Language of document : ECLI:EU:T:2021:527

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla Estiża)

1 ta’ Settembru 2021 (*)

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Applikazzjoni għat-trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea Limbic® Types – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Deċiżjoni meħuda wara li l-Qorti Ġenerali annullat deċiżjoni preċedenti – Rinviju quddiem il-Bord tal-Appell Estiż – Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001) – Żball ta’ liġi – Eżami ex officio tal-fatti – Artikolu 95(1) tar-Regolament 2017/1001 – Awtorità ta’ res judicata – Artikolu 72(6) tar-Regolament 2017/1001 – Kompożizzjoni tal-Bord tal-Appell Estiż”

Fil-Kawża T‑96/20,

Gruppe Nymphenburg Consult AG, stabbilita f’München (il-Ġermanja), irrappreżentata minn R. Kunze, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn D. Hanf, bħala aġent,

konvenut,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ħames Bord tal-Appell Estiż tal-EUIPO tat‑2 ta’ Diċembru 2019 (Każ R 1276/2017‑G), dwar applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tas-sinjal verbali Limbic® Types bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla Estiża),

komposta minn S. Papasavvas, President, D. Spielmann (Relatur), U. Öberg, O. Spineanu-Matei u R. Mastroianni, Imħallfin,

Reġistratur: R. Ūkelytė, amministratriċi,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑20 ta’ Frar 2020,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑22 ta’ Mejju 2020,

wara li rat il-mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali lill-partijiet tat‑18 ta’ Novembru 2020,

wara s-seduta tas‑16 ta’ Marzu 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fil‑15 ta’ Novembru 2013, ir-rikorrenti, Gruppe Nymphenburg Consult AG, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea mal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), bis-saħħa tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat (issostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)).

2        It-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali Limbic® Types.

3        Il-prodotti u s-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 16, 35 u 41 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        klassi 16: “Materjal stampat, b’mod partikolari kotba, perjodiċi, gazzetti u fuljetti fl-oqsma tal-konsulenza lill-impriżi u konsulenza dwar l-amministrazzjoni tar-riżorsi umani, kif ukoll manwali dwar it-trade marks”;

–        klassi 35: “Reklamar; konsulenza lill-impriżi u riżorsi umani, b’mod partikolari fl-oqsma tal-iżvilupp tat-trade marks, tal-pożizzjoni tat-trade marks, tal-iżvilupp tal-kultura tal-impriża, tal-iżvilupp tal-mudelli, tal-għażla tal-persunal, tal-motivazzjoni tal-kollaboraturi, tar-reklamar u tal-kummerċjalizzazzjoni, tal-preżentazzjoni ta’ artikoli u ta’ studji tas-suq”;

–        klassi 41: “Edukazzjoni; taħriġ; divertiment; attivitajiet sportivi u kulturali; konferenzi, taħriġ u edukazzjoni fl-oqsma tal-iżvilupp tat-trade marks, tal-pożizzjoni tat-trade marks, tal-iżvilupp tal-kultura tal-impriża, tal-iżvilupp tal-mudelli, tal-għażla tal-persunal, tal-motivazzjoni tal-kollaboraturi, tar-reklamar u tal-kummerċjalizzazzjoni, tal-preżentazzjoni ta’ artikli u ta’ studji tas-suq; pubblikazzjoni ta’ kotba, rivisti, gazzetti u fuljetti fl-oqsma tal-konsulenza lill-impriżi u konsulenza dwar l-amministrazzjoni tar-riżorsi umani, kif ukoll manwali dwar it-trade marks”.

4        Permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Mejju 2014, l-eżaminatur ċaħad l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni abbażi tal-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament 2017/1001), ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 7(2) tal-istess regolament (li sar l-Artikolu 7(2) tar-Regolament 2017/1001), f’dak li jirrigwarda l-prodotti u s-servizzi msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.

5        Fid‑29 ta’ Lulju 2014, ir-rikorrenti appellat quddiem l-EUIPO, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009 (li saru l-Artikoli 66 sa 71 tar-Regolament 2017/1001), mid-deċiżjoni tal-eżaminatur.

6        Permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Ġunju 2015, l-Ewwel Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħad l-appell. Huwa qies li s-sinjal Limbic® Types kien deskrittiv tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009.

7        Fis‑7 ta’ Settembru 2015, ir-rikorrenti ppreżentat rikors kontra d-deċiżjoni tat‑23 ta’ Ġunju 2015 permezz ta’ rikors fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali bin-numru T‑516/15.

8        Permezz ta’ sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, Gruppe Nymphenburg Consult vs EUIPO (Limbic® Types) (T‑516/15, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza ta’ annullament”, EU:T:2017:83), il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikors tar-rikorrenti u annullat id-deċiżjoni tat‑23 ta’ Ġunju 2015, minħabba evalwazzjonijiet żbaljati tal-Bord tal-Appell dwar il-karattru deskrittiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009.

9        Permezz ta’ deċiżjoni tal-Presidju tal-Bordijiet tal-Appell tas‑16 ta’ Ġunju 2017, il-każ intbagħat lura quddiem il-Bord tal-Appell Estiż, bir-referenza R 1276/2011‑G, sabiex dan jiddeċiedi mill-ġdid. Ir-rikorrenti ġiet informata b’dan ir-rinviju permezz ta’ komunikazzjoni tar-Reġistru tal-Bordijiet tal-Appell tat‑2 ta’ Awwissu 2017.

10      Permezz ta’ komunikazzjoni tad‑29 ta’ Mejju 2018, il-Bord tal-Appell Estiż informa lir-rikorrenti li huwa kien iqis li r-raġunijiet assoluti msemmija fl-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament 2017/1001 kienu jostakolaw ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti u s-servizzi inkwistjoni u talabha tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha. Ir-rikorrenti ssodisfat din it-talba fil‑21 ta’ Settembru 2018.

