Language of document : ECLI:EU:C:2024:296

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

ĆAPETA

ippreżentati fil‑11 ta’ April 2024 (1)

Kawża C579/22 P

Anglo Austrian AAB AG, fi stralċ,

vs

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE),

Belegging-Maatschappij “Far-East” BV

“Appell – Politika ekonomika u monetarja – Direttiva 2013/36/UE – Superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu – Kompiti speċifiċi ta’ superviżjoni fdati lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) – Deċiżjoni ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu – Interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali”






I.      Introduzzjoni

1.        Il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (iktar ’il quddiem il-“MSU”) (2) huwa l-ewwel pilastru tal-Unjoni Bankarja, stabbilit fl‑2014 (3) b’reazzjoni għall-kriżi finanzjarja. L-għan tiegħu huwa li “jiżgura s-sikurezza u s-solidità tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni kif ukoll tal-Istati Membri parteċipanti individwali u l-unità u l-integrità tas-suq intern” (4).

2.        Fil-qosor, is-superviżjoni prudenzjali hija eżerċitata mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), assistit mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (5) skont id-diviżjoni tax-xogħol prevista fl-Artikolu 6 tar-Regolament MSU (6).

3.        L-organizzazzjoni tal-MSU hija, sa ċertu punt, “speċjali” meta mqabbla mal-funzjonament tal-biċċa l-kbira tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea (7). Skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament MSU, il-BĊE “għandu japplika l-liġi rilevanti kollha tal-Unjoni, u fejn din il-liġi tal-Unjoni hija magħmula minn Direttivi, il-leġislazjzoni nazzjonali li tittrasponi dawk id-Direttivi. Fejn il-liġi rilevanti tal-Unjoni tkun magħmula minn Regolamenti u fejn attwalment dawk ir-Regolamenti jagħtu opzjonijiet lill-Istati Membri, il-BĊE għandu japplika wkoll il-leġislazzjoni nazzjonali waqt li jeżerċita dawk l-opzjonijiet”.

4.        Din id-dispożizzjoni hija fil-qalba tal-appell ineżami. Anglo Austrian AAB AG, li kienet Anglo Austrian AAB Bank AG (iktar ’il quddiem “AAB Bank”), l-appellanti fil-kawża ineżami, kienet istituzzjoni ta’ kreditu inqas sinjifikattiva stabbilita fl-Awstrija. Wara li l-BĊE rtira l-awtorizzazzjoni ta’ din l-istituzzjoni ta’ kreditu, l-appellanti kkontestat dik id-deċiżjoni quddiem il-Qorti Ġenerali billi sostniet li l-BĊE kien irtira l-awtorizzazzjoni tiegħu mingħajr ma ġew issodisfatti l-kundizzjonijiet meħtieġa mid-dritt tal-Unjoni, kif traspost fid-dritt Awstrijak.

5.        Il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan ir-rikors permezz tas-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2022, Anglo Austrian AAB u Belegging-Maatschappij “Far-East” vs BĊE (T‑797/19, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2022:389). Fil-kawża ineżami, l-appellanti ssostni, inter alia, li l-Qorti Ġenerali interpretat u applikat b’mod żbaljat id-dritt nazzjonali.

II.    Id-dritt nazzjonali rilevanti

6.        Żewġ liġijiet Awstrijaki huma rilevanti fl-appell ineżami. L-ewwel, il-Bundesgesetz über das Bankwesen (Bankwesengesetz) (il-Liġi Bankarja, iktar ’il quddiem il-“BWG”); u t-tieni, il-Bundesgesetz zur Verhinderung der Geldwäsche und Terrorismusfinanzierung im Finanzmarkt (il-Liġi Federali dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu fis-Swieq Finanzjarji, iktar ’il quddiem il-“FM-GwG”).

7.        L-Artikolu 39 tal-BWG huwa intitolat “Obbligi ta’ diliġenza ġenerali”. Il-paragrafi 2 u 2b tiegħu jipprevedu dan li ġej:

“(2)      Istituzzjonijiet ta’ kreditu u impriżi responsabbli skont l-Artikolu 30(6) għandu jkollhom proċeduri amministrattivi, kontabilistiċi u ta’ kontroll għall-identifikazzjoni, għall-evalwazzjoni, għall-ġestjoni u għall-monitoraġġ tar-riskji bankarji u dawk relatati, inklużi dawk li jirriżultaw mill-ambjent makroekonomiku tagħhom, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-istadju taċ-ċiklu tal-attivitajiet rilevanti, tar-riskju tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu, kif ukoll tal-politiki u tal-prattiki ta’ remunerazzjoni tagħhom, li huma adattati għan-natura, għall-iskala u għall-kumplessità tal-attivitajiet bankarji mwettqa. Il-proċeduri amministrattivi, kontabilistiċi u ta’ kontroll għandhom ikopru wkoll, sa fejn ikun possibbli, ir-riskji bankarji u operazzjonali, kif ukoll ir-riskji li jirriżultaw mill-politiki u mill-prattiki ta’ remunerazzjoni li jistgħu jirriżultaw. L-istruttura organizzattiva u l-proċeduri amministrattivi, kontabilistiċi u ta’ kontroll għandhom jiġu ddokumentati bil-miktub u b’mod li jinftiehem. L-istruttura organizzattiva għandha tevita kunflitti ta’ interess u ta’ kompetenza permezz ta’ delineazzjonijiet organizzattivi u proċedurali adattati għall-attività. L-adegwatezza ta’ dawn il-proċeduri u l-applikazzjoni tagħhom għandha tiġi rriveduta mid-dipartiment tal-awditjar intern mill-inqas darba fis-sena.

[…]

(2b) Il-proċeduri msemmija fil-paragrafu 2 għandhom iqisu, b’mod partikolari:

1. ir-riskju tal-kreditu u r-riskju ta’ inadempjenza ta’ kontroparti;

2. ir-riskju tal-konċentrazzjoni;

3. ir-riskju tas-suq;

4. ir-riskju ta’ lieva finanzjarja eċċessiva;

5. ir-riskju operattiv;

6. ir-riskju ta’ titolizzazzjoni;

7. ir-riskju ta’ likwidata;

8. ir-riskju tar-rata tal-interessi li jirriżultaw mit-tranżazzjonijiet kollha li ma humiex diġà koperti mill-punt 3;

9. ir-riskju residwu li jirriżulta minn tekniki ta’ mitigazzjoni tar-riskju ta’ kreditu;

10. il-post tal-espożizzjonijiet għar-riskju ta’ istituzzjoni ta’ kreditu;

11. ir-riskju ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu;

12. ir-riskju marbut mal-mudell ekonomiku tal-istituzzjoni fid-dawl tal-effetti tal-istrateġji ta’ diversifikazzjoni;

13. ir-riżultati tat-testijiet tal-istress għall-istituzzjonijiet li jużaw approċċi interni; u

14. l-arranġamenti għall-awditjar u għall-kontroll korporattivi tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tal-entitajiet responsabbli skont l-Artikolu 30(6), il-kultura korporattiva tagħhom u l-kapaċità tal-korp maniġerjali li jwettaq il-funzjonijiet tagħhom.”

8.        L-Artikolu 70(4) tal-BWG jirregola s-setgħat ta’ superviżjoni tal-Finanzmarktaufsichtsbehörde (l-Awtorità Awstrijaka ta’ Superviżjoni tas-Swieq Finanzjarji, iktar ’il quddiem il-“FMA”) u jippreċiża li jekk istituzzjoni ta’ kreditu tikser id-dispożizzjonijiet tal-BWG jew il-liġijiet l-oħra elenkati fiha (8), il-FMA għandha:

“1.      tordna lill-istituzzjoni ta’ kreditu, lill-kumpannija holding finanzjarja, lill-kumpannija holding finanzjarja mħallta jew lill-kumpannija holding imħallta, taħt piena ta’ sanzjoni, li tirrestawra s-sitwazzjoni legali f’terminu raġonevoli fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ;

2.      fil-każ ta’ repetizzjoni jew kontinwazzjoni ta’ ksur, li tipprojbixxi lill-maniġers milli jiġġestixxu l-kumpannija kompletament jew parzjalment, sakemm dan ma jkunx irraġonevoli fid-dawl tan-natura u tal-gravità tal-ksur, u fejn is-sitwazzjoni legali tista’ tkun mistennija li tiġi rrestawrata billi jittieħdu miżuri addizzjonali skont il-punt 1; f’dan il-każ, l-ewwel sanzjoni amministrattiva imposta għandha tiġi infurzata u d-deċiżjoni għandha tiġi rrepetuta taħt piena ta’ sanzjoni amministrattiva ogħla;

3.      li tirrevoka l-liċenzja ta’ istituzzjoni ta’ kreditu jekk miżuri oħra previsti minn din il-liġi federali ma jistgħux jiżguraw il-funzjonament tal-istituzzjoni ta’ kreditu. […]”

9.        Lura għall-FM-GwG, il-punt 2 tal-Artikolu 31(3) jipprevedi li “f’każijiet ta’ ksur tal-obbligi skont l-Artikolu 34(2) u (3) [tal-FM-GwG], il-FMA tista’ [...] tirrevoka l-liċenzja mogħtija mill-FMA [...]”.

10.      Finalment, l-Artikolu 34(2) u (3) tal-FM-GwG jittrasponi d-dispożizzjonijiet tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus tad-Direttiva 2005/60/KE (9) u jirreferi, b’mod partikolari, għal ksur serju, repetut jew sistematiku tal-Artikolu 6(1), (2) sa (4), (6) u (7), l-Artikolu 7(7), l-Artikolu 9 u l-Artikolu 23(3) tal-FM-GwG.

III. L-avvenimenti li taw lok għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali

11.      Il-fatti rilevanti għall-appell ineżami jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

12.      L-appellanti, AAB Bank, kienet istituzzjoni ta’ kreditu inqas sinjifikattiva stabbilita fl-Awstrija. Belegging-Maatschappij “Far-East” BV (iktar ’il quddiem l-“azzjonista”) hija kumpannija holding li kellha 99.99 % tal-azzjonijiet ta’ AAB Bank.

13.      Fis‑26 ta’ April 2019, il-FMA ppreżentat lill-BĊE abbozz ta’ deċiżjoni ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni ta’ AAB Bank bħala istituzzjoni ta’ kreditu, konformement mal-Artikolu 80(1) tar-Regolament Qafas MSU (10).

14.      Permezz tad-deċiżjoni tiegħu tal‑14 ta’ Novembru 2019, il-BĊE rtira l-awtorizzazzjoni ta’ AAB Bank bħala istituzzjoni ta’ kreditu b’effett mid-data ta’ komunikazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni.

