Language of document : ECLI:EU:T:2019:766

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

24 ta’ Ottubru 2019 (*)

“Rikors għal annullament – Dritt istituzzjonali – Obbligu li x-xogħlijiet ta’ traduzzjoni meħtieġa għall-funzjonament tal-EUIPO jingħataw liċ-CdT – Xoljiment tal-arranġament bejn iċ-CdT u l-EUIPO – Pubblikazzjoni ta’ sejħa għal offerti għas-servizzi ta’ traduzzjoni – Eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà – Assenza ta’ interess ġuridiku – Assenza parzjali ta’ lok li tingħata deċiżjoni – Inammissibbiltà parzjali”

Fil-Kawża T‑417/18,

Iċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea (CdT), irrappreżentat minn J. Rikkert u M. Garnier, bħala aġenti,

rikorrent,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn N. Bambara u D. Hanf, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett, fl-ewwel lok, talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament, l-ewwel nett, tal-ittra tal-EUIPO tas-26 ta’ April 2018 sa fejn tinnotifika l-intenzjoni tiegħu li ma jestendix lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2018 l-arranġament konkluż fl-2016 maċ-CdT dwar ix-xogħlijiet ta’ traduzzjoni meħtieġa għall-funzjonament tal-EUIPO, it-tieni nett, tal-ittra tal-EUIPO tas-26 ta’ April 2018 sa fejn tinforma liċ-CdT bl-intenzjoni tiegħu li jieħu, bħala prekawzjoni, il-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura l-kontinwità tas-servizzi ta’ traduzzjoni wara l-31 ta’ Diċembru 2018, b’mod partikolari bil-pubblikazzjoni ta’ sejħiet għal offerti u, it-tielet nett, tad-deċiżjoni tal-EUIPO li jippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sejħa għal offerti għas-servizzi ta’ traduzzjoni bir-referenza 2018/S 114 – 258472, fit-tieni lok, talba sabiex l-EUIPO jiġi pprojbit milli jiffirma kuntratti fil-kuntest ta’ din is-sejħa għal offerti u, fit-tielet lok, talba sabiex tiġi ddikjarata illegali l-pubblikazzjoni ta’ sejħa għal offerti għal servizzi ta’ traduzzjoni minn aġenzija jew minn kull korp jew organu ieħor tal-Unjoni Ewropea li fir-rigward tagħhom ir-regolament li jistabbilixxihom jipprevedi li s-servizzi ta’ traduzzjoni għandhom jiġu pprovduti miċ-CdT,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn H. Kanninen, J. Schwarcz (Relatur) u C. Iliopoulos, Imħallfin,

Reġistratur: M. Marescaux, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat-22 ta’ Mejju 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Iċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea (CdT) huwa organu stabbilit permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2965/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 304). Il-missjoni tiegħu hija li jipprovdi servizzi ta’ traduzzjoni lill-organi msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament kif ukoll lill-istituzzjonijiet u lill-korpi tal-Unjoni konformement mal-Artikolu 2(3) tal-imsemmi regolament.

2        Skont it-tieni premessa tar-Regolament Nru 2965/94, il-ħolqien ta’ ċentru speċjalizzat uniku bl-intenzjoni li jkopri l-ħtiġijiet ta’ traduzzjoni ta’ numru kbir ta’ korpi mifruxa fit-territorju tal-Unjoni jissodisfa għan ta’ razzjonalità.

3        Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 2965/94, iċ-CdT “għandu jipprovdi s-servizzi ta’ traduzzjoni meħtieġa għall-operazzjoni” tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (UASI), li sar l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) konformement mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1).

4        Barra minn hekk, fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 2965/94 huwa previst li ċ-CdT u l-organi msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-istess artikolu, u għalhekk l-EUIPO, “għandhom jikkonkludu arranġamenti li jkopru l-modi li bihom ser jikkooperaw”.

5        Fid-Dikjarazzjoni Nru 1 tar-Regolament Nru 2965/94, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jenfasizza li huwa “jagħti l-ikbar importanza lill-applikazzjoni korretta tal-prinċipji ta’ effettività u ta’ rentabbiltà”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6        L-Artikolu 148 tar-Regolament 2017/1001 jipprovdi li s-“servizzi ta’ traduzzjoni li huma meħtieġa sabiex ikun jista’ jaħdem l-[EUIPO] għandhom jiġu provduti miċ-[CdT]”. Dan l-artikolu jikkorrispondi għal dak li kien l-Artikolu 121 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat.

7        Fit-13 ta’ Diċembru 2016, iċ-CdT u l-EUIPO kkonkludew arranġament fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 2965/94 (iktar ’il quddiem l-“arranġament tal-2016”).

8        L-arranġament tal-2016 ħa post arranġament preċedenti konkluż fit-30 ta’ Novembru 2015.

9        L-Artikolu 11 tal-arranġament tal-2016 kien jipprevedi proċedura speċifika li kellha tiġi segwita fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn iċ-CdT u l-EUIPO.

10      L-Artikolu 15 tal-arranġament tal-2016 kien jipprevedi d-dħul fis-seħħ ta’ dan l-arranġament fl-1 ta’ Jannar 2017, kif ukoll li kellu jiġi fi tmiemu fil-31 ta’ Diċembru tal-istess sena, u kien jistipula li dan l-arranġament kellu jiġġedded b’mod taċitu għal perijodu ta’ tnax-il xahar kemm-il darba dan l-arranġament ma jintemmx permezz ta’ ittra rreġistrata minn waħda mill-partijiet xahrejn qabel l-iskadenza tiegħu.

11      Fis-26 ta’ April 2018, l-EUIPO bagħat ittra liċ-CdT (iktar ’il quddiem l-“ittra tas-26 ta’ April 2018”), fejn indika li ma kienx issodisfatt bis-servizzi mogħtija miċ-CdT u bit-termini li bihom dawn kienu ġew iffatturati lilu. Barra minn hekk, l-EUIPO indika l-intenzjoni tiegħu li jtemm l-arranġament tal-2016 u, fl-eventwalità li ma jkunx possibbli li jintlaħaq ftehim dwar arranġament ġdid, li jintroduċi sistema li tippermetti li jiġi żgurat is-servizz ta’ traduzzjoni. Dejjem f’din l-istess ittra, l-EUIPO ppropona liċ-CdT jorganizza, hekk kif ikun possibbli, laqgħa għall-finijiet tal-konklużjoni ta’ arranġament ġdid qabel it-tmiem tas-sena 2018. Ġew skambjati diversi ittri addizzjonali sabiex tiġi ffissata d-data ta’ din il-laqgħa.