11      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ Diċembru 2019 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Bord tal-Appell Estiż ċaħad l-appell. L-ewwel, huwa kkunsidra li, fis-sentenza ta’ annullament, il-Qorti Ġenerali kienet iddeċidiet li l-provi li fuqhom l-Ewwel Bord tal-Appell ibbaża ruħu, fid-deċiżjoni tiegħu tat‑23 ta’ Ġunju 2015, ma kinux suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kellha karattru deskrittiv. Għaldaqstant, sa fejn qies li kienu jeżistu fatti u provi supplimentari, huwa kkonkluda minn dan li huwa kellu, bis-saħħa tal-Artikolu 95(1) tar-Regolament 2017/1001, jiddeċiedi mill-ġdid fuq il-karattru deskrittiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. It-tieni, sabiex jiġi evalwat l-imsemmi karattru deskrittiv, huwa qabel kollox irrileva li l-prodotti u s-servizzi inkwistjoni kienu intiżi għall-pubbliku ġenerali kif ukoll għall-professjonisti tal-konsulenza lill-impriżi, tal-konsulenza dwar l-amministrazzjoni tar-riżorsi umani, tar-reklamar, tal-kummerċjalizzazzjoni, tar-riżorsi umani, tal-amministrazzjoni tal-impriża, tat-taħriġ professjonali, tal-isport professjonali, tal-formazzjoni, tad-divertiment u tal-kultura. Sussegwentement, huwa kkonstata li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet tfisser “tipi limbiċi” u kkunsidra li din it-trade mark tinftiehem mill-pubbliku rilevanti Anglofonu bħala li tindika, essenzjalment, klassifikazzjoni tal-individwi skont profili jew tipi ta’ personalità stabbiliti abbażi ta’ informazzjoni dwar is-sistema limbika. Fl-aħħar, mill-konstatazzjonijiet tiegħu huwa ddeduċa li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet deskrittiva tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni. It-tielet, huwa qies li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet nieqsa minn karattru distintiv. Konsegwentement, huwa ċaħad l-appell.

 It-talbiet tal-partijiet

12      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż.

13      L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

14      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem sitt motivi bbażati, l-ewwel, fuq ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali, it-tieni, fuq ksur tal-Artikolu 72(6) tar-Regolament 2017/1001, it-tielet, fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(c) tal-imsemmi regolament, ir-raba’, fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tal-istess regolament, il-ħames, fuq ksur tal-Artikolu 94(1) ta’ dan ir-regolament u, is-sitt, fuq ksur tal-Artikolu 96 tal-imsemmi regolament.

 Osservazzjonijiet preliminari

15      Fid-dawl tad-data ta’ introduzzjoni tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni inkwistjoni, jiġifieri l‑15 ta’ Novembru 2013, li hija determinanti sabiex jiġi identifikat id-dritt sostantiv applikabbli, din it-tilwima hija rregolata bid-dispożizzjonijiet sostantivi tar-Regolament Nru 207/2009 (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑5 ta’ Ottubru 2004, Alcon vs UASI, C‑192/03 P, EU:C:2004:587, punti 39 u 40, u s-sentenza tat‑23 ta’ April 2020, Gugler France vs Gugler u EUIPO, C‑736/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:308, punt 3 u l-ġurisprudenza ċċitata).

16      Konsegwentement, f’dan il-każ, fir-rigward tar-regoli sostantivi, ir-riferimenti magħmula mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata u mir-rikorrenti fis-sottomissjonijiet għall-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament 2017/1001 għandhom jinftiehmu bħala li jirreferu għall-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 207/2009, b’kontenut identiku.

17      Barra minn hekk, sa fejn, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-regoli proċedurali huma ġeneralment meqjusa applikabbli fid-data li fiha dawn jidħlu fis-seħħ (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑610/10, EU:C:2012:781, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata), it-tilwima hija rregolata, skont id-data tal-avvenimenti kkonċernati, mid-dispożizzjonijiet proċedurali tar-Regolamenti Nru 207/2009 u Nru 2017/1001.

 Fuq l-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali

18      Insostenn tal-motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni tliet ilmenti.

 Fuq l-ewwel u t-tieni lment ibbażati fuq l-assenza ta’ komunikazzjoni u fuq motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni tar-rinviju quddiem il-Bord tal-Appell Estiż

19      Permezz tal-ewwel ilment, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni tas‑16 ta’ Ġunju 2017 tal-Presidju tal-Bordijiet tal-Appell, li permezz tagħha l-każ intbagħat lura quddiem il-Bord tal-Appell Estiż, ma ġietx ikkomunikata lilha bħala tali, iżda li hija ġiet informata biss b’din id-deċiżjoni permezz ta’ komunikazzjoni tat‑2 ta’ Awwissu 2017, bi ksur tal-Artikolu 165(3)(a), tal-Artikolu 166(4)(a) tar-Regolament 2017/1001, tal-Artikolu 35(1) u (4), u tal-Artikolu 37(2) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/625 tal‑5 ta’ Marzu 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea, u li jħassar ir-Regolament Delegat (UE) 2017/1430 (ĠU 2018, L 104, p. 1).

20      Permezz tat-tieni lment, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni tal-Presidju tal-Bordijiet tal-Appell tas‑16 ta’ Ġunju 2017 hija vvizzjata bi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, stabbilit mill-Artikolu 94 tar-Regolament 2017/1001, peress li r-raġunijiet għal dan ir-rinviju, previsti fl-Artikolu 165 tal-imsemmi regolament, ma kinux imsemmija fih. Hija żżid li tali motivazzjoni kienet iktar u iktar neċessarja peress li, minn naħa, l-Ewwel Bord tal-Appell, li kien adotta d-deċiżjoni tat‑23 ta’ Ġunju 2015, imsemmija fil-punt 6 iktar ’il fuq, kien kompost minn membru wieħed u li, min-naħa l-oħra, ma kienx possibbli li wieħed ikun jaf fuq liema bażi l-każ kien intbagħat lura lill-Bord tal-Appell Estiż.

21      L-EUIPO jikkontesta l-ammissibbiltà ta’ dawn l-ilmenti, minħabba li dawn ma humiex diretti kontra d-deċiżjoni kkontestata, iżda kontra d-deċiżjoni tal-Presidju tal-Bordijiet tal-Appell tas‑16 ta’ Ġunju 2017, li ma tikkawżax preġudizzju lir-rikorrenti. Huwa jikkontesta wkoll il-fondatezza tiegħu u fir-rigward tat-tieni lment, in-natura effettiva, minħabba li r-raġunijiet tar-rinviju tal-kawża quddiem il-Bord tal-Appell Estiż kienu nġiebu għall-attenzjoni tar-rikorrenti fil-komunikazzjoni tad‑29 ta’ Mejju 2018 u li din kienet ġiet mistiedna tifformula osservazzjonijiet b’risposta għall-imsemmija komunikazzjoni.

22      Skont l-Artikolu 72(1) tar-Regolament Nru 2017/1001, ir-rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni Ewropea jista’ jsir biss kontra d-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell. Fil-kuntest ta’ rikors bħal dan, huma ammissibbli biss motivi indirizzati kontra d-deċiżjoni tal-istess Bord tal-Appell (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Ġunju 2005, Lidl Stiftung vs UASI – REWE-Zentral (Salvita), T‑303/03, EU:T:2005:200, punt 59, u tas‑16 ta’ Mejju 2019, KID-Systeme vs EUIPO – Sky (SKYFi), T‑354/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:333, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      Għandu jiġi kkonstatat li l-irregolaritajiet invokati mir-rikorrenti huma ta’ natura li jaffettwaw id-deċiżjoni tal-Presidju tal-Bordijiet tal-Appell tas‑16 ta’ Ġunju 2017, iżda mhux id-deċiżjoni kkontestata.