15.      Il-BĊE qies li, abbażi tal-konstatazzjonijiet tal-FMA ta’ nuqqas ta’ osservanza kontinwa u repetuta tar-rekwiżiti relatati mal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu kif ukoll dawk relatati mal-governanza interna ta’ AAB Bank, din ma kinitx f’pożizzjoni li tiżgura ġestjoni soda tar-riskji tagħha.

16.      Għaldaqstant, il-BĊE qies li l-kriterji li jiġġustifikaw l-irtirar tal-awtorizzazzjoni ta’ AAB Bank għall-aċċess għall-attivitajiet ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, previsti fl-Artikolu 18(f) tad-Direttiva 2013/36 (11) u trasposti fid-dritt Awstrijak, kienu ssodisfatti, peress li AAB Bank kienet kisret l-Artikolu 67(1)(d) u (o) ta’ din id-direttiva kif traspost fid-dritt Awstrijak, u li dan l-irtirar kien proporzjonali.

17.      Barra minn hekk, il-BĊE rrifjuta li jissospendi l-effetti tad-deċiżjoni kkontestata għal perijodu ta’ tletin jum minħabba li l-osservazzjonijiet ta’ AAB Bank ma kinux ta’ natura li jqajmu dubju dwar il-legalità ta’ dik id-deċiżjoni, li dik id-deċiżjoni ma setgħetx tikkawża dannu irreparabbli u li l-interess pubbliku intiż għall-protezzjoni tad-depożitanti, tal-investituri u tas-sħab l-oħra ta’ AAB Bank kif ukoll l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kien jiġġustifika l-applikazzjoni immedjata tad-deċiżjoni.

IV.    Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

18.      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑19 ta’ Novembru 2019, AAB Bank u l-azzjonista ppreżentaw rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

19.      Wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’BĊE et vs Trasta Komercbanka (12), il-Qorti Ġenerali ddikjarat ir-rikors tal-azzjonista inammissibbli. Hija ċaħdet ir-rikors ta’ AAB Bank fuq il-mertu fl-intier tiegħu.

V.      Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

20.      Permezz tal-appell tagħha ppreżentat fl‑1 ta’ Settembru 2022, AAB Bank titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tannulla d-deċiżjoni tal‑14 ta’ Novembru 2019 li permezz tagħha l-BĊE rtira l-awtorizzazzjoni tal-appellanti bħala istituzzjoni ta’ kreditu;

–        sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma tqisx li hija f’pożizzjoni li tiddeċiedi fuq il-mertu tal-kawża; u

–        tikkundanna lill-BĊE għall-ispejjeż fil-kuntest tal-proċedura ineżami u ta’ dik quddiem il-Qorti Ġenerali.

21.      Il-BĊE jsostni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

–         tiċħad l-appell fl-intier tiegħu; u

–        tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

22.      L-azzjonista intervjeniet insostenn tal-appellanti.

VI.    Analiżi

23.      L-appellanti tqajjem seba’ aggravji.

24.      Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali marret lil hinn mil-limiti tal-ġurisdizzjoni tagħha, kisret id-dritt tal-Unjoni u żnaturat il-fatti. It-tieni aggravju jallega ksur mill-Qorti Ġenerali billi aċċettat il-kompetenza tal-BĊE fil-qasam tal-ħasil tal-flus. It-tielet aggravju jallega li l-Qorti Ġenerali wettqet interpretazzjoni żbaljata tad-dritt tal-Unjoni u tad-dritt nazzjonali, u fi kwalunkwe każ, żnaturat il-fatti. Ir-raba’ aggravju jallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 67(1)(d) tad-Direttiva 2013/36 u tad-dritt nazzjonali. Il-ħames aggravju jallega li l-Qorti Ġenerali ma weġbitx għall-argumenti dwar il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Is-sitt aggravju jallega li l-Qorti Ġenerali kisret id-drittijiet tad-difiża tal-appellanti. Fl-aħħar, is-seba’ aggravju jallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji proċedurali li ppreġudikaw l-interessi tal-appellanti.

25.      Fis-segwenti, peress li l-kwistjonijiet dwar ir-rwol u l-interpretazzjoni xierqa tad-dritt nazzjonali jaqgħu taħt numru kbir ta’ aggravji tal-appellanti, l-ewwel ser nindirizza l-pożizzjoni li għandu d-dritt nazzjonali fil-qafas legali tal-MSU (Taqsima A). Sussegwentement, ser neżamina suċċessivament kull aggravju wieħed wieħed, u nuri għalfejn il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċħad l-appell fl-intier tiegħu (Taqsima B).

A.      Id-dritt nazzjonali bħala parti tal-qafas legali tal-MSU

26.      Ir-Regolament MSU jagħmel distinzjoni bejn ir-regolamentazzjoni bankarja u s-superviżjoni bankarja. Huwa jikkonċerna prinċipalment, għalkemm mhux esklużivament, lil din tal-aħħar.

27.      Meta jirregola s-superviżjoni bankarja, ir-Regolament MSU ma jarmonizzax ir-regoli sostantivi nazzjonali applikabbli għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Minflok, huwa jibbaża ruħu fuq l-għażliet nazzjonali differenti dwar il-kontenut tar-regoli applikabbli u jiffoka fuq il-“modi ta’ superviżjoni” u l-“interazzjoni bejn is-superviżuri” [traduzzjoni libera] (13).

28.      Il-kondiviżjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ qasam tad-dritt bejn l-Unjoni u l-Istati Membri huwa l-metodu regolatorju abitwali fl-Unjoni. L-interazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u tad-dritt nazzjonali hija karatteristika komuni tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Dan huwa, bħala regola, ir-riżultat ta’ leġiżlazzjoni permezz ta’ direttivi. Madankollu, dan spiss jinkiseb ukoll bl-użu ta’ regolamenti li jippermettu jew jeħtieġu għażliet regolatorji addizzjonali min-naħa tal-Istati Membri.

29.      Fil-biċċa l-kbira tas-sitwazzjonijiet, tali kombinazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u tad-dritt nazzjonali hija applikata mill-awtoritajiet tal-Istati Membri. L-istħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjonijiet tal-korpi nazzjonali huwa eżerċitat quddiem il-qrati nazzjonali, li jinterpretaw u japplikaw id-dritt nazzjonali, u jistgħu jagħmlu domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-dritt tal-Unjoni.

30.      Il-MSU huwa uniku peress li din hija l-ewwel sitwazzjoni fid-dritt tal-Unjoni li fiha, istituzzjoni tal-Unjoni, minflok waħda nazzjonali, hija direttament obbligata li tapplika d-dritt nazzjonali (14).

31.      Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, is-superviżjoni prudenzjali hija kompitu kondiviż mill-BĊE u mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (15). Għall-maġġoranza tal-kompiti superviżorji, it-tnejn jaqsmu l-ħidma tagħhom bejn l-istituzzjonijiet sinjifikattivi u dawk inqas sinjifikattivi (16).

32.      Madankollu, irrispettivament mid-distinzjoni bejn in-natura sinjifikattiva/inqas sinjifikattiva, il-BĊE għandu żewġ kompetenzi esklużivi fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha: l-ewwel, li joħroġ jew jirtira awtorizzazzjoni bankarja, u t-tieni, li jevalwa l-komunikazzjonijiet tal-akkwist u tat-trasferiment ta’ holdings kwalifikanti f’istituzzjonijiet ta’ kreditu (ħlief fil-każ ta’ riżoluzzjoni bankarja) (17). Din hija l-ewwel setgħa ta’ interess f’dan il-każ.

33.      Sabiex jiddeċiedi li joħroġ jew jirtira l-awtorizzazzjoni tiegħu, il-BĊE huwa mistieden japplika r-regoli kemm tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tad-dritt tal-Istat Membru tal-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata. Skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament MSU, id-dritt nazzjonali huwa espliċitament rilevanti għall-BĊE meta jadotta ċerti deċiżjonijiet (18).

34.      Għalhekk tqum il-kwistjoni dwar min, u fuq il-bażi ta’ liema liġi, jistħarreġ l-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza mill-BĊE.

35.      Il-kwistjoni dwar “min” diġà ġiet imwieġba mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Berlusconi: l-Artikolu 263 TFUE jagħti lill-qrati tal-Unjoni ġurisdizzjoni esklużiva sabiex jistħarrġu l-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Konsegwentement, huma għandhom ukoll kompetenza esklużiva f’dak li jirrigwarda d-deċiżjonijiet tal-BĊE (19).

36.      Il-kwistjoni “fuq il-bażi ta’ liema liġi” hija kemxejn iktar ikkumplikata.

37.      Peress li l-BĊE japplika mhux biss id-dritt tal-Unjoni, iżda wkoll ir-regoli tad-dritt nazzjonali meta jiddeċiedi dwar l-għoti jew l-irtirar ta’ awtorizzazzjoni, huwa inevitabbli li l-qrati tal-Unjoni japplikaw id-dritt nazzjonali bħala bażi għall-istħarriġ ġudizzjarju ta’ tali deċiżjonijiet tal-BĊE.

38.      Quddiem il-qrati tal-Unjoni, id-dritt nazzjonali jista’ jiġi ttrattat b’żewġ modi: bħala fatt jew bħala liġi (20).

39.      Il-loġika tar-rikorsi għal ksur, tar-rinviji għal deċiżjoni preliminari (21), u, xi kultant, tar-rikorsi għal annullament (22), twassal sabiex id-dritt nazzjonali komunement jiġi ttrattat bħala kwistjoni ta’ fatt (23). F’tali sitwazzjoni, l-istħarriġ tal-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar id-dritt nazzjonali jimplika stħarriġ tal-proċess tagħha ta’ evalwazzjoni tal-fatti, li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħmel fil-kuntest ta’ appell biss jekk il-partijiet jinvokaw żnaturament tal-fatti mill-Qorti Ġenerali (24).

40.      Madankollu, fid-dritt tal-Unjoni jeżistu sitwazzjonijiet fejn il-kwistjonijiet li jirrigwardaw id-dritt nazzjonali jiġu ttrattati bħala kwistjonijiet ta’ liġi. F’dan ir-rigward, il-MSU ma huwiex l-unika sitwazzjoni fejn id-dritt tal-Unjoni jagħmel riferiment espliċitu għad-dritt nazzjonali bħala dritt rilevanti.

41.      L-eżempju l-iktar magħruf huwa r-Regolament dwar it-trademark (25), li jagħmel ħafna riferimenti espliċiti għad-dritt nazzjonali (26). L-Avukat Ġenerali Mengozzi (27) semma wkoll l-oqsma tal-kuntratti pubbliċi, fejn xi drabi huma l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jkollhom jikkonformaw ruħhom mad-dispożizzjoni rilevanti tad-dritt nazzjonali fejn il-kuntratt pubbliku għandu jiġi eżegwit, kif ukoll il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 272 TFUE, f’liema każ id-dritt nazzjonali jista’ jsir applikabbli fuq il-bażi tal-klawżola ta’ arbitraġġ kuntrattwali.

