Language of document : ECLI:EU:C:2009:193

Kawża C‑326/07

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

vs

Ir-Repubblika Taljana

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Artikoli 43 KE u 56 KE — Artikoli tal-assoċjazzjoni ta’ impriżi privatizzati — Kriterji għall-eżerċizzju ta’ ċerti drittijiet speċjali miżmuma mill-Istat”

Sommarju tas-sentenza

1.        Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Moviment liberu tal-kapital — Dispożizzjonijiet tat-Trattat — Kamp ta’ applikazzjoni

(Artikoli 43 KE u 56 KE)

2.        Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Moviment liberu tal-kapital — Restrizzjonijiet — Dritt tal-kumpanniji

(Artikoli 43 KE u 56 KE)

3.        Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Restrizzjonijiet — Dritt tal-kumpanniji

(Artikolu 43 KE)

1.        Leġiżlazzjoni nazzjonali li tapplika mhux biss għal dawk l-ishma li jippermettu li tiġi eżerċitata influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet ta’ kumpannija u li jiġu ddeterminati l-attivitajiet tagħha, iżda li tapplika indipendentement mill-kobor tas-sehem li azzjonist ikollu f’kumpannija tista’ taqa kemm taħt l-Artikolu 43 KE kif ukoll taħt l-Artikolu 56 KE.

Għalhekk, f’dak li jirrigwarda d-drittijiet ta’ oppożizzjoni li l-Istat għandu fil-konfront tax-xiri ta’ ishma u tal-konklużjoni ta’ pattijiet bejn l-azzjonisti li jirrappreżentaw ċertu perċentwali tad-drittijiet tal-vot f’kumpannija nazzjonali kkonċernata, il-perċentwali ta’ mill-inqas 5 % tad-drittijiet tal-vot jew, skont il-każ, il-perċentwali inferjuri stabbilita għandha tkun tippermetti li l-persuni interessati jieħdu sehem b’mod effettiv fl-amministrazzjoni tal-kumpannija kkonċernata, u dan jaqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 56 KE. Madankollu, bl-ebda mod mhuwa eskluż li, fil-każ ta’ kumpanniji fejn l-ishma huma ġeneralment imferrxa, dawk li jkollhom ishma li jikkorrispondu għal dawn il-perċentwali jkollhom is-setgħa li jinfluwenzaw b’mod ċert l-amministrazzjoni ta’ tali kumpannija u jiddeterminaw l-attivitajiet tagħha, u dan jaqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 43 KE. Barra minn dan, peress li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tistabbilixxi perċentwali minima, din il-leġiżlazzjoni tista’ tapplika wkoll fir-rigward ta’ ishma li jaqbżu din il-perċentwali u li jagħtu setgħa ta’ kontroll manifesta.

F’dak li jirrigwarda d-dritt ta’ veto fir-rigward ta’ ċerti deċiżjonijiet ta’ kumpannija nazzjonali kkonċernata, dan id-dritt jirrigwarda deċiżjonijiet li jaqgħu taħt l-amministrazzjoni tal-kumpannija u, għaldaqstant, jikkonċerna biss lil dawk l-azzjonisti li jistgħu jeżerċitaw influwenza ċerta fuq il-kumpanniji kkonċernati, b’tali mod li l-kriterji relatati mal-eżerċizzju ta’ dan id-dritt għandhom jiġu eżaminati fid-dawl tal-Artikolu 43 KE. Mill-bqija, anki jekk jiġi meqjus li dawn il-kriterji joħolqu effetti restrittivi fuq il-moviment liberu tal-kapital, dawn l-effetti huma l-konsegwenza inevitabbli ta’ eventwali ostakolu għal-libertà ta’ stabbiliment u ma jiġġustifikawx eżami awtonomu fid-dawl tal-Artikolu 56 KE.

(ara l-punti 36-39)

2.        Stat Membru jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 43 KE u 56 KE jekk jadotta leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi l-kriterji ta’ implementazzjoni tad-drittijiet speċjali tal-Istat li jopponi ruħu għax-xiri ta’ ishma jew għall-konklużjoni ta’ pattijiet bejn l-azzjonisti li jirrappreżentaw ċerta perċentwali tad-drittijiet ta’ vot fil-kumpanniji nazzjonali kkonċernati, ġaladarba l-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji ma tkunx approprjata sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxa f’dan il-każ minħabba nuqqas ta’ rabta bejn l-imsemmija kriterji u dawn id-drittijiet.

Fil-fatt, drittijiet ta’ intervent ta’ Stat Membru, bħad-drittijiet ta’ oppożizzjoni fejn il-kriterji inkwistjoni jiddeterminaw il-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju, li mhumiex suġġetti għall-ebda kundizzjoni ħlief għal referenza għall-protezzjoni tal-interessi nazzjonali, li tkun miktuba f’termini ġenerali u mingħajr ma tispeċifika ċ-ċirkustanzi speċifiċi u oġġettivi li fihom dawn id-drittijiet jistgħu jiġu eżerċitati, jikkostitwixxu dannu gravi għall-moviment liberu tal-kapital. F’dan ir-rigward għalkemm il-kriterji kkontestati jirrigwardaw diversi tipi ta’ interessi ġenerali, b’mod partikolari, il-provvista minima ta’ riżorsi enerġetiċi u ta’ beni essenzjali għall-kollettività, il-kontinwità tas-servizz pubbliku, is-sigurtà tal-installazzjonijiet użati fil-kuntest tas-servizzi pubbliċi essenzjali, id-difiża nazzjonali, il-protezzjoni tal-ordni pubbliku u tas-sigurtà pubblika kif ukoll l-urġenzi sanitarji, dawn il-kriterji huma miktuba b’mod vag u impreċiż. Barra minn dan, in-nuqqas ta’ rabta bejn dawn il-kriterji u d-drittijiet speċjali relatati magħhom isaħħaħ l-inċertezza fir-rigward taċ-ċirkustanzi li fihom dawn id-drittijiet jistgħu jiġu eżerċitati u jagħti karattru diskriminatorju lill-imsemmija drittijiet fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom sabiex jimplementawhom. Marġni ta’ diskrezzjoni bħal dan huwa sproporzjonat meta mqabbel mal-għanijiet imfittxa.

