ta’ rikorsi ċivili mressqa quddiem qrati nazzjonali, bi ksur tal-prinċipju ta’ imparzjalità stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Fl-aħħar nett, il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kontenzjuża tirriżulta mill-fatt li din l-informazzjoni, ikkomunikata b’mod volontarju lill-Kummissjoni matul l-investigazzjoni, tirriżulta mill-attività privata tar-rikorrenti u hija għalhekk protetta bl-Artikolu 8(1) tal-KEDB.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-fatt li l-informazzjoni kontenzjuża tikkostitwixxi sigriet tan-negozju jew, mill-inqas, informazzjoni kummerċjali ta’ natura kunfidenzjali

84      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita sew, ma hija la sigrieta u lanqas kunfidenzjali l-informazzjoni li kienet tali, iżda li għandha ħames snin jew iktar u li għandha, għal dan il-fatt, titqies li hija storika, sakemm, b’mod eċċezzjonali, ir-rikorrenti ma turix li, minkejja ż-żmien li għandha, din l-informazzjoni għadha sa llum tikkostitwixxi elementi essenzjali tal-pożizzjoni kummerċjali tagħha jew ta’ dik ta’ terz (digriet tal-Qorti Ġenerali tal‑15 ta’ Novembru 1990, Rhône‑Poulenc et vs Il‑Kummissjoni, T‑1/89 sa T‑4/89 u T‑6/89 sa T‑15/89, Ġabra p. II‑637, punt 23; ara d-digriet tal-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali tat‑22 ta’ Frar 2005, Hynix Semiconductor vs Il‑Kunsill, T‑383/03, Ġabra p. II‑621, punt 60, u l-ġurisprudenza ċċitata; digrieti tal-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali tat‑8 ta’ Mejju 2012, Diamanthandel A. Spira vs Il‑Kummissjoni, T‑108/07, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 65, u tal‑10 ta’ Mejju 2012, Diamanthandel A. Spira vs Il‑Kummissjoni, T‑354/08, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 47).

85      F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li l-informazzjoni kontenzjuża għandha iktar minn ħames snin, fejn il-parti l-kbira minnha għandha saħansitra iktar minn għaxar snin. Issa, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tressaq ebda argument speċifiku bil-għan li turi li, minkejja l-qedem tagħha, l-imsemmija informazzjoni għadha tikkostitwixxi, attwalment, elementi essenzjali tal-pożizzjoni kummerċjali tagħha jew ta’ dik ta’ terz. B’hekk, hija kkuntentat ruħha ssostni li numru kbir ta’ siltiet mid-Deċiżjoni PIP li l-pubblikazzjoni tagħha hija pprospettata mill-Kummissjoni, filwaqt li tiddeskrivi l-fatti li jikkostitwixxu l-ksur, kienu jinkludu informazzjoni dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali tagħha u l-politika tal-prezzijiet tagħha, li l-protezzjoni tas-sigriet tan-negozju ma kinitx eskluża fir-rigward ta’ informazzjoni dwar aġir kontenzjuż u, sussegwentement, li l-protezzjoni dovuta għas-sigriet tan-negozju ma tistax tkun limitata għal perijodu li t-tul tiegħu huwa ffissat b’mod riġidu.

86      Għalhekk, li kieku kellu jitqies li ċerta informazzjoni li tinsab fid-Deċiżjoni PIP li l-pubblikazzjoni tagħha hija pprospettata għall-ewwel darba mill-Kummissjoni setgħet tikkostitwixxi sigriet tan-negozju f’ċertu żmien, fi kwalunkwe każ hija għandha titqies li hija storika u li, barra minn hekk, ma ġiex ipprovat f’xiex għadu ġustifikat li għandha tingħata, b’mod eċċezzjonali, il-protezzjoni offerta f’dan ir-rigward mill-Artikolu 30(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

87      Għaldaqstant, l-ewwel parti ma hijiex fondata u għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni kkomunikata lill-Kummissjoni taħt il-programm ta’ klemenza

88      Peress li l-qasam tal-informazzjoni koperta bis-sigriet professjonali testendi ruħha lil hinn mis-sigrieti tan-negozju tal-impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Adams vs Il‑Kummissjoni, punt 69 iktar ’il fuq, punt 34, u Bank Austria Creditanstalt vs Il‑Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq, punt 29), jeħtieġ li jiġi ddeterminat, bla ħsara għall-analiżi tal-fondatezza tar-raba’ motiv, jekk, hekk kif issostni r-rikorrenti, informazzjoni għandhiex tgawdi minn protezzjoni f’dan ir-rigward għas-sempliċi fatt li hija ġiet ikkomunikata b’mod volontarju minn impriża lill-Kummissjoni bil-għan li tibbenefika mill-programm ta’ klemenza.

89      Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 TFUE, fi ħdan l-Unjoni, id-deċiżjonijiet huma adottati bl-ikbar osservanza tal-prinċipju ta’ trasparenza. Dan il-prinċipju huwa rifless fl-Artikolu 15 TFUE, li jiggarantixxi, taħt ċerti kundizzjonijiet, dritt ta’ aċċess taċ-ċittadini għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet. Konformement ma’ dan il-prinċipju u fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet li jordnaw jew li jipprojbixxu espliċitament pubblikazzjoni, id-dritt tal-istituzzjonijiet li jagħmlu pubbliċi l-atti li jadottaw hija r-regola, li għaliha jeżistu eċċezzjonijiet inkwantu d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari permezz tad-dispożizzjonijiet li jiggarantixxu li s-sigriet professjonali jiġi osservat, jipprekludi żvelar ta’ dawn l-atti u tal-informazzjoni li jinkludu (sentenza Bank Austria Creditanstalt vs Il‑Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq, punt 69).

90      La l-Artikolu 339 TFUE u lanqas l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 1/2003 ma jindikawx espliċitament liema informazzjoni, minbarra s-sigrieti tan-negozju, hija koperta bis-sigriet professjonali. Issa, ma jistax jiġi dedott mill-Artikolu 28(2) tar-Regolament Nru 1/2003 li dan huwa l-każ tal-informazzjoni kollha miġbura skont l-imsemmi regolament, bl-eċċezzjoni ta’ dik li l-pubblikazzjoni tagħha hija obbligatorja skont l-Artikolu 30 tagħha. Fil-fatt, bħall-Artikolu 339 TFUE, l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 1/2003, li jikkompleta u jimplementa din id-dispożizzjoni tad-dritt primarju fil-qasam tar-regoli ta’ kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi, jipprekludi biss l-iżvelar tal-informazzjoni li, min-natura tagħha, hija koperta bis-sigriet professjonali (ara, b’analoġija, is-sentenza Bank Austria Creditanstalt vs Il‑Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq, punt 70).

91      Barra minn hekk, huwa minnu li, skont il-punti 75 tas-sentenza Bank Austria vs Il‑Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq, u 64 tas-sentenza Pergan Hilfsstoffe für industrielle Prozesse vs Il‑Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq, sa fejn il-kunfidenzjalità ta’ ċerta informazzjoni hija protetta b’eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, tali protezzjoni hija rilevanti bil-għan li tiġi osservata mill-Kummissjoni l-projbizzjoni magħmula lilha fl-Artikolu 28(2) tar-Regolament Nru 1/2003 milli tiżvela l-informazzjoni li, min-natura tagħha, hija koperta bis-sigriet professjonali.

92      Madankollu, wara l-għoti ta’ dawn is-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 b’mod li jkun possibbli għall-istituzzjonijiet li jibbażaw ruħhom, f’dan ir-rigward, fuq preżunzjonijiet ġenerali li japplikaw għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti, fejn kunsiderazzjonijiet ta’ ordni ġenerali simili jistgħu jmorru kontra talbiet ta’ żvelar li jikkonċernaw dokumenti tal-istess natura. Din l-interpretazzjoni hija dovuta meta l-leġiżlazzjoni li tirregola l-proċedura tipprovdi wkoll regoli stretti fir-rigward tat-trattament tal-informazzjoni miksuba jew stabbilita fil-kuntest ta’ tali proċedura (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑28 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, C‑404/10 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 108, 116 u 118). Issa, dan huwa preċiżament il-każ tal-Artikoli 27(2) u 28 tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-Artikoli 6, 8, 15 u 16 tar-Regolament Nru 773/2004, li jirregolaw b’mod restrittiv l-użu ta-dokumenti li jinsabu fil-fajl li jikkonċerna proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑27 ta’ Frar 2014, Il‑Kummissjoni vs EnBW Energie Baden‑Württemberg, C‑365/12 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 86). F’dan il-kuntest, il-fatt li l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod li jipprojbixxi lill-Kummissjoni milli tippubblika kull informazzjoni li fir-rigward tagħha hija għandha d-dritt li tirrifjuta l-aċċess skont din l-aħħar dispożizzjoni billi tiġi invokata preżunzjoni ġenerali jneħħi s-sustanza mill-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1/2003. Fil-fatt, interpretazzjoni bħal din ikollha bħala effett li ċċaħħad lill-Kummissjoni mill-possibbiltà li tippubblika anki l-essenzjali tad-deċiżjoni tagħha sa fejn hija bilfors ikollha toħroġ elementi mill-fajl tal-investigazzjoni. Min-naħa l-oħra, hija jkollha wkoll bħala effett prattiku li taqleb l-oneru tal-prova, li, fil-qasam ta’ trattament kunfidenzjali, jaqa’ fuq il-persuna li titlob dan it-trattament, peress li dan tal-aħħar ikollu sempliċement jinvoka l-preżunzjoni ġenerali li l-istituzzjonijiet jistgħu jinvokaw fil-kundizzjonijiet deskritti iktar ’il fuq u effettivament jobbliga lill-Kummissjoni tipprova li l-informazzjoni kontenzjuża tista’ tiġi inkluża fil-verżjoni ppubblikata tad-deċiżjoni tagħha.