42.      L-Avukat Ġenerali Mengozzi sostna li, f’sitwazzjonijiet li fihom id-dritt nazzjonali jikkostitwixxi parti mill-kuntest ġuridiku rilevanti, “minkejja bil-kawteli kollha meħtieġa, il-qorti tal-Unjoni ma tistax tastjeni mill-obbligu li teżamina l-atti amministrattivi kollha li jkunu suġġetti għall-istħarriġ tagħha, inklużi dawk fosthom fejn saret evalwazzjoni tad-dritt nazzjonali” (28).

43.      L-Avukat Ġenerali Bot ikkunsidra, fil-qasam tad-dritt tat-trademarks, li l-Qorti Ġenerali “għandha tkun tista’ tirriċerka, jekk ikun meħtieġ ex officio, il-kontenut, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni u l-portata tad-dispożizzjonijiet legali nazzjonali invokati mill-partijiet insostenn tal-pretensjonijiet tagħhom” (29).

44.      Jiena tal-fehma li d-dritt nazzjonali għandu jiġi ttrattat bħala liġi anki fil-qasam tas-superviżjoni bankarja meta l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni timponi fuq il-BĊE l-obbligu li japplika r-regoli tad-dritt nazzjonali. Sabiex jiddeterminaw u japplikaw id-dritt nazzjonali fi ħdan il-MSU, il-qrati tal-Unjoni għandhom għalhekk jużaw il-metodoloġija ta’ interpretazzjoni legali standard tagħhom, filwaqt li jqiegħdu d-dritt nazzjonali fil-kuntest nazzjonali xieraq tiegħu, li jista’ jvarja minn Stat Membru għal ieħor. Huwa biss b’dan il-mod li l-qrati tal-Unjoni jistgħu jimplimentaw id-diversità regolatorja bejn l-Istati Membri approvata mis-sistema MSU (30), kunsiderazzjoni li tiggwida lill-BĊE fl-eżerċizzju tas-setgħat superviżorji tiegħu (31).

45.      Sabiex nifhem is-sens tad-dritt nazzjonali fil-kuntest tal-MSU, naqbel mal-Avukati Ġenerali Mengozzi u Bot li l-Qorti Ġenerali għandha tieħu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ ex officio, kemm il-kuntest leġiżlattiv nazzjonali kif ukoll il-ġurisprudenza nazzjonali rilevanti għall-interpretazzjoni korretta tar-regoli nazzjonali rispettivi (32).

46.      Peress li d-dritt nazzjonali huwa ttrattat bħala kwistjoni ta’ liġi, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tistħarreġ, fil-kuntest ta’ appell, il-mod kif il-Qorti Ġenerali applikat dan id-dritt.

47.      Għad irid jiġi ddeterminat liema standard ta’ stħarriġ għandha tuża l-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tevalwa l-argumenti invokati fil-kuntest ta’ appell li skonthom il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat id-dritt nazzjonali applikabbli.

48.      Fil-kuntest tad-dritt tat-trademarks (33), il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet standard ta’ stħarriġ li jidher li jiffoka fuq it-tfittxija għal żnaturament tas-sens fil-preżentazzjoni tad-dritt nazzjonali mill-Qorti Ġenerali, filwaqt li kkunsidrat il-mod kif dan id-dritt ġie ppreżentat mill-partijiet fil-kawża. Ir-raġuni għal dan hija li l-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma kkonfermat b’mod espliċitu li d-dritt nazzjonali f’dan il-qasam għandu rwol ta’ liġi, u mhux ta’ fatt (34).

49.      Naqbel li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex, fil-kuntest ta’ appell, tagħti interpretazzjoni ġdida tad-dritt nazzjonali, iżda għandha minflok tevalwa liema elementi l-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni fl-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt sabiex waslet għall-konklużjoni tagħha.

50.      Madankollu, jidhirli li attenzjoni partikolari fuq it-tifsira testwali tad-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti, anki jekk jiġu ttrattati bħala kwistjoni ta’ liġi, tista’ tkun wisq stretta fil-kuntest tal-MSU, li, kif intwera iktar ’il fuq, huwa mekkaniżmu fejn id-diversità regolatorja nazzjonali hija n-norma.

51.      L-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu għalhekk jiffoka fuq id-determinazzjoni tad-dmir ta’ diliġenza li l-Qorti Ġenerali applikat sabiex tiddetermina s-sens xieraq tad-dritt nazzjonali. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiffoka fuq il-fatturi li l-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni sabiex tevalwa s-sens tad-dritt nazzjonali u ċ-ċarezza tar-raġunament tagħha li jiġġustifika interpretazzjoni konkorrenti meta mqabbla ma’ oħra.

B.      Analiżi tal-aggravji

52.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, issa ser neżamina s-seba’ aggravji tal-appellanti. Fl-analiżi tiegħi, ser naqleb l-ordni tal-ewwel u tat-tieni aggravju, imbagħad ser nindirizza l-aggravji l-oħra fl-ordni li fih tqajmu.

1.      It-tieni aggravju: fuq il-kompetenza tal-BĊE

53.      Permezz tat-tieni aggravju tagħha, AAB Bank issostni, l-ewwel, li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta ma eżaminatx ex officio jekk il-BĊE kellux kompetenza fil-qasam tal-ħasil tal-flus jew dwar l-applikazzjoni potenzjali tad-dritt nazzjonali f’dawn il-qasam; it-tieni, li l-BĊE għandu biss is-setgħa li jadotta sanzjonijiet f’każ ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni direttament applikabbli; u t-tielet, li l-BĊE huwa kompetenti biss sabiex jeżerċita superviżjoni prudenzjali fir-rigward tal-attivitajiet ta’ depożitu u ta’ kreditu.

54.      Jiena nifhem dan l-aggravju bħala li jallega li l-BĊE ma aġixxiex fil-qasam tal-irtirar ta’ awtorizzazzjoni bankarja (li għalih huwa esklużivament kompetenti), iżda fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus (setgħa li taqa’ taħt l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti).

55.      F’dak li jirrigwarda l-ewwel argument, l-appellanti tinvoka l-premessa 28 tar-Regolament MSU, u tinterpretah bħala kompetenza esklużiva tal-FMA fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta sseparat it-teħid ta’ deċiżjonijiet f’dan il-qasam f’żewġ partijiet: l-ewwel, il-konstatazzjoni ta’ ksur li tappartjeni lill-FMA u, it-tieni, setgħa ta’ sanzjoni fil-forma ta’ rtirar ta’ liċenzja bankarja li tappartjeni lill-BĊE.

56.      Insostenn ta’ dan l-argument, l-appellanti ssostni wkoll li jekk jirriżulta qari differenti mill-Artikolu 4(3) tar-Regolament MSU, dan iwassal għall-illegalità ta’ din id-dispożizzjoni, peress li tkun kuntrarja għat-tqassim tal-kompetenzi.

57.      Fir-rigward tal-premessa 28 tar-Regolament MSU, il-Qorti Ġenerali diġà ċaħdet l-interpretazzjoni li l-appellanti tipproponi fil-kawża ineżami.

58.      Fil-kawża Versobank vs BĊE, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li s-setgħa ta’ rtirar ta’ awtorizzazzjoni huwa rriżervat esklużivament lill-BĊE (35). Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament MSU, il-BĊE jista’ jirtira l-awtorizzazzjoni, fost oħrajn, fuq proposta minn awtorità nazzjonali kompetenti (36). Finalment, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li din il-kompetenza tal-BĊE tibqa’ esklużiva anki meta r-raġunijiet għall-irtirar ta’ liċenzja jikkonċernaw, pereżempju, l-obbligi ta’ governanza u l-obbligi tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus (37).

59.      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ġustament ifformulat dawn l-istess konklużjonijiet fir-rigward tas-setgħa tal-BĊE li jirtira l-liċenzja ta’ AAB Bank fuq il-bażi tal-ksur ikkonstatat mill-FMA, skont l-Artikolu 18(f) u l-Artikolu 67(1)(d) u (o) tad-Direttiva 203/36 (38).

60.      Dan iwassalni sabiex nikkonkludi li l-ewwel argument tat-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

61.      Permezz tat-tieni argument tagħha, l-appellanti ssostni li, konformement mal-premessa 36 u mal-Artikolu 18 tar-Regolament MSU, il-BĊE jista’ jimponi sanzjonijiet biss fuq il-bażi tad-dritt tal-Unjoni direttament applikabbli, u mhux fil-każ ta’ ksur tad-dritt nazzjonali.

62.      Madankollu, għall-istess raġunijiet bħal dawk tal-ewwel argument ta’ dan l-aggravju, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat b’mod inekwivoku li l-BĊE japplika wkoll id-dritt nazzjonali rilevanti. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkonstatat li l-obbligi skont l-Artikolu 34(2) u (3) tal-FM-GwG jittrasponu d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2005/60, u għalhekk ksur ta’ dawn l-obbligi jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt 2 tal-Artikolu 31(3) tal-FM-GwG, li konsegwentement kien jipprevedi l-irtirar ta’ liċenzja lil istituzzjoni ta’ kreditu (39). Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkonstatat li l-BĊE, li għandu s-setgħa esklużiva sabiex jirtira awtorizzazzjoni skont ir-Regolament MSU, seta’ jibbaża dik id-deċiżjoni fuq ksur tad-dritt nazzjonali (40).

63.      L-argument ibbażat fuq l-illegalità tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament MSU ma ġiex diskuss quddiem il-Qorti Ġenerali u għalhekk għandu jitqies bħala ġdid fl-istadju tal-appell, u dan jirrendih inammissibbli (41).

64.      Finalment, l-appellanti ssostni li l-BĊE huwa kompetenti biss sabiex jeżerċita superviżjoni prudenzjali fuq l-attivitajiet ta’ depożitu u ta’ kreditu.

65.      Dan l-argument ġie ppreżentat biss fl-istadju tal-appell, u għalhekk huwa inammissibbli.

66.      Fi kwalunkwe każ, peress li, kif spjegajt fir-rigward tal-ewwel argument ta’ dan l-aggravju, il-BĊE għandu l-kompetenza esklużiva sabiex jirtira l-awtorizzazzjoni bankarja, mingħajr l-ebda delimitazzjoni tal-attivitajiet inklużi f’tali awtorizzazzjoni, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

67.      Bħala konklużjoni, sa fejn huwa ammissibbli, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

2.      L-ewwel aggravju: fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali

68.      L-appellanti ssostni, fil-kuntest tal-ewwel aggravju tagħha, li l-Qorti Ġenerali marret lil hinn mill-kompetenza tagħha u kisret l-Artikolu 263 TFUE, peress li hija ttrattat kwistjonijiet dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt Awstrijak fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. Sussidjarjament, l-appellanti ssostni li din l-interpretazzjoni u din l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali kienu żbaljati. Fl-aħħar nett, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li d-dritt nazzjonali għandu jiġi ttrattat bħala kwistjoni ta’ fatt, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat is-sens tiegħu.