12      Fis-16 ta’ Ġunju 2018, l-EUIPO ppubblika, fis-Suppliment tal-Ġurnal Uffiċjali, avviż ta’ kuntratt għall-provvista ta’ servizzi ta’ traduzzjoni (2018/S 114-258472) (iktar ’il quddiem l-“avviż ta’ kuntratt”), li kien jinkludi sejħa għal offerti (iktar ’il quddiem is-“sejħa għal offerti”).

13      Il-punt I.3 tal-avviż ta’ kuntratt kien jirreferi għall-indirizz elettroniku fejn kienu disponibbli d-dokumenti tal-kuntratt u l-punt II.1.1 tiegħu kien jindika AO/010/18 bħala referenza.

14      Skont il-punt II.1.4 tal-avviż ta’ kuntratt, “l-għan [tas-sejħa għal offerti kien] li jinkisbu servizzi ta’ traduzzjoni dwar it-trade marks tal-Unjoni Ewropea, id-disinni Komunitarji rreġistrati u d-dokumenti amministrattivi ġenerali”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

15      Skont il-punti II.2.6 u II.2.7 tal-avviż ta’ kuntratt, il-kuntratt kellu valur stmat, mingħajr taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), għal EUR 40.8 miljuni u tul inizjali ta’ 48 xahar.

16      Skont il-punt IV.2.2 tal-avviż ta’ kuntratt, it-terminu sabiex jaslu l-offerti kien iffissat għat-23 ta’ Lulju 2018.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

17      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Lulju 2018, iċ-CdT ippreżenta dan ir-rikors.

18      Fir-rikors tiegħu, iċ-CdT jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni tal-EUIPO tas-26 ta’ April 2018 li xxolji l-arranġament tal-2016;

–        tannulla d-deċiżjoni tal-EUIPO tas-26 ta’ April 2018 li “jinvoka d-dritt li jimplimenta l-miżuri preliminari neċessarji kollha sabiex jiżgura l-kontinwità tas-servizzi tat-traduzzjoni tiegħu, b’mod partikolari billi jippubblika sejħiet għal offerti”;

–        tannulla d-deċiżjoni tal-EUIPO li jippubblika s-sejħa għal offerti;

–        tipprojbixxi lill-EUIPO milli jiffirma kuntratti fil-kuntest tas-sejħa għal offerti;

–        tiddikjara illegali l-pubblikazzjoni ta’ sejħa għal offerti għal servizzi ta’ traduzzjoni minn aġenzija jew minn kull korp jew organu ieħor tal-Unjoni li fir-rigward tagħhom ir-regolament li jistabbilixxihom jipprevedi li s-servizzi ta’ traduzzjoni għandhom jiġu pprovduti miċ-CdT;

–        tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż.

19      Permezz ta’ att separat irreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Lulju 2018, iċ-CdT ressaq talba għal miżuri provviżorji. L-EUIPO ppreżenta osservazzjonijiet dwar it-talba għal miżuri provviżorji fis-17 ta’ Lulju 2018.

20      Permezz ta’ digriet tal-20 ta’ Lulju 2018, CdT vs EUIPO (T‑417/18 R, mhux ippubblikat EU:T:2018:502), il-President tal-Qorti Ġenerali ċaħad it-talba għal miżuri provviżorji u rriżerva l-ispejjeż.

21      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Settembru 2018, l-EUIPO qajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà fuq il-bażi tal-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

22      Fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, l-EUIPO jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors fl-intier tiegħu bħala inammissibbli;

–        tikkundanna liċ-CdT għall-ispejjeż marbuta ma’ din il-proċedura u mal-proċedura għal miżuri provviżorji.

23      Permezz ta’ att ippreżentat fil-5 ta’ Novembru 2018, iċ-CdT ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

24      Fl-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, iċ-CdT jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà;

–        tiċħad it-talbiet tar-rikors u t-talbiet kollha tal-EUIPO;

–        tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż;

–        tordna li jitwettqu l-obbligi kollha li joħorġu mid-dritt.

25      Fit-22 ta’ Jannar 2019, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla), bħala miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura prevista fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet mistoqsija bil-miktub lill-partijiet. Il-partijiet wieġbu għal din il-mistoqsija fit-terminu mogħti.

26      Konformement mal-Artikolu 130(6) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura, limitata għall-kwistjoni tal-ammissibbiltà tar-rikors.

27      L-osservazzjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-22 ta’ Mejju 2019. Fuq talba tal-Qorti Ġenerali matul is-seduta, l-EUIPO kkomunika, fit-23 ta’ Mejju 2019, l-arranġament il-ġdid maċ-CdT, iffirmat fis-7 ta’ Diċembru 2018 u adottat għas-snin 2019 u 2020 (iktar ’il quddiem l-“arranġament tal-2018”). Il-fażi orali tal-proċedura ngħalqet fit-3 ta’ Ġunju 2019.

 Id-dritt

28      Fir-rikors, iċ-CdT essenzjalment isostni li l-EUIPO kiser l-Artikoli 2 u 11 tar-Regolament Nru 2965/94, l-Artikolu 148 tar-Regolament 2017/1001 kif ukoll l-Artikolu 11 tal-arranġament tal-2016.

29      Fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, l-EUIPO jitlob, konformement mal-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar l-inammissibbiltà u n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni, mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża. Fl-ewwel lok, skont l-EUIPO, minn naħa, l-atti kkontestati miċ-CdT, jiġifieri l-ittra tas-26 ta’ April 2018 u l-avviż ta’ kuntratt, ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament fuq il-bażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, sa fejn dawn huma atti ta’ natura preparatorja li ma jikkostitwixxux deċiżjonijiet u li ma jikkonċernawx direttament liċ-CdT. Min-naħa l-oħra, l-inammissibbiltà tar-rikors toħroġ ukoll min-natura insuffiċjenti tal-argumenti legali invokati miċ-CdT. Fit-tieni lok, fir-rigward tan-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali, l-EUIPO jsostni li l-ittra tas-26 ta’ April 2018, adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 15 tal-arranġament tal-2016, taqa’ f’kuntest purament kuntrattwali u ma tikkostitwixxix wieħed mill-atti legali tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 288 TFUE, li l-annullament tagħhom jista’ jintalab bis-saħħa tal-Artikolu 263 TFUE.

 Fuq in-natura regolari tal-preżentata tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-EUIPO

30      Fil-preambolu tal-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mressqa mill-EUIPO, iċ-CdT jindika li huwa kien qiegħed jissottometti ruħu għall-ġudizzju tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-imsemmija eċċezzjoni fuq livell formali.

31      F’dan ir-rigward, jekk jitqies li b’din l-indikazzjoni ċ-CdT għandu l-intenzjoni jikkontesta n-natura regolari tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, għandu jiġi osservat li huwa ma jressaq ebda argument insostenn ta’ tali irregolarità.

 Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar dan ir-rikors

32      Skont l-EUIPO, l-arranġament tal-2016 ma fih ebda klawżola ta’ arbitraġġ li tagħti ġurisdizzjoni lill-qorti tal-Unjoni sabiex tiddeċiedi fil-każ ta’ tilwima marbuta ma’ dan l-arranġament, u dan minkejja li l-introduzzjoni ta’ tali klawżola kienet possibbli skont l-Artikolu 118(2) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 145(2) tar-Regolament 2017/1001), applikabbli fid-data tal-konklużjoni tal-arranġament tal-2016. L-EUIPO jenfasizza li din il-klawżola tikkostitwixxi l-applikazzjoni konkreta tad-dispożizzjoni ta’ natura ġenerali prevista fl-Artikolu 272 TFUE. Skont l-EUIPO, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tal-Unjoni ma tistax tqis li għandha ġurisdizzjoni sabiex tannulla atti ta’ natura purament kuntrattwali. F’dan ir-rigward, l-EUIPO jibbaża ruħu fuq is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Applied Microengineering vs Il‑Kummissjoni (T‑387/09, EU:T:2012:501, punt 37).

33      Iċ-CdT iqis li r-rikors huwa ammissibbli sa fejn huwa indirizzat kontra l-ittra tas-26 ta’ April 2018, sa fejn ir-relazzjoni tiegħu mal-EUIPO ma taqax f’kuntest purament kuntrattwali iżda hija, għall-kuntrarju, relazzjoni interistituzzjonali rregolata mir-Regolamenti Nru 2965/94 u 2017/1001. L-arranġament tal-2016 huwa intiż biss li jimplimenta b’mod konkret il-prinċipji previsti f’dawn ir-regolamenti.

34      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ddeterminat jekk, kif isostni l-EUIPO, dan ir-rikors jaqax f’kuntest purament kuntrattwali li fir-rigward tiegħu l-Qorti Ġenerali ma għandhiex ġurisdizzjoni.

35      Fil-fatt, filwaqt li, skont l-Artikolu 263 TFUE, il-qrati tal-Unjoni għandhom jistħarrġu biss il-legalità tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet li jkunu intiżi li jkollhom effetti legali vinkolanti fil-konfront ta’ terzi, billi jibdlu b’mod serju s-sitwazzjoni legali tagħhom (sentenza tas-17 ta’ Ġunju 2010, CEVA vs Il‑Kummissjoni, T‑428/07 u T‑455/07, EU:T:2010:240, punt 51), din il-ġurisdizzjoni tikkonċerna biss l-atti msemmija fl-Artikolu 288 TFUE li dawn l-istituzzjonijiet ikunu meħtieġa jieħdu fil-kundizzjonijiet previsti mit-Trattat, bl-użu tal-prerogattivi ta’ awtorità pubblika tagħhom (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-10 ta’ Mejju 2004, Musée Grévin vs Il-Kummissjoni, T‑314/03 u T‑378/03, EU:T:2004:139, punti 62, 63 u 81, u tas-26 ta’ Frar 2007, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni, T‑205/05, mhux ippubblikat, EU:T:2007:59, punt 39). Għall-kuntrarju, l-atti adottati mill-istituzzjonijiet li jaqgħu f’kuntest purament kuntrattwali li ma jkunux jistgħu jiġu sseparati minnu ma humiex, minħabba n-natura tagħhom stess, fost l-atti msemmija fl-Artikolu 288 TFUE, li l-annullament tagħhom jista’ jintalab bis-saħħa tal-Artikolu 263 TFUE (digriet tal-10 ta’ Mejju 2004, Musée Grévin vs Il‑Kummissjoni, T‑314/03 u T‑378/03, EU:T:2004:139, punt 64, u sentenza tas-17 ta’ Ġunju 2010, CEVA vs Il‑Kummissjoni, T‑428/07 u T‑455/07, EU:T:2010:240, punt 52).

36      F’dan il-każ, l-arranġament tal-2016 ġie adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 2965/94, kif irrikonoxxa l-EUIPO fis-seduta. Dan l-arranġament, li jirreferi b’mod espliċitu għall-imsemmi regolament, jaqa’ fil-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni kif ukoll fil-kuntest tal-Artikolu 148 tar-Regolament 2017/1001.

37      Skont dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet tal-aħħar, iċ-CdT għandu jipprovdi s-servizzi ta’ traduzzjoni meħtieġa għall-funzjonament tal-EUIPO fil-qafas ta’ arranġament li jiddefinixxi l-modalitajiet tal-kooperazzjoni tagħhom.

38      Għandu jiġi osservat ukoll li r-Regolament Nru 2965/94 jagħmel distinzjoni bejn l-“arranġamenti”, konformement mal-Artikolu 2(1) u (2) tiegħu, li ċ-CdT jikkonkludi mal-organi, mal-korpi jew mal-istituzzjonijiet imsemmija fl-imsemmija dispożizzjoni u li jiddefinixxu l-modalitajiet tal-kooperazzjoni tagħhom, u s-sempliċi relazzjonijiet kuntrattwali li l-modalitajiet tagħhom huma rregolati f’dispożizzjoni distinta tar-Regolament Nru 2965/94, jiġifieri l-Artikolu 18(1) tal-imsemmi regolament. Skont din id-dispożizzjoni tal-aħħar, huwa previst biss li r-responsabbiltà kuntrattwali taċ-CdT għandha tkun irregolata mil-liġi applikabbli għall-kuntratt inkwistjoni u li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi bis-saħħa ta’ klawżola ta’ arbitraġġ li tinsab fil-kuntratti konklużi miċ-CdT. Għandu jiġi osservat li l-imsemmija dispożizzjoni ssemmi l-kuntratti konklużi miċ-CdT, filwaqt li l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2965/94 jirreferi għall-arranġamenti konklużi maċ-CdT.

39      Fl-aħħar nett, minkejja li, fl-ittra tiegħu tas-26 ta’ April 2018, l-EUIPO nnotifika l-intenzjoni tiegħu li ma jestendix l-arranġament tal-2016 għas-sena ta’ wara fuq il-bażi tal-Artikolu 15 ta’ dan l-arranġament (ara l-punt 10 iktar ’il fuq), għandu jiġi kkonstatat li tali fatt bl-ebda mod ma jibdel l-obbligu tal-EUIPO li josserva d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nru 2965/94 u 2017/1001, b’tali mod li l-fatti ta’ din il-kawża ma jistgħux jitqiesu li huma purament kuntrattwali. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fis-seduta, l-EUIPO essenzjalment ammetta li mir-Regolamenti Nru 2965/94 u 2017/1001 jirriżulta obbligu għall-EUIPO u għaċ-CdT li jikkonkludu arranġament dwar il-modalitajiet tal-kooperazzjoni tagħhom. B’hekk, skont l-EUIPO, essenzjalment, huwa biss f’ċerti sitwazzjonijiet eċċezzjonali u ta’ urġenza li huwa jista’, b’mod temporanju, jiżgura huwa stess is-servizz ta’ traduzzjoni sakemm il-Kummissjoni Ewropea tiddeċiedi kwalunkwe tilwima li jkun hemm bejnu u ċ-CdT.