93      Issa, kuntrarjament għal dak li ssostni, essenzjalment, ir-rikorrenti, l-iżvelar ta’ informazzjoni fir-rigward ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni permezz tal-pubblikazzjoni ta’ deċiżjoni li tissanzjona l-imsemmi ksur, abbażi tal-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1/2003, ma jistax, bħala prinċipju, jiġi konfuż ma’ aċċess minn terzi għal dokumenti li jinsabu fil-fajl tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni dwar tali ksur. B’hekk, f’din il-kawża, il-pubblikazzjoni tal-informazzjoni dwar il-fatti li jikkostitwixxu l-ksur li ma jinsabux fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni PIP ippubblikata fl‑2007, li kieku kellha sseħħ, ma jkollhiex bħala riżultat il-komunikazzjoni lil terzi ta’ talbiet għal klemenza mressqa mir-rikorrenti lill-Kummissjoni, ta’ proċessi verbali li jikkomunikaw dikjarazzjonijiet orali tar-rikorrenti magħmula taħt il-programm ta’ klemenza, jew saħansitra dokumenti li din tal-aħħar issottomettiet b’mod volontarju lill-Kummissjoni waqt l-investigazzjoni.

94      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandhom jiġu eżaminati t-tliet kundizzjonijiet kumulattivi li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex informazzjoni taqa’, bin-natura tagħha stess, taħt ir-reġim tas-sigriet professjonali u b’hekk tibbenefika minn protezzjoni kontra l-iżvelar lill-pubbliku, jiġifieri, l-ewwel nett, li din l-informazzjoni tkun magħrufa biss minn numru limitat ta’ persuni, it-tieni nett, li l-iżvelar tagħha tista’ tikkawża dannu serju lill-persuna li pprovdietha jew lil terzi u fl-aħħar nett, it-tielet nett, li l-interessi li jistgħu jiġu leżi bl-iżvelar ta’ tali informazzjoni jkunu oġġettivament jixirqilhom protezzjoni (sentenzi Bank Austria Creditanstalt vs Il‑Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq, punt 71, u Pergan Hilfsstoffe für industrielle Prozesse vs Il‑Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq, punt 65).

95      Il-Kummissjoni ssostni li l-ewwel kundizzjoni ma ġietx issodisfatta f’dan il-każ, minħabba l-fatt li l-informazzjoni li ġiet trażmessa lilha mir-rikorrenti matul l-investigazzjoni kienet tinsab fil-fajl li għalih kellhom aċċess id-destinatarji l-oħra tad-Deċiżjoni PIP.

96      Dan l-argument għandu jiġi miċħud. Fil-fatt għandha ssir distinzjoni, f’dan ir-rigward, bejn il-protezzjoni li neċessarjament għandha tingħata lil informazzjoni koperta bis-sigriet professjonali fir-rigward ta’ persuni, impriżi jew assoċjazzjonijiet li jibbenefikaw minn dritt ta’ smigħ fil-kuntest ta’ proċedura għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni u l-protezzjoni li għandha tingħata lil tali informazzjoni fir-rigward tal-pubbliku b’mod ġenerali [sentenza Bank Austria Creditanstalt vs Il‑Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq, punt 29; ara wkoll, b’analoġija, id-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑10 ta’ Settembru 2013, Il‑Kummissjoni vs Pilkington Group, C‑278/13 P(R), li għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra, punti 56 u 57].

97      B’hekk, l-obbligu tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal tal-istituzzjonijiet li ma jiżvelawx l-informazzjoni fil-pussess tagħhom li hija koperta bis-sigriet professjonali, stabbilit fl-Artikolu 339 TFUE u implementat, fil-qasam tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi, permezz tal-Artikolu 28(2) tar-Regolament Nru 1/2003, huwa mtaffi fir-rigward tal-persuni li lilhom l-Artikolu 27(2) tal-imsemmi regolament jagħti d-dritt ta’ smigħ. Il-Kummissjoni tista’ tikkomunika lil dawn il-persuni ċerta informazzjoni marbuta bis-sigriet professjonali, sa fejn din il-komunikazzjoni tkun neċessarja għall-iżvolġiment tajjeb tal-investigazzjoni. Madankollu, taħt ċirkustanzi bħal dawn hemm lok li jiġi kkunsidrat li din l-informazzjoni tkun magħrufa biss minn numru limitat ta’ persuni.

98      Għaldaqstant ir-regola prevista fl-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 1/2003, li tistabbilixxi d-dritt tal-partijiet ikkonċernati mill-investigazzjoni tal-Kummissjoni sabiex jaċċedu għall-fajl amministrattiv, hija bla ħsara għall-protezzjoni kontra l-iżvelar lill-pubbliku b’mod ġenerali tal-informazzjoni kkomunikata lill-Kummissjoni matul l-investigazzjoni u koperta bis-sigriet professjonali.

99      Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li hija wkoll issodisfatta f’dan il-każ.

100    Hekk kif ġie indikat fil-punt 83 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ssostni li l-pubblikazzjoni pprospettata tikkawżalha preġudizzju gravi minħabba d-dannu li din toħloq lir-reputazzjoni tagħha u r-riskju inkrementat li għalih din il-pubblikazzjoni tesponiha li tiġi kkundannata fil-kuntest ta’ rikorsi għad-danni ppreżentati minn vittmi tal-ksur issanzjonat fid-Deċiżjoni PIP, jew saħansitra fil-kuntest ta’ azzjonijiet ta’ rikors ippreżentati kontriha minn impriżi oħra li pparteċipaw fl-imsemmi ksur.

101    F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li l-informazzjoni kontenzjuża, li l-pubblikazzjoni tagħha tiddependi mill-eżitu tat-tilwima, tikkonsisti, essenzjalment, fid-deskrizzjoni ta’ elementi li jikkostitwixxu l-ksur tal-Artikolu 81 KE ssanzjonat mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni PIP.

102    Issa, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni kontenzjuża tista’ tippreġudika r-reputazzjoni tagħha u taffettwa l-pożizzjoni tagħha fir-relazzjonijiet kummerċjali, li ċertu numru ta’ siltiet tad-Deċiżjoni PIP li l-pubblikazzjoni tagħha hija pprospettata għall-ewwel darba tqiegħed effettivament fid-dawl b’mod partikolarment iktar iddettaljat mill-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-imsemmija deċiżjoni ppubblikata fl‑2007 l-aġir li jikkostitwixxi ksur tar-rikorrenti. Huwa għalhekk, pereżempju, li s-siltiet li jinsabu fil-premessi 115, 116, 123, 126, 130, 140, 147, 149, 150, 151, 169, 170, 188, 189, 201, 211, 233, 260 u 277 tad-Deċiżjoni PIP, li l-pubblikazzjoni tagħha hija pprospettata mill-Kummissjoni, jippermettu li jinftiehem ir-rwol importanti tar-rikorrenti mhux biss fil-ħolqien tal-ksur tal-Artikolu 81 KE msemmi minn din id-deċiżjoni, iżda wkoll fit-tkomplija ta’ dan il-ksur madwar kważi seba’ snin.

103    Min-naħa l-oħra, għalkemm il-Kummissjoni ċertament ma mmotivatx speċifikament id-deċiżjoni kkontestata b’riferiment għall-għan li jiġu ffaċilitati r-rikorsi għad-danni quddiem il-qrati nazzjonali, madankollu mill-fajl jirriżulta li, prima facie, il-pubblikazzjoni tal-verżjoni mhux kunfidenzjali iktar kompleta tad-Deċiżjoni PIP ipprospettata mill-Kummissjoni, b’mod partikolari l-parti tal-imsemmija deċiżjoni dwar il-funzjonament tal-akkordju, hija ta’ natura li tippermetti lil terzi li jqisu lilhom infushom leżi bil-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni li ġie kkonstatat li jistabbilixxu b’iktar faċilità r-responsabbiltà ċivili tar-rikorrenti u ta’ impriżi oħra li pparteċipaw fih, kif ukoll, jekk ikun il-każ, il-portata ta’ din ir-responsabbiltà.