69.      Nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra dawn l-argumenti bħala infondati. Speċifikament, kif elaborat fit-taqsima preċedenti, l-Artikolu 4(3) tar-Regolament MSU qiegħed id-dritt nazzjonali fil-qafas ġuridiku rilevanti tiegħu.

70.      Il-BĊE huwa għalhekk obbligat li jieħu deċiżjonijiet ibbażati wkoll fuq id-dritt nazzjonali.

71.      Kif ikkonfermat fis-sentenza Berlusconi, huma l-qrati tal-Unjoni li għandhom jistħarrġu l-legalità tal-atti tal-Unjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 263 TFUE (42). B’dan il-mod, kif ġie ssuġġerit fil-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet, huma għandhom japplikaw id-dritt nazzjonali bħala dritt. Peress li l-BWG, li tirrigwarda l-irtirar ta’ awtorizzazzjoni, tirreferi għall-FM-GwG, li tirrigwarda l-ħasil tal-flus, din tal-aħħar tagħmel parti mid-dritt nazzjonali li l-Qorti Ġenerali tapplika waqt l-istħarriġ tad-deċiżjoni ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni meħuda mill-BĊE.

72.      Barra minn hekk, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta applikat il-prinċipji tad-dritt amministrattiv tal-Unjoni, b’analoġija, għan-natura definittiva tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali (f’dan il-każ, il-FMA) dwar il-ksur tal-punt 2 tal-Artikolu 31(3), u l-Artikolu 34(2) u (3) tal-FM-GwG (43).

73.      L-appellanti hija korretta li fl-evalwazzjoni tan-natura definittiva ta’ att amministrattiv nazzjonali, il-Qorti Ġenerali għandha tieħu inkunsiderazzjoni prinċipji Awstrijaki tad-dritt amministrattiv. Madankollu, l-appellanti ma tippreċiżax kif il-prinċipji applikati mill-Qorti Ġenerali huma differenti mir-regoli amministrattivi Awstrijaki. Għalhekk nipproponi li jiġi miċħud l-argument li l-Qorti Ġenerali waslet għal deċiżjoni materjalment żbaljata (44).

74.      Finalment, l-appellanti ssostni li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali huwa kontradittorju, għaliex, minn naħa, hija tikkunsidra li d-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-irtirar ta’ liċenzja taqa’ taħt il-korpi amministrattivi nazzjonali u, min-naħa l-oħra, li hija stess teżerċita stħarriġ ġudizzjarju fuq tali deċiżjonijiet.

75.      Fil-fehma tiegħi, ma hemm xejn kontradittorju f’din il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali. Id-dritt tal-Unjoni (ir-Regolament MSU) jirrikjedi li l-Istati Membri jiddeterminaw il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-awtorizzazzjoni lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Madankollu, ladarba dawn il-kundizzjonijiet jiġu ddeterminati, dawn għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-istituzzjoni li tagħti (jew tirtira) tali awtorizzazzjoni, jiġifieri l-BĊE. Peress li l-qrati tal-Unjoni jeżerċitaw il-ġurisdizzjoni tagħhom fuq id-deċiżjoni tal-BĊE, l-unika konsegwenza possibbli hija li huma għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet imposti mid-dritt nazzjonali.

76.      Bħala konklużjoni, sa fejn huwa ammissibbli, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

3.      It-tielet aggravju: l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali

77.      Permezz tat-tielet aggravju tagħha, maqsum f’disa’ partijiet, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-punt 2 tal-Artikolu 31(3) tal-FM-GwG, l-Artikolu 67(1) tad-Direttiva 2013/36, kif ukoll deċiżjonijiet amministrattivi u ġudizzjarji nazzjonali.

a)      L-ewwel parti: il-punt 2 tal-Artikolu 31(3) tal-FM-GwG

78.      Fl-ewwel parti, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali interpretat u applikat b’mod żbaljat il-punt 2 tal-Artikolu 31(3) tal-FM-GwG, peress li kkonstatat, fil-punt 44 tas-sentenza appellata, li ma kienx neċessarju li tistenna li d-deċiżjonijiet nazzjonali rilevanti jsiru definittivi qabel ma tikkonstata li l-kundizzjonijiet għall-irtirar ta’ awtorizzazzjoni kienu ssodisfatti. Barra minn hekk, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali tat interpretazzjoni “radikali” tad-dritt Awstrijak peress li ma sabitx problemi b’żewġ deċiżjonijiet separati li jittrattaw l-istess ksur: waħda (nazzjonali) li kkonstatatu, u l-oħra (tal-BĊE) li ssanzjonatu, billi rtirat l-awtorizzazzjoni.

79.      Barra minn hekk, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 61 tas-sentenza appellata, wettqet żball meta interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 70(4) tal-BWG, li ġie magħmul applikabbli espressament mill-punt 2 tal-Artikolu 31(3) tal-FM-GwG.

80.      F’dak li jirrigwarda l-ewwel argument, ma huwiex għalkollox ċar li l-Qorti Ġenerali fil-fatt wettqet il-konstatazzjoni li ġiet imputata lilha mill-appellanti. Il-Qorti Ġenerali kienet qiegħda twieġeb argument li skontu d-determinazzjoni ta’ ksur serju tista’ tiġi stabbilita biss skont id-dritt kriminali amministrattiv jew id-dritt kriminali u għandu jiġi ddeterminat fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja permezz ta’ deċiżjoni li għandha l-awtorità ta’ res judicata (45).

81.      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali wieġbet li f’sitwazzjoni fejn id-dritt nazzjonali jagħti ġurisdizzjoni lil awtorità amministrattiva sabiex tiddetermina u tissanzjona ksur tad-dispożizzjonijiet rilevanti (l-Artikolu 34(2) tal-FM-GwG), il-ħtieġa ta’ res judicata tagħmel l-applikazzjoni ta’ tali sanzjoni dipendenti fuq jekk l-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata tappellax id-deċiżjoni ta’ din l-awtorità jew le.

82.      Għalhekk jidhirli li l-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx, kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti, li deċiżjoni ta’ awtorità amministrattiva li tikkonstata ksur tad-dispożizzjonijiet rilevanti ma għandhiex tkun saret definittiva. Dik il-qorti sempliċement indikat li, fl-assenza ta’ appell, tali deċiżjoni ssir definittiva.

83.      Fir-rigward tal-argument tal-appellanti dwar l-interpretazzjoni “radikali” tad-dritt nazzjonali, li skontu l-konstatazzjoni ta’ ksur u l-impożizzjoni ta’ sanzjoni ma jistgħux isiru f’żewġ deċiżjonijiet differenti, jidhirli li dan l-argument ma jistax jintlaqa’, peress li s-setgħa esklużiva ta’ rtirar ta’ awtorizzazzjoni taqa’, skont l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament MSU, taħt il-BĊE.

84.      Ċertament, jista’ jkun minnu li tali tqassim ta’ setgħat ibiddel il-mod li bih id-dritt amministrattiv kien jaħdem fl-Istati Membri qabel il-ħolqien tal-Unjoni Bankarja. Madankollu, dan ma jistax jiġi kkunsidrat bħala interpretazzjoni żbaljata tad-dritt nazzjonali.

85.      Finalment, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball, fil-punt 61 tas-sentenza appellata, peress li interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 70(4) tal-BWG. Skont l-appellanti, din id-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, li tapplika espressament skont il-punt 2 tal-Artikolu 31(3) tal-FM-GwG, teħtieġ l-impożizzjoni progressiva ta’ sanzjonijiet skont tliet livelli suċċessivi ta’ sanzjonijiet.

86.      Madankollu, ma jidhirlix li l-Qorti Ġenerali wettqet tali interpretazzjoni fil-punt 61 tas-sentenza appellata. Hemm hija kkonstatat li ksur, anki jekk ikkorreġut fil-frattemp, jiġġustifika l-irtirar tal-awtorizzazzjoni minħabba l-għan ta’ salvagwardja tas-sistema bankarja Ewropea.

87.      Hawnhekk il-punti 79 sa 92 tas-sentenza appellata huma rilevanti wkoll: f’dawn il-punti l-Qorti Ġenerali, fil-fehma tiegħi, ġustament, iddeċidiet li l-BĊE ġustament applika l-irtirar tal-awtorizzazzjoni bħala sanzjoni bbażata fuq ksur sistematiku, serju u kontinwu.

88.      Kif sostnut fil-punt 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Qorti Ġenerali għandha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-ġurisprudenza nazzjonali rilevanti li tinterpreta d-dritt nazzjonali (46). F’dan ir-rigward, l-appellanti invokat quddiem il-Qorti Ġenerali deċiżjoni tal-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstrija) (47) li permezz tagħha dik il-qorti ddeċidiet li l-ksur la kien serju u lanqas sistematiku.

89.      Il-Qorti Ġenerali ma indirizzatx dan l-argument fis-sentenza appellata, u minflok iffokat fuq ir-raġunijiet ipprovduti mill-BĊE, fuq il-bażi tal-konstatazzjonijiet tal-FMA li ġew sottomessi lilha. Il-Qorti Ġenerali għamlet ukoll kontroreferenzi għal-lista ta’ deċiżjonijiet li jikkostitwixxu l-bażi tar-rakkomandazzjoni tal-FMA u d-deċiżjoni tal-BĊE li jirtira awtorizzazzjoni, li fosthom kien hemm is-sentenza msemmija mill-appellanti (48).

90.      Anki jekk nista’ naqbel li l-Qorti Ġenerali setgħet tispjega b’mod iktar ċar l-influwenza ta’ dik is-sentenza fuq il-konstatazzjoni tagħha, huwa madankollu ċar li l-Qorti Ġenerali inkludiet is-sentenza tal-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) fl-evalwazzjoni tagħha u kkonstatat li din ma tnaqqasx il-konstatazzjoni tal-FMA u tal-BĊE li l-ksur imwettaq minn AAB Bank kien sistemiku, serju u kontinwu.

91.      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kkonstatat ukoll li l-importanza tar-regoli prudenzjali intiżi għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, ir-responsabbiltà partikolari tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu f’dan ir-rigward, kif ukoll in-neċessità li jaġixxu malajr kemm jista’ jkun b’reazzjoni għal ksur ta’ dawn ir-regoli jiġġustifikaw l-irtirar tal-awtorizzazzjoni (49).

92.      Għalhekk nikkonkludi li l-ewwel parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda.

b)      It-tieni parti: id-deċiżjonijiet nazzjonali

93.      L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkonstatat li huwa neċessarju li deċiżjoni nazzjonali tistabbilixxi ksur u li din tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju. L-appellanti ma tirreferi għal ebda punt tas-sentenza appellata fejn il-Qorti Ġenerali għamlet tali konstatazzjoni.