24      Għaldaqstant, l-ewwel u t-tieni lmenti tal-ewwel motiv huma inammissibbli.

 Fuq it-tielet ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 169(1) tar-Regolament Nru 2017/1001

25      Ir-rikorrenti ssostni li l-kompożizzjoni tal-Bord tal-Appell Estiż li adotta d-deċiżjoni kkontestata tikser id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 169(1) tar-Regolament 2017/1001, minħabba li membru tal-imsemmi bord kien l-uniku membru tal-Bord tal-Appell li adotta d-deċiżjoni tat‑23 ta’ Ġunju 2015.

26      L-EUIPO jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

27      Skont l-Artikolu 169(1) tar-Regolament 2017/1001, il-Membri tal-Bordijiet tal-Appell ma jistgħux jieħdu sehem fi proċedimenti ta’ appell jekk ikunu ipparteċipaw fid-deċiżjoni li tkun qiegħda tiġi appellata.

28      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li sentenza ta’ annullament topera ex tunc u għalhekk għandha l-effett li telimina b’mod retroattiv l-att annullat mill-ordinament ġuridiku (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2009, Kaul vs UASI – Bayer (ARCOL), T‑402/07, EU:T:2009:85, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      F’dan il-każ, għandu jitfakkar li r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ġiet irrifjutata permezz tad-deċiżjoni tal-eżaminatur tal-EUIPO tat‑30 ta’ Mejju 2014 u li, fuq appell ippreżentat mir-rikorrenti, l-Ewwel Bord tal-Appell ikkonferma ċ-ċaħda tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Ġunju 2015. Issa, din l-aħħar deċiżjoni ġiet annullata permezz tas-sentenza ta’ annullament, li saret definittiva, b’tali mod li ġiet irrevokata b’mod retroattiv mill-ordinament ġuridiku. Konsegwentement, id-deċiżjoni li hija s-suġġett tal-appell, fis-sens tal-Artikolu 169(1) tar-Regolament 2017/1001, quddiem il-Bord tal-Appell Estiż ma hijiex id-deċiżjoni tat‑23 ta’ Ġunju 2015, iżda d-deċiżjoni tal-eżaminatur tat‑30 ta’ Mejju 2014.

30      Barra minn hekk, l-Artikolu 35 (4) tar-Regolament Delegat 2018/625 jiddisponi:

“Meta deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell fuq kawża tiġi annullata jew tinbidel permezz ta’ sentenza finali mill-Qorti Ġenerali […], il-President tal-Bordijiet tal-Appell għandu, bil-għan li jikkonforma ma’ dik is-sentenza skont l-Artikolu 72(6) tar-Regolament (UE) 2017/1001, jerġa’ jalloka l-kawża skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu lil Bord tal-Appell, li ma għandux jinkludi fih dawk il-membri li kienu adottaw id-deċiżjoni annullata, ħlief meta l-kawża tiġi riferita lill-Bord tal-Appell estiż […]”

31      Għaldaqstant, sa fejn, f’dan il-każ, il-kawża ntbagħtet lura lill-Bord tal-Appell Estiż, dan seta’ jinkludi l-uniku membru tal-Bord tal-Appell li kien adotta d-deċiżjoni tat‑23 ta’ Ġunju 2015.

32      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-kompożizzjoni tal-Bord tal-Appell Estiż li adotta d-deċiżjoni kkontestata ma kienet affettwata minn ebda difett ta’ natura li jivvizzja b’illegalità l-imsemmija deċiżjoni. Għaldaqstant, it-tielet ilment u, għalhekk, l-ewwel motiv, għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq it-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-awtorità ta’ res judicata

33      Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata bi ksur tal-awtorità ta’ res judicata, fid-dawl tal-Artikolu 72(6) tar-Regolament 2017/1001, sa fejn il-Bord tal-Appell Estiż ma kkonformax ruħu mal-obbligu tiegħu li jieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament, u li, konsegwentement, kiser l-awtorità assoluta ta’ res judicata marbuta mal-motivi u mad-dispożittiv ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, f’din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma kinitx deskrittiva tal-prodotti inkwistjoni, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, u mhux li l-Bord tal-Appell ma kienx stabbilixxa suffiċjentement skont il-liġi l-karattru deskrittiv ta’ din it-trade mark. Peress li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet fuq il-mertu, minn dan ir-rikorrenti ddeduċiet li l-Bord tal-Appell Estiż ma setax validament jipproċedi b’eżami ġdid tal-imsemmi karattru deskrittiv.

34      L-EUIPO jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. Fl-ewwel lok, huwa jsostni li d-deċiżjoni tat‑23 ta’ Ġunju 2015 ġiet annullata, u mhux mibdula, mis-sentenza ta’ annullament, b’tali mod li l-imsemmija sentenza ma kinitx tobbliga lill-EUIPO jawtorizza r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Fl-osservanza tat-tqassim tal-kompetenzi li għandhom rispettivament il-Qorti Ġenerali u l-EUIPO, is-sentenza ta’ annullament ma tinkludix konstatazzjoni definittiva dwar il-kapaċità għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, dwar l-eżistenza jew l-ineżistenza tar-raġuni assoluta għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009. Mis-sentenza ta’ annullament jirriżulta biss li l-provi li fuqhom kienu bbażati l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Ewwel Bord tal-Appell fid-deċiżjoni tat‑23 ta’ Ġunju 2015 kienu insuffiċjenti sabiex jiġi konkluż li t-trade mark kienet deskrittiva tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni.

35      Fit-tieni lok, l-EUIPO jsostni li l-obbligu ta’ eżami ex officio tal-fatti li huwa għandu skont l-Artikolu 95(1) tar-Regolament 2017/1001 japplika, fir-rigward tar-raġunijiet assoluti għal rifjut ta’ reġistrazzjoni, sad-data tar-reġistrazzjoni u li, skont l-Artikolu 45(3) tar-Regolament 2017/1001, huwa jista’ jkompli, fi kwalunkwe mument qabel ir-reġistrazzjoni u fuq inizjattiva tiegħu stess, l-eżami ta’ raġuni assoluta għal rifjut jekk fatti ġodda li jirriżultaw minn osservazzjonijiet ta’ terzi, ta’ konstatazzjonijiet magħmula matul proċedura ta’ oppożizzjoni ulterjuri jew, bħal f’dan il-każ, wara sentenza ta’ annullament li saret finali, jiġġustifikaw dan.

36      Fit-tielet lok, l-EUIPO jsostni li huwa b’mod żbaljat li r-rikorrenti tikkritika lill-Bord tal-Appell Estiż talli eżamina mill-ġdid il-karattru deskrittiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, peress li l-eżami mwettaq mill-imsemmi bord kien jirrigwarda punti ta’ fatt u provi differenti minn dawk li fuqhom kienet ibbażata d-deċiżjoni tat‑23 ta’ Ġunju 2015.