40      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tilwima ineżami ma tistax titqies li taqa’ f’qafas purament kuntrattwali. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi r-rikors ineżami.

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat kontra l-ittra tas-26 ta’ April 2018, sa fejn tinnotifika l-intenzjoni tal-EUIPO li ma jestendix l-arranġament tal-2016 lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2018

41      L-EUIPO jsostni li l-ittra tas-26 ta’ April 2018 ma tikkostitwixxix att intiż li jkollu effetti legali fis-sens tar-raba’ u tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Allegata “illegalità” ta’ din l-ittra tkun ekwivalenti għan-negazzjoni tal-kontenut tal-Artikolu 15 tal-arranġament tal-2016. L-EUIPO jenfasizza li ċ-CdT ma qajjimx eċċezzjoni ta’ illegalità ta’ dan l-istess artikolu fil-konfront tal-Artikolu 148 tar-Regolament 2017/1001. Barra minn hekk, l-ittra tas-26 ta’ April 2018 ma hijiex att preparatorju. Skont l-EUIPO, anki jekk jitqies li l-ittra tas-26 ta’ April 2018 hija att intiż li jkollu effetti legali u anki jekk tiġi kklassifikata bħala deċiżjoni fil-konfront taċ-CdT, l-effetti tagħha huma futuri u inċerti.

42      Iċ-CdT isostni li l-ittra tas-26 ta’ April 2018, li t-termini tagħha huma ċari u inekwivokabbli, ma hijiex sempliċi att preparatorju, iżda n-notifika ċara u definittiva tat-tmiem tar-relazzjoni bejn iż-żewġ partijiet. Għaldaqstant, it-tnejn li huma huma kkonċernati direttament minn din id-deċiżjoni, li hija att li jista’ jiġi kkontestat skont l-Artikolu 263 TFUE. Skont iċ-CdT, l-effetti tal-ittra tas-26 ta’ April 2018 bl-ebda mod ma huma futuri u inċerti, sa fejn id-data tax-xoljiment tal-arranġament tal-2016 kienet iffissata mill-EUIPO. Madankollu, l-iffirmar ta’ arranġament ġdid kien ipotetiku u inċert. Fil-fatt, l-assenza ta’ estensjoni tal-arranġament tal-2016 u l-pubblikazzjoni tas-sejħa għal offerti jikkostitwixxu sensiela ta’ indizji konkordanti li juru r-rieda tal-EUIPO li jxolji dan l-istess arranġament sabiex iġib fi tmiemha l-koooperazzjoni tiegħu maċ-CdT, u b’hekk jimplimenta l-kuntratti għall-provvista ta’ servizzi u ta’ traduzzjoni, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2019. Barra minn hekk, meta temm il-kooperazzjoni maċ-CdT, l-EUIPO uża b’mod abbużiv l-Artikolu 15 tal-arranġament tal-2016, billi mar kontra r-Regolamenti Nru 2965/94 u 2017/1001.

43      F’dan ir-rigward, kif diġà ġie indikat, jikkostitwixxu atti jew deċiżjonijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE l-miżuri li jkollhom effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jibdlu b’mod serju s-sitwazzjoni legali tiegħu (sentenzi tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 9, u tas-16 ta’ Lulju 1998, Regione Toscana vs Il‑Kummissjoni, T‑81/97, EU:T:1998:180, punt 21).

44      B’mod iktar partikolari, fil-każ ta’ atti jew ta’ deċiżjonijiet li t-tfassil tagħhom jitwettaq f’diversi fażijiet, b’mod partikolari meta tintemm proċedura interna, bħala prinċipju huma biss il-miżuri li jistabbilixxu b’mod definittiv il-pożizzjoni tal-istituzzjoni fi tmiem din il-proċedura li jikkostitwixxu atti li jistgħu jiġu kkontestati, bl-esklużjoni tal-miżuri intermedjarji li l-għan tagħhom ikun li tiġi ppreparata d-deċiżjoni finali (sentenzi tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 10, u tal-10 ta’ Lulju 1990, Automec vs Il‑Kummissjoni, T‑64/89, EU:T:1990:42, punt 42).

45      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika ikun ammissibbli biss sa fejn din tal-aħħar ikollha interess fl-annullament tal-att ikkontestat. Tali interess jeħtieġ li l-annullament ta’ dan l-att għandu jkun ta’ natura li, fih innifsu, ikun jista’ jkollu konsegwenzi legali u li b’hekk ir-rikors ikun jista’, bl-eżitu tiegħu, jikseb benefiċċju għall-parti li tkun ippreżentatu (sentenzi tas-17 ta’ Settembru 2009, Il‑Kummissjoni vs Koninklijke FrieslandCampina, C‑519/07 P, EU:C:2009:556, punt 63, u tas-17 ta’ Settembru 2015, Mo ry et vs Il‑Kummissjoni, C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punt 55).

46      L-interess ġuridiku ta’ rikorrent għandu jkun ċert u reali. Dan l-interess ma jistax jikkonċerna sitwazzjoni futura u ipotetika (sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il-Kummissjoni, C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punt 56).

47      Fl-aħħar nett, dan l-interess għandu, fid-dawl tas-suġġett tar-rikors, jeżisti fl-istadju tal-preżentata tiegħu, għaliex inkella jkun inammissibbli, u għandu jibqa’ jeżisti sal-għoti tad-deċiżjoni ġudizzjarja, għaliex inkella ma jkunx għad hemm lok li tingħata deċiżjoni (sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il‑Kummissjoni, C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punt 57, u digriet tat-23 ta’ Mejju 2019, Fujifilm Recording Media vs EUIPO – iTernity (d:ternity), T‑609/18, mhux ippubblikat, EU:T:2019:366, punt 25).

48      F’dan il-każ, għandu jiġi analizzat jekk ir-rikors kontra l-ittra tas-26 ta’ April 2018, sa fejn tinnotifika l-intenzjoni tal-EUIPO li ma jestendix l-arranġament tal-2016, jissodisfax il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà.

49      F’dan id-dawl, għandu jiġi osservat li, bi tweġiba għall-mistoqsijiet bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali lill-partijiet fit-22 ta’ Jannar 2019, iċ-CdT u l-EUIPO semmew b’mod partikolari l-fatt li, wara negozjati, kien intlaħaq ftehim għas-snin 2019 u 2020, jiġifieri l-arranġament tal-2018.