94.      Barra minn hekk, ma huwiex ċar liema żball huwa attribwit lill-Qorti Ġenerali, u għal din ir-raġuni nikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi li dan l-argument huwa inammissibbli.

95.      L-appellanti sussegwentement tanalizza d-dokumenti elenkati fil-punt 26 tas-sentenza appellata, wieħed wieħed, billi ssostni li l-Qorti Ġenerali attribwitilhom, fl-imsemmi punt, is-saħħa legali żbaljata.

96.      Madankollu, il-punt 26 tas-sentenza appellata sempliċement jirreferi għad-diversi dokumenti li l-FMA u l-BĊE semmew fid-deċiżjoni ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni. L-appellanti ma tispeċifikax l-iżball imwettaq mill-Qorti Ġenerali fl-istabbiliment ta’ din il-lista.

97.      Għalhekk inqis li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċħad din il-parti tat-tielet aggravju.

c)      It-tielet parti: il-prinċipji ta’ dritt amministrattiv

98.      L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 46 u 47 tas-sentenza appellata, żbaljat meta applikat b’analoġija l-prinċipji tad-dritt amministrattiv tal-Unjoni għal sitwazzjoni rregolata mid-dritt Awstrijak.

99.      Il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li “l-ħtija ta’ persuna akkużata minn ksur tista’ titqies bħala definittivament stabbilita meta d-deċiżjoni li tikkonstata dan il-ksur tkun saret definittiva” (50).

100. Madankollu, l-appellanti ma tispjegax kif dan il-prinċipju jikkontradixxi d-dritt Awstrijak rilevanti. Fi kliem ieħor, hija ma spjegatx dak li d-dritt Awstrijak kien jippreskrivi min-naħa tiegħu. Għall-kuntrarju, u l-istess bħall-argument imressaq mill-BĊE, il-prinċipju invokat mill-Qorti Ġenerali jsegwi loġika ġuridika ġenerali li skontha konstatazzjoni ssir definittiva meta d-deċiżjoni li fiha tkun saret din il-konstatazzjoni ssir definittiva hija stess.

101. Għalhekk inqis li din il-parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda.

d)      Ir-raba’ parti: l-effetti ta’ deċiżjonijiet amministrattivi nazzjonali

102. L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball, fil-punti 149 u 150 tas-sentenza appellata, meta attribwixxiet, bi ksur tad-dritt nazzjonali, diversi konsegwenzi lil deċiżjonijiet amministrattivi nazzjonali (51).

103. Fil-fehma tiegħi, dan l-argument jiżnatura r-raġunament li fuqu huma bbażati l-punti invokati tas-sentenza appellata, li fihom il-Qorti Ġenerali sempliċement ċaħdet ir-rapport ta’ awditu intern ta’ AAB Bank bħala prova suffiċjenti tal-assenza ta’ ksur serju, kif stabbilit fid-deċiżjonijiet amministrattivi rilevanti fil-livell nazzjonali.

104. Għalhekk jiena tal-fehma li din il-parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda.

e)      Il-ħames parti: il-qasba ma ċċaqċaqx għalxejn

105. L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali aġixxiet fuq il-prinċipju li “il-qasba ma ċċaqċaqx għalxejn” billi ttrattat b’mod superfiċjali ċertu numru ta’ dokumenti li jirrigwardaw b’mod ġenerali l-leġiżlazzjoni dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus.

106. Għandu jiġi kkonstatat li l-appellanti ma tirreferi għal ebda parti tas-sentenza appellata speċifikament, u b’hekk tirrendi inammissibbli din il-parti tat-tielet aggravju, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tifformula l-argumenti tal-appell għall-appellanti.

107. Madankollu, għandu jingħad ukoll li l-Qorti Ġenerali stħarrġet speċifikament il-konstatazzjonijiet ta’ ksur individwali li wasslu lill-FMA, u sussegwentement lill-BĊE, sabiex jikkonstataw l-eżistenza ta’ ksur serju, sistemiku u kontinwu tal-Artikolu 34(2) u (3) tal-FM-GwG, li jiġġustifika l-irtirar ta’ awtorizzazzjoni (52).

108. Għalhekk, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad din il-parti tat-tielet aggravju.

f)      Is-sitt parti: evalwazzjoni globali

109. L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx evalwazzjoni globali tad-deċiżjonijiet nazzjonali rilevanti, billi ċċitat tliet deċiżjonijiet tal-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali).

110. Għandu jingħad li dan l-argument ma sarx quddiem il-Qorti Ġenerali u għalhekk huwa ġdid fl-istadju tal-appell. Kif diġà ssemma iktar ’il fuq, tali argumenti huma inammissibbli (53).

111.  Sa fejn l-appellanti tirreferi għall-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li, fil-fehma tagħha, ittrattat kwistjonijiet “speċifiċi wisq u skaduti”, ma jidhirx b’mod ċar għal liema partijiet tas-sentenza appellata jirreferi dan l-argument u liema huwa preċiżament l-iżball ta’ liġi allegat fil-konfront tal-Qorti Ġenerali. Fi kwalunkwe każ, jidhirli li l-appellanti qiegħda titlob mill-Qorti tal-Ġustizzja evalwazzjoni tal-fatti fl-istadju tal-appell.

112. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tistabbilixxi l-fatti jew teżamina l-provi, ħlief fil-każ fejn l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti u li tali żnaturament jirriżulta b’mod manifest mill-atti tal-proċess (54).

113. Barra minn hekk, il-parti li tinvoka żnaturament għandha tindika b’mod preċiż il-provi li allegatament ġew żnaturati mill-Qorti Ġenerali u turi l-iżbalji fl-analiżi li, fil-fehma ta’ din il-parti, wasslu għal tali żnaturament (55).

114. L-appellanti sempliċement tikklassifika l-fatti diġà evalwati mill-Qorti Ġenerali, mingħajr ma turi li din tal-aħħar żnaturat il-provi.

115. Konsegwentement, inqis li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi li s-sitt parti tat-tielet aggravju hija inammissibbli fl-intier tagħha.

g)      Is-seba’ parti: l-Artikolu 67(1)(o) tad-Direttiva 2013/36

116. Permezz tas-seba’ parti tat-tielet aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkonkludiet li kien hemm ksur serju, kif meħtieġ mill-Artikolu 67(1)(o) tad-Direttiva 2013/36. Barra minn hekk, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat is-sentenza li fuqha hija bbażat ruħha (56), fir-rigward tal-irtirar tal-liċenzja lill-operaturi tal-logħob tal-azzard. Finalment, l-appellanti ssostni li ma hemm ebda raġuni sabiex id-dritt Awstrijak jiġi interpretat fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni iktar milli fid-dawl tad-dritt Awstrijak innifsu.

117. Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq ksur serju, l-appellanti qiegħda tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa mill-ġdid il-fatti, ħaġa li ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni tagħha. Kif ġie spjegat fil-punti 112 sa 114 iktar ’il fuq, sakemm l-appellant ma jinvokax żnaturament tal-fatti, li ma huwiex il-każ fil-kawża ineżami, l-argumenti li jirrigwardaw il-fatti għandhom jitqiesu bħala inammissibbli.

118. Fir-rigward tal-interpretazzjoni tas-sentenza invokata mill-Qorti Ġenerali fil-punt 49 tas-sentenza appellata, l-appellanti ma tispjegax x’inhu l-iżball jew l-interpretazzjoni korretta li l-Qorti Ġenerali kellha tapplika. Għaldaqstant, dan l-argument għandu wkoll jiġi miċħud bħala infondat u għalhekk inammissibbli.

119. Finalment, l-appellanti ma tispjegax f’liema parti partikolari tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali interpretat id-dritt Awstrijak biss b’riferiment għad-dritt tal-Unjoni, fejn allegatament kellha tagħmel dan esklużivament fir-rigward tad-dritt Awstrijak. Fl-assenza ta’ spjegazzjoni iktar preċiża, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss, b’mod ġenerali, tispjega li l-Qorti Ġenerali għandha tapplika r-regoli nazzjonali applikabbli fil-kuntest tal-MSU fid-dawl kemm tad-dritt Awstrijak kif ukoll tad-dritt tal-Unjoni, bl-istess mod kif tagħmel il-qorti nazzjonali fl-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali.

120. Għaldaqstant nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara s-seba’ parti tat-tielet aggravju inammissibbli.

h)      It-tmien parti: l-Artikolu 70(4) tal-BWG

121. L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali evalwat b’mod insuffiċjenti r-rekwiżiti tal-Artikolu 70(4) tal-BWG, li skonthom is-sanzjonijiet għandhom jinħarġu fi tliet stadji sussegwenti, ilkoll ibbażati fuq ksur individwali separat. Il-Qorti Ġenerali, fil-punt 158 tas-sentenza appellata, aċċettat b’mod żbaljat li d-diversi miżuri li ħadet il-FMA fil-passat huma suffiċjenti, għaliex huwa neċessarju li ksur jippersisti fid-data meta ttieħdet id-deċiżjoni, u b’hekk dik il-qorti wettqet żball ta’ liġi fil-punti 61 u 62 tas-sentenza appellata. L-appellanti ssostni wkoll li l-Qorti Ġenerali żnaturat id-dritt Awstrijak bil-politika ġudizzjarja tagħha stess, u b’hekk qajmet tħassib dwar l-Istat tad-dritt. Finalment, l-appellanti ssostni wkoll li l-Artikolu 127(6) TFUE, bħala l-bażi legali tar-Regolament MSU, ma tax lill-Kunsill is-setgħa li jemenda d-dritt nazzjonali fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-irtirar ta’ awtorizzazzjoni.

122. Fir-rigward tal-ewwel argument, għandu jiġi ddikjarat li l-appellanti tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa mill-ġdid il-konstatazzjonijiet fattwali tal-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari l-valur li hija attribwixxiet lill-miżuri meħuda minn AAB Bank sabiex tikkorreġi l-ksur u d-diversi deċiżjonijiet ta’ superviżjoni maħruġa mill-FMA.

123. Kif ġie spjegat fil-punti 112 sa 114 iktar ’il fuq, sakemm l-appellanti ma tinvokax żnaturament tal-fatti, li ma huwiex il-każ hawnhekk, l-argumenti li jirrigwardaw il-fatti għandhom jitqiesu bħala inammissibbli.

124. Fir-rigward tal-argumenti l-oħra, l-appellanti la tirreferi għall-partijiet speċifiċi tas-sentenza appellata u lanqas ma tipprovdi dettalji fir-rigward tal-allegat żball tal-Qorti Ġenerali, lil hinn minn riferiment ġenerali għall-politika ġudizzjarja u għall-Istat tad-dritt. Tali argumenti huma, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (57), inammissibbli.