104    Hekk kif juru s-siltiet tal-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni PIP imsemmija fil-punt 102 iktar ’il fuq, li l-pubblikazzjoni tagħha hija pprospettata, l-imsemmija verżjoni fil-fatt tiżvela b’mod dettaljat il-kuntatti kollużorji jew ftehimiet antikompetittivi li fihom ipparteċipat ir-rikorrenti, billi ssemmi b’mod partikolari l-ismijiet ta’ prodotti kkonċernati mill-imsemmija kuntatti jew ftehimiet, data f’figuri li tikkonċerna l-prezzijiet mitluba kif ukoll l-għanijiet segwiti mill-parteċipanti fir-rigward ta’ prezzijiet u ta’ tqassim tal-partijiet mis-suq. Informazzjoni bħal din tista’ tiffaċilita t-turija tad-dannu tagħhom minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jqisu lilhom infushom bħala vittmi tal-ksur tal-Artikolu 81 KE ssanzjonat fid-Deċiżjoni PIP, kif ukoll ir-rabta kawżali bejn l-imsemmi ksur u d-dannu allegat.

105    Għalhekk, mingħajr lanqas ma jkun meħtieġ, f’dan l-istadju tar-raġunament, li tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjoni jekk, bħal ma tallega r-rikorrenti, il-pubblikazzjoni tal-informazzjoni kontenzjuża tisfavorixxihiex fir-rigward ta’ impriżi oħra li pparteċipaw fil-ksur issanzjonat fid-Deċiżjoni PIP, iżda li ma wrewx l-istess spirtu ta’ kooperazzjoni, fil-kuntest ta’ rikors għal kumpens, hemm lok li jitqies li ġie kkonstatat il-fatt li l-iżvelar tal-informazzjoni li fir-rigward tagħha r-rikorrenti talbet it-trattament kunfidenzjali hija ta’ natura li tikkawżalha dannu serju.

106    Fl-aħħar nett fir-rigward tat-tielet kundizzjoni, għandu jitfakkar li din timplika li l-evalwazzjoni tan-natura kunfidenzjali ta’ informazzjoni teħtieġ ibbilanċjar bejn l-interessi leġittimi kontra l-iżvelar tagħha u l-interess ġenerali li jirrikjedi li l-attivitajiet tal-istituzzjonijiet jiżvolġu fl-ikbar osservanza possibbli tal-prinċipju ta’ trasparenza (sentenzi Bank Austria Creditanstalt vs Il‑Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq, punt 71, u Pergan Hilfsstoffe für industrielle Prozesse vs Il‑Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq, punt 65).

107    F’dan ir-rigward, qabel kollox fejn jikkonċerna l-argument tar-rikorrenti li l-pubblikazzjoni pprospettata tippreġudika r-reputazzjoni tagħha u, b’hekk, l-interessi kummerċjali tagħha, għandu jiġi osservat mill-ewwel li l-interess ta’ impriża li ġiet imposta multa mill-Kummissjoni minħabba ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni sabiex id-dettalji tal-aġir li jikkostitwixxi ksur li bih qed tiġi akkużata ma jiġux żvelati lill-pubbliku bħala prinċipju ma jixraqlu ebda protezzjoni partikolari, fid-dawl tal-interess tal-pubbliku li jsir jaf kemm jista’ jkun ir-raġunijiet ta’ kull azzjoni tal-Kummissjoni, tal-interess tal-operaturi ekonomiċi li jsiru jafu liema aġir jista’ jesponihom għal sanzjonijiet u tal-interess tal-persuni leżi mill-ksur li jsiru jafu bid-dettalji tiegħu sabiex ikunu jistgħu jinvokaw, jekk ikun il-każ, id-drittijiet tagħhom kontra impriżi ssanzjonati u fid-dawl tal-possibbiltà li għandha din l-impriża li tissottometti din id-deċiżjoni għal stħarriġ ġudizzjarju (sentenzi Bank Austria Creditanstalt vs Il‑Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq, punt 78, u Pergan Hilfsstoffe für industrielle Prozesse vs Il‑Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq, punt 72; ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-EFTA tal‑21 ta’ Diċembru 2012, DB Schenker vs EFTA Surveillance Authority, E‑14/11, Report of the EFTA Court, p. 1178, punt 189).

108    B’hekk ir-rikorrenti ma tistax leġittimament topponi ruħha għall-pubblikazzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ informazzjoni li tiżvela b’mod dettaljat il-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur issanzjonat fid-Deċiżjoni PIP minħabba li din il-pubblikazzjoni tista’ tbiddel l-immaġni li minnha hija tgawdi fir-relazzjonijiet kummerċjali u, b’dan il-mod, tippreġudika l-interess kummerċjali tagħha.

109    Sussegwentement fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-pubblikazzjoni pprospettata tinterferixxi b’mod inġustifikat f’rikorsi ċivili pendenti jew futuri inkwantu hija ċċaħħad lill-qrati nazzjonali aditi b’dawn ir-rikorsi mill-possibbiltà li jevalwaw għalihom infushom il-ħtieġa li jitolbu mingħand il-Kummissjoni l-komunikazzjoni ta’ informazzjoni bħal dik li tinteressa din it-tilwima, bis-saħħa tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 1/2003, dan lanqas ma jista’ jintlaqa’.

110    Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li, permezz ta’ dan l-argument, ir-rikorrenti għandha l-intenzjoni, essenzjalment, li tipproteġi lilha nnifisha kontra kundanna eventwali għal danni minn qorti nazzjonali, minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fi ksur tal-Artikolu 81 KE. Issa, l-interess ta’ kumpannija li pparteċipat fi ksur tal-Artikolu 81 KE li tevita tali azzjonijiet ma jikkostitwixxix interess li jixraqlu protezzjoni, b’mod partikolari fid-dawl tad-dritt li għandha kull persuna li titlob kumpens għad-dannu kkawżat lilha minħabba aġir li jista’ joħloq restrizzjoni jew distorsjoni fuq il-kompetizzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan, C‑453/99, Ġabra p. I‑6297, punti 24 u 26; tat‑13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et, C‑295/04 sa C‑298/04, Ġabra p. I‑6619, punti 59 u 61; u tas‑6 ta’ Novembru 2012, Otis et, C‑199/11, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 41).

111    Barra minn hekk jirriżulta li l-ilmenti magħmula mir-rikorrenti dwar ksur eventwali tal-prinċipju ta’ imparzjalità msemmi fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali kif ukoll tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet fil-kuntest ta’ proċeduri nazzjonali ma humiex fondati u għandhom jiġu miċħuda.

112    Madankollu, indipendentement mir-raba’ motiv, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li billi tiddiswadi lill-impriżi milli jiddenunzjaw il-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni li dwaru kellhom għarfien u li jikkooperaw mal-Kummissjoni bil-għan li jibbenefikaw mill-programm ta’ klemenza tagħha, id-deċiżjoni kkontestata hija tali li tagħmel ħsara fuq l-effikaċja tal-politika tal-ġlieda kontra l-ksur tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-akkordji. Issa, dan l-interess jixraqlu protezzjoni ġaladarba l-programm ta’ klemenza għandu impatt essenzjali fuq l-effettività globali tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-akkordji. F’dan il-kuntest, essenzjalment, hija żżid li, peress li l-informazzjoni li l-pubblikazzjoni tagħha hija pprospettata tikkonċerna iktar lil impriżi oħra li ma talbux il-klemenza, din il-pubblikazzjoni tiżvantaġġaha b’mod sproporzjonat fil-kuntest ta’ proċeduri quddiem il-qrati nazzjonali, liema fatt iqiegħed f’perikolu l-effikaċja tal-programm ta’ klemenza.

113    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, minn naħa, li l-effikaċja tal-programmi ta’ klemenza tista’ tiġi affettwata bil-komunikazzjoni tad-dokumenti relatati ma’ proċedura ta’ klemenza lil persuni li jixtiequ jressqu azzjoni għad-danni, anki jekk l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jew il-Kummissjoni jagħtu lill-persuna li qed titlob il-klemenza eżenzjoni totali jew parzjali tal-multa li huma setgħu jimponu (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑14 ta’ Ġunju 2011, Pfleiderer, C‑360/09, Ġabra p. I‑5161, punt 26). Fil-fatt, persuna involuta fi ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, quddiem l-eventwalità ta’ tali komunikazzjoni, tista’ tkun dissważa milli tuża l-possibbiltà offerta minn tali programmi ta’ klemenza, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li d-dokumenti kkomunikati lill-Kummissjoni jew id-dikjarazzjonijiet magħmula quddiem din tal-aħħar f’dan is-sens jistgħu jkunu ta’ natura awto-inkriminanti.

114    Min-naħa l-oħra, id-dritt li jinkiseb kumpens għad-danni kkawżati minn kuntratt jew aġir li jista’ joħloq restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni jista’ jikkontribwixxi sostanzjalment għaż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fl-Unjoni (ara s-sentenza Otis et, punt 110 iktar ’il fuq, punt 42, u l-ġurisprudenza ċċitata) u b’hekk tipparteċipa għat-twettiq ta’ għan ta’ interess pubbliku (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza DB Schenker vs EFTA Surveillance Authority, punt 107 iktar ’il fuq, punt 132).