50      F’dawn iċ-ċirkustanzi, mingħajr ma huwa meħtieġ li jiġi evalwat jekk l-ittra tas-26 ta’ April 2018 kienx fiha deċiżjoni definittiva jew jekk, kif isostni l-EUIPO, kinitx biss att preparatorju b’effetti inċerti u li ma tikkonċernax direttament liċ-CdT, għandha tiġi indirizzata l-kwistjoni ta’ jekk l-interess ġuridiku tar-rikorrent għadux jeżisti wara l-iffirmar tal-arranġament il-ġdid tal-2018 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il-Kummissjoni, C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punt 57).

51      Għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li, kif jirriżulta mill-ittra li tintroduċi l-arranġament tal-2018, mibgħuta fis-6 ta’ Diċembru 2018 mid-Direttur Eżekuttiv tal-EUIPO lid-Direttur taċ-CdT, l-iffirmar tal-arranġament tal-2018 huwa r-riżultat tal-isforzi ta’ kooperazzjoni min-naħa taż-żewġ organi.

52      It-tieni nett, mill-Artikolu 15 tal-arranġament tal-2018 jirriżulta li dan effettivament jikkonċerna, kif enfasizzaw il-partijiet bi tweġiba għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali matul is-seduta, il-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2019 u l-31 ta’ Diċembru 2020. Skont dan l-istess artikolu, sitt xhur qabel din id-data tal-aħħar, il-partijiet għandhom jibdew in-negozjati sabiex jikkonkludu arranġament ġdid.

53      Fl-aħħar nett, mill-qari tal-arranġament tal-2018 jirriżulta wkoll li hija prevista u rregolata kooperazzjoni bejn l-EUIPO u ċ-CdT fir-rigward tas-servizzi ta’ traduzzjoni li għandu jwettaq dan tal-aħħar. L-arranġament tal-2018 jinkludi elementi ddettaljati, li jkopru b’mod partikolari l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti meta jitwettqu t-traduzzjonijiet, kif ukoll annessi tekniċi dwar it-termini, il-prezzijiet, is-servizzi deskritti bħala multilingwi u punti oħra.

54      F’dawn iċ-ċirkustanzi, irrispettivament mill-kwistjoni ta’ jekk l-ittra tas-26 ta’ April 2018 tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkonstatat u jekk kienx fiha deċiżjoni definittiva li jiġi xolt l-arranġament tal-2016, għandu jiġi kkonstatat li wara l-ittra tas-26 ta’ April 2018 ma kienx hemm perijodu li matulu r-relazzjoni bejn iċ-CdT u l-EUIPO ma kinitx irregolata minn arranġament iffirmat miż-żewġ aġenziji. Fil-fatt, l-arranġament tal-2016 kien effettiv sal-31 ta’ Diċembru 2018 u l-arranġament il-ġdid tal-2018 daħal fis-seħħ direttament fl-1 ta’ Jannar 2019 (ara l-punt 52 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, anki jekk jitqies li ċ-CdT inizjalment kellu interess ġuridiku fil-konfront tal-allegata deċiżjoni li tinsab fl-ittra tas-26 ta’ April 2018, għandu jiġi kkonstatat li huwa tilef dan l-interess minħabba l-konklużjoni tal-arranġament il-ġdid tal-2018. Fi kwalunkwe każ, ma huwiex possibbli li jkun magħruf b’liema mod l-annullament tad-deċiżjoni li tista’ tkun tinsab fl-ittra tas-26 ta’ April 2018 ser itejjeb il-pożizzjoni taċ-CdT. B’mod partikolari, iċ-CdT ma jistax jallega li għandu interess fl-adozzjoni, mill-Qorti Ġenerali, ta’ sentenza purament dikjaratorja li tfakkar l-obbligu ta’ kooperazzjoni bejn l-EUIPO u ċ-CdT. Bl-istess mod, għall-kuntrarju tal-allegazzjonijiet taċ-CdT, li barra minn hekk ma humiex issostanzjati, ma jistax jitqies li l-ittra tas-26 ta’ April 2018 kellha l-effett li tipperikola l-eżistenza stess tiegħu.

55      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-interess taċ-CdT li jikseb l-annullament tad-deċiżjoni tal-EUIPO li jxolji l-arranġament tal-2016, li allegatament tinsab fl-ittra tat-28 ta’ April 2018, fi kwalunkwe każ ma baqax jeżisti wara l-konklużjoni tal-arranġament tal-2018.

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat kontra l-ittra tas-26 ta’ April 2018, sa fejn tinforma liċ-CdT bl-intenzjoni tal-EUIPO li jieħu, bħala prekawzjoni, il-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura l-kontinwità tas-servizzi ta’ traduzzjoni wara l-31 ta’ Diċembru 2018

56      L-EUIPO jsostni, essenzjalment, li l-ittra tas-26 ta’ April 2018 kienet sempliċement tieħu pożizzjoni provviżorja, b’tali mod li ma huwiex involut att li jikkawża preġudizzju. Skont l-EUIPO, kienu baqgħu miftuħa possibbiltajiet oħra minbara l-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ kuntratt.

57      Iċ-CdT isostni li l-ittra tas-26 ta’ April 2018 kellha effetti legali fil-konfront tiegħu. Id-deċiżjoni tal-EUIPO li tippermettilu jieħu, unilateralment, il-miżuri meħtieġa hija illegali sa fejn tikser ir-Regolamenti Nru 2965/94 u 2017/1001, kif ukoll l-Artikolu 11 tal-arranġament tal-2016. Il-miżura alternattiva, li tikkonsisti fl-internalizzazzjoni tas-servizzi ta’ traduzzjoni fi ħdan l-EUIPO, twassal sabiex jiġi ġġustifikat il-ħolqien ta’ numru ta’ pożizzjonijiet fi ħdanu u ċċaħħad mill-essenzjal tagħhom id-dispożizzjonijiet kollha li jipprevedu li ċ-CdT għandu r-rwol ta’ ċentru speċjalizzat uniku intiż li jkopri l-ħtiġijiet ta’ traduzzjoni tal-EUIPO. Skont iċ-CdT, l-EUIPO temm ir-relazzjoni tagħhom b’żewġ modi, l-ewwel nett bl-ittra tas-26 ta’ April 2018 u, it-tieni nett, billi kompla bil-proċedura ta’ sejħa għal offerti. Bi ksur tal-prinċipji espressi fir-Regolamenti Nru 2965/94 u 2017/1001, l-EUIPO kien beda, fl-ittra tas-26 ta’ April 2018, proċess li jinkludi diversi deċiżjonijiet sussegwenti, u li jwassal għat-tnedija tas-sejħa għal offerti.