37      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, peress li s-sentenza ta’ annullament ma kinitx is-suġġett ta’ appell, din saret definittiva.

38      Barra minn hekk, il-ġurisprudenza diġà enfasizzat l-importanza li għandu l-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata, kemm fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni kif ukoll fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali. Fil-fatt, bil-ħsieb li tiġi żgurata wkoll l-istabbiltà tad-dritt u tar-relazzjonijiet ġuridiċi kif ukoll amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, jeħtieġ li deċiżjonijiet ġudizzjarji li jkunu saru definittivi wara l-eżawriment tar-rimedji ġudizzjarji disponibbli jew wara l-iskadenza tat-termini previsti għal dawn ir-rikorsi ma jkunux jistgħu jiġu kkontestati iktar (ara s-sentenza tad‑19 ta’ April 2012, Artegodan vs Il‑Kummissjoni (C‑221/10 P, EU:C:2012:216, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Barra minn hekk, bis-saħħa tal-Artikolu 72(6) tar-Regolament Nru 2017/1001, l-EUIPO huwa marbut jieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-qorti tal-Unjoni.

40      Huwa stabbilit li, permezz tad-deċiżjoni tat‑23 ta’ Ġunju 2015, il-Bord tal-Appell kien irrifjuta r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni minħabba l-karattru deskrittiv ta’ din it-trade mark fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni. Fis-sentenza ta’ annullament, il-Qorti Ġenerali kienet laqgħet l-ewwel motiv tar-rikors, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009. Permezz tal-punt 1 tad-dispożittiv ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kienet annullat id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tat‑23 ta’ Ġunju 2015.

41      Il-motivi li għalihom il-Qorti Ġenerali laqgħet l-ewwel motiv tar-rikors, li jinsabu fil-punti 34 sa 52 tas-sentenza ta’ annullament, huma dawn li ġejjin:

“34            [G]ħandu jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell baqa’ ma stabbilixxiex li l-pubbliku rilevanti f’dan il-każ ser jistabbilixxi immedjatament u mingħajr riflessjoni relazzjoni konkreta u diretta bejn il-prodotti u s-servizzi inkwistjoni, minn naħa, u s-sinjal Limbic® Types, min-naħa l-oħra.

35            Ċertament, is-simbolu ‘®’ u l-kelma ‘types’ jistgħu jinftiehmu mill-pubbliku kkonċernat, tal-ewwel li jirrappreżenta s-sinjal li jindika trade mark irreġistrata u t-tieni li jikkostitwixxi kelma kurrenti Ingliża li tirreferi għall-forma ġenerali, l-istruttura jew il-karattru li jiddistingwi tip, grupp jew klassi partikolari ta’ persuni ħajjin jew oġġetti. It-tifsira ta’ dawn iż-żewġ elementi fir-rigward tal-pubbliku rilevanti, kif sostnut mill-Bord tal-Appell, ma hijiex ikkontestata mir-rikorrenti u għandha tiġi kkonfermata għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fid-deċiżjoni kkontestata.

36            Madankollu, ma huwiex biżżejjed li wieħed jew iktar mill-elementi li jikkomponu sinjal ikunu deskrittivi; il-karattru deskrittiv għandu jiġi kkonstatat għas-sinjal kollu kemm hu, inkluż, f’dan il-każ, it-tielet kelma, jiġifieri l-kelma ‘limbic’ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2016, provima Warenhandels vs UASI – Renfro (HOT SOX), T‑543/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:102, punt 29).

37            F’dan ir-rigward, kif irrileva l-EUIPO, bħall-eżaminatur u l-Bord tal-Appell, il-kelma ‘limbic’, kif ikkonfermata b’mod partikolari mill-Oxford English Dictionary, tirreferi għas-‘sistema limbika’ (limbic system bl-Ingliż) li tirreferi għal reġjun tal-moħħ li jinfluwenza r-regolazzjoni ormonali u s-sistema newroveġetattiva. Ir-rikorrenti qablet ma’ din id-definizzjoni waqt il-proċedura.

38            Madankollu, għandu jiġi kkunsidrat, fl-ewwel lok, li, kif ġustament issostni r-rikorrenti, il-formulazzjoni tat-tliet kelmiet li jikkomponu t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma hijiex normali f’dak li jirrigwarda l-prodotti u s-servizzi inkwistjoni.

39            Fil-fatt, mid-definizzjonijiet differenti tad-dizzjunarju ċċitati mill-eżaminatur u mill-Bord tal-Appell jirriżulta li l-kelma ‘limbic’ normalment tintuża bl-Ingliż bħala li tifforma parti mill-espressjonijiet magħrufa ‘limbic system’ jew ‘limbic lobe’ li jiddeskrivu ċerta parti tal-moħħ.

40            Issa, fir-rigward tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, minn naħa, il-kelma ‘limbic’ tneħħiet mill-espressjoni li normalment tagħtiha s-sens tagħha. Għalhekk, il-kelma ‘limbic’ kienet nieqsa mis-sens ċar u dirett tagħha.

41            Min-naħa l-oħra, tidher fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni flimkien mas-simbolu ‘®’ u l-kelma ‘types’, jiġifieri taħlita li ma hijiex komuni jew abitwali fl-istruttura tal-Ingliż.

42            Għalhekk, minħabba l-karattru mhux tas-soltu tal-kombinazzjoni li tirrigwarda l-prodotti u s-servizzi kkonċernati, il-formulazzjoni tat-trade mark proposta għar-reġistrazzjoni toħloq impressjoni differenti minn dik prodotta mis-sempliċi għaqda tal-elementi li jifformawha, li huwa tali li jagħti lit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni karattru mhux deskrittiv tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 21 iktar ’il fuq).

43            Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat, kif issostni wkoll ġustament ir-rikorrenti, li l-kelma ‘limbic’ li tirreferi għas-sistema limbika tikkostitwixxi kelma medika relatata man-newroloġija u għalhekk kelma speċjalizzata ħafna.

44            F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Bord tal-Appell sempliċement ikkonstata li l-pubbliku rilevanti kien jifhem it-trade mark bħala li tirreferi għal tipi differenti ta’ personalità, li kienu jirreaġixxu b’mod differenti għall-istimulu tas-sistema limbika.

45            Issa, ma huwiex stabbilit, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 22 iktar ’il fuq, li l-pubbliku rilevanti, li ma jinkludix il-professjonijiet mediċi, jifhem il-kelma ‘limbic’ immedjatament, mingħajr riflessjoni oħra, bħala li tirreferi għal parti mill-moħħ jew, tal-inqas, għall-parti tal-moħħ li tinfluwenza r-regolazzjoni ormonali u s-sistema newroveġetattiva. Lanqas ma huwa stabbilit li l-pubbliku rilevanti jipperċepixxi, mingħajr ebda riflessjoni oħra, l-għaqda tat-tliet elementi kostituttivi tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni bħala li jagħtu s-sens ta’ tipi differenti ta’ personalità, li jirreaġixxu b’mod differenti għall-istimuli tal-parti tal-moħħ li tinfluwenza r-regolazzjoni ormonali u s-sistema newroveġetattiva u għalhekk bħala indikazzjoni deskrittiva tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni jew ta’ waħda mill-karatteristiċi tagħhom.