115    Huwa b’applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji li l-Qorti tal-Ġustizzja, meta ġiet mistoqsija permezz ta’ talba għal deċiżjoni preliminari fil-kuntest ta’ tilwim relatat ma’ talbiet ta’ impriżi li jqisu lilhom infushom leżi bi ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni sabiex jingħataw aċċess għal fajls ta’ investigazzjoni fil-pussess tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, stiednet lill-qrati nazzjonali aditi b’dan it-tilwim sabiex jibbilanċjaw l-interessi li jiġġustifikaw il-komunikazzjoni tal-informazzjoni pprovduta volontarjament mill-persuni li jitolbu l-klemenza u l-protezzjoni tagħhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Pfleiderer, punt 113 iktar ’il fuq, punt 30, u tas‑6 ta’ Ġunju 2013, Donau Chemie et, C‑536/11, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 30 u 31).

116    Jeħtieġ li tiġi evalwata l-portata ta’ din il-ġurisprudenza fil-każ inkwistjoni.

117    Hekk kif diġà ġie enfasizzat fil-punt 93 iktar ’il fuq, din il-kawża ma tikkonċernax il-kontestazzjoni ta’ rifjut ta’ aċċess għal dokumenti li jirriżultaw minn proċedura fil-qasam tal-kompetizzjoni, bħal fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi Pfleiderer, punt 113 iktar ’il fuq, u Donau Chemie et, punt 115 iktar ’il fuq, iżda l-pubblikazzjoni pprospettata mill-Kummissjoni ta’ ċerta informazzjoni li tinsab f’dokumenti jew dikjarazzjonijiet sottomessi lilha volontarjament mir-rikorrenti, bil-għan li tibbenefika mill-programm ta’ klemenza.

118    F’dan il-każ, ir-rikorrenti ssostni, b’mod ġenerali, li l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni li hija kkomunikat volontarjament matul l-investigazzjoni bit-tama li tibbenefika mill-programm ta’ klemenza tippreġudika l-għan tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni.

119    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li kieku din l-affermazzjoni kellha titqies li hija veritiera, din tal-aħħar ma turix l-eżistenza ta’ regola ta’ dritt miksura mill-Kummissjoni minħabba s-sempliċi fatt li l-pubblikazzjoni pprospettata tal-informazzjoni pprovduta fil-kuntest tal-klemenza jista’ jkollha impatt fuq l-implementazzjoni tal-imsemmi programm fir-rigward ta’ investigazzjonijiet futuri. Barra minn hekk, dan l-argument partikolari jimplika l-interess tal-pubbliku li jsir jaf kemm jista’ jkun bir-raġunijiet għal kull azzjoni tal-Kummissjoni, dak tal-operaturi ekonomiċi li jinformaw ruħhom dwar l-aġir li jista’ jesponihom għal sanzjonijiet u, fl-aħħar nett, dak tal-Kummissjoni li tippreżerva l-effettività tal-programm ta’ klemenza tagħha. Issa, dawn l-interessi speċifiċi ma humiex partikolari għar-rikorrenti, fejn għalhekk hija biss il-Kummissjoni li għandha tibbilanċja, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, l-effikaċja tal-programm ta’ klemenza, minn naħa, u l-interess tal-pubbliku u tal-operaturi ekonomiċi li jinformaw ruħhom dwar il-kontenut tad-deċiżjoni tagħha u li jaġixxu bil-għan li jipproteġu d-drittijiet tagħhom, min-naħa l-oħra.

120    Din il-konklużjoni ma tistax titqiegħed inkwistjoni bl-argument tar-rikorrenti li, essenzjalment, l-informazzjoni li fir-rigward tagħha hija talbet it-trattament kunfidenzjali ma hijiex essenzjali sabiex jinftiehem id-dispożittiv tad-Deċiżjoni PIP u li għalhekk il-Kummissjoni ma għandhiex obbligu ta’ pubblikazzjoni skont l-Artikolu 30(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Fil-fatt, mingħajr lanqas ma jkun neċessarju li jiġi evalwat jekk dan huwiex il-każ, jeħtieġ sempliċement li jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-konstatazzjoni li saret fil-punt 107 iktar ’il fuq, din id-dispożizzjoni ma għandhiex l-intenzjoni li tillimita l-libertà tal-Kummissjoni li tippubblika volontarjament verżjoni tad-deċiżjoni tagħha iktar kompleta mill-minimu neċessarju u li f’din il-verżjoni tinkludi wkoll informazzjoni li l-pubblikazzjoni tagħha ma hijiex meħtieġa, inkwantu l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni ma huwiex inkompatibbli mal-protezzjoni tas-sigriet professjonali (sentenza Bank Austria Creditanstalt vs Il‑Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq, punt 79).

121    Fir-rigward tar-riferiment magħmul mir-rikorrenti fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑16 ta’ Lulju 1992, Asociación Española de Banca Privada et (C‑67/91, Ġabra p. I‑4785), l-analiżi tar-rilevanza tagħha f’din il-kawża tirriżulta mill-ħames motiv u għalhekk hija eżaminata f’dan il-kuntest.

122    Għaldaqstant it-tieni parti ma hijiex fondata u għalhekk għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq ksur tad-dritt għall-protezzjoni tal-ħajja privata

123    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tinvoka ksur tad-dritt tagħha għall-protezzjoni tal-ħajja privata ggarantit fl‑Artikolu 8(1) tal-KEDB u llum stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

124    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat mar-rikorrenti li mis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, iċċitata iktar ’il fuq, punt 76), jirriżulta li l-Kummissjoni aċċettat li t-tagħrif sottomess lilu mill-impriżi partijiet f’operazzjoni ta’ konċentrazzjoni għandu jitqies li jirriżulta mill-attività privata tagħhom u li bħala tali għandu jkun suġġett għall-osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 KEDB.

125    Madankollu, filwaqt li din l-osservanza hija imposta wkoll fuq il-Kummissjoni, bħala prinċipju, meta tiġbor informazzjoni mingħand impriżi fil-kuntest ta’ investigazzjoni li tikkonċerna ksur tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-akkordji, persuna ma tistax, skont ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, tinvoka l-Artikolu 8 tal-KEDB sabiex tilmenta dwar preġudizzju għar-reputazzjoni tagħha li jirriżulta b’mod prevedibbli mill-azzjonijiet tagħha, bħal fil-każ ta’ ksur kriminali (ara l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenzi Sidabras u Džiautas vs Il‑Litwanja, tas‑27 ta’ Lulju 2004, rikorsi Nri 55480/00 u 59330/00, § 49, Ġabra tas-sentenzi u deċiżjonijiet, 2004‑VIII, p. 367, Taliadorou u Stylianou vs Ċipru, tas‑16 ta’ Ottubru 2008, rikorsi Nri 39627/05 u 39631/05, § 56, u Gillberg vs L-Isvezja, tat‑3 ta’ April 2012, rikors Nru 41723/06, § 67).

126    Għaldaqstant, bħal ma ssostni ġustament il-Kummissjoni, id-dritt għall-protezzjoni tal-ħajja privata ggarantita mill-Artikolu 8 tal-KEDB ma jistax jostakola l-iżvelar ta’ informazzjoni li, bħal dik li l-pubblikazzjoni tagħha hija pprospettata f’dan il-każ, tikkonċerna l-parteċipazzjoni ta’ impriża fi ksur tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-akkordji, ikkonstatat f’deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata abbażi tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 u intiża li tiġi ppubblikata konformement mal-Artikolu 30 tal-istess regolament.

127    Għaldaqstant hemm lok li tiġi miċħuda t-tielet parti bħala infondata u, magħha, it-tielet motiv kollu kemm hu.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi, ta’ ċertezza legali u ta’ ugwaljanza fit-trattament

128    Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tfarrak l-aspettattivi leġittimi li hija tallega li kisbet abbażi tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 kif ukoll abbażi ta’ numru ta’ dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni, fis-sens li l-informazzjoni volontarjament ikkomunikata lil din tal-aħħar fil-kuntest tal-programm ta’ klemenza ma kellhiex tiġi żvelata. L-aspettattiva leġittima tar-rikorrenti li l-informazzjoni li hija kkomunikat volontarjament lill-Kummissjoni tiġi ttrattata b’mod kunfidenzjali tikkonċerna kemm l-aċċess dirett, minn terzi għal dokumenti jew dikjarazzjonijiet li jinsabu fil-fajl tal-investigazzjoni kif ukoll l-iżvelar tal-kontenut kollu jew parti minnu ta’ tali dokumenti jew dikjarazzjonijiet permezz tal-pubblikazzjoni ta’ verżjoni iktar dettaljata tad-Deċiżjoni PIP.

129    Għalhekk, huwa billi marret kontra din l-aspettattiva leġittima u l-prassi amministrattiva preċedenti tagħha li l-Kummissjoni ħadet id-deċiżjoni li tippubblika l-informazzjoni kontenzjuża numru ta’ snin wara l-għeluq tal-proċedura li tat lok għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni PIP. Pubblikazzjoni bħal din mhux biss tiddiswadi lill-impriżi milli jikkooperaw volontarjament mal-Kummissjoni fil-kuntest tat-tiftix u tat-teħid ta’ azzjoni kontra ksur tal-Artikolu 81 KE, iżda, barra minn hekk, tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza. F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti l-fatt li l-informazzjoni kontenzjuża għandha iktar minn ħames snin.

