Language of document :

Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Frar 2022 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Ċeka

(Kawża C-75/22)

Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek

Partijiet

Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: L. Armati, M. Mataija u M. Salyková, aġenti)

Konvenut: Ir-Repubblika Ċeka

Talbiet

tiddikjara li, billi ma wettqitx traspożizzjoni korretta tal-Artikolu 3(1)(g) u (h), tal-Artikolu 6(b), tal-Artikolu 7(3), tal-Artikolu 21(6), tal-Artikolu 31(3), tal-Artikolu 45(2)(c) u (f), ta’ parti mill-Artikolu 45(2)(e), tal-Artikolu 45(3), tal-Artikolu 50(1) flimkien mal-punt 1(d) u (e) tal-Anness VII, u tal-Artikolu 51(1) tad-Direttiva 2005/36/KE 1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali, emendata bid-Direttiva 2013/55/UE 2 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Repubblika Ċeka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt dawn id-dispożizzjonijiet tad-direttiva.

tikkundanna lir-Repubblika Ċeka għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Artikolu 3(1)(g) u (h) – Il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Ċeka ma wettqitx l-obbligi li jinsabu f’dawn id-dispożozzjonijet tad-direttiva li jikkonsistu fid-determinazzjoni tal-istatus ġuridiku ta’ persuni li jkunu qegħdin iwettqu prattika sorveljata jew persuni li jkunu qegħdin jippreparaw ruħhom għat-test ta’ kapaċità.

Artikolu 6(b) – Il-Kummissjoni tallega li r-Repubblika Ċeka li ma eżentatx lill-fornituri ta’ servizzi mir-reġistrazzjoni, mal-korp pubbliku ta’ sigurtà soċjali tal-Istat Membru ospitanti, ta’ assigurazzjoni bil-għan li jiġu ssetiljati, mal-assiguratur, il-kontijiet relatati mal-provvista ta’ servizz għall-benefiċċju ta’ persuni assigurati.

Artikolu 7(3) – Skont il-Kummissjoni, ma twettqitx traspożizzjoni ċara ta’ din id-dispożizzjoni tad-direttiva, li tippermetti lill-periti u lill-veterinarji jużaw it-titolu professjonali tal-Istat Membru ospitanti fir-rigward tal-periti u l-veterinarji.

Artikolu 21(6) u Artikolu 31(3) – Il-Kummissjoni tindika li r-Repubblika Ċeka ma wettqitx traspożizzjoni korretta ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fir-rigward tat-taħriġ tal-infermiera responsabbli mill-kura ġenerali b’rabta mal-professjoni ta’ infermiera li jipprovdu kura ġenerali.

Artikolu 45(2)(c) u (f), u parti mill-Artikolu 45(2)(e) – Il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Ċeka ma wettqitx traspożizzjoni korretta ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-direttiva, u dan għaliex ma żguratx lill-ispiżjara l-aċċess għat-tipi ta’ attivitajiet previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet.

Artikolu 45(3) – Il-Kummissjoni tindika li r-Repubblika Ċeka ma wettqitx traspożizzjoni korretta ta’ din id-dispożizzjoni tad-direttiva, u dan għaliex ma żguratx lill-ispiżjara li jiksbu kwalifiki professjonali fi Stati Membri oħra l-aċċess għal-lista minima ta’ attivitajiet, liema aċċess jista’ jkun jiddependi biss fuq it-twettiq ta’ esperjenza professjonali supplimentari.

Artikolu 50(1) flimkien mal-punt 1(d) u (e) tal-Anness VII – Skont il-Kummissjoni, dawn id-dispożizzjonijiet tad-direttiva ma ġewx trasposti b’mod korrett, u dan għaliex ir-Repubblika Ċeka ma pprevedietx li t-terminu għall-għoti, mill-Istat Membru ta’ oriġini, tad-dokumenti meħtieġa huwa ta’ xahrejn.

Artikolu 51(1) – Il-Kummissjoni tallega li r-Repubblika Ċeka li ma wettqitx traspożizzjoni korretta ta’ din id-dispożizzjoni tad-direttiva, u dan għaliex ma pprevedietx li t-terminu għall-konferma ta’ riċezzjoni ta’ applikazzjoni għar-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali u għall-komunikazzjoni lill-applikant, fejn xieraq, dwar il-ħtieġa li jingħataw id-dokumenti nieqsa, huwa ta’ xahar.

____________

1 ĠU 2005, L 255, p. 22, rettifiki fil-ĠU 2007, L 271, p. 18, fil-ĠU 2008, L 93, p. 28 u fil-ĠU 2014, L 305, p. 115.

1 Direttiva 2013/55/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2013 li temenda d-Direttiva 2005/36/KE dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali u r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern, ĠU 2013, L 354, p. 132.