Language of document :

Appell ippreżentat fit-12 ta’ Jannar 2022 minn KS u KD mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) fl-10 ta’ Novembru 2021 fil-Kawża T-771/20, KS u KD vs Il-Kunsill et

(Kawża C-29/22 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: KS u KD (rappreżentanti: J. Stojsavljevic-Savic, Solicitor, F. Randolph QC u P. Koutrakos, Barrister)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Il-Kummissjoni Ewropea, Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE)

Talbiet

L-appellanti jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tilqa’ l-appell, tannulla d-digriet appellat u tilqa’ t-talbiet mitluba quddiem il-Qorti Ġenerali;

sussidjarjament, tilqa’ l-appell u tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċidiha definittivament; u

tikkundanna lill-appellati għall-ispejjeż ta’ dan l-appell, il-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u l-proċeduri quddiem il-Bord ta’ Reviżjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-EULEX.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appell huwa bbażat fuq l-aggravju li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex tisma’ u tiddeċiedi r-rikors li l-appellanti kienu ppreżentaw sabiex ikollhom kumpens għad-dannu li sofrew bħala riżultat tal-ksur tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem tagħhom mill-appellati. L-aggravju huwa maqsum f’erba’ partijiet.

L-ewwel, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi interpretat b’mod wiesa’ l-esklużjoni tal-PESK (il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni tal-Unjoni Ewropea) stabbilita fl-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE.

It-tieni, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi applikat ħażin is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2020, Bank Refah Kargaran vs Il-Kunsill (C-134/19 P, EU:C:2020:793).

It-tielet, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi applikat ħażin is-sentenza tal-25 ta’ Marzu 2021, Carvalho et vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C-565/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2021:252).

Ir-raba’, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi naqset milli tindirizza partijiet sostanzjali tat-talba u ma tatx raġunijiet biżżejjed għad-deċiżjoni tagħha.

____________