130    Barra minn hekk ir-rikorrenti ssostni li l-aspettattivi leġittimi li hija kisbet fil-fatt li l-informazzjoni kontenzjuża ma kellhiex tiġi ppubblikata jirriżultaw ukoll mill-fatt li l-Kummissjoni diġà ppubblikat fis-sit internet tagħha, fl‑2007, verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni PIP u li din il-pubblikazzjoni kienet tieħu inkunsiderazzjoni l-parti l-kbira tat-talbiet ta’ kunfidenzjalità tagħha. Għalhekk minn din il-pubblikazzjoni tirriżulta deċiżjoni impliċita tal-Kummissjoni li tilqa’ t-talbiet ta’ kunfidenzjalità ppreżentati mir-rikorrenti. Billi tqiegħed inkwistjoni din id-deċiżjoni impliċita, id-deċiżjoni kkontestata ma tmurx biss kontra l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti, iżda wkoll kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali.

131    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

132    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, preliminarjament, li, konformement mar-raġunament espost fil-punti 58 sa 60 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni kkontestata għandha titqies fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva li tat lok għall-adozzjoni tagħha u li l-imsemmija deċiżjoni tinkludi għalhekk it-teħid ta’ pożizzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-pubblikazzjoni pprospettata, sa fejn dan jikkonċerna aspetti li ma jaqgħux taħt il-mandat tal-uffiċjal tas-seduta.

133    Għalhekk is-sempliċi fatt li l-uffiċjal tas-seduta ma kienx kompetenti biex jagħti deċiżjoni dwar l-argumenti magħmula mir-rikorrenti dwar ksur tal-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi, ta’ ċertezza legali u ta’ ugwaljanza fit-trattament, li essenzjalment jirriżulta mill-eżami tal-ewwel motiv, huwa bla ħsara għall-kompetenza tal-qorti tal-Unjoni li tiddeċiedi dwar tali argumenti fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

134    Fuq il-mertu, għandu jitfakkar li, billi adottat regoli ta’ kondotta bħal dawk li jinsabu fil-Komunikazzjonijiet dwar il-kooperazzjoni tal-2002 u tal-2006 u billi ħabbret permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom, li hija kienet ser tapplikahom minn hemm ’il quddiem għall-każijiet li jaqgħu taħthom, l-istituzzjoni inkwistjoni tillimita lilha nnifisha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u ma tistax tmur kontra dawn ir-regoli mingħajr ma twettaq ksur, jekk ikun il-każ, tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħal dawk tal-ugwaljanza fit-trattament jew tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 211; sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑8 ta’ Ottubru 2008, Carbone‑Lorraine vs Il‑Kummissjoni, T‑73/04, Ġabra p. II‑2661, punt 71).

135    Barra minn hekk hija ġurisprudenza stabbilita li kull parti fil-kawża li fir-rigward tagħha istituzzjoni tal-Unjoni ħolqitilha tamiet ibbażati fuq assigurazzjonijiet preċiżi li hija tatha tista’ tinvoka l-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑11 ta’ Marzu 1987, Van den Bergh en Jurgens u Van Dijk Food Products (Lopik) vs KEE, 265/85, Ġabra p. 1155, punt 44, u tas‑16 ta’ Diċembru 2010, Kahla Thüringen Porzellan vs Il‑Kummissjoni, C‑537/08 P, Ġabra p. I‑12917, punt 63).

136    F’dan il-każ, fl-ewwel lok, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li l-projbizzjoni għall-Kummissjoni milli tippubblika fiċ-ċirkustanzi kollha informazzjoni li tinsab f’talbiet għal klemenza jew dikjarazzjonijiet magħmula taħt il-programm ta’ klemenza jirriżulta mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal‑2002, u saħansitra minn dik tal‑2006.

137    Ċertament, mill-paragrafi 32 u 33 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal‑2002 jirriżulta li “[k]ull dikjarazzjoni miktuba magħmula rigward il-Kummissjoni [f’dan ir-rigward ma] tistax tkun żvelata jew użata għall-ebda skop ieħor ħlief l-infurzar ta’ l-Artikolu 81 KE” u li “[i]l-Kummissjoni tikkonsidra li normalment, żvelar, f’kull ħin, ta’ dokumenti rċevuti fil-kuntest ta’ [talba għal klemenza] jippreġudikaw il-protezzjoni ta’ l-iskop ta’ ispezzjonijiet u investigazzjonijiet fis-sens ta’ l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001”. Ċertament ukoll, il-Kummissjoni ppreċiżat fil-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2006, li l-adozzjoni tagħha saret wara l-perijodu li matulu r-rikorrenti kkooperat fl-investigazzjoni li tat lok għad-Deċiżjoni PIP, minn naħa, li l-inizjattivi meħuda minn ċerti impriżi li jgħaddulha b’mod spontanju dak li kienu jafu dwar akkordju, kif ukoll ir-rwol tagħhom f’dan l-akkordju, “ma għandhomx jiġu skoraġġuti minn deċiżjonijiet li jordnaw il-komunikazzjoni ta’ dokumenti fi proċeduri ċivili” (paragrafu 6) u, min-naħa l-oħra, li “l-partijiet l-oħra, bħall-partijiet li ressqu l-ilment, ma [kellhomx] aċċess għad-dikjarazzjonijiet tal-impriżi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] magħmula fil-kuntest tal-klemenza (paragrafu 33).

138    Madankollu, bħal ma tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, dawn l-impenji differenti jikkonċernaw biss l-iżvelar tad-dokumenti li huma sottomessi lilha b’mod volontarju mill-impriżi li jixtiequ jibbenefikaw mill-programm ta’ klemenza, kif ukoll tad-dikjarazzjonijiet magħmula minn dawn l-istess impriżi f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, huwa b’mod partikolari fid-dawl ta’ dawn l-impenji li għandha tinftiehem id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, li għaliha tagħmel riferiment din tal-aħħar fin-noti tagħha, li jiġi rrifjutat lil EnBW Energie Baden‑Württemberg AG l-aċċess għad-dokumenti kollha li jinsabu fil-fajl amministrattiv dwar il-proċedura fil-Każ COMP/F/38.899 – Switchgear insulat bil-gass.

139    Dawn l-impenji jipprovdu barra minn hekk kjarifika dwar ir-raġuni wara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tħassar, fil-verżjoni mhux kunfidenzjali iktar iddettaljata tad-Deċiżjoni PIP li l-pubblikazzjoni tagħha hija pprospettata, l-informazzjoni kollha li tippermetti li jiġi identifikat direttament jew indirettament is-sors tal-informazzjoni li ġiet ikkomunikata lilha mir-rikorrenti bil-għan li tibbenefika mill-programm ta’ klemenza.

140    Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li d-distinzjoni riflessa fil-punti 136 sa 139 iktar ’il fuq ma hijiex ikkontestata bid-dikjarazzjonijiet jew teħid ta’ pożizzjoni tal-Kummissjoni li għalihom tirreferi r-rikorrenti.

141    B’hekk, qabel kollox fir-rigward tas-silta mill-ittra mibgħuta mid-Direttur Ġenerali tad-DG COMP lil membru tal-ġudikatura tal-Istati Uniti tal-Amerika ċċitata fl-artiklu tal-istampa tat‑22 ta’ Diċembru 2011, prodott mir-rikorrenti, din ma setgħetx toħloq fi ħdan din tal-aħħar l-aspettattiva leġittima li hija qed tinvoka. Fil-fatt, skont l-imsemmi silta, id-Direttur Ġenerali tad‑DG COMP sostna li l-iżvelar, fil-kuntest ta’ proċedura pendenti quddiem qorti tal-Istati Uniti tal-Amerika, tal-verżjoni kunfidenzjali ta’ deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni kienet ikkonstatat ksur tal-Artikolu 81 KE jippreġudika l-interessi pubbliċi tal-Unjoni u jaffettwa b’mod sinjifikattiv l-idoneità tagħha li tidentifika jew li tipprevjeni l-akkordji. Issa, huwa paċifiku li verżjoni kunfidenzjali bħal din, b’differenza tal-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni PIP li l-pubblikazzjoni tagħha hija pprospettata f’dan il-każ, tinkludi b’mod partikolari indikazzjonijiet fir-rigward tas-sors tal-informazzjoni volontarjament ikkomunikata minn impriżi lill-Kummissjoni, bil-għan li jibbenefikaw mill-programm ta’ klemenza, u li tali verżjoni għalhekk tista’ tirrifletti dikjarazzjonijiet awtoinkriminanti magħmula minn dawn l-impriżi. Barra minn hekk, verżjoni kunfidenzjali bħal din tista’ tinkludi l-ismijiet ta’ impjegati tal-impriżi li fir-rigward tagħhom ġiet ikkonstatata l-parteċipazzjoni fil-ksur.

