Language of document : ECLI:EU:T:2022:28

Kawża C27/22

Volkswagen Group Italia S.p.A.
u
Volkswagen Aktiengesellschaft

vs

Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Consiglio di Stato)

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-14 ta’ Settembru 2023

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Sanzjoni imposta fil-qasam tal-prattiki kummerċjali żleali – Natura kriminali tas-sanzjoni – Sanzjoni kriminali imposta fi Stat Membru wara l-adozzjoni ta’ sanzjoni fil-qasam tal-prattiki kummerċjali żleali fi Stat Membru ieħor iżda li saret definittiva qabel din is-sanzjoni tal-aħħar – Artikolu 52(1) – Limiti għall-prinċipju ta’ ne bis in idem – Kundizzjonijiet – Koordinazzjoni tal-proċeduri u tas-sanzjonijiet”

1.        Drittijiet fundamentali – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni – Kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet ta’ natura kriminali – Kriterji ta’ evalwazzjoni tan-natura kriminali – Klassifikazzjoni ġuridika tar-reat fid-dritt intern, natura tar-reat u grad ta’ severità tas-sanzjoni mġarrba – Applikazzjoni ta’ multa amministrattiva pekunjarja imposta minn awtorità nazzjonali għal prattiċi kummerċjali żleali – Kundizzjonijiet – Proċeduri b’għan repressiv u grad ta’ severità għoli

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 50)

(ara l-punti 44 sa 46, 48, 53 sa 55, u d-dispożittiv 1)

2.        Drittijiet fundamentali – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Limitazzjoni – Persuna ġuridika kkundannata kriminalment fi Stat Membru – Leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru ieħor li tippermetti ż-żamma ta’ multa ta’ natura kriminali imposta fuq l-istess persuna għall-istess fatti – Inammissibbiltà – Kundanna kkonċernata posterjuri għad-data tad-deċiżjoni li timponi din il-multa iżda li saret definittiva qabel ma s-sentenza dwar l-appell ippreżentat minn din id-deċiżjoni tkun saret res judicata. – Assenza ta’ effett

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 50)

(ara l-punti 57 sa 59, 63, 64, 66, 67, 76, 77, u d-dispożittiv 2)

3.        Drittijiet fundamentali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet stabbiliti mill-Karta – Limitazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem – Kundizzjonijiet – Osservanza tal-kontenut essenzjali tal-imsemmi prinċipju – Evalwazzjoni

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (Artikoli 50 u 52)

(ara l-punt 90)

4.        Drittijiet fundamentali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet stabbiliti mill-Karta – Limitazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem – Kundizzjonijiet – Tfittxija ta’ għan ta’ interess ġenerali – Kumulu tal-proċeduri u tas-sanzjonijiet abbażi tad-dritt dwar il-ksur amministrattiv u tad-dritt tal-konsum – Leġiżlazzjonijiet li jfittxu għanijiet leġittimi distinti

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (Artikoli 50 u 52(1))

(ara l-punti 91, 92)

5.        Drittijiet fundamentali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet stabbiliti mill-Karta – Limitazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem – Kundizzjonijiet – Osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – Kumulu tal-proċeduri u tas-sanzjonijiet abbażi tad-dritt dwar il-ksur amministrattiv u tad-dritt tal-konsum – Natura xierqa, mhux sproporzjonata u strettament neċessarja tal-kumulu tal-proċeduri u tas-sanzjonijiet – Evalwazzjoni – Kriterji

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (Artikoli 50 u 52(1))

(ara l-punti 93 sa 96, 103, 104, 106, u d-dispożittiv 3)

