Rikors ippreżentat fid-19 ta' Frar 2010 - Feralpi vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-70/10)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: Feralpi Holding SpA (Brescia, l-Italja) (rappreżentanti: G. Roberti, avukat, I. Perego, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrenti
Tannulla d-deċiżjoni kkontestata.
Tannulla jew tnaqqas il-multa imposta mid-deċiżjoni kkontestata.
Tikkundanna l-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Feralpi Holding tinvoka l-motivi li ġejjin:
ksur tal-prinċipju ta' kolleġjalità, billi l-Kummissjoni ma ssottomettitx, lill-kulleġġ tal-Kummissarji, it-test tad-deċiżjoni kkontestata li jinkludi kull punt ta' fatt u ta' liġi meħtieġ;
użu ta' bażi legali żbaljata. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni ma setatx tibbaża d-deċiżjoni kkontestata, li tikkonstata ksur tal-Artikolu 65 tat-Trattat KEFA, fuq ir-Regolament 1/2003
1, ladarba dan it-Trattat skada;
ksur tad-drittijiet tad-difiża. Fuq dan il-punt ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma bagħtitilhiex dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u ma ppermettitilhiex li teżerċita d-drittijiet ta' difiża tagħha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni imponiet lil Feralpi Holding termini mhux xierqa u pprekkludietha mid-drittijiet ta' aċċess tagħha;
ksur tal-kriterji għall-imputazzjoni tal-ksur. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni attribwiet, inġustament, il-ksur lil Feralpi Holding, mingħajr ma qieset it-tibdiliet tal-istruttura tal-kumpannija li saret fil-frattemp;
barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li billi ma ħadietx inkunsiderazzjoni r-relazzjoni ta' sostituzzjoni li teżisti bejn il-vireġ tal-ħadid li jsaħħu l-konkrit u l-prodotti l-oħra mmanufatturati mill-industrija tal-azzar, bħat-travi u xbieki, il-Kummissjoni wettqet żball meta ddefinixxiet is-suq rilevanti u kisret, mingħajr ġustifikazzjoni, id-dimensjoni Komunitarja tiegħu;
ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-Kummissjoni kklassifikat l-aġir analizzat fid-deċiżjoni bħala ksur uniku, kumpless u kontinwu tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni u allegat li Feralpi Holding kienet ipparteċipat f'dan il-ksur; għaldaqstant, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 65 KEFA u wettqet evalwazzjoni żbaljata tal-fatti;
fl-aħħar lok, ir-rikorrenti ssostni li l-konvenuta wettqet żball meta ffissat l-ammont tal-multa.
____________1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).