125. Għaldaqstant nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara t-tmien parti tat-tielet aggravju inammissibbli.

i)      Id-disa’ parti: ir-relazzjoni bejn il-punt 2 tal-Artikolu 31(3) tal-FM-GwG u l-Artikolu 70(4) tal-BWG

126. L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball, fil-punti 105 et seq. tas-sentenza appellata, fl-interpretazzjoni tagħha tar-relazzjoni bejn il-punt 2 tal-Artikolu 31(3) tal-FM-GwG u l-Artikolu 70(4) tal-BWG. B’mod partikolari, l-appellanti ssostni li l-BĊE bbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq l-Artikolu 70(4) tal-BWG, filwaqt li s-setgħa sabiex jiġu ssanzjonati attivitajiet kuntrarji għar-regoli dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu hija rregolata biss mill-FM-GwG, li l-Artikolu 70(4) tal-BWG ma jagħmilx riferiment għaliha. AAB Bank għalhekk issostni li l-BĊE uża l-bażi legali żbaljata għad-deċiżjoni tiegħu li jirtira l-awtorizzazzjoni.

127. Il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 103 tas-sentenza appellata, li l-BĊE rrefera għall-Artikolu 70(4) tal-BWG, li jippreskrivi s-setgħa ta’ rtirar ta’ awtorizzazzjoni meta jiġu miksura d-dispożizzjonijiet ta’ dik il-liġi rigward il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. Dik il-qorti rrilevat ukoll, fil-punt 104 tas-sentenza appellata, li l-BĊE kien irrefera wkoll għall-fatt li AAB Bank kisret diversi dispożizzjonijiet tal-FM-GwG. Finalment, fil-punt 109 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li AAB Bank ma kinitx sostniet li l-evalwazzjoni tal-BĊE kienet tkun differenti li kieku ntużat bażi legali differenti.

128. Fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet, fil-punti 105 sa 107 tas-sentenza appellata, li l-Artikolu 39(2) u (2b) tal-BWG ukoll jirreferi għar-riskju ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu, u li kemm il-FM-GwG u l-BWG jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit tali ksur, bir-riżultat tal-irtirar ta’ awtorizzazzjoni.

129. Barra minn hekk, inqis li l-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet li bażi legali żbaljata, sa fejn din għandha biss portata formali, ma tistax twassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata (58).

130. Il-Qorti Ġenerali tirreferi għas-sentenza preċedenti tagħha stess, li sussegwentement bdiet tirreferi għaliha bħala ġurisprudenza stabbilita (59).

131. L-approċċ tal-Qorti Ġenerali jista’ jinstab ukoll, iktar minn tliet deċennji ilu, fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mischo fil-kawża Gestetner Holdings (60), li sostna li l-għażla tal-bażi legali żbaljata ma kinitx twassal (neċessarjament) għal riżultat differenti minn dak li kien ikun il-każ kieku ntgħażlet il-bażi legali korretta (61).

132. Nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja ssegwi l-loġika kemm tal-Qorti Ġenerali kif ukoll tal-Avukat Ġenerali Mischo billi tikkonkludi li l-għażla ta’ bażi legali “żbaljata” ta’ deċiżjoni individwali għandha tkun determinanti għall-validità tagħha biss fil-każ fejn il-bażi legali “korretta” kienet twassal għal riżultat differenti fid-deċiżjoni nnifisha.

133. F’dan ir-rigward, inqis li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball meta ddeċidiet li bażi legali differenti ma kinitx taffettwa l-evalwazzjoni tal-BĊE u s-setgħa tiegħu li jirtira l-awtorizzazzjoni ta’ AAB Bank.

134. Bħala konklużjoni, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad id-disa’ parti tat-tielet aggravju bħala infondata.

4.      Ir-raba’ aggravju: l-Artikolu 67(1) tad-Direttiva 2013/36

135. Permezz tar-raba’ aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 132 sa 144 tas-sentenza appellata, wettqet żball billi ddeċidiet, l-ewwel, li ksur imwettaq tliet jew ħames snin ilu u kkoreġut fil-frattemp kien suffiċjenti sabiex tiġi rtirata awtorizzazzjoni; it-tieni, billi ddeċidiet li l-irtirar ta’ awtorizzazzjoni ma jirrikjedix li l-ksur ikun ta’ natura serja sabiex tiġi rtirata awtorizzazzjoni; it-tielet, billi ddeċidiet, għall-kuntrarju tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Berlusconi, li deċiżjoni nazzjonali li stabbilixxiet ksur ta’ governanza interna hija definittiva u kellha tiġi kkontestata fil-livell nazzjonali; ir-raba’, peress li hija evalwat b’mod żbaljat id-dokumenti elenkati fil-punt 122 tas-sentenza appellata.

136. Fir-rigward tal-ewwel argument, inqis li, billi invokatu, l-appellanti qiegħda tfittex li l-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa mill-ġdid il-konstatazzjonijiet fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-valur li hija attribwixxiet għall-ksur ikkonstatat mill-FMA u mill-BĊE (62).

137. Kif ġie spjegat fil-punti 112 sa 114 iktar ’il fuq, sakemm l-appellant ma jinvokax żnaturament tal-fatti, li ma huwiex il-każ hawnhekk, l-argumenti li jirrigwardaw il-fatti għandhom jitqiesu bħala inammissibbli.

138. Kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha ma taqbilx ma’ tali evalwazzjoni, inqis li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball, fil-punt 134 tas-sentenza appellata, meta ddeċidiet li l-Artikolu 67(1)(d) tad-Direttiva 2013/36 ma jipprekludix l-irtirar ta’ awtorizzazzjoni fuq il-bażi ta’ ksur passat jew mitigat.

139. Il-Qorti Ġenerali ddikjarat ukoll, fil-punt 135 tas-sentenza appellata, li deċiżjoni differenti tkun tfisser li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom jieħdu deċiżjonijiet ġodda sabiex juru li l-istituzzjoni ta’ kreditu fil-fatt kisret ir-rekwiżiti ta’ governanza intiżi li jippreżervaw is-sistema bankarja Ewropea.

140. Ma narax żball fir-raġunament tal-Qorti Ġenerali. Minbarra li ma huwiex meħtieġ li l-ksur tal-arranġamenti ta’ governanza jkun sistemiku jew serju, għandu jiġi enfasizzat li l-BĊE rtira l-awtorizzazzjoni mhux biss fuq il-bażi ta’ ksur repetut tal-Artikolu 67(1)(d) tad-Direttiva 2013/36, iżda anki tal-Artikolu 67(1)(o) ta’ din id-direttiva.

141. Għaldaqstant nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad dan l-argument bħala infondat.

142. Fir-rigward tat-tieni argument, inqis li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 138 tas-sentenza appellata, ġustament iddeċidiet li l-Artikolu 67(1)(d) tad-Direttiva 2013/36 ma jeħtieġx li ksur ta’ arranġamenti ta’ governanza għandu jkun serju, flagranti jew sistemiku sabiex jiġġustifika l-irtirar ta’ awtorizzazzjoni. Din id-dispożizzjoni, b’differenza mill-Artikolu 67(1)(o) tad-Direttiva 2013/36, ma teħtieġx li l-ksur ikun serju. Għalhekk dan l-argument għandu jiġi miċħud.

143. It-tielet argument tal-appellanti jimputa żball lill-Qorti Ġenerali, fil-punti 142 sa 145 tas-sentenza appellata, meta ddeċidiet li d-deċiżjonijiet tal-FMA dwar il-ksur tal-arranġamenti ta’ governanza kellhom ikunu appellati fuq livell nazzjonali, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza Berlusconi li l-qrati nazzjonali huma preklużi milli jistħarrġu l-atti preparatorji li fir-rigward tagħhom il-BĊE għandu s-setgħa deċiżjonali finali.

144. Fis-sentenza Berlusconi, il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt iddeċidiet li l-qrati nazzjonali huma preklużi, skont l-Artikolu 263 TFUE, milli jistħarrġu l-atti preparatorji tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti meta jaġixxu skont l-Artikoli 22 u 23 tad-Direttiva 2013/36, l-Artikolu 4(1)(c) u l-Artikolu 15 tar-Regolament MSU, u l-Artikoli 85 sa 87 tar-Regolament Qafas MSU (63).

145. Madankollu, id-deċiżjoni tal-FMA, kif il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet fil-punti 145 u 146 tas-sentenza appellata, dwar l-assenza ta’ implimentazzjoni minn AAB Bank tal-arranġament ta’ governanza meħtieġ, hija deċiżjoni definittiva. Għalhekk, il-konstatazzjonijiet mis-sentenza Berlusconi ma japplikawx.

146. Finalment, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali evalwat b’mod żbaljat id-dokumenti elenkati fil-punt 122 tas-sentenza appellata, mingħajr ma analizzat it-tliet stadji tal-konsegwenzi previsti fl-Artikolu 70(4) tal-BWG.

147. Madankollu, kif sostna wkoll il-BĊE, l-ammont ta’ ksur repetut f’dan ir-rigward kien preċiżament jeħtieġ l-irtirar ta’ awtorizzazzjoni bħala l-konsegwenza, peress li ma kien hemm l-ebda miżura inqas restrittiva li tindirizza bl-istess mod l-għadd kbir ta’ ksur repetut tar-regoli dwar l-arranġamenti ta’ governanza.

148. Bħala konklużjoni, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-raba’ aggravju fl-intier tiegħu.

5.      Il-ħames aggravju: il-prinċipju ta’ proporzjonalità u d-dritt nazzjonali

149. Permezz tal-ħames aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità u ma eżaminatx l-Artikolu 70(4) tal-BWG.

150. Għandu jiġi rrilevat li dawn l-argumenti diġà tqajmu fil-kuntest tat-tmien parti tat-tielet aggravju u għalhekk nirreferi għall-analiżi li saret hemm (64).

151. Barra minn hekk, l-appellanti ssostni li, billi rtira l-awtorizzazzjoni, il-BĊE finalment għamel il-FM-GwG inapplikabbli, filwaqt li din tibqa’ vinkolanti għall-appellanti li kieku hija wettqet stralċ volontarju. Huwa diffiċli li jiġi ddeterminat liema żball huwa attribwit lill-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ dan l-argument u, skont il-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq, għandu jiġi ddikjarat inammissibbli (65).

152. Bħala konklużjoni, sa fejn huwa ammissibbli, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad il-ħames aggravju.

6.      Is-sitt aggravju: id-drittijiet tad-difiża

153. Permezz tas-sitt aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 227 et seq. tas-sentenza appellata, kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha, f’dak li jirrigwarda l-aċċess għall-atti tal-proċess u l-eżami tal-obbligu tal-BĊE li jiddetermina ċ-ċirkustanzi rilevanti.

154. L-ewwel, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 245 sa 248 tas-sentenza appellata, li l-BĊE ma kienx obbligat jiżvela lil AAB Bank il-parti kunfidenzjali tal-atti tal-proċess.