142    F’dawn iċ-ċirkustanzi, mis-silta tal-ittra tad-Direttur Ġenerali tad-DG COMP li għaliha tagħmel riferiment ir-rikorrenti, iċċitata fl-artikolu tal-istampa msemmija fil-punt preċedenti, ma tistax tiġi dedotta politika tal-Kummissjoni li tiggarantixxi l-kunfidenzjalità ta’ kull informazzjoni kkomunikata b’mod volontarju minn impriża li tixtieq tibbenefika mill-programm ta’ klemenza, b’mod partikolari fil-kuntest tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet li l-Kummissjoni tieħu abbażi tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003.

143    Ir-raġunament espost fil-punti 141 u 142 iktar ’il fuq japplika wkoll, b’analoġija, għall-ittra dwar proċedura ta’ arbitraġġ pendenti fl-Istati Uniti, mibgħuta mid-DG COMP lil kumpannija ta’ avukati fil‑11 ta’ Frar 2014 u prodott mir-rikorrenti fil-ġurnata tas-seduta. Fil-fatt, mingħajr lanqas ma jkun neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ dan id-dokument, ikkontestat mill-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li dan id-dokument, bħall-ittra li għaliha sar riferiment fil-punt 141 iktar ’il fuq, jirrifletti l-oppożizzjoni tal-Kummissjoni għas-sempliċi żvelar tal-verżjoni kunfidenzjali ta’ deċiżjoni li permezz tagħha hija kkonstatat ksur tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-akkordji u ssanzjonat numru ta’ impriżi f’dan ir-rigward. Barra minn hekk u fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali jikkonstata li l-imsemmija ittra, tal‑14 ta’ Frar 2014, hija mingħajr rilevanza għall-finijiet tal-evalwazzjoni dwar jekk id-deċiżjoni kkontestata, adottata f’Mejju 2012, toħloqx ksur tal-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti.

144    Sussegwentement fir-rigward tal-osservazzjonijiet ippreżentati mill-Kummissjoni bħala amicus curiae quddiem il-High Court of Justice (England & Wales) [qorti tal-ġustizzja superjuri (Ingilterra u Wales), ir-Renju Unit] f’Novembru 2011, prodotti fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, huma ma setgħux iktar joħolqu aspettattiva għar-rikorrenti fis-sens li l-Kummissjoni ma tippubblikax verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni PIP iktar iddettaljata minn dik ippubblikata fl‑2007.

145    Fil-fatt, f’dawn l-osservazzjonijiet, il-Kummissjoni opponiet biss l-iżvelar lil terzi, minn naħa, tal-verżjoni kunfidenzjali ta’ deċiżjoni li permezz tagħha hija kienet ikkonstatat ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, ta’ dokumenti li kienu ġew ikkomunikati lilha volontarjament minn impriżi fil-kuntest tal-investigazzjoni li tat lok għall-imsemmija deċiżjoni, bil-għan li jibbenefikaw mill-programm ta’ klemenza tagħha, kif ukoll ta’ dikjarazzjonijiet magħmula taħt il-programm ta’ klemenza matul din l-investigazzjoni. B’hekk, sa fejn dawn l-osservazzjonijiet jikkonċernaw l-iżvelar tal-verżjoni kunfidenzjali ta’ deċiżjoni li tikkonstata ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, ir-raġunament espost fil-punti 141 u 142 iktar ’il fuq huwa applikabbli mutatis mutandis. Fir-rigward tal-oppożizzjoni murija mill-Kummissjoni għall-iżvelar lil terzi ta’ dokumenti u ta’ dikjarazzjonijiet li ġew sottomessi lilha volontarjament minn impriżi bil-għan li jibbenefikaw mill-programm ta’ klemenza, minn din ma tistax tiġi dedotta l-eżistenza ta’ politika tal-Kummissjoni li tirriżerva, b’mod ġenerali, trattament kunfidenzjali lill-informazzjoni kollha dwar ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni kkomunikata minn impriża li tixtieq tibbenefika mill-programm ta’ klemenza.

146    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi osservat li, fil-premessi 20, 21 u 23 tal-osservazzjonijiet inkwistjoni, il-Kummissjoni b’mod partikolari ssostanzjat il-fehma tagħha li jkun sproporzjonat li tiġi żvelata lil terzi l-verżjoni kunfidenzjali tad-deċiżjoni kkonċernata minħabba l-fatt li l-imsemmija verżjoni kienet tinkludi biss ftit informazzjoni addizzjonali dwar il-funzjonament tal-akkordju msemmi fir-Renju Unit, meta mqabbla mal-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-imsemmija deċiżjoni aċċessibbli għall-pubbliku. Il-Kummissjoni qieset, f’dan il-każ partikolari, li żvelar tal-verżjoni kunfidenzjali tad-deċiżjoni inkwistjoni ma kienx ġustifikat fid-dawl tal-interess limitat ħafna li kien jippreżenta tali żvelar għall-vittma preżunta tal-imsemmi akkordju, li kellha l-intenzjoni li tikseb, quddiem il-qrati tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, il-kumpens għad-dannu li hija kienet issostni li ġarrbet.

147    B’kuntrast, din it-tilwima tikkonċerna l-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni ta’ verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni PIP li tinkludi numru kbir ta’ informazzjoni ddettaljata dwar il-funzjonament tal-akkordju ssanzjonat fl-imsemmija deċiżjoni, li ma kinitx tirriżulta fil-verżjoni ta’ din id-deċiżjoni ppubblikata fis-sit internet tad-DG COMP fl-2007. Hekk kif ġie enfasizzat fil-punt 103 iktar ’il fuq, pubblikazzjoni ta’ dan it-tip tista’, prima facie, tippermetti lil terzi li jqisu lilhom infushom leżi bl-imsemmi akkordju jistabbilixxu b’iktar faċilità r-responsabbiltà ċivili tar-rikorrenti u ta’ impriżi oħra li pparteċipaw fih, kif ukoll, jekk ikun il-każ, il-firxa ta’ din ir-responsabbiltà. Għalhekk il-fehma espressa mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet iċċitati fil-punt 144 iktar ’il fuq kienet tikkonċerna sitwazzjoni li f’dan il-punt kienet differenti minn dik li tikkaratterizza din il-kawża jiġifieri li l-imsemmija osservazzjonijiet fl-ebda każ ma setgħu jnibbtu fil-ħsieb tar-rikorrenti l-aspettattiva leġittima li hija tinvoka.

148    Barra minn hekk fir-rigward tal-argument li jirriżulta mill-fehma difiża mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ proċeduri ċivili mressqa fl-Istati Uniti, li impriżi li jikkooperaw volontarjament magħha billi jiżvelaw l-eżistenza ta’ akkordji ma jistgħux jitqiegħdu, fil-kuntest ta’ tali azzjonijiet, f’pożizzjoni inqas favorevoli minn dik ta’ parteċipanti oħra fl-akkordju li ma wrewx tali rieda ta’ kooperazzjoni, dan lanqas ma jista’ jiġi milqugħ.

149    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, peress li l-interess ta’ impriża li ngħatat multa mill-Kummissjoni minħabba ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni sabiex id-dettalji tal-aġir li jikkostitwixxi ksur li bih qed tiġi akkużata ma jiġux żvelati lill-pubbliku bħala prinċipju ma jixraqlu ebda protezzjoni partikolari (ara l-punt 107 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti ma tistax titlob protezzjoni ta’ dan it-tip taħt il-pretest li hija għandha tibbenefika minn pożizzjoni speċjali quddiem il-qorti nazzjonali meta pparagunata mal-pożizzjoni tal-impriżi li ma wrewx l-istess livell ta’ kooperazzjoni mal-Kummissjoni. Sussegwentement, sa fejn id-deċiżjoni ppubblikata tirrelata l-fatti li jagħtu lok għar-responsabbiltà ta’ kull waħda mid-destinatarji tagħha għal ksur tal-Artikolu 101 TFUE, ir-rikorrenti ma hijiex żvantaġġata f’dan ir-rigward meta mqabbla mal-parteċipanti l-oħra fil-ksur. Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-kooperazzjoni tar-rikorrenti mal-Kummissjoni fit-termini deskritti fil-punt 2 iktar ’il fuq ta lok għal immunità kompleta minn multa, liema fatt jikkostitwixxi l-konsegwenza normali skont il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal‑2002. Fi kwalunkwe ipoteżi, ir-rikorrenti ma pproduċiet ebda prova li tista’ turi li l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni li fir-rigward tagħha hija titlob it-trattament kunfidenzjali f’dan il-każ, li tikkonċerna l-funzjonament tal-akkordju kollu kemm hu, tiżvantaġġaha meta mqabbla ma’ impriżi oħra destinatarji tad-Deċiżjoni PIP, fil-kuntest ta’ azzjonijiet għad-danni. Għalhekk ma teżisti ebda kontradizzjoni bejn dan it-teħid ta’ pożizzjoni, rifless barra minn hekk fl-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-High Court of Justice f’Novembru 2011, imsemmija fil-punt 144 iktar ’il fuq, u l-pożizzjoni difiża mill-Kummissjoni f’din il-kawża.