58      F’dan ir-rigward, iċ-CdT ma jistax isostni li l-ittra tas-26 ta’ April 2018 kellha effetti legali vinkolanti ta’ natura li taffettwa l-interessi tiegħu billi tibdel b’mod serju s-sitwazzjoni legali tiegħu, sa fejn indika li l-EUIPO kien qiegħed “jirriżerva d-dritt” li jieħu, bħala prekawzjoni u sabiex tiġi koperta l-eventwalità li n-negozjati ma jkunux intemmu qabel it-tmiem tas-sena 2018, il-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura l-kontinwità tas-servizzi ta’ traduzzjoni wara l-31 ta’ Diċembru 2018.

59      Fil-fatt, kif irrikonoxxa l-EUIPO matul is-seduta, fid-data meta ntbagħtet l-ittra tas-26 ta’ April 2018, ebda deċiżjoni konkreta ma kienet ittieħdet fuq dan il-punt. Din l-ittra tuża formulazzjoni inċerta dwar il-miżuri li l-EUIPO kien qiegħed jirriżerva d-dritt li jadotta bħala prekawzjoni. Barra minn hekk, mit-tweġiba tal-EUIPO għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li, minħabba l-adozzjoni tal-arranġament il-ġdid tal-2018, ma rriżultatx neċessarja l-implimentazzjoni ta’ miżuri speċifiċi għall-finijiet li jiġu żgurati s-servizzi ta’ traduzzjoni li l-EUIPO jeħtieġ fl-assenza ta’ kontinwità tas-servizzi ta’ traduzzjoni pprovduti miċ-CdT.

60      Fl-aħħar nett, jekk jitqies li l-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ kuntratt, li jinkludi s-sejħa għal offerti, mill-EUIPO, hija interpretata, miċ-CdT, bħala waħda mill-miżuri speċifiċi adottati għall-finijiet li jiġu żgurati s-servizzi ta’ traduzzjoni li kellu bżonn l-EUIPO, għandu jsir riferiment għall-analiżi iktar ’il quddiem.

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-EUIPO li jniedi s-sejħa għal offerti

61      L-EUIPO jsostni li l-avviż ta’ kuntratt ma jibdilx b’mod serju s-sitwazzjoni legali taċ-CdT, b’tali mod li ma jistax ikun is-suġġett ta’ rikors għal annullament taħt l-Artikolu 263 TFUE. Skont l-EUIPO, l-interess taċ-CdT ma huwiex kweżit u preżenti.

62      Iċ-CdT jsostni li r-rikors tiegħu ma huwiex indirizzat kontra l-avviż ta’ kuntratt iżda kontra d-deċiżjoni ta’ tnedija tas-sejħa ta’ offerti, li skontu ttieħdet bi ksur tar-Regolamenti Nru 2965/94 u 2017/1001. L-interess ġuridiku tiegħu huwa dirett u speċifiku, peress li huwa msemmi espliċitament f’dawn ir-regolamenti bħala l-fornitur esklużiv tas-servizzi ta’ traduzzjoni tal-EUIPO. Ir-rabta eżistenti bejn iż-żewġ organi hija barra minn hekk speċifikata fil-punti 38, 39 u 50 tad-digriet tal-20 ta’ Lulju 2018, CdT vs EUIPO (T‑417/18 R, mhux ippubblikat, EU:T:2018:502). Barra minn hekk, skont iċ-CdT, id-deċiżjoni li tiġi ppubblikata s-sejħa għal offerti kkawżat dannu serju għar-reputazzjoni tiegħu, b’mod partikolari minħabba li l-aġenziji l-oħra tal-Unjoni, li huma l-klijenti tiegħu, kienu konxji tal-qafas regolamentari applikabbli.

63      Fl-aħħar nett, iċ-CdT isostni li l-interess ġuridiku tiegħu kien kweżit u preżenti għaliex il-ksur tar-Regolamenti Nru 2965/94 u 2017/1001, mill-EUIPO, kien wieħed serju sa mill-pubblikazzjoni tas-sejħa għal offerti. Filwaqt li l-EUIPO kellu b’mod ċar l-intenzjoni li jibdel il-fornitur, l-affermazzjoni tiegħu li kien qiegħed biss jara “x’inhi t-tendenza fis-suq” turi l-mala fide tiegħu. L-interess dirett u immedjat taċ-CdT huwa stabbilit sa fejn, fl-assenza ta’ annullament tas-sejħa għal offerti, huwa ma jibqax vijabbli wara l-1 ta’ Jannar 2019 u, fil-każ li l-EUIPO jiffirma l-kuntratti li jirriżultaw mis-sejħa għal offerti, l-eżistenza taċ-CdT titqiegħed f’perikolu. Iċ-CdT jitlob li kull waħda mill-partijiet terġa’ titqiegħed fl-istess pożizzjoni bħal dik li kienet tinsab fiha qabel il-pubblikazzjoni allegatament illegali tas-sejħa għal offerti.

64      L-ewwel nett, għandu jitfakkar li, bħala regola ġenerali, pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kuntratt ma tistax tikkostitwixxi deċiżjoni li tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament jew att li jikkawża preġudizzju fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, sa fejn tali avviż ta’ kuntratt jagħti biss lill-persuni interessati l-possibbiltà li jipparteċipaw fil-proċedura u li jissottomettu offerta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Ottubru 2008, Sogelma vs AER, T‑411/06, EU:T:2008:419, punt 86, u tad-29 ta’ Ottubru 2015, Direct Way u Direct Way Worldwide vs Il‑Parlament, T‑126/13, EU:T:2015:819, punt 27).

65      F’dan il-każ, b’mod iktar partikolari, għandu jiġi evalwat jekk iċ-CdT jistax jikkontesta d-deċiżjoni ta’ tnedija tas-sejħa għal offerti, meħuda mill-EUIPO allegatament bi ksur tar-Regolamenti Nru 2965/94 u 2017/1001, sa fejn iċ-CdT qiegħed jallega, minn naħa, li huwa jissemma f’dawn ir-regolamenti bħala l-fornitur “esklużiv” tas-servizzi ta’ traduzzjoni tal-EUIPO u, min-naħa l-oħra, li qiegħed jitlob l-annullament tal-avviż ta’ kuntratt bħala aġenzija speċjalizzata tal-Unjoni u mhux bħala offerent.

66      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, mingħajr ma huwa meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar in-natura allegatament esklużiva tar-relazzjoni bejn iċ-CdT u l-EUIPO fir-rigward tax-xogħlijiet ta’ traduzzjoni meħtieġa għall-funzjonament ta’ dan tal-aħħar, li mill-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ kuntratt, li jinkludi s-sejħa għal offerti, ma jirriżultax li kien eskluż li, fl-istess ħin mal-proċedura ta’ sejħa għal offerti, jitwettqu n-negozjati bħal dawk li kienu previsti fl-ittra tas-26 ta’ April 2018 bejn l-EUIPO u ċ-CdT. Barra minn hekk, kif ikkonferma l-EUIPO bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali matul is-seduta, il-proċedura ta’ sejħa għal offerti kienet għadha ma ntemmitx fid-data tal-konklużjoni tal-arranġament tal-2018.

