Language of document :

Rikors ippreżentat fl-20 ta' April 2012 - Spraylat vs ECHA

(Kawża T-177/12)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Spraylat GmbH (Aachen, il-Ġermanja) (rappreżentant: K. Fischer, avukat)

Konvenuta: L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA)

Talbiet tar-rikorrenti

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-ispiża amministrattiva imposta fuqha mill-konvenuta fil-21 ta' Frar 2012 (Fattura Nru 10030371) u lilha nnotifikata fil-21 ta' Frar 2012;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Sussidjarjament, ir-rikorrenti titlob li d-Deċiżjoni SME(2012) 1445, tal-15 ta' Frar 2012, tiġi annullata.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi:

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 2 u tar-Regolament (KE) Nru 340/2008 .

Ir-rikorrenti ssostni, kif stabbilit miż-żewġ regolamenti, li l-unika raġuni għalfejn tista' tiġi imposta spiża amministrattiva taħt l-Artkolu 13(4) tar-Regolament Nru 340/2008 hija sabiex jiġu koperti l-ispejjeż sostnuti mill-ECHA meta tivverifika reġistrazzjoni skont id-daqs ta' impriża, u li dan ma tteħidx inkunsiderazzjoni meta ġiet stabbilita l-ispiża amministrattiva skont id-deċiżjoni tal-kunsill amministrattiv tal-ECHA (MB/29/2010). Hija ssostni wkoll li ma huwiex possibbli li tiġi stabbilita l-ispiża amministrattiva li għandha titħallas abbażi tad-daqs ta' impriża, peress li dan iwassal għal sitwazzjoni fejn impriżi li huma ikbar iħallsu l-parti sostanzjali tal-ispejjeż involuti fl-evalwazzjoni ta' impriżi li huma iżgħar.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità.

Skont dan il-prinċipju, l-impożizzjoni ta' spiża amministrattiva mill-konvenuta għandha tkun proporzjonali max-xogħol involut għall-konvenuta. Skont ir-rikorrenti, tqabbil tal-ħlas ta' (EUR 20 700) max-xogħol amministrattiv involut għall-konvenuta, juri li dan ma huwiex il-każ.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ġenerali ta' trattament ugwali.

F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-ispejjeż amministrattivi differenti imposti skont id-daqs ta' impriża wkoll jikkostitwixxu inugwaljanza fit-trattament, li huwa illeċitu. Minbarra dan, bl-aġġustament tal-prattika amministrattiva tagħha, il-konvenuta kisret il-prinċipju ta' trattament ugwali, peress li kkunsidrat ir-rikorrenti b'mod differenti minn impriżi rreġistrati oħra, li l-konvenuta ppermettiet, wara li rċeviet numru ta' reġistrazzjoni, li jagħmlu aġġustamenti għad-daqs tal-impriża rreġistrata sabiex jevitaw l-impożizzjoni ta' spiża amministrattiva.

Ir-raba' motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' ċertezza legali u d-dritt għal amministrazzjoni tajba.

Għalkemm il-konvenuta kienet taf li, fil-prattika, huwa diffiċli li jiġi kkomunikat id-daqs korrett ta' impriża fid-dawl tar-reġistrazzjoni, hija ma pprovdietx l-opportunità lir-rikorrenti - bi ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba - li taġġusta l-figuri tagħha sabiex tevita ħlas tal-ispiża amministrattiva.

Il-ħames motiv ibbażat fuq delegazzjoni illeċita ta' kompetenzi leġiżlattivi tal-konvenuta.

L-Artikolu 13(4) tar-Regolament Nru 340/2008 jagħti lill-konvenuta s-setgħa li timponi spiża amministrattiva, mingħajr ma tispeċifika d-dettalji ta' kif spiża għandha tiġi imposta jew, b'mod partikolari, kwalunkwe dettalji dwar l-ispeża nnifisha. Fl-opinjoni tar-rikorrenti, dan jikkostitwixxi delegazzjoni illeċita ta' kompetenzi leġiżlattivi lill-konvenuta.

____________

1 - Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta' Diċembru 2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, p. 1).

2 - Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 340/2008, tas-16 ta' April 2008, dwar il-ħlasijiet u l-ispejjeż dovuti lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' Sustanzi Kimiċi (REACH) (ĠU L 107, p. 6).