150    Fir-rigward tar-riferimenti magħmula mir-rikorrenti għall-pożizzjoni difiża mill-Kummissjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑22 ta’ Mejju 2012, EnBW Energie Baden‑Württemberg vs Il‑Kummissjoni (T‑344/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), u għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Il‑Kummissjoni vs EnBW Energie Baden‑Württemberg, punt 92 iktar ’il fuq, dawn huma neqsin minn rilevanza f’dan il-każ ġaladarba, kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, f’din il-kawża kienet inkwistjoni deċiżjoni li tiċħad talba ta’ aċċess għad-dokumenti kollha li jinsabu f’fajl tal-Kummissjoni relatati ma’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. Minn dan jirriżulta li l-pożizzjoni difiża mill-Kummissjoni f’dan il-kuntest ma setgħetx toħloq fi ħdan ir-rikorrenti l-aspettattiva leġittima li l-Kummissjoni ma kinitx ser tiżvela lill-pubbliku kull informazzjoni li hija kienet volontarjament ikkomunikatilha waqt l-investigazzjoni bil-għan li tibbenefika mill-programm ta’ klemenza.

151    Fl-aħħar nett, fit-tielet lok, għandu jiġi eżaminat l-argument tar-rikorrenti li l-ksur tal-aspettattivi leġittimi tagħha jirriżulta wkoll mill-prassi preċedenti tal-Kummissjoni li kienet tikkonsisti f’li ma tiġix żvelata l-informazzjoni li kienet ġiet ikkomunikata lilha volontarjament minn impriżi taħt it-talbiet għal klemenza u li fir-rigward tagħha l-imsemmija impriżi kienu talbu t-trattament kunfidenzjali. Din il-prassi hija murija bil-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni PIP ippubblikata fl‑2007, li tieħu kunsiderevolment inkunsiderazzjoni t-talbiet għal trattament kunfidenzjali ppreżentati mir-rikorrenti u, b’differenza ta’ verżjonijiet oħra ppubblikati ta’ deċiżjonijiet li jissanzjonaw ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, ma ġietx ikkwalifikata bħala provviżorja mill-Kummissjoni.

152    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, kieku kellu jitqies ukoll li din il-prassi hija stabbilita, din ma kinitx tali li toħloq fi ħdan ir-rikorrenti aspettattiva leġittima fil-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx se tbiddilha fil-futur.

153    Fil-fatt, għalkemm l-osservanza tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi tagħmel parti mill-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, l-operaturi ekonomiċi ma humiex ġustifikati jekk iqiegħdu l-aspettattivi leġittimi tagħhom fiż-żamma ta’ sitwazzjoni eżistenti li tista’ tiġi mmodifikata fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑15 ta’ Lulju 1982, Edeka, 245/81, Ġabra p. 2745, punt 27; ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑8 ta’ Settembru 2010, Deltafina vs Il‑Kummissjoni, T‑29/05, Ġabra p. II‑4077, punt 426, u l-ġurisprudenza ċċitata).

154    F’dan il-każ, mill-eżami tat-tielet motiv iktar ’il fuq jirriżulta li l-informazzjoni li l-pubblikazzjoni tagħha qed tiġi kkontestata mir-rikorrenti ma tistax titqies, fid-dawl tal-argumenti ppreżentati minnha matul il-proċedura amministrattiva u fil-kuntest ta’ din il-proċedura ġudizzjarja, li hija ta’ natura kunfidenzjali.

155    Issa, il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ biex tiddeċiedi jekk għandhiex tippubblika tali informazzjoni jew le. Fil-fatt, fid-dawl tal-prinċipji mfakkra fil-punti 89 u 90 iktar ’il fuq, l-Artikolu 30(2) tar-Regolament Nru 1/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li jillimita l-obbligu ta’ pubblikazzjoni li għandha l-Kummissjoni għas-sempliċi riferiment għall-partijiet ikkonċernati u għall-partijiet essenzjali tad-deċiżjonijiet li għalihom isir riferiment fl-ewwel paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni, bil-għan li jiġi ffaċilitat il-kompitu tal-Kummissjoni li tinforma lill-pubbliku dwar l-eżistenza u dwar il-kontenut ta’ dawn tal-aħħar, b’mod partikolari fid-dawl tal-limitazzjonijiet lingwistiċi marbuta ma’ pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali. Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni ma tillimitax il-fakultà tal-Kummissjoni, jekk hija tqis li huwa opportun u jekk ir-riżorsi jippermettulha tagħmel dan, li tippubblika t-test sħiħ jew, mill-inqas, verżjoni ddettaljata ħafna tad-deċiżjonijiet tagħha, bla ħsara għall-protezzjoni dovuta għas-sigrieti tan-negozju u għall-informazzjonijiet kunfidenzjali l-oħra (ara, b’analoġija, is-sentenza Bank Austria Creditanstalt vs Il‑Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq, punt 76).

156    Minkejja l-fatt li l-Kummissjoni għaldaqstant hija suġġetta għal obbligu ġenerali li tippubblika biss verżjonijiet mhux kunfidenzjali tad-deċiżjonijiet tagħha, ma huwiex neċessarju, sabiex tiġi ggarantita l-osservanza ta’ dan l-obbligu, li l-Artikolu 30(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jiġi interpretat fis-sens li jagħti dritt speċifiku lid-destinatarji tad-deċiżjonijiet adottati skont l-Artikoli 7 sa 10 u skont l-Artikoli 23 u 24 tal-imsemmi regolament li jippermettilhom jikkontestaw il-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni fil-Ġurnal Uffiċjali u, jekk ikun il-każ, fuq is-sit internet ta’ din l-istituzzjoni, tal-informazzjoni li, għalkemm mhux kunfidenzjali, ma hijiex essenzjali sabiex jinftiehem id-dispożittiv ta’ dawn id-deċiżjonijiet (ara, b’analoġija, is-sentenza Bank Austria Creditanstalt vs Il‑Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq, punt 77). B’hekk, l-Artikolu 30(2) tar-Regolament Nru 1/2003 ma huwiex intiż sabiex jillimita l-libertà tal-Kummissjoni li tippubblika minn rajha verżjoni tad-deċiżjoni tagħha iktar dettaljata mill-minimu neċessarju u li tinkludi fiha wkoll informazzjoni li l-pubblikazzjoni tagħha ma hijiex meħtieġa, sa fejn l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni ma huwiex inkompatibbli mal-protezzjoni tas-sigriet professjonali (sentenza Bank Austria Creditanstalt vs Il‑Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq, punt 79).

157    Għalhekk minn dan il-marġni ta’ diskrezzjoni jirriżulta li, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 153 iktar ’il fuq, kieku kellha titqies li ġiet stabbilita l-prassi amministrattiva preċedenti li għaliha tagħmel riferiment ir-rikorrenti, din tal-aħħar ma setgħet tikseb ebda aspettattiva leġittima fiż-żamma tagħha.

158    Din il-konklużjoni hija wisq iżjed iġġustifikata f’dan il-każ fejn il-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni ddettaljata dwar ksur tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-akkordji tista’ tiffaċilita l-konstatazzjoni tar-responsabbiltà ċivili tal-impriżi responsabbli minn tali ksur u, b’dan il-mod, issaħħaħ l-applikazzjoni ta’ dan id-dritt fl-isfera privata. Huwa wkoll meħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni, f’dan ir-rigward, il-fatt li l-Kummissjoni enfasizzat, fil-paragrafu 31 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal‑2002 tagħha u fil-paragrafu 39 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal‑2006 tagħha, li “l-fatt li [ngħatat] immunità jew tnaqqis fir-rigward ta’ multi ma jistax jipproteġi lil impriża mill-konsegwenzi tal-liġi ċivili għall-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur ta’ l-Artikolu 81 KE”.

159    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-aspettattivi leġittimi tagħha fil-fatt li l-Kummissjoni ma tiżvelax l-informazzjoni kkomunikata volontarjament matul l-investigazzjoni huma dovuti għall-pubblikazzjoni tal-ewwel verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni PIP fl‑2007, fid-dawl tat-talbiet għal kunfidenzjalità li hija kienet ippreżentat, dan lanqas ma jista’ jiġi milqugħ.

160    Ċertament, il-Kummissjoni ma kkwalifikatx espressament din l-ewwel verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni PIP, ippubblikata fl‑2007, bħala provviżorja.

161    Madankollu, għandu jitfakkar li, f’dak iż-żmien, il-Qorti Ġenerali kienet diġà interpretat l-Artikolu 21(2) tar-Regolament Nru 17, li jikkorrispondi, essenzjalment, għall-Artikolu 30(2) tar-Regolament Nru 1/2003, fis-sens li din id-dispożizzjoni ma kellhiex l-intenzjoni li tirrestrinġi l-libertà li kellha l-Kummissjoni li tippubblika minn rajha verżjoni tad-deċiżjoni tagħha iktar kompleta mill-minimu neċessarju u li fiha tinkludi wkoll informazzjoni li l-pubblikazzjoni tagħha ma hijiex meħtieġa, sa fejn l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni ma kienx inkompatibbli mal-protezzjoni tas-sigriet professjonali (sentenza Bank Austria Creditanstalt vs Il‑Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq, punt 79). F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkunsidrat li s-sempliċi ċirkustanza li l-Kummissjoni ppubblikat l-ewwel verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni PIP fl‑2007 u li hija ma kkwalifikathiex bħala provviżorja ma setgħet tagħti lir-rikorrenti ebda assigurazzjoni preċiża li verżjoni ġdida mhux kunfidenzjali iktar iddettaljata ma kinitx se tiġi ppubblikata ulterjorment, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 135 iktar ’il fuq.