Sunt

F’Awwissu 2016, l-Awtorità Taljana għall-Kompetizzjoni imponiet fuq Volkswagen Group Italia SpA u fuq Volkswagen Aktiengesellschaft (iktar ’il quddiem, rispettivament, “VWGI” u “VWAG”) multa ta’ EUR 5 miljun

talli implementat prattiki kummerċjali żleali, fis-sens tal-Kodiċi tal-Konsumatur. Il-ksur ikkonċernat kien jikkonsisti, minn naħa, fil-kummerċjalizzazzjoni fl-Italja, mill-2009, ta’ vetturi diesel mgħammra b’sistemi intiżi li joħolqu distorsjoni tal-kejl tal-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa, u, min-naħa l-oħra, fix-xandir ta’ messaġġi pubbliċitarji li jagħmlu enfasi fuq il-konformità ta’ dawn il-vetturi mal-kriterji previsti mil-leġiżlazzjoni ambjentali. VWGI u VWAG ikkontestaw id-deċiżjoni tal-Awtorità Taljana għall-Kompetizzjoni quddiem it-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio, Italia).

F’Ġunju 2018, qabel ma din il-qorti tat is-sentenza tagħha, l-Uffiċċju tal-Prosekutur li quddiemu tressqet il-kawża fil-Ġermanja) impona multa ta’ EUR 1 biljun fuq VWAG, skont il-liġi dwar ir-reati amministrattivi. Din il-multa kienet minħabba, fost l-oħrajn, il-kummerċjalizzazzjoni ta’ vetturi diesel mgħammra b’sistemi intiżi li joħolqu distorsjoni fil-kejl tal-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa u x-xandir ta’ messaġġi pubbliċitarji li jagħmlu enfasi fuq il-konformità ta’ dawn il-vetturi mal-kriterji previsti mil-leġiżlazzjoni ambjentali. Id-deċiżjoni tal-imsemmi Uffiċċju tal-Prosekutur saret definittiva fit-13 ta’ Ġunju 2018, minħabba li VWAG irrinunzjat għad-dritt tagħha li tikkontestaha u, barra minn hekk, ħallset il-multa imposta f’din id-deċiżjoni.

F’April 2019, il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal-Lazio ċaħdet ir-rikors ta’ VWGI u ta’ VWAG, għar-raġuni, b’mod partikolari, li l-prinċipju ta’ ne bis in idem ma jipprekludix iż-żamma tal-multa prevista mid-deċiżjoni tal-Awtorità Taljana tal-Kompetizzjoni.

Il-Consiglio di Stato (Il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), adit bl-appell ta’ VWGI u VWAG minn din is-sentenza, iddeċieda li jistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kundizzjonijiet li fihom, f’sitwazzjoni ta’ kumulu ta’ proċeduri ta’ sanzjoni f’żewġ Stati Membri, immexxija minn awtoritajiet kompetenti f’setturi ta’ attività differenti, jista’ jkun hemm limitazzjonijiet għall-prinċipju ta’ ne bis in idem, stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”)(1).

Permezz tas-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat qabelxejn li multa amministrattiva pekunjarja prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, imposta fuq kumpannija mill-awtorità nazzjonali kompetenti fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi, għal prattiki kummerċjali żleali, minkejja li kklassifikata bħala sanzjoni amministrattiva mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, tikkostitwixxi sanzjoni kriminali, fis-sens tal-Artikolu 50 tal-Karta, meta din ikollha għan repressiv u jkollha grad għoli ta’ severità.

Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-prinċipju ta’ ne bis in idem stabbilit f’din l-istess dispożizzjoni jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti ż-żamma ta’ multa ta’ natura kriminali imposta fuq persuna ġuridika għal tali prattiki kummerċjali żleali fil-każ fejn din il-persuna kienet is-suġġett ta’ kundanna kriminali għall-istess fatti fi Stat Membru ieħor, anki jekk din il-kundanna hija sussegwenti għad-data tad-deċiżjoni li timponi din il-multa iżda tkun saret definittiva qabel ma s-sentenza dwar ir-rimedju ġudizzjarju ppreżentat kontra din id-deċiżjoni tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata.