Barra minn dan, is-sempliċi fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprovdi li d-drittijiet speċjali jistgħu jiġu eżerċitati biss b’mod konformi mad-dritt Komunitarju, mhuwiex ta’ natura tali li jagħmel l-eżerċizzju ta’ dawn il-kriterji kompatibbli ma dan id-dritt. Fil-fatt, il-karattru ġenerali u astratt tal-kriterji mhuwiex ta’ natura tali li jiggarantixxi li l-eżerċizzju tad-drittijiet speċjali għandu jsir b’mod konformi mal-eżiġenzi tad-dritt Komunitarju.

Fl-aħħar nett, għalkemm iċ-ċirkustanza li l-eżerċizzju tad-drittijiet speċjali jista’ jiġi mistħarreġ mill-qrati nazzjonali hija neċessarja sabiex ikun hemm protezzjoni tal-persuni fid-dawl tal-applikazzjoni tar-regoli fuq il-moviment liberu tal-kapital, madankollu, din mhijiex biżżejjed, fiha nnifisha, sabiex tagħmel tajjeb għall-fatt li l-kriterji ta’ applikazzjoni tad-drittijiet speċjali huma inkompatibbli ma dawn ir-regoli.

Inkwantu l-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ oppożizzjoni jikkonċerna wkoll ishma li jagħtu lill-proprjetarju tagħhom is-setgħa li jinfluwenza b’mod ċert l-amministrazzjoni tal-kumpanniji kkonċernati u kif ukoll li jiddetermina l-attivitajiet tagħha u, għaldaqstant, jista’ jirrestrinġi l-libertà ta’ stabbiliment, għandu jiġi kkunsidrat, għall-istess raġunijiet, li l-kriterji inkwistjoni jagħtu lill-awtoritajiet nazzjonali marġni ta’ diskrezzjoni sproporzjonat fl-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ oppożizzjoni.

(ara l-punti 40, 45, 47, 51-57 u d-dispożittiv)

3.        Stat Membru jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 43 KE jekk jadotta leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi l-kriterji ta’ implementazzjoni tad-drittijiet speċjali tal-Istat li jeżerċita l-veto kontra deċiżjonijiet tal-kumpanniji nazzjonali kkonċernati li jirrigwardaw ix-xoljiment tal-kumpannija, it-trasferiment tal-impriża, il-fużjoni, il-qsim, it-trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat tal-kumpannija f’pajjiż barrani, il-bdil tal-iskop tal-kumpannija u li jemendaw l-artikoli tal-assoċjazzjoni li jħassru jew jemendaw id-drittijiet speċjali, ġaladarba ċ-ċirkustanzi li fihom jista’ jiġi eżerċitat dan id-dritt mhumiex indikati b’mod speċifiku u l-leġiżlazzjoni hija sproporzjonata meta mqabbla mal-għan speċifikat.

F’dan ir-rigward, minkejja li dan id-dritt jista’ jiġi eżerċitat biss f’sitwazzjonijiet ta’ riskju gravi u reali jew ta’ urġenza sanitarja, u fl-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, jiġifieri, b’mod partikolari, għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika, ta’ saħħa pubblika u ta’ difiża, madankollu, fin-nuqqas ta’ indikazzjonijiet speċifiċi fuq iċ-ċirkustanzi konkreti li jippermettu li d-dritt inkwistjoni jiġi eżerċitat, l-investituri xorta waħda ma jafux meta dan id-dritt ta’ veto jista’ jiġi applikat. Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li s-sitwazzjonijiet li jippermettu li jiġi eżerċitat id-dritt ta’ veto huma potenzjalment numerużi, mhumiex determinati u ma jistgħux jiġu determinati, u li dawn jagħtu setgħa kbira ta’ diskrezzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali. Għalhekk, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma tinkludix indikazzjonijiet speċifiċi fuq iċ-ċirkustanzi konkreti li fihom jista’ jiġi eżerċitat id-dritt tal-veto u li għaldaqstant il-kriterji li din il-leġiżlazzjoni tipprovdi mhumiex imsejsa fuq kundizzjonijiet oġġettivi u li jistgħu jiġu mistħarrġa.

Id-dispożizzjoni li tipprovdi li d-dritt tal-veto jista’ jiġi eżerċitat biss b’mod konformi mad-Dritt Komunitarju u ċ-ċirkustanza li l-eżerċizzju tiegħu jista’ jiġi suġġett għall-istħarriġ tal-qrati nazzjonali, mhumiex ta’ natura tali li jagħmlu l-leġiżlazzjoni inkwistjoni kompatibbli mad-dritt Komunitarju.

(ara l-punti 45, 60-63, 66, 72-74 u d-dispożittiv)