46            Fl-aħħar, il-fatt li s-servizzi inkwistjoni (li jaqgħu fil-klassijiet 35 u 41) jistgħu jkunu intiżi sabiex jinformaw dwar it-tipi limbiċi differenti u jippermettu lill-impriżi jiddeterminaw l-aħjar strateġija tagħhom ta’ reklamar u ta’ bejgħ skont it-tipi differenti ta’ personalità, kif iqis il-Bord tal-Appell fil-punti 22 u 23 tad-deċiżjoni kkontestata, ma huwiex biżżejjed sabiex it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tiġi kkunsidrata bħala deskrittiva tal-imsemmija servizzi.

47            Fil-fatt, minbarra l-fatt li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tuża kelma li tintuża f’għaqda mhux tas-soltu u li hija nieqsa mis-sens ċar u dirett tagħha, ma huwiex stabbilit li l-professjonist medju, b’mod partikolari fil-qasam tar-reklamar, tal-amministrazzjoni kummerċjali u tal-amministrazzjoni tar-riżorsi umani u tal-impriżi, fil-preżenza ta’ kelma speċjalizzata ta’ mediċina, ma għandux tal-inqas jintrabat fi proċess ta’ interpretazzjoni, li jimplika terminu ta’ riflessjoni, sabiex jifhem is-sens tat-trade mark proposta għas-servizzi inkwistjoni. Issa, tali proċess ta’ interpretazzjoni huwa inkompatibbli mar-rikonoxximent tal-karattru deskrittiv li t-tifsira tiegħu għandha tiġi pperċepita immedjatament mingħajr riflessjoni ulterjuri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2011, Psytech International vs UASI – Institute for Personality & Ability Testing (16PF), T‑507/08, mhux ippubblikata, EU:T:2011:253, punt 40).

48            Bl-istess mod, għal raġunijiet identiċi (ara l-punt 47 iktar ’il fuq), għandu jiġi rrilevat li, anki jekk il-prodotti inkwistjoni fil-qasam tal-konsulenza lill-impriżi u tal-konsulenzi dwar l-amministrazzjoni tar-riżorsi umani (li jaqgħu fil-klassi 16) jistgħu jinformaw dwar it-tipi limbiċi differenti u l-aġir tagħhom u dwar l-aħjar mod kif jidentifikaw, kif iqis il-Bord tal-Appell fil-punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata, din il-konstatazzjoni ma hijiex biżżejjed sabiex it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni titqies li hija deskrittiva tal-imsemmija prodotti.

49            Barra minn hekk, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-karattru deskrittiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal dak li jikkonċerna l-komprensjoni li l-pubbliku inġenerali għandu tagħha, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, din timplika iktar u iktar proċess ta’ interpretazzjoni li huwa inkompatibbli man-natura deskrittiva ta’ trade mark (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2011, 16PF, T‑507/08, mhux ippubblikata, EU:T:2011:253, punt 43).

50            Fir-rigward tal-ġurisprudenza invokata mill-EUIPO li skontha sinjal verbali għandu jiġi rrifjutat ir-reġistrazzjoni, skont l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 jekk, tal-inqas f’waħda mit-tifsiriet potenzjali tiegħu, huwa jindika karatteristika tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati (sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2003, UASI vs Wrigley, C‑191/01 P, EU:C:2003:579, punt 32), huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, fid-dawl ta’ dak li ntqal, li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma tagħtix tifsira suffiċjentement ċara u diretta sabiex tkun tista’ titqies mill-pubbliku rilevanti bħala deskrittiva tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni.

51            Għandu jiġi konkluż li l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell li s-sinjal Limbic® Types jinftiehem mill-pubbliku rilevanti fis-sens ta’ tipi differenti ta’ personalità li jirreaġixxu b’mod differenti għall-istimuli tas-sistema limbika hija żbaljata.

52            Bl-istess mod, il-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ evalwazzjoni meta kkunsidra li l-imsemmi sinjal kellu rabta suffiċjentement diretta u konkreta mal-prodotti u mas-servizzi kkonċernati fil-klassijiet 16, 35 u 41.”

42      Kif tfakkar fil-punt 28 iktar ’il fuq, sentenza ta’ annullament topera ex tunc u għalhekk għandha l-effett li telimina b’mod retroattiv l-att annullat mill-ordinament ġuridiku.

43      Barra minn hekk, l-awtorità ta’ res judicata hija marbuta biss mal-punti ta’ fatt u ta’ liġi li kienu ġew deċiżi effettivament jew neċessarjament mid-deċiżjoni ġudizzjarja inkwistjoni (ara s-sentenza tad‑19 ta’ April 2012, Artegodan vs Il‑Kummissjoni (C‑221/10 P, EU:C:2012:216, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Għalhekk, sabiex tikkonforma ruħha ma’ sentenza ta’ annullament u sabiex tagħtiha eżekuzzjoni sħiħa, l-istituzzjoni li minnha jirriżulta l-att annullat hija obbligata tosserva mhux biss id-dispożittiv tas-sentenza, iżda wkoll il-motivi li jkunu wasslu għalih u li jikkostitwixxu s-sostenn neċessarju tiegħu. Fil-fatt, huma dawn il-motivi li, minn naħa, jidentifikaw id-dispożizzjoni eżatta meqjusa li hija illegali u, min-naħa l-oħra, juru r-raġunijiet eżatti tal-illegalità kkonstatata fid-dispożittiv u li l-istituzzjoni kkonċernata għandha tieħu inkunsiderazzjoni meta tissostitwixxi l-att annullat (ara s-sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2018, Shoe Branding Europe vs EUIPO – adidas (Pożizzjoni ta’ żewġ strixxi paralleli fuq żarbun), T‑629/16, EU:T:2018:108, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      F’dan il-każ, wara s-sentenza ta’ annullament, l-appell ippreżentat mir-rikorrenti kontra d-deċiżjoni tal-eżaminatur tat‑30 ta’ Mejju 2014 reġa’ sar pendenti quddiem l-EUIPO. Sabiex jikkonforma mal-obbligu tiegħu, li jirriżulta mill-Artikolu 72(6) tar-Regolament Nru 2017/1001, li jadotta miżuri għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali, l-EUIPO kellu jara li l-appell iwassal għal deċiżjoni ġdida ta’ Bord tal-Appell. Il-Bord tal-Appell Estiż, li lilu ġiet irrinvijata l-kawża, informa lir-rikorrenti, permezz tal-komunikazzjoni tad‑29 ta’ Mejju 2018, li huwa kien iqis li r-raġunijiet assoluti previsti fl-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 207/2009 kienu jostakolaw ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti u s-servizzi inkwistjoni u li hija kienet awtorizzata teżamina mill-ġdid dawn ir-raġunijiet għal rifjut.

