Language of document :

Rikors ippreżentat fis-17 ta' Settembru 2010 - Vivendi vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-432/10)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Vivendi (Pariġi, Franza) (rappreżentanti: M. Struys, O. Fréget u J.-Y. Ollier, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2010 meħuda fil-Każ COMP/C-1/39.653 - Vivendi & Iliad / France Télécom, li permezz tagħha l-Kummissjoni Europea ċaħdet l-ilment imressaq minn Vivendi, skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tat-2 ta' Marzu 2009, dwar prattiki ta' France Télécom meqjusa bħala kuntrarji għall-Artikolu 102 TFUE;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tar-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti qiegħda titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 4730, tat-2 ta' Lulju 2010, li tiċħad minħabba nuqqas ta' interess Komunitarju l-ilment imressaq mir-rikorrenti fil-konfront ta' France Télécom dwar allegat abbuż minn pożizzjoni dominanti bi ksur tal-Artikolu 102 TFUE fis-suq Franċiż tal-broadband u tal-abbonament telefoniku, u dan peress li skont ir-rikorrenti France Télécom kienet tippratika diskriminazzjoni strutturali fit-tariffi tas-servizzi bil-grossa li kienet tibbenefika d-diviżjoni bl-imnut tagħha u kienet tapplika tariffa ta' aċċess għal-linja lokali għolja wisq.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka numru ta' motivi bbażati fost oħrajn:

fuq żbalji ta' liġi, żbalji manifesti ta' evalwazzjoni u ksur tal-obbligu li jsir eżami b'attenzjoni meta tiġi eżaminata l-ħsara kkawżata mill-prattiki msemmija fl-ilment lill-funzjonament tas-suq intern, u dan peress li l-Kummissjoni sempliċement i) eżaminat biss il-livell medju tal-prezzijiet tal-offerti broadband fuq is-swieq bl-imnut mingħajr ma investigat il-kwistjoni ta' jekk dan il-livell ta' prezz kienx effettivament ta' natura li jiżvela l-prattiki msemmija fl-ilment u ii) evalwat b'mod suġġettiv in-natura antikwata tal-provvista ta' servizz ta' abbonament telefoniku;

fuq motivazzjoni insuffiċjenti, żbalji ta' liġi u ta' fatt u żbalji manifesti ta' evalwazzjoni meta l-Kummissjoni kkonkludiet li l-possibbiltà li tiġi stabbilita l-eżistenza ta' ksur kienet limitata ħafna, u dan sa fejn il-Kummissjoni:

ma pprovatx tinvestiga l-kwistjoni tan-natura diskriminatorja tal-prezzijiet effettivament iffatturati meta mqabbla mas-servizzi effettivament mogħtija u, b'mod żbaljat, sostniet li l-investigazzjoni preliminari ma kinitx żvelat indizji jew provi;

ikkunsidrat li l-metodu ta' kalkolu użat minn France Télécom sabiex tistabbilixxi t-tariffi tagħha ta' aċċess għal-linja lokali kien ġie vvalidat mill-Autorité de régulation des communications électroniques et des postes (Awtorità regolatorja Franċiża fil-qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u tal-posta, ARCEP) u qieset li l-fatt li France Télécom kienet ikkomunikat lil din l-awtorità informazzjoni żbaljata mingħajr ma pprovat tikkoreġiha huwa irrilevanti fid-dawl tal-metodu użat;

żnaturat l-għan tat-testijiet ta' eliminazzjoni mis-suq, ippreżentati mir-rikorrenti, li kien li jiġu stabbiliti l-effetti tal-prattiki msemmija fl-ilment;

nuqqas ta' osservanza tal-garanziji li japplikaw għall-investigazzjoni tal-ilmenti u għad-deċiżjonijiet ta' arkivjar fil-qasam ta' abbuż minn pożizzjoni dominanti, u dan peress li r-rikorrenti i) ma ngħatatx aċċess immedjat għad-dokumenti mibgħuta mill-partijiet avversarji u għad-dokumenti tal-proċess u ii) ma kellhiex terminu suffiċjenti sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar dawn id-dokumenti.

____________