Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Frar 2019 – Printeos vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-201/17) 1

“Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kompetizzjoni – Akkordji – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE – Multi – Sentenza li tannulla parzjalment id-deċiżjoni – Rimbors tal-ammont prinċipali tal-multa – Interessi moratorji – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tikkonferixxi drittijiet lill-individwi – Rabta kawżali – Dannu – Artikolu 266 TFUE – It-tieni sentenza tal-Artikolu 90(4)(a) tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 1268/2012”

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Printeos, SA (Alcalá de Henares, Spanja) (rappreżentanti: H. Brokelmann u P. Martínez-Lage Sobredo, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: F. Dintilhac u F. Jimeno Fernández, aġenti)

Suġġett

Prinċipalment, talba bbażata fuq l-Artikolu 268 TFUE u intiża għall-kumpens ta’ dannu li jirriżulta mir-rifjut tal-Kummissjoni li tħallas lir-rikorrenti interessi moratorji fuq l-ammont prinċipali ta’ multa li ġiet irrimborsata wara l-annullament tad-deċiżjoni tagħha C(2014) 9295 finali tal-10 ta’ Diċembru 2014 rigward proċedura skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE (AT.39780 – Envelops), permezz tas-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2016, Printeos et vs Il-Kummissjoni (T-95/15, EU:T:2016:722), u, sussidjarjament, talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Jannar 2017 dwar ir-rifjut tal-imsemmi rimbors.

Dispożittiv

L-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea, hija marbuta tikkumpensa d-dannu mġarrab minn Printeos, SA, minħabba n-nuqqas ta’ ħlas lil din il-kumpannija tas-somma ta’ EUR 184 592.95 li kienet dovuta lilha bħala interessi moratorji, li ġew inkorsi matul il-perijodu bejn id-9 ta’ Marzu 2015 u l-1 ta’ Frar 2017, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, b’eżekuzzjoni tas-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2016, Printeos et vs Il-Kummissjoni (T-95/15).

Il-kumpens imsemmi fil-punt 1 għandu jkun miżjud b’interessi moratorji, b’effett mill-għoti ta’ din is-sentenza u sal-ħlas komplet, bir-rata stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għat-tranżazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ finanzjament mill-ġdid, miżjuda bi 3.5 punti perċentwali.

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż.

____________

1     ĠU C 198, 29.5.2017.