67      F’dawn iċ-ċirkustanzi, mingħajr ma huwa l-kompitu tal-Qorti Ġenerali li tagħti deċiżjoni dwar l-ispjegazzjoni tal-EUIPO fis-sens li l-imsemmi avviż ta’ kuntratt kien intiż li jippermettilu jikseb informazzjoni iktar preċiża dwar il-prezzijiet tas-servizzi inkwistjoni fis-suq, sabiex jinnegozja maċ-CdT minn pożizzjoni informata, għandu jiġi osservat li l-interess ġuridiku ta’ rikorrent ma jistax jikkonċerna sitwazzjoni futura u ipotetika (sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il‑Kummissjoni, C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punt 56), jiġifieri s-sitwazzjoni li tirriżulta minn eventwali għoti tal-kuntratt inkwistjoni lil offerent partikolari. F’dan il-każ, is-sempliċi fatt li ċ-CdT qiegħed jitlob l-annullament tas-sejħa għal offerti bħala aġenzija speċjalizzata tal-Unjoni u mhux bħala offerent bl-ebda mod ma jibdel din l-analiżi, sa fejn iċ-CdT dejjem għandu juri li jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

68      Barra minn hekk, l-EUIPO għandu raġun meta jargumenta li l-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ kuntratt, li jinkludi s-sejħa għal offerti, ma kinitx tobbligah jagħti l-kuntratt inkwistjoni.

69      Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li mis-sejħa għal offerti jirriżulta li l-EUIPO ma kienx marbut minnha fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha. Kien indikat b’mod espliċitu li l-obbligi kuntrattwali tal-EUIPO kienu applikabbli biss mill-iffirmar ta’ kuntratt mal-offerent magħżul. Kien previst ukoll li, sal-imsemmi ffirmar, l-EUIPO seta’ jirrinunzja għall-kuntratt ippubblikat, jew seta’ jwaqqaf il-proċedura ta’ sejħa għal offerti. Barra minn hekk, l-EUIPO kkonferma, fis-seduta, li ma kienx ċert li kuntratt kien ser jiġi ffirmat wara s-sejħa għal offerti. Fil-fatt, skont l-EUIPO, dan kien jiddependi mill-effetti marbuta mal-implimentazzjoni tal-arranġament il-ġdid tal-2018 u mill-bidliet li kellhom jirriżultaw minnu.

70      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-EUIPO u ċ-CdT kienu ffirmaw arranġament ġdid għas-snin 2019 u 2020, minkejja li ċ-CdT kien jaf bl-eżistenza tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti, sempliċement jikkonferma li, fl-assenza ta’ kwalunkwe prova jew ta’ stima li tippermetti li jiġi evalwat b’mod konkret l-impatt tal-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ kuntratt, li fih is-sejħa għal offerti, fuq ir-reputazzjoni taċ-CdT, dan tal-aħħar ma kienx affettwat b’mod negattiv mill-imsemmija pubblikazzjoni. Iċ-CdT lanqas ma jista’ jislet vantaġġ mill-allegazzjoni tiegħu li l-EUIPO “lanqas biss ma kien annulla l-proċedura ta’ sejħa għal offerti li kien nieda”. B’hekk, l-allegazzjoni li ċ-CdT ma kienx ser jibqa’ vijabbli wara l-1 ta’ Jannar 2019 għandha tiġi miċħuda.

71      Fir-rigward tal-allegazzjoni taċ-CdT, imressqa fit-tweġiba tiegħu għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, li tqabbel, minn naħa, in-numru mnaqqas ta’ fajls dwar trade marks tal-Unjoni Ewropea li ntbagħtulu għat-traduzzjoni mill-EUIPO matul il-perijodu bejn Ottubru 2018 u Jannar 2019 u, min-naħa l-oħra, l-istatistika ppubblikata mill-EUIPO, li turi żieda fin-numru ta’ applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ trade marks tal-Unjoni Ewropea ppreżentati f’dan l-istess perijodu, għandu jiġi kkonstatat li din l-allegazzjoni ma għandhiex, fi kwalunkwe każ, effett fuq il-kwistjoni tal-ammissibbiltà. Barra minn hekk, ma’ din l-allegazzjoni ma tressqet ebda data fil-forma ta’ ċifri u ma tikkonċernax il-perijodu kopert mill-arranġament il-ġdid applikabbli b’effett mill-1 ta’ Jannar 2019.

72      Fl-aħħar nett, għall-kuntrarju tal-allegazzjonijiet taċ-CdT, is-sejħa għal offerti ma tistax titqies bħala li tfisser li ċ-CdT ma kienx ser jibqa’ vijabbli b’effett mill-1 ta’ Jannar 2019 u li “kull arranġament li, b’mod straordinarju, ikun konkluż, ser ikun b’hekk imċaħħad mill-essenzjal tas-sustanza tiegħu, sa fejn ix-xogħol ta’ traduzzjoni ser jitwettaq mill-offerenti magħżula mill-EUIPO”. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, matul is-seduta, iċ-CdT ikkonferma li, bis-saħħa tal-iffirmar tal-arranġament tal-2018, is-sitwazzjoni tiegħu “ma kinitx għadha daqstant katastrofika”. Il-konklużjoni tal-arranġament tal-2018 u l-kontenut tiegħu jinnegaw, għalhekk, l-allegazzjonijiet taċ-CdT.

73      F’dawn iċ-ċirkustanzi, iċ-CdT ma stabbilixxiex li huwa affettwat minn allegata deċiżjoni tal-EUIPO li jirrinunzja unilateralment għar-relazzjoni eżistenti bejn il-partijiet u li jippubblika s-sejħa għal offerti.

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talba taċ-CdT li l-EUIPO jiġi pprojbit milli jikkonkludi kuntratti bis-saħħa tas-sejħa għal offerti

74      L-EUIPO jsostni li ċ-CdT ma jressaq ebda motiv insostenn tat-talba tiegħu li l-EUIPO jiġi pprojbit milli jiffirma l-kuntratti li jistgħu jiġu konklużi wara deċiżjoni li l-kuntratt jingħata lill-offerent potenzjalment magħżul, b’riżultat tal-proċedura wara l-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ kuntratt, li jinkludi s-sejħa għal offerti.