46      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell Estiż, filwaqt li għamel riferiment għall-Artikolu 72(6) tar-Regolament 2017/1001, qabel kollox qies li l-EUIPO kien marbut bid-dispożittiv ta’ sentenza biss sa fejn il-fatti u l-kwistjonijiet legali li jsostnuh kienu identiċi. Huwa ddikjara wkoll li, fis-sentenza ta’ annullament, il-Qorti Ġenerali kienet ikkunsidrat li l-provi prodotti “sal-lum” ma kinux suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita r-raġuni assoluta għal rifjut ta’ reġistrazzjoni msemmija fl-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 u ċċita r-raġunijiet tas-sentenza ta’ annullament, estratti mill-punti 34, 45 sa 48 tagħha, li huwa qies li kienu ta’ natura li jsostnu din l-affermazzjoni. Peress li qies li huwa seta’ jibbaża ruħu fuq provi ġodda u jibbaża ruħu fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 95(1) tar-Regolament 2017/1001, huwa ddeduċa minn dan li eżami ġdid tal-kapaċità għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kien permess u neċessarju, sa fejn ir-raġunijiet deċiżivi tas-sentenza ta’ annullament ma kinux jipprekludu eżami mill-ġdid, abbażi ta’ provi ġodda, ta’ raġuni assoluta għal rifjut. Għaldaqstant, huwa qies li kien obbligat jeżamina mill-ġdid l-imsemmi motiv.

47      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 95(1) tar-Regolament Nru 2017/1001, l-eżaminaturi tal-EUIPO u, fuq appell, il-Bordijiet tal-Appell tal-EUIPO, għandhom jeżaminaw il-fatti ex officio sabiex jiddeterminaw jekk it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni taqax jew le taħt waħda mir-raġunijiet għal rifjut ta’ reġistrazzjoni. Minn dan isegwi li huma jistgħu jibbażaw id-deċiżjoni tagħhom fuq fatti li ma jkunux ġew invokati mill-applikant (sentenza tad‑19 ta’ April 2007, UASI vs Celltech, C‑273/05 P, EU:C:2007:224, punt 38).

48      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 45(3) tar-Regolament 2017/1001, kif ukoll l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Delegat 2018/625, il-Bord tal-Appell għandu d-dritt li jerġa’ jibda b’inizjattiva tiegħu, fi kwalunkwe mument qabel ir-reġistrazzjoni, l-eżami tar-raġunijiet assoluti għal rifjut, jekk huwa jqis li dan ikun opportun, inkluż li jqajjem raġuni għar-rifjut tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark li tkun għadha ma ġietx invokata fid-deċiżjoni li hija s-suġġett tal-appell (sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Refan Bulgaria vs EUIPO (Forma ta’ fjura), T‑747/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:849, punt 21).

49      Madankollu, l-EUIPO ma jistax jeżerċita l-kompetenzi li jagħtuh dawn id-dispożizzjonijiet ħlief b’osservanza tal-obbligu tiegħu, previst fl-Artikolu 72(6) tar-Regolament 2017/1001, li jieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-qorti tal-Unjoni.

50      Għalhekk, f’dan il-każ, il-Bord tal-Appell Estiż kellu d-dritt li jwettaq eżami mill-ġdid ex officio tal-fatti sabiex jiddetermina jekk it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni taqax jew le taħt raġuni assoluta għal rifjut ta’ reġistrazzjoni. Madankollu, fil-kuntest ta’ dan l-eżami ġdid ex officio, huwa kien obbligat josserva mhux biss id-dispożittiv tas-sentenza ta’ annullament, iżda wkoll il-motivi li wasslu għaliha.

51      F’dan ir-rigward, kif ġustament irrileva l-Bord tal-Appell Estiż fid-deċiżjoni kkontestata u l-EUIPO fir-risposta, il-Qorti Ġenerali qieset, b’mod partikolari fil-punti 45 sa 48 tas-sentenza ta’ annullament, riprodotti fil-punt 41 iktar ’il fuq, li ċerti evalwazzjonijiet magħmula mill-Ewwel Bord tal-Appell fid-deċiżjoni tat‑23 ta’ Ġunju 2015 ma kinux suffiċjentement issostanzjati jew ma kinux jippermettu li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni titqies li hija deskrittiva. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li dawn ma kinux jippermettu li tiġi sostnuta l-konklużjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell dwar il-karattru deskrittiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

52      Barra minn hekk, għar-raġunijiet li jinsabu fil-punti 50 sa 52 tas-sentenza ta’ annullament, imsemmija fil-punt 41 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet fuq il-karattru deskrittiv tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, peress li kkunsidrat li din tal-aħħar kienet nieqsa minnha u li, għaldaqstant, kien b’mod żbaljat li r-raġuni assoluta għal rifjut previst fl-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 kien ġie invokat kontra r-reġistrazzjoni ta’ din it-trade mark.

53      Konsegwentement, il-kwistjoni tal-karattru deskrittiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala punt ta’ fatt u ta’ liġi li ġie effettivament deċiż mis-sentenza ta’ annullament, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 43 iktar ’il fuq. F’dan ir-rigward, il-motivi li jinsabu fil-punti 45 sa 48 u 50 sa 52 tas-sentenza ta’ annullament dwar l-assenza ta’ tali natura kienu determinanti sabiex isostnu l-punt 1 tad-dispożittiv tal-imsemmija sentenza, li annullat d-deċiżjoni tat‑23 ta’ Ġunju 2015 u jikkostitwixxu s-sostenn neċessarju. Għaldaqstant, dawn huma koperti mill-awtorità ta’ res judicata marbuta ma’ din is-sentenza.

54      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argumenti tal-EUIPO li jgħidu li l-Qorti Ġenerali, fis-sentenza ta’ annullament, ma identifikatx b’mod eżawrjenti l-fatti rilevanti sabiex tevalwa l-kapaċità għar-reġistrazzjoni ta’ din it-trade mark, u lanqas mill-argumenti bbażati fuq il-portata tal-eżami ex officio tal-fatti previst fl-Artikolu 95(1) tar-Regolament 2017/1001, li jipprovdu li l-istħarriġ eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni għandu jsir, bħala prinċipju, esklużivament abbażi tal-fatti u tal-provi stabbiliti mill-Bord tal-Appell.