155. Il-Qorti Ġenerali ġġustifikat dan b’riferiment għall-Artikolu 32(1) u (5) tar-Regolament Qafas tal-MSU, li skontu l-informazzjoni kunfidenzjali, bħall-korrispondenza bejn il-BĊE u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, ma hijiex koperta mid-dritt ta’ aċċess għall-atti tal-proċess (66). Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, peress li AAB Bank kienet id-destinatarja tad-deċiżjonijiet tal-FMA jew parti fi proċedura ġudizzjarja nazzjonali, hija kienet suffiċjentement informata bil-kontenut ta’ dawn id-deċiżjonijiet, li jikkostitwixxu l-bażi tal-irtirar tal-awtorizzazzjoni (67).

156. It-tieni, fir-rigward tad-determinazzjoni taċ-ċirkustanzi rilevanti mill-BĊE, għandu jingħad li l-Qorti Ġenerali analizzat dan l-obbligu b’mod iddettaljat fil-punti 251 sa 273 tas-sentenza appellata, li ma humiex ikkontestati mill-appellanti.

157. Għalhekk nikkonkludi li s-sitt aggravju għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

7.      Is-seba’ aggravju: irregolaritajiet proċedurali

158. Permezz tas-seba’ aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji proċedurali li jippreġudikaw l-interessi tagħha.

159. L-ewwel, l-appellanti ssostni li hija kellu jkollha l-opportunità li tesprimi l-pożizzjoni tagħha dwar l-approċċ adottat mill-Qorti Ġenerali li l-motivazzjoni mogħtija fid-deċiżjonijiet amministrattivi u ġudizzjarji nazzjonali għandha effett vinkolanti wkoll f’dak li jirrigwarda l-irtirar tal-awtorizzazzjoni.

160. Madankollu, l-appellanti la tidentifika l-punti rilevanti tas-sentenza appellata u lanqas l-iżbalji allegatament imwettqa mill-Qorti Ġenerali.

161. Huwa diffiċli li jiġi ddeterminat liema żball huwa attribwit lill-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ dan l-argument u, skont il-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq, għandu jiġi ddikjarat inammissibbli (68).

162. It-tieni, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kellha tagħmel pubblika l-bidla tal-perspettiva tagħha fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fis‑27 ta’ April 2021, peress li hija allegatament ikkonstatat li kienu ġew imwettqa reati serji tal-obbligi fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus.

163. Madankollu, permezz tal-miżura ta’ organizzazzjoni tagħha tas‑27 ta’ April 2021, il-Qorti Ġenerali ma ħadet ebda pożizzjoni legali, iżda għamlet żewġ mistoqsijiet bil-miktub lill-BĊE. Għalhekk dan l-argument għandu jiġi miċħud.

164. It-tielet, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali adottat il-fehma, billi ċaħdet it-talba tagħha għal miżura ta’ organizzazzjoni tat‑8 ta’ April 2021, li l-kundizzjonijiet għall-irtirar ta’ awtorizzazzjoni ma humiex issodisfatti, minħabba l-assenza tar-reati serji meħtieġa.

165. Jidhirli li dan l-argument huwa inammissibbli, peress li ma jippreċiżax l-iżball allegatament imwettaq mill-Qorti Ġenerali (69).

166. Fl-aħħar nett, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, u b’mod partikolari b’paragun mas-sentenzi tal-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali).

167. Bħall-kuntest tal-argument preċedenti, l-appellanti la tirreferi għall-punti preċiżi tas-sentenza appellata u lanqas għall-iżbalji iktar speċifiċi imputati lill-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi ddikjarat inammissibbli.

168. Bħala konklużjoni, sa fejn huwa ammissibbli, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċħad is-seba’ aggravju.

VII. Konklużjoni

169. Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tiċħad l-appell;

–        tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal‑15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament MSU”).


3      It-tieni pilastru tal-Unjoni Bankarja huwa l-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni (iktar ’il quddiem is-“SRM”), sistema ta’ riżoluzzjoni effiċjenti u effettiva ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu mhux vijabbli. It-tielet pilastru tal-Unjoni Bankarja huwa l-Iskema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti (iktar ’il quddiem l-“EDIS”). Ara l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 806/2014 sabiex tiġi stabbilita Skema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti (COM(2015) 586 final).


4      Premessa 30 tar-Regolament MSU. Ara wkoll il-premessi 16, 17, 27, 65 u 87 tiegħu.


5      Sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Landeskreditbank Baden-Württemberg vs BĊE (C‑450/17 P, EU:C:2019:372, punti 38 sa 41).


6      Ara wkoll Bobić, A., The Individual in the Economic and Monetary Union. A Study of Legal Accountability,  Cambridge University Press, 2024, p. 140 sa 144.


7      Boucon, L. u Jaros, D., “The Application of National Law by the European Central Bank within the EU Banking Union’s Single Supervisory Mechanism: A New Mode of Integration?”, European Journal of Legal Studies, Vol. 10, 2018, p. 155; Coman-Kund, F. u Amtenbrink, F., “On the Scope and Limits of the Application of National Law by the European Central Bank within the Single Supervisory Mechanism”, Banking & Finance Law Review, Vol. 33, 2018, p. 133.


8      L-Att dwar il-Banek tat-Tfaddil, l-Att dwar il-Kumpanniji tal-Bini, l-Ordinanza Introduttorja għall-Att dwar il-Banek Ipotekarji u għall-Att dwar il-Bonds Ipotekarji, l-Att dwar il-Banek Ipotekarji, l-Att dwar il-Bonds Ipotekarji, l-Att dwar il-Bonds tal-Banek, l-Att tal‑2011 dwar il-Fondi tal-Investiment, l-Att dwar id-Depożitu, l-Att dwar l-E-Money, l-Att Federali dwar il-Persunal Korporattiv u l-Provvista ta’ Impjieg Indipedenti, l-Att dwar il-Fond ta’ Investiment fil-Proprjetà Immobbli, l-Att dwar il-Konglomerati Finanzjarji, l-Att Federali dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek, l-Att dwar il-Garanzija tad-Depożiti u l-Kumpens tal-Investituri, l-Att dwar il-Bonds Ipotekarji (BGBl. I Nru 199/2021), ordinanza jew avviż maħruġa fuq il-bażi ta’ dawn il-liġijiet federali, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2013, L 176, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 68, fil-ĠU 2013, L 321, p. 6, fil-ĠU 2017, L 20, p. 2 u fil-ĠU 2023, L 92, p. 29) jew avviż maħruġ fuq il-bażi ta’ dak ir-regolament, jew l-istandards tekniċi rilevanti għas-superviżjoni bankarja fit-tifsira tal-Artikoli 10 sa 15 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU 2010, L 331, p. 12), u l-Artikoli 10 sa 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU 2010, L 331, p. 84).


9      Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni ta’ l-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-money laundering u l-finanzjament tat-terroriżmu (ĠU 2005, L 309, p. 15, rettifika fil-ĠU 2006, L 114, p. 102). Din id-direttiva tħassret fil‑25 ta’ Ġunju 2017 u ġiet issostitwita bid-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU 2015, L 141, p. 73).


10      Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas‑16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma’ awtoritajiet nazzjonali nominati (Regolament Qafas tal-MSU) (ĠU 2014, L 141, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Qafas MSU”).


11      Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU 2013, L 176, p. 338, rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 73, fil-ĠU 2017, L 20, p. 1 u fil-ĠU 2020, L 203, p. 95).


12      Sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2019, BĊE et vs Trasta Komercbanka et (C‑663/17 P, C‑665/17 P u C‑669/17 P, EU:C:2019:923, punti 107 sa 115 u 119), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-azzjonisti ta’ istituzzjoni ta’ kreditu li l-awtorizzazzjoni tagħhom għall-eżerċizzju tal-attivitajiet ta’ istituzzjoni ta’ kreditu tkun ġiet irtirata ma humiex direttament ikkonċernati mid-deċiżjoni ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni.


13      Boucon u Jaros (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 iktar ’il fuq), f’p. 163.


14      Witte, A., “The Application of National Banking Supervision Law by the ECB: Three Parallel Modes of Executing EU Law?”, Maastricht Journal of European and Comparative Law, Vol. 21, 2014, p. 89.


15      Sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Landeskreditbank Baden-Württemberg vs BĊE (C‑450/17 P, EU:C:2019:372, punti 38 sa 41 u 49). Għal analiżi ta’ kif din il-konstatazzjoni ta’ tqassim tal-kompiti għandha taħdem fil-prattika, ara Annunziata, F., “European Banking Supervision in the Age of the ECB: Landeskreditbank Baden-Württemberg-Förderbank v ECB”, European Business Organization Law Review, Vol. 21, 2020, p. 555 sa 556.


16      Artikolu 6(4) tar-Regolament MSU. Skont din id-dispożizzjoni, id-deċiżjoni finali dwar in-natura sinjifikattiva ta’ istituzzjoni tappartjeni lill-BĊE.


17      Iddefiniti fl-Artikoli 14 u 15 tar-Regolament MSU u rriżervati għall-BĊE skont l-Artikolu 6(4) tiegħu. Barra minn hekk, irrispettivament mid-distinzjoni bejn in-natura sinjifikattiva/inqas sinjifikattiva tat-tqassim tal-kompiti, ċerti setgħat huma mogħtija lill-BĊE skont l-Artikolu 6(5) tar-Regolament MSU, bħal, pereżempju, il-ħruġ ta’ linji gwida, regolamenti, jew struzzjonijiet ġenerali lil awtoritajiet nazzjonali kompetenti sabiex tiġi żgurata l-konsistenza ta’ eżiti superviżorji.


18      Barra minn hekk, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament MSU jipprevedi: “Sal-limitu neċessarju għat-twettiq tal-kompiti konferiti fuqu b’dan ir-Regolament, il-BĊE jista’, permezz ta’ struzzjonijiet, jesiġi li dawk l-awtoritajiet nazzjonali jagħmlu użu mis-setgħat tagħhom, taħt u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fid-dritt nazzjonali, fejn dan ir-Regolament ma jikkonferix tali setgħat fuq il-BĊE. Dawk l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jinformaw b’mod sħiħ lill-BĊE dwar l-eżerċizzju ta’ dawn is-setgħat.”


19      Sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest (C‑219/17, EU:C:2018:1023, punti 42 sa 44). Dik is-sentenza kienet tikkonċerna t-tieni setgħa esklużiva tal-BĊE fi ħdan l-MSU, li jippermetti lill-BĊE jevalwa l-komunikazzjonijiet dwar l-akkwist u d-disponiment ta’ holdings kwalifikanti f’istituzzjonijiet ta’ kreditu.