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 52(1) tal-Karta jawtorizza l-limitazzjoni tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta, b’tali mod li jippermetti kumulu ta’ proċeduri jew ta’ sanzjonijiet għall-istess fatti, meta l-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, kif ippreċiżati mill-ġurisprudenza, ikunu ssodisfatti. Għalhekk, l-ewwel nett, jeħtieġ li dan il-kumulu ma jirrappreżentax piż eċċessiv għall-persuna inkwistjoni, it-tieni, li jkunu jeżistu regoli ċari u preċiżi li jippermettu li jiġi previst liema atti u ommissjonijiet jistgħu jkunu s-suġġett ta’ kumulu u, it-tielet, li l-proċeduri inkwistjoni jkunu tmexxew b’mod suffiċjentement ikkoordinat u viċin fiż-żmien.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-evalwazzjoni tan-natura kriminali tal-proċeduri u tas-sanzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li l-prinċipju ta’ ne bis in idem, kif sanċit fl-Artikolu 50 tal-Karta, jipprojbixxi l-kumulu kemm ta’ proċeduri kif ukoll ta’ sanzjonijiet ta’ natura kriminali, fis-sens tal-imsemmi artikolu, għall-istess fatti u kontra l-istess persuna. Sabiex twettaq tali evalwazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tibbaża ruħha fuq tliet kriterji rilevanti li jirriżultaw mill-ġurisprudenza. L-ewwel huwa l-klassifikazzjoni legali tal-ksur skont id-dritt nazzjonali, it-tieni, in-natura stess tal-ksur u t-tielet huwa s-severità tas-sanzjoni li tista’ tiġi imposta fuq il-persuna kkonċernata. Fir-rigward, b’mod partikolari, tat-tieni kriterju, is-sempliċi fatt li sanzjoni għandha wkoll għan preventiv ma jwassalx sabiex titneħħa l-klassifikazzjoni tagħha bħala sanzjoni kriminali. Fil-fatt, is-sanzjonijiet kriminali, min-natura tagħhom, huma intiżi kemm għar-repressjoni kif ukoll għall-prevenzjoni ta’ aġir illegali. Fir-rigward tat-tielet kriterju, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li l-grad ta’ severità tal-miżuri inkwistjoni huwa evalwat skont il-piena massima prevista mid-dispożizzjonijiet rilevanti. Għalhekk, sanzjoni amministrattiva pekunjarja li tista’ tilħaq ammont ta’ EUR 5 miljun tippreżenta grad ta’ severità li jista’ jsostni l-analiżi li tgħid li din is-sanzjoni hija ta’ natura kriminali.

Fit-tieni lok, sabiex jiġi evalwat jekk il-leġiżlazzjoni Taljana inkwistjoni hijiex konformi mal-prinċipju ta’ ne bis in idem, previst fl-Artikolu 50 tal-Karta, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti qabelxejn preċiżazzjonijiet dwar il-kundizzjoni “bis”. Sabiex deċiżjoni ġudizzjarja tkun tista’ titqies bħala li tkun iddeċidiet b’mod definittiv dwar il-fatti sottomessi għal tieni proċedura, huwa neċessarju mhux biss li din id-deċiżjoni tkun saret definittiva, iżda wkoll li din tkun ingħatat wara evalwazzjoni dwar il-mertu tal-kawża. Għalkemm, ċertament, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem tippreżumi l-eżistenza ta’ deċiżjoni preċedenti definittiva, ma jsegwix neċessarjament li d-deċiżjonijiet ulterjuri li għalihom jipprekludi dan il-prinċipju jistgħu jkunu biss dawk adottati wara din id-deċiżjoni preċedenti definittiva. Fil-fatt, dan il-prinċipju jeskludi li, meta tkun teżisti deċiżjoni definittiva, prosekuzzjoni kriminali għall-istess fatti tista’ tinbeda jew tinżamm fis-seħħ.

