Language of document :

Rikors ippreżentat fil-15 ta' Frar 2010 - Zuckerfabrik Jülich vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-66/10)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Zuckerfabrik Jülich AG (Jülich, il-Ġermanja) (rappreżentanti: H.-J. Prieß u B. Sachs, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1193/2009, tat-3 ta' Novembru 2009, li jirrettifika r-Regolamenti (KE) Nru 1762/2003, (KE) Nru 1775/2004, (KE) Nru 1686/2005, (KE) Nru 164/2007 u li jiffissa l-imposti tal-produzzjoni fis-settur taz-zokkor għas-snin tas-suq 2002/2003, 2003/2004, 2004/2005, 2005/2006

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tressaq sitt motivi.

Fl-ewwel motiv, ir-rikorrenti tinvoka ksur tal-Artikolu 233 KE (Artikolu 266 TFUE) peress li l-Kummissjoni ma kkonformatx ruħha mar-rekwiżiti tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta' Mejju 2008, Zuckerfabrik Jülich (C-5/06 u C-23/06 sa C-36/06, Ġabra p. I-3231). F'din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilit kif kellhom jiġu ddeterminati l-parametri tal-"eċċess esportabbli" u tal-"kwantità totali ta' obbligu ta' esportazzjoni li kellha tiġi sodisfatta" fil-kalkolu tal-imposta tal-produzzjoni għas-snin tas-suq 2002/2003 sa 2005/2006 fis-settur taz-zokkor. Ir-rikorrenti tqis li fir-regolament ikkontestat il-Kummissjoni emendat ukoll it-tielet parametru tad-deċiżjoni kkontestata, dak tal-"ammont totali tar-rifużjoni", minkejja li l-kawża Zuckerfabrik Jülich ma kinitx tirrigwarda l-kalkolu tiegħu.

Fit-tieni motiv, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 15(1)(d) tar-Regolament (KE) Nru 1260/2001 1, kif ukoll is-sens u l-iskop ta' dan ir-regolament. F'dan ir-rigward hija ssostni, b'mod partikolari, li fil-kalkolu tal-ammont totali tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni l-Kummissjoni inkludiet rifużjonijiet li ma kinux ntalbu u lanqas tħallsu. Barra minn dan, l-iffissar ta' ammont fiss ta' esportazzjonijiet kull xahar iwassal għal ineżattezzi fil-kalkolu. F'dan il-kuntest, ir-rikorrenti tqis li fil-kawża Zuckerfabrik Jülich, il-Qorti tal-Ġustizzja pprojbiet l-iffissar tat-telf globali għal ammont ogħla mill-ispejjeż għar-rifużjonijiet.

Fit-tielet motiv, ir-rikorrenti tinvoka ksur tal-prinċipju ta' nuqqas ta' retroattività billi permezz tar-regolament ikkontestat il-Kummissjoni emendat b'mod retroattiv l-ammont totali tar-rifużjonijiet.

Fil-kuntest tar-raba' motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li, mit-3 ta' Novembru 2009, il-Kummissjoni ma kinitx għadha kompetenti sabiex tadotta regolament dwar l-ammont ta' imposti għas-snin tas-suq 2002/2003 sa 2005/2006 għas-settur taz-zokkor, għaliex ir-Regolament Nru 1260/2001, li l-Kummissjoni tindika bħala l-bażi legali ma kienx għadu fis-seħħ, għaliex ma kien hemm l-ebda bażi legali għal leġiżlazzjoni oħra u għaliex skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat KE, huwa l-Kunsill u mhux il-Kummissjoni li kellu tali kompetenza.

Il-ħames nett, ir-rikorrenti tallega ksur tal-Artikolu 37(2) KE billi fuq il-bażi ta' din id-dispożizzjoni, kellha tiġi magħżula proċedura oħra għall-adozzjoni tar-regolament.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tinvoka ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni taħt l-Artikolu 253 KE (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE) billi l-Kummissjoni mmotivat ir-regolament ikkontestat billi ddikjarat li huwa japplika s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Zuckerfabrik Jülich filwaqt li skont ir-rikorrenti l-imsemmi regolament imur lil 'hinn mir-rekwiżiti ta' din is-sentenza.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/2001, tad-19 ta' Ġunju 2001, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 33, p. 17).