162    Barra minn hekk, it-talbiet għal kunfidenzjalità ppreżentati mir-rikorrenti f’Lulju 2006 kienu mmotivati, b’mod partikolari, biċ-ċirkustanza li l-verżjoni kunfidenzjali tad-Deċiżjoni PIP kienet tiżvela, fil-fehma tagħha, numru importanti ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva li tikkonċernaha. Issa, fil-mument tal-pubblikazzjoni tal-ewwel verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni PIP, il-ġurisprudenza kienet diġà stabbilita sew fis-sens li ma hi la sigrieta u lanqas kunfidenzjali l-informazzjoni li kienet tali, iżda li għandha ħames snin jew iżjed u għandha, minħabba dan il-fatt, titqies li hija storika, sakemm, eċċezzjonalment, l-impriża kkonċernata ma turix li, minkejja ż-żmien li għandha, din l-informazzjoni għadha tinkludi elementi essenzjali tal-pożizzjoni kummerċjali tagħha jew dik ta’ terza persuna (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 84 iktar ’il fuq). Konsegwentement, ir-rikorrenti kienet f’pożizzjoni li tifhem, sa minn dak iż-żmien, li n-natura eventwalment kunfidenzjali ta’ din l-informazzjoni ma setgħetx, bħala prinċipju, tiġi ggarantita b’mod indefinit.

163    Peress li barra minn hekk ir-rikorrenti ma ppreżentat ebda element li jista’ jistabbilixxi li l-Kummissjoni impenjat ruħha b’mod speċifiku fil-konfront tagħha sabiex ma tippubblikax verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni PIP li tinkludi iktar informazzjoni minn dik ippubblikata fis-sit internet tad-DG COMP f’Settembru 2007, hija ma tistax tibbaża ruħha fuq din il-pubblikazzjoni biss biex tiddeduċi aspettattiva leġittima f’dan is-sens.

164    Fl-aħħar nett, l-ilmenti bbażati fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ ugwaljanza fit-trattament għandhom ukoll jiġu miċħuda, peress li r-raġunament magħmul mir-rikorrenti insostenn ta’ dawn l-ilmenti jikkonfondi ruħu, essenzjalment, ma’ dak ibbażat fuq ksur tal-aspettattivi leġittimi.

165    Minn dan jirriżulta li r-raba’ motiv ma huwiex fondat u għalhekk għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ksur ta’ għan stabbilit fl-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll fuq ksur tal-paragrafu 48 tal-Komunikazzjoni dwar l-aċċess għall-fajl

166    Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn tinvolvi l-pubblikazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet u ta’ dokumenti li jirriżultaw minn kandidati għall-klemenza, tmur kontra l-prinċipju ta’ għan stabbilit fl-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 1/2003. Konformement ma’ din id-dispożizzjoni, l-informazzjoni miksuba fil-kuntest ta’ proċeduri mmexxija taħt l-Artikoli 17 sa 22 tar-Regolament Nru 1/2003 tista’ tintuża biss għall-finijiet li għalihom inġabret. Issa, l-iżvelar ta’ informazzjoni li tirriżulta mill-fajl tal-Kummissjoni permezz tal-pubblikazzjoni ta’ verżjoni mhux kunfidenzjali iktar kompleta tad-Deċiżjoni PIP, adottata numru ta’ snin ilu, ma jikkonċernax l-għanijiet għalfejn l-imsemmija informazzjoni inġabret. Din il-konklużjoni hija kkonfermata bil-paragrafu 48 tal-Komunikazzjoni dwar l-aċċess għall-fajl, li minnu jirriżulta li tali aċċess jingħata biss bil-kundizzjoni li d-dokumenti miksuba jintużaw biss għall-finijiet ta’ proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi li għandhom bħala għan l-applikazzjoni tar-regoli ta’ kompetizzjoni tal-Unjoni inkwistjoni fil-proċedura amministrattiva konnessa.

167    Il-Kummissjoni ma taqbilx ma’ dan l-argument.

168    F’dan ir-rigward, qabel kollox għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma tistax tiġi segwita meta jkollha l-intenzjoni tibbaża l-kritika tagħha tad-deċiżjoni kkontestata, taħt dan il-motiv, fuq il-paragrafu 48 tal-Komunikazzjoni dwar l-aċċess għall-fajl.

169    Fil-fatt, hekk kif tosserva ġustament il-Kummissjoni, mill-kliem tal-paragrafu 48 tal-Komunikazzjoni dwar l-aċċess għall-fajl jirriżulta li l-projbizzjoni li din tistabbilixxi, fir-rigward tal-użu ta’ dokumenti li jinsabu fil-fajl tal-investigazzjoni għal finijiet oħra minbarra l-proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi li għandhom bħala għan l-applikazzjoni tar-regoli ta’ kompetizzjoni tal-Unjoni inkwistjoni fil-proċedura amministrattiva konnessa, hija indirizzata lill-persuni, impriżi u assoċjazzjonijiet ta’ impriżi li lilhom il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u li jibbenefikaw minn aċċess għall-imsemmi fajl, fis-sens tal-paragrafu 3 tal-Komunikazzjoni dwar l-aċċess għall-fajl. Għalhekk l-imsemmi paragrafu 48 ma għandux bħala għan li jirregola l-użu, mill-Kummissjoni, ta’ dikjarazzjonijiet jew dokumenti miġbura fil-kuntest ta’ investigazzjoni dwar ksur tal-Artikolu 81 KE.

170    Sussegwentement, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ għan stabbilit fl-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 1/2003, għandu jitfakkar li, skont din id-dispożizzjoni, l-informazzjoni miġbura skont l-Artikoli 17 sa 22 tal-imsemmi regolament tista’ tintuża biss għall-finijiet li għaliha nġabret, u dan mingħajr ħsara għall-Artikoli 12 u 15 tagħha, dwar l-iskambju ta’ informazzjoni mal-awtoritajiet ta’ kompetizzjoni tal-Istati Membri u l-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-qrati tal-Istati Membri.

171    Madankollu dan l-ilment ma jistax jintlaqa’, saħansitra mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjoni, iddibattuta bejn il-partijiet, jiġifieri jekk l-informazzjoni volontarjament ikkomunikata lill-Kummissjoni matul investigazzjoni taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni, minkejja l-fatt li l-Artikoli 17 sa 22 tar-Regolament Nru 1/2003 huma intiżi sabiex jirregolaw is-setgħat ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni.

172    Fil-fatt, il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni bis-saħħa tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 tikkostitwixxi bħala prinċipju, hekk kif jixhed l-Artikolu 30 tal-imsemmi regolament, l-aħħar stadju tal-proċedura amministrattiva li permezz tagħha l-Kummissjoni tikkonstata u trażżan il-ksur tal-Artikolu 81 KE.

173    Għaldaqstant, mingħajr ħsara għall-protezzjoni li għandha tingħata lill-informazzjoni kunfidenzjali li tinsab fil-fajl ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni, il-pubblikazzjoni minn din tal-aħħar ta’ verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ tali deċiżjonijiet, li tinkludi informazzjoni li ġiet ikkomunikata volontarjament minn impriżi bil-għan li jibbenefikaw mill-programm ta’ klemenza, ma tistax titqies li ma għandhiex x’taqsam mal-għan li għalih din l-informazzjoni nġabret.

174    Din il-konstatazzjoni tippermetti, barra minn hekk, li ssir distinzjoni bejn din il-kawża u dik li tat lok għas-sentenza Asociación Española de Banca Privada et, punt 121 iktar ’il fuq, iċċitata mir-rikorrenti. Fil-fatt, mingħajr lanqas biss ikun neċessarju li jitfakkru d-differenzi li jeżistu bejn l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 1/2003, li jissostitwixxih, jeħtieġ sempliċement li jiġi kkonstatat li din is-sentenza kienet tikkonċerna l-użu mill-awtoritajiet nazzjonali, bħala provi, ta’ informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni mingħand impriżi u li ma kinitx issemmiet f’deċiżjoni tagħha li tissanzjona ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, ippubblikata fiċ-ċirkustanzi previsti fl-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 17, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali użu kien ipprojbit, peress li ma kellux x’jaqsam mar-raġuni għalfejn din l-informazzjoni kienet inġabret (sentenza Asociación Española de Banca Privada et, punt 121 iktar ’il fuq, punti 35 sa 38 u 47 sa 54).

175    Għaldaqstant, il-ħames motiv ma huwiex fondat u għandu jiġi miċħud, bħal ma għandu jiġi miċħud ir-rikors kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

176    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

177    Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Evonik Degussa GmbH hija kkundannata għall-ispejjeż inkluż għal dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

Papasavvas

Forwood

Bieliūnas

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-28 ta’ Jannar 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.