Fir-rigward sussegwentement tal-kundizzjoni “idem”, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza tal-istess ksur, il-kriterju rilevanti huwa dak tal-identità tal-fatti materjali, mifhuma bħala l-eżistenza ta’ għadd ta’ ċirkustanzi konkreti li jkunu marbuta strettament flimkien li jwasslu biex finalment il-persuna kkonċernata tinħeles jew tiġi kkundannata. Min-naħa l-oħra, il-klassifikazzjoni ġuridika fid-dritt nazzjonali tal-fatti u l-interess ġuridiku protett ma humiex rilevanti, sa fejn il-portata tal-protezzjoni mogħtija fl-Artikolu 50 tal-Karta ma tistax tvarja minn Stat Membru għall-ieħor. Barra minn hekk, ma huwiex biżżejjed li l-fatti jkunu simili, peress li l-prinċipju ta’ ne bis in idem jista’ japplika biss jekk il-fatti koperti miż-żewġ proċeduri jew iż-żewġ sanzjonijiet inkwistjoni jkunu identiċi, fatt li għandu jiġi evalwat mill-qorti tar-rinviju.

Fl-aħħar lok, fir-rigward tal-kundizzjonijiet li fihom limitazzjonijiet tal-prinċipju ta’ ne bis in idem stabbilit mill-Karta jistgħu jiġu ġġustifikati, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li, skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, tali limitazzjoni tista’ tiġi ġġustifikata sa fejn din tkun prevista mil-liġi u tosserva l-kontenut essenzjali tal-Artikolu 50 tal-Karta kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Il-possibbiltà li jiġu akkumulati l-proċeduri u s-sanzjonijiet tosserva l-kontenut essenzjali tal-Artikolu 50 tal-Karta bil-kundizzjoni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata ma tippermettix li jitressqu proċeduri u li jiġu ssanzjonati l-istess fatti abbażi tal-istess reat jew sabiex jiġi segwit l-istess għan, iżda tipprevedi biss il-possibbiltà ta’ kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet skont leġiżlazzjonijiet differenti. Il-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi min-naħa tiegħu li l-kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali ma għandux jaqbeż il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħqu għanijiet leġittimi mfittxija minn din il-leġiżlazzjoni, u huwa mifhum li, meta jkun hemm għażla bejn numru ta’ miżuri xierqa, għandha tintuża dik li hija l-inqas restrittiva. F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu leġittimament jagħżlu risposti legali komplementari fil-konfront ta’ ċertu aġir dannuż għas-soċjetà sakemm dawn ir-risposti legali meħuda flimkien ma jirrappreżentawx piż eċċessiv għall-persuna inkwistjoni. Għalhekk, il-fatt li żewġ proċeduri jfittxu li jilħqu għanijiet ta’ interess ġenerali distinti li huwa leġittimu li jiġu protetti b’mod kumulattiv jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-analiżi tal-proporzjonalità ta’ kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet, bħala fattur intiż sabiex dan il-kumulu jiġi ġġustifikat, bil-kundizzjoni li dawn il-proċeduri jkunu komplimentari u li l-piż supplimentari li l-imsemmi kumulu jirrappreżenta jkun jista’ jiġi ġġustifikat b’dan il-mod miż-żewġ għanijiet imfittxija. Fir-rigward tan-neċessità stretta tal-kumulu tal-proċeduri u tas-sanzjonijiet, għandu jiġi evalwat jekk jeżistux regoli ċari u preċiżi li jippermettu li jiġi previst liema atti u ommissjonijiet jistgħu jkunu s-suġġett ta’ tali kumulu kif ukoll il-koordinazzjoni bejn id-diversi awtoritajiet, jekk iż-żewġ proċeduri tmexxewx b’mod suffiċjentement ikkoordinat u qrib fiż-żmien u jekk is-sanzjoni imposta, jekk ikun il-każ, fl-ewwel proċedura fuq il-livell kronoloġiku tteħditx inkunsiderazzjoni matul l-evalwazzjoni tat-tieni sanzjoni, b’tali mod li l-piżijiet li jirriżultaw, għall-persuni kkonċernati, minn tali kumulu huma limitati għal dak li huwa strettament neċessarju u li s-sanzjonijiet kollha imposti jikkorrispondu għall-gravità tar-reati mwettqa.


1      Skont din id-dispożizzjoni: “L-ebda persuna ma tista’ terġa’ tkun ipproċessata jew ikkundannata għal reat li għalih tkun diġà instabet mhux ħatja jew ikkundannata fl-Unjoni b’sentenza li daħlet in ġudikat skond il-liġi.”