75      Iċ-CdT jallega li huwa fil-fatt espona l-motivi insostenn tar-rikors. Fil-fatt, huwa indika li d-deċiżjonijiet li tiġi ddenunzjata unilateralment ir-relazzjoni eżistenti bejn il-partijiet u li tiġi ppubblikata s-sejħa għal offerti kienu ttieħdu bi ksur tar-Regolamenti Nru 2965/94 u 2017/1001. Għaldaqstant, kwalunkwe deċiżjoni sussegwenti, inkluża d-deċiżjoni li jingħata l-kuntratt u l-konklużjoni ta’ kuntratti fuq din il-bażi, ser tkun ukoll illegali u mingħajr bażi legali. L-argument li l-Qorti Ġenerali, billi tipprojbixxi lill-EUIPO milli jiffirma l-kuntratti futuri li jirriżultaw mis-sejħa għal offerti, ser timponi obbligu “negattiv” huwa ineffettiv. Fil-fatt, dan huwa biss is-segwitu loġiku tal-annullament tas-sejħa għal offerti.

76      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni hija limitata għall-istħarriġ tal-legalità tal-att ikkontestat u li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti Ġenerali ma tistax, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha, toħroġ ordni lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni (sentenzi tat-8 ta’ Lulju 1999, DSM vs Il‑Kummissjoni, C‑5/93 P, EU:C:1999:364, punt 36, u tal-24 ta’ Frar 2000, ADT Projekt vs Il‑Kummissjoni, T‑145/98, EU:T:2000:54, punt 83). Fil-każ li jiġi annullat l-att ikkontestat, l-istituzzjoni kkonċernata għandha tieħu, taħt l-Artikolu 266 TFUE, il-miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament (sentenzi tas-27 ta’ Jannar 1998, Ladbroke Racing vs Il‑Kummissjoni, T‑67/94, EU:T:1998:7, punt 200, u tal-10 ta’ Settembru 2008, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T‑465/04, mhux ippubblikata, EU:T:2008:324, punt 35). Din l-istess ġurisprudenza hija applikabbli, b’analoġija, għall-organi tal-Unjoni.

77      F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tosserva, minn naħa, li, kif ġie konkluż fil-punt 73 iktar ’il fuq, iċ-CdT ma stabbilixxiex li għandu interess ċert u reali sabiex jikkontesta d-deċiżjoni tal-EUIPO li jippubblika l-avviż ta’ kuntratt, li jinkludi s-sejħa għal offerti. Min-naħa l-oħra, diġà ġie kkonstatat li l-EUIPO ma kienx obbligat jagħti l-kuntratt inkwistjoni u, għaldaqstant, li ma kienx stabbilit minn qabel li kien ser jikkonkludi kuntratt ma’ offerent jew li kien magħruf il-volum eventwali tat-traduzzjonijiet mogħtija.

78      Fl-aħħar nett, u fi kwalunkwe każ, fir-rigward tal-eventwali koinċidenzi mal-arranġament tal-2018 li seta’ jkun hemm wara eventwali għoti futur ta’ kuntratt lil offerent mat-tmiem tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti, dawn ma jaqgħux taħt l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ineżami.

79      Għaldaqstant, it-talba taċ-CdT sabiex l-EUIPO jiġi pprojbit milli jikkonkludi kuntratti bis-saħħa tas-sejħa għal offerti hija inammissibbli.

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talba taċ-CdT li tiġi ddikjarata illegali l-pubblikazzjoni ta’ sejħa għal offerti għal servizzi ta’ traduzzjoni minn aġenzija jew minn kull korp jew organu ieħor tal-Unjoni li fir-rigward tagħhom ir-regolament li jistabbilixxihom jipprevedi li s-servizzi ta’ traduzzjoni għandhom jiġu pprovduti miċ-CdT

80      L-EUIPO jsostni li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex ġurisdizzjoni, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità fuq il-bażi tal-Artikolu 263 TFUE, sabiex tagħti deċiżjonijiet dikjaratorji. Barra minn hekk, ma jeżistix rimedju legali li jippermetti lill-qorti tal-Unjoni tagħti deċiżjoni intiża li “tiddikjara” li l-pubblikazzjoni ta’ sejħa għal offerti hija vvizzjata b’illegalità.

81      Iċ-CdT jindika li huwa ma huwiex qiegħed jitlob lill-Qorti Ġenerali tiddikjara illegali l-pubblikazzjonijiet kollha ta’ avviż ta’ kuntratt iżda li tiddikjara illegali biss il-pubblikazzjoni ta’ sejħa għal offerti għas-servizzi ta’ traduzzjoni fil-każ tal-aġenziji u tal-organi tal-Unjoni li fir-rigward tagħhom ir-regolament li jistabbilixxihom jipprevedi li s-servizzi ta’ traduzzjoni għandhom jiġu żgurati miċ-CdT.

82      Għandu jiġi kkonstatat li din it-talba taċ-CdT għandha tiġi interpretata jew bħala li hija intiża li tinkiseb sentenza dikjaratorja jew bħala li hija intiża li l-Qorti Ġenerali toħroġ ordnijiet fil-konfront tal-EUIPO jew ta’ organi oħra tal-Unjoni, li jmur kontra l-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 76 iktar ’il fuq.

83      Għaldaqstant, din it-talba taċ-CdT għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

84      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talbiet tar-rikors intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni li xxolji l-arranġament tal-2016. Il-kumplament tar-rikors huwa inammissibbli.

 Fuq l-ispejjeż

85      Skont l-Artikolu 135(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tikkundanna lil parti, anki jekk rebbieħa, tbati parzjalment jew kompletament l-ispejjeż, jekk dan jidher li jkun iġġustifikat minħabba l-aġir tagħha, inkluż qabel ma tkun tressqet il-kawża, b’mod partikolari jekk hija tkun ikkawżat lill-parti l-oħra spejjeż li l-Qorti Ġenerali tirrikonoxxi li huma fiergħa jew vessatorji.

86      F’dan il-każ, l-aġir adottat mill-EUIPO fil-kuntest tan-negozjati maċ-CdT dwar il-kooperazzjoni reċiproka tagħhom fil-qasam tas-servizzi ta’ traduzzjoni qiegħed liċ-CdT f’sitwazzjoni ta’ inċertezza li wasslitu sabiex jippreżenta r-rikors ineżami, sa fejn ma kellhux garanzija dwar il-kontinwazzjoni tal-kooperazzjoni mal-EUIPO b’effett mill-1 ta’ Jannar 2019. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tikkundanna lill-EUIPO jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, nofs l-ispejjeż taċ-CdT, inklużi dawk marbuta mal-proċedura għal miżuri provviżorji fil-Kawża T‑417/18 R.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talbiet tar-rikors intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni li xxolji l-arranġament konkluż fit-13 ta’ Diċembru 2016 bejn iċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea (CdT) u l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO).

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      L-EUIPO huwa kkundannat ibati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll nofs l-ispejjeż taċ-CdT, inklużi dawk marbuta mal-proċedura għal miżuri provviżorji fil-Kawża T417/18 R.

Kanninen

Schwarcz

Iliopoulos

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-24 ta’ Ottubru 2019.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.