55      Fil-fatt, għalkemm, kif ġie kkonstatat, is-sentenza ta’ annullament tinkludi motivi li skonthom ċerti evalwazzjonijiet tal-Ewwel Bord tal-Appell kienu insuffiċjentement sostnuti jew ma jippermettux li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni titqies bħala deskrittiva, din is-sentenza tinkludi wkoll motivi li jippenalizzaw evalwazzjonijiet żbaljati fuq il-mertu min-naħa ta’ dan il-bord abbażi ta’ fatti stabbiliti. Għalhekk, permezz tas-sentenza ta’ annullament, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell kienet ivvizzjata minn żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, fir-rigward tal-karattru deskrittiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

56      Barra minn hekk, il-kompetenza ta’ eżami ex officio tal-fatti mogħtija lill-EUIPO ma tistax tippermetti lil dan tal-aħħar jikkontesta punt ta’ fatt u ta’ liġi li ġie effettivament deċiż mill-Qorti Ġenerali, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 43 iktar ’il fuq. Fil-fatt, il-fatt li l-Bord tal-Appell Estiż ibbaża l-eżami tiegħu tal-karattru deskrittiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fuq punti ta’ fatt li l-Ewwel Bord tal-Appell ma ħax inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-deċiżjoni tiegħu tat‑23 ta’ Ġunju 2015 ma huwiex ta’ natura li jċaħħad lill-awtorità ta’ res judicata mill-evalwazzjonijiet miġjuba mill-Qorti Ġenerali dwar in-natura deskrittiva mwettqa ta’ din it-trade mark fil-punti 50 sa 52 tas-sentenza ta’ annullament.

57      Barra minn hekk, l-argument tal-EUIPO bbażat fuq analoġija bejn il-portata tal-eżami tiegħu ex officio tal-fatti fil-kuntest ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni u ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità minħabba raġuni assoluta għal rifjut għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, il-fatt, invokat mill-EUIPO, li l-possibbiltà li tiġi ddikjarata l-invalidità ta’ trade mark wara r-reġistrazzjoni tagħha tikkonferma li l-leġiżlatur kien konxju tal-possibbiltà li, fil-mument tal-ewwel eżami tal-eżistenza ta’ raġunijiet assoluti għal rifjut, il-fatti rilevanti kollha ma kinux neċessarjament magħrufa jew stabbiliti, ma jimplikax li l-EUIPO jista’, fil-kuntest tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni ta’ trade mark, jikser l-awtorità ta’ res judicata marbuta mal-evalwazzjonijiet magħmula mill-qorti tal-Unjoni fuq il-karattru deskrittiv ta’ din it-trade mark, f’sentenza li annullat deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell li ddeċieda fil-kuntest ta’ proċedura għal reġistrazzjoni.

58      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, billi ċaħad l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni minħabba li din it-trade mark kienet deskrittiva fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, il-Bord tal-Appell Estiż kiser l-awtorità ta’ res judicata marbuta mas-sentenza ta’ annullament u għalhekk kiser ir-rekwiżiti tal-Artikolu 72(6) tar-Regolament 2017/1001.

59      Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jintlaqa’.

 Fuq ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009

60      Ir-rikorrenti tikkontesta lill-Bord tal-Appell li kiser l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, billi kkunsidra li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma kellhiex karattru distintiv fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni. B’mod partikolari, hija ssostni li l-eżami tal-karattru distintiv ta’ din it-trade mark huwa bbażat fuq evalwazzjonijiet li diġà saru fil-kuntest tal-eżami tal-karattru deskrittiv tal-imsemmija trade mark kif ukoll fuq l-affermazzjoni li din it-trade mark hija deskrittiva.

61      L-EUIPO jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u jirreferi f’dan ir-rigward għall-motivi tad-deċiżjoni kkontestata.

62      Qabel kollox, għandu jitfakkar li, jekk jitqies li sinjal, suġġett ta’ applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea, jitqies mill-Qorti Ġenerali, kuntrarjament għal dak li kien iddeċieda l-EUIPO, bħala li ma jaqax taħt waħda mir-raġunijiet assoluti għal rifjut tar-reġistrazzjoni msemmija fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 207/2009, l-annullament mill-Qorti Ġenerali tad-deċiżjoni tal-EUIPO li tirrifjuta r-reġistrazzjoni tal-imsemmija trade mark twassal neċessarjament lill-EUIPO, li jkollu jislet il-konsegwenzi mid-dispożittiv u mill-motivi tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali, sabiex jiftaħ mill-ġdid il-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjoni għat-trade mark inkwistjoni u sabiex jirrifjutaha jekk jikkunsidra li s-sinjal ikkonċernat jaqa’ taħt raġuni assoluta għal rifjut ieħor skont din l-istess dispożizzjoni (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2011, Bang & Olufsen vs UASI (Rappreżentazzjoni ta’ loudspeaker), T‑508/08, EU:T:2011:575, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      Fil-fatt, kull waħda mir-raġunijiet għal rifjut ta’ reġistrazzjoni elenkati fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 207/2009 hija indipendenti mill-oħrajn u teżiġi eżami separat (ara s-sentenza tad‑29 ta’ April 2004, Henkel vs UASI, C‑456/01 P u C‑457/01 P, EU:C:2004:258, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64      Konsegwentement, il-Bord tal-Appell Estiż kien fondat, kif irrileva, li jeżamina fid-deċiżjoni kkontestata r-raġuni assoluta għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, li skontha ma jistgħux jiġu rreġistrati t-trade marks li ma humiex ta’ karattru distintiv.

65      Skont il-ġurisprudenza, ir-raġunijiet għal rifjut għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-interess ġenerali li fuqu hija bbażata kull waħda minnhom. L-interess ġenerali li jittieħed inkunsiderazzjoni waqt l-eżami ta’ kull waħda minn dawn ir-raġunijiet għal rifjut jista’, jew saħansitra għandu, jirrifletti kunsiderazzjonijiet differenti, skont ir-raġuni għal rifjut inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2004, Henkel vs UASI, C‑456/01 P u C‑457/01 P, EU:C:2004:258, punt 46).

66      Il-karattru distintiv ta’ trade mark jfisser li din it-trade mark tippermetti li jiġi identifikat il-prodott li għalih tkun qed issir applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala li jkun ta’ provenjenza minn impriża partikolari u li għalhekk għandha ssir distinzjoni bejn dan il-prodott u dawk ta’ impriżi oħra (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2010, Audi vs UASI, C‑398/08 P, EU:C:2010:29, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67      Il-kunċett ta’ interess ġenerali li fuqu huwa bbażat l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 jikkoinċidi, evidentement, mal-funzjoni essenzjali tat-trade mark, li hija dik li tiggarantixxi lill-konsumatur jew lill-utent finali l-identità ta’ oriġini tal-prodott jew tas-servizz kopert bit-trade mark, billi tippermettilu jiddistingwi mingħajr possibbiltà ta’ konfużjoni dan il-prodott jew dan is-servizz minn dawk li għandhom oriġini oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2004, Henkel vs UASI, C‑456/01 P u C‑457/01 P, EU:C:2004:258, punt 48).