20      Għal preżentazzjoni komprensiva tat-tnejn, ara Prek, M. u Lefèvre, S., “The EU Courts as ‘national’ courts: National law in the EU judicial process”, Common Market Law Review, Vol. 54, Ħarġa 2, 2017, p. 369.


21      Fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li d-dritt nazzjonali jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati nazzjonali. Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Magoora (C‑414/07, EU:C:2008:766, punt 32).


22      Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2023, Il‑Kummissjoni vs Amazon.com et (C‑457/21 P, EU:C:2023:985, punt 20).


23      Prek u Lefèvre (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 20 iktar ’il fuq), p. 383 sa 387.


24      Konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Medina fil-kawżi magħquda Il‑Ġermanja et vs Il‑Kummissjoni (C‑794/21 P u C‑800/21 P, EU:C:2023:854, punti 90 sa 92), u tal-Avukata Ġenerali Medina fil-kawżi magħquda WEPA Hygieneprodukte et vs Il‑Kummissjoni (C‑795/21 P u C‑796/21 P, EU:C:2023:855, punti 90 sa 92).


25      Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1).


26      L-Artikolu 7(1)(j) u (m) (dwar raġunijiet assoluti għal rifjut); l-Artikolu 8(6)(i) (dwar raġunijiet relattivi għal rifjut); l-Artikolu 17(1) (dwar l-applikazzjoni komplimentari tad-dritt nazzjonali fir-rigward ta’ ksur); l-Artikolu 27(4) (dwar l-effetti fil-konfront ta’ terzi persuni); l-Artikolu 34(2) (dwar id-dritt ta’ prijorità); l-Artikolu 46(1)(c) u (d) (dwar l-oppożizzjoni); l-Artikolu 60(2) (dwar raġunijiet relattivi ta’ invalidità); l-Artikolu 93 (dwar il-konverżjoni); l-Artikolu 106(1)(a) (dwar l-interruzzjoni tal-proċedimenti); l-Artikolu 110(3) (dwar l-infurzar ta’ deċiżjonijiet li jiffissaw l-ammont tal-ispejjeż); l-Artikolu 117(1) (dwar kooperazzjoni amministrattiva); l-Artikolu 128(3) (dwar il-kontrotalbiet); l-Artikolu 129(2) (dwar il-liġi applikabbli); u t-Taqsima 2 tal-Kapitolu XI (intitolata “Applikazzjoni tal-liġijiet nazzjonali bil-għan li jiġi pprojbit l-użu ta’ trademarks tal-UE”).


27      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi f’Evropaïki Dynamiki vs BĊE (C‑401/09 P, EU:C:2011:31, punti 64 u 70). Għal eżempji oħra, ara Prek, M. u Lefèvre (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna iktar ’il fuq 20, p. 381 u 382.


28      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi f’Evropaïki Dynamiki vs BĊE (C‑401/09 P, EU:C:2011:31, punt 71). Huwa sostna li dan jinkludi wkoll l-eżami tal-mod kif il-qrati nazzjonali jinterpretaw id-dritt nazzjonali inkwistjoni (punt 74).


29      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot f’UASI vs National Lottery Commission (C‑530/12 P, EU:C:2013:782, punt 89).


30      Bobić (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 iktar ’il fuq), f’p. 165 sa 166 u l-letteratura ċċitata.


31      Boucon u Jaros (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 iktar ’il fuq), p. 186.


32      Fil-konklużjonijiet tiegħu f’Evropaïki Dynamiki vs BĊE (C‑401/09 P, EU:C:2011:31, punt 74), l-Avukat Ġenerali Mengozzi sostna li, meta d-dritt nazzjonali jagħmel parti mill-qafas ġuridiku tal-Unjoni, il-qrati tal-Unjoni li japplikaw dan id-dritt għandhom jeżaminaw ukoll kif il-qrati nazzjonali jinterpretaw id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali inkwistjoni.


33      “F’dak li jirrigwarda l-eżami, fil-kuntest ta’ appell, tal-konstatazzjonijiet li l-Qorti Ġenerali għamlet fir-rigward tal-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti sabiex teżamina, l-ewwel nett, jekk il-Qorti Ġenerali, abbażi tad-dokumenti u tal-atti l-oħra li ġew ippreżentati quddiema, żnaturatx il-kliem tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni jew il-ġurisprudenza nazzjonali relatata magħhom jew inkella d-dutrina legali li titratthom, it-tieni nett, jekk il-Qorti Ġenerali għamlitx, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, konstatazzjonijiet li jmorru manifestament kontra l-kontenut tagħhom, u, fl-aħħar nett, jekk il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-eżami tal-elementi kollha, tatx lil wieħed minn dawn l-elementi, sabiex tikkonstata l-kontenut tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, portata li ma tixraqlux meta mqabbel mal-elementi l-oħra, sa fejn dan jirriżulta b’mod manifest mill-atti tal-proċess.” Sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI (C‑263/09 P, EU:C:2011:452, punt 53).


34      Il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement spjegat li l-konklużjoni tagħha f’Edwin vs UASI ma kinitx tfisser li l-liġi nazzjonali “għandha tiġi ttrattata bħala punt purament ta’ fatt”. Sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2014, UASI vs National Lottery Commission (C‑530/12 P, EU:C:2014:186, punt 37), enfasi miżjuda.


35      Sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2023, Versobank vs BĊE (C‑803/21 P, EU:C:2023:630, punt 91).


36      Ibid., punt 93.


37      Ibid., punt 97, b’riferiment għall-Artikolu 67(1)(d), (e) u (o) tad-Direttiva 2013/36.


38      Sentenza appellata, punti 29 sa 34.


39      Sentenza appellata, punti 35 sa 38.


40      Ibid, punt 50.


41      Skont l-Artikolu 170(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-suġġett tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali ma jistax jinbidel fl-appell. Ara wkoll is-sentenza tal‑1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il‑Kunsill (C‑266/05 P, EU:C:2007:75, punt 95).


42      Sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest (C‑219/17, EU:C:2018:1023, punt 44).


43      Sentenza appellata, punti 45 sa 47.


44      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2020, BĊE vs Estate of Espírito Santo Financial Group (C‑396/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:845, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).


45      Sentenza appellata, punt 41.


46      Kif għamlet, pereżempju, fis-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2012, Il‑Kummissjoni vs SEMEA u Commune de Millau (T‑168/10 u T‑572/10, EU:T:2012:435, punti 62 sa 67). Dan ġie kkonfermat bħala l-approċċ korrett mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2014, Commune de Millau u SEMEA vs Il‑Kummissjoni (C‑531/12 P, EU:C:2014:2008, punti 82 sa 85).


47      Għar-riferiment sħiħ, ara s-sentenza appellata, punt 80.


48      Sentenza appellata, punt 86, b’riferiment għall-punt 26.


49      Sentenza appellata, punt 50.


50      B’riferiment, fil-punt 46 tas-sentenza appellata, għas-sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2007, Pergan Hilfsstoffe für industrielle Prozesse vs Il‑Kummissjoni (T‑474/04, EU:T:2007:306, punt 76).


51      L-appellanti tirreferi għall-allegati konsegwenzi li ġejjin: (1) in-nuqqasijiet imsemmija fil-motivazzjoni għandhom jitqiesu li ġew stabbiliti b’mod konklużiv; (2) il-kunsiderazzjonijiet stabbiliti fid-dikjarazzjoni ta’ raġunijiet konklużivament jistabbilixxu li l-allegati nuqqasijiet huma serji biżżejjed ukoll sabiex jiġġustifikaw l-irtirar sussegwenti ta’ awtorizzazzjoni, minkejja l-fatt li, għall-kuntrarju, dawn japplikaw, l-iktar l-iktar, konsegwenza legali inqas stretta; (3) ir-rilevanza tal-allegat ksur għall-għanijiet ta’ rtirar sussegwenti ta’ awtorizzazzjoni hija stabbilita definittivament ex ante; (4) evidenza għall-kuntrarju, intiża li turi li l-ksur ma seħħx, hija eskluża.


52      Sentenza appellata, punti 66, 72, 78 u 91.


53      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 41 iktar ’il fuq.


54      Sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Deutsche Post (C‑399/08 P, EU:C:2010:481, punt 63); sentenza tad‑29 ta’ Ottubru 2015, Il‑Kummissjoni vs ANKO (C‑78/14 P, EU:C:2015:732, punt 54).


55      Sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2022, Il‑Kummissjoni vs Valencia Club de Fútbol (C‑211/20 P, EU:C:2022:862, punt 55).


56      Sentenza tas‑16 ta’ Frar 2012, Costa u Cifone (C‑72/10 u C‑77/10, EU:C:2012:80).


57      Sentenza tat‑28 ta’ April 2022, Changmao Biochemical Engineering vs Il‑Kummissjoni (C‑666/19 P, EU:C:2022:323, punti 187 sa 189). Barra minn hekk, “[a]ppell li ma jinkludi ebda argument intiż speċifikament sabiex jidentifika l-iżball ta’ liġi li bih tkun ivvizzjata s-sentenza jew id-digriet inkwistjoni ma jissodisfax dan ir-rekwiżit”. Sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2021, NRW.Bank vs SRB (C‑662/19 P, EU:C:2021:846, punt 36).


58      Sentenza appellata, punt 108, b’riferiment għas-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2015, Navarro vs Il‑Kummissjoni (T‑556/14 P, EU:T:2015:368, punt 26).


59      Sentenza tal‑21 ta’ Frar 2024, Sinopec Chongqing SVW Chemical et vs Il‑Kummissjoni (T‑762/20, EU:T:2024:113, punt 157). Minbarra riferiment għas-sentenza f’Navarro vs Il‑Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali tirreferi wkoll għas-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 1997, Costantini vs Il‑Kummissjoni (T‑57/96, EU:T:1997:214, punt 23). L-istess regola ġiet invokata mill-Qorti Ġenerali wkoll fis-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 1996, Günzler Aluminium vs Il‑Kummissjoni (T‑75/95, EU:T:1996:74, punt 55).


60      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mischo fil-kawża Gestetner Holdings vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (156/87, EU:C:1989:287, punt 31).


61      F’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx li l-bażi legali żbaljata kienet intgħażlet, u għalhekk hija ma setgħetx tikkonferma l-konstatazzjoni tal-Avukat Ġenerali dwar l-effett ta’ tali konstatazzjoni fuq il-validità ta’ deċiżjoni. Sentenza tal‑14 ta’ Marzu 1990, Gestetner Holdings vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑156/87, EU:C:1990:116, punti 29 sa 34).


62      Elenkati fis-sentenza appellata, punti 26, 38 u 122.


63      Sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest (C‑219/17, EU:C:2018:1023, punt 59).


64      Punti 121 u 125 iktar ’il fuq.


65      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 57 iktar ’il fuq.


66      Sentenza appellata, punt 241.


67      Ibid., punt 245.


68      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 57 iktar ’il fuq.


69      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 57 iktar ’il fuq.