Language of document :

Rikors ippreżentat fid-9 ta’ Novembru 2023 – MD vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-1063/23)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrent: MD (rappreżentant: P. D’Imporzano, avukat)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri d-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tal-ilment, imressaq fil-11 ta’ Mejju 2023, kontra l-abbozz ta’ deċiżjoni PMO.3, li sar definittiv wara 60 jum;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li l-kriterju tal-“istat preċedenti” (oriġinali: “état antérieur”), li fuqu hija bbażata d-deċiżjoni, ma huwiex previst fir-Regoli komuni dwar l-assigurazzjoni tal-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej kontra r-riskju ta’ inċidenti u ta’ mard fuq il-post tax-xogħol (iktar ’il quddiem, ir-“Regoli Komuni”) (Artikolu 9)

Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 9 jista’ jiġi dedott li ma huwiex rilevanti jekk, qabel l-inċident, organu kienx f’kundizzjonijiet tajbin jew ħżiena. Dan l-artikolu jirrileva biss il-ħtieġa li jsir intervent sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid, sa fejn possibbli, sitwazzjoni li ma tkunx inqas favorevoli minn dik preċedenti; it-trattament sabiex, sa fejn possibbli, tiġi stabbilita mill-ġdid l-integrità fiżika jkun jista’ jwassal ukoll għal titjib funzjonali;

L-eżistenza ta’ “stat preċedenti” ma huwiex rilevanti sabiex jiġi ddetereminat it-trattament li għandu jiġi segwit, inkluż it-trattament fit-tul;

L-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata bbażata, minn tal-inqas impliċitament, fuq il-kriterju tal-istat preċedenti.

It-tieni motiv ibbażat fuq in-natura kontradittorja bejn l-aċċettazzjoni tal-ispejjeż immedjati marbuta mal-inċident u r-rifjut ta’ ħlas tal-ispejjeż eventwali marbuta ma aggravament eventwali

Ir-rikorrent ġie rrimborsat skont is-sistema tal-inċidenti għall-ispejjeż ta’ tqegħid tal-impjant u ta’ kuruna għas-sinna 13. Min-naħa l-oħra, bis-saħħa tar-rapporti tat-tabib inkarigat mill-Istituzzjoni, li ġew minn tal-inqas aċċettati b’mod impliċitu minn din tal-aħħar, huwa ġie rrifjutat il-possibbiltà li s-sistema tal-inċidenti ssostni l-kura fil-każ ta’ aggravament eventwali, minħabba allegat stat preċedenti. Li kieku kien hemm allegat stat preċedenti – li l-legalità tiegħu qed tiġi kkontestata – kien ikun loġiku li jiġu esklużi wkoll l-ispejjeż immedjati.

Ksur tal-Artikolu 17 tar-Regoli Komuni li jissuġġetta l-ftuħ mill-ġdid ta’ fajl għas-sempliċi kundizzjoni tal-aggravament tal-feriti meta mqabbel mas-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel l-inċident.

It-tielet motiv ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti tar-rapport tat-tabib inkarigat mill-Istituzzjoni u, minn tal-inqas b’mod impliċitu, aċċettat mill-Amministrazzjoni

Il-konklużjoni li tinsab fir-rapport tat-tabib inkarigat mill-Istituzzjoni u, minn tal-inqas b’mod impliċitu, aċċettat mill-Amministrazzjoni, ma huwiex immotivat u kkorroborat biżżejjed, fid-dawl tad-dokumenti mediċi ppreżentati.

Ir-raba motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ indipendenza u fuq kunflitt ta’ interessi tat-tabib inkarigat mill-Istituzzjoni

Għar-riskju ta’ inċidenti tal-uffiċjali tagħhom, l-Istituzzjonijiet issottoskrivew lilhom infushom ma’ polza ta’ assigurazzjoni. Jekk iseħħ inċident kopert mill-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-ispejjeż għall-prestazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3 jiġu koperti mill-assigurazzjoni. Issa, it-tabib inkarigat mill-Istituzzjoni huwa wkoll it-tabib tal-assigurazzjoni li kkonkludiet il-kuntratt mal-Istituzzjonijiet u għandha ssostni l-ħlas tal-ispejjeż previsti mir-Regolamenti tal-Persunal.

Jekk dawn iż-żewġ funzjonijiet jingħaqdu, dan it-tabib ma jkunx jista’ jkollu l-indipendenza u l-imparzjalità neċessarji. Jekk, imbagħad, ikun jirriżulta li għat-tfassil tal-konklużjonijiet tiegħu l-onorarji tiegħu jitħallsu mill-assigurazzjoni, il-kunflitt ta’ interessi jkun flagranti.

____________