68      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, ċertament, is-sinjali deskrittivi msemmija fl-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 huma wkoll, bla ħsara għall-possibbiltà ta’ kisba ta’ karattru distintiv permezz tal-użu, nieqsa minn karattru distintiv u li, skont il-ġurisprudenza, jekk tal-inqas waħda mit-tifsiriet potenzjali tas-sinjal tindika karatteristika tal-prodotti kkonċernati, is-sinjal huwa kklassifikat bħala deskrittiv, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 kif ukoll, konsegwentement, irrifjutat ir-reġistrazzjoni (ara, f’dak is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2003, UASI vs Wrigley, C‑191/01 P, EU:C:2003:579, punti 30 sa 32).

69      Madankollu, din il-ġurisprudenza stabbilita fil-kuntest tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 ma tistax tiġi trasposta b’analoġija għall-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(b) ta’ dan ir-regolament meta l-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, jitqiegħed inkwistjoni għal raġunijiet oħra minbarra l-karattru deskrittiv tagħha (sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2020, achtung! vs EUIPO, C‑214/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:632, punt 36).

70      F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell Estiż irrileva li l-pubbliku rilevanti speċjalizzat jikkunsidra t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni bħala li twassal messaġġ fattwali purament informattiv, u mhux bħala sinjal kummerċjali, għal pubblikazzjonijiet li jaqgħu fil-klassijiet 16 u 41, tas-servizzi fl-oqsma tad-divertiment, tal-isport u tal-kultura kif ukoll tat-taħriġ u tat-taħriġ kontinwu, li jaqgħu fil-klassi 41, u tas-servizzi fil-qasam tal-kummerċjalizzazzjoni, tal-konsulenza lill-impriżi u tal-konsulenza dwar l-amministrazzjoni tar-riżorsi umani, li jaqgħu fil-klassi 35, li tirrigwarda l-ħolqien jew l-użu ta’ profili tal-personalità bbażati fuq is-sistema limbika.

71      Il-Bord tal-Appell Estiż żied li l-istess jgħodd għall-pubbliku professjonali tal-oqsma tal-kultura, tal-isport u tad-divertiment, li sempliċement jippreżumi li s-servizzi inkwistjoni jieħdu inkunsiderazzjoni l-għarfien l-iktar reċenti dwar it-tipi differenti limbiċi u jirrappreżentaw għalhekk valur miżjud meta mqabbla mas-servizzi tradizzjonali tal-istess tip.

72      Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell Estiż ċaħad argument tar-rikorrenti bbażat fuq is-sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2012, Deutscher Ring vs UASI (Deutscher Ring Sachversicherungs‑AG) (T‑209/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:347), minħabba li l-kawża li wasslet għal din is-sentenza kienet tikkonċerna sinjal u prodotti u servizzi differenti u li l-imsemmi sinjal jinftiehem bħala isem ta’ fantasija filwaqt li s-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni kellu tifsira deskrittiva b’mod ċar.

73      Fl-aħħar, il-Bord tal-Appell Estiż ikkunsidra li s-segwitu tal-kliem li jikkomponi t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma kien fih ebda bidla grafika jew semantika, b’tali mod li ma jippreżenta ebda karatteristika li tista’ tagħmel lit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, ikkunsidrata kollha kemm hi, adatta sabiex tiddistingwi l-prodotti u s-servizzi tagħha minn dawk ta’ impriżi oħra.

74      Għandu jiġi kkonstatat li l-motivi, imsemmija fil-punti 70 u 71 iktar ’il fuq, li permezz tagħhom il-Bord tal-Appell Estiż ikkunsidra li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tinftiehem bħala messaġġ fattwali ta’ natura purament informattiva huma intiżi li jistabbilixxu, jekk ikun il-każ, karattru deskrittiv eventwali ta’ din it-trade mark, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, sa fejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tista’ sservi, fil-kummerċ, sabiex tindika, b’mod partikolari, il-kwalità, l-użu intenzjonat jew ta’ karatteristiċi oħra tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

75      Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell Estiż fakkar li huwa kien iqis li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kellha tifsira deskrittiva b’mod ċar.

76      Fir-rigward tal-motiv imfakkar fil-punt 73 iktar ’il fuq, minn naħa, dan huwa bbażat fuq il-konklużjonijiet żbaljati tal-Bord tal-Appell Estiż li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandha karattru deskrittiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009. Min-naħa l-oħra, huwa juri l-użu ta’ kriterju żbaljat sabiex jevalwa jekk it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni setgħetx tiġi rreġistrata, kriterju li jipprovdi li sinjal kompost minn elementi deskrittivi jista’ jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ reġistrazzjoni jekk teżisti differenza perċettibbli bejn is-sinjal u s-sempliċi somma tal-elementi li jifformawha. Fil-fatt, filwaqt li dan il-kriterju jippermetti li jeskludi l-użu ta’ trade mark sabiex tiddeskrivi prodott jew servizz, huwa, madankollu, ma jippermettix li jiġi ddeterminat jekk trade mark tistax tiggarantixxi lill-konsumatur jew lill-utent finali l-identità tal-oriġini tal-prodott jew tas-servizz li tindika.

77      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Bord tal-Appell Estiż ma wettaqx eżami tar-raġuni għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 indipendenti minn dik tar-raġuni għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(c) tal-istess regolament, billi bbaża r-raġunament tiegħu fuq il-premessa tal-karattru deskrittiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, u, konsegwentement, naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni l-interess ġenerali li l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 huwa intiż speċifikament li jipproteġi. B’dan il-mod, huwa wettaq żball ta’ liġi fl-applikazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni.

78      Għaldaqstant, ir-raba’ motiv għandu jintlaqa’.

79      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata kollha kemm hi, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni fuq il-ħames u s-sitt motivi, rispettivament ibbażati fuq ksur tal-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 2017/1001 u fuq ksur tal-Artikolu 96 tal-imsemmi regolament. Lanqas ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, peress li, kif ġie rrilevat fil-punt 53 iktar ’il fuq, l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fuq il-karattru deskrittiv tat-trade mark inkwistjoni fis-sentenza ta’ annullament kellhom l-awtorità ta’ res judicata.

 Fuq l-ispejjeż

80      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-UASI tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif ukoll għal dawk tar-rikorrenti, konformement mat-talbiet tar-rikorrenti f’dan is-sens.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell Estiż tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tat2 ta’ Diċembru 2019 (Każ R 1276/2017G) hija annullata.

2)      L-EUIPO huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Papasavvas

Spielmann

Öberg

Spineanu-Matei

 

      Mastroianni

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑1 ta’ Settembru 2021.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.