Language of document :

Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Novembru 2023 – AH vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-1093/23)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: AH (rappreżentanti: A. Guillerme, T. Bontinck u L. Burguin, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Amministrazzjoni u l-Ħlas tal-Intitolamenti Individwali (PMO) tal-Kummissjoni Ewropea tad-9 ta’Frar 2023 intiża sabiex ir-rikorrent ma jiġix ammess għall-benefiċċju tal-allowance tal-espatrijazzjoni;

tirrikonoxxi d-dritt tar-rikorrent għall-benefiċċju tal-allowance tal-espatrijazzjoni b’effett mill-1 ta’ Frar 2023;

tikkundanna lill-konvenuta tħallas is-somma ta’ EUR 5 000 għad-danni morali sostnuti mir-rikorrent;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu r-rikorrent jinvoka żewġ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni. Ir-rikorrent iqis li l-Uffiċċju “tal-Amministrazzjoni u l-Ħlas tal-Intitolamenti Individwali” (PMO) wettaq żball ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni, minħabba li ma ħax inkunsiderazzjoni l-assenza ta’ interruzzjoni ratione temporis bejn iż-żewġ kuntratti li ġew iffirmati ma żewġ istituzzjonijiet differenti.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, inkluż tad-dritt għal smigħ. Skont ir-rikorrent, il-PMO naqas milli josserva l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba billi, għall-ewwel, indikalu li d-drittijiet tiegħu għall-allowance tal-espatrijazzjoni kellhom jiġu mġedda awtomatikament meta huwa jidħol mill-ġdid fil-funzjonijiet tiegħu u, wara, tliet ijiem iktar tard, bidel il-pożizzjoni tiegħu billi rrifjuta li jagħtih l-imsemmija allowance. Wara dan, ir-rikorrent iqis li l-PMO kiser id-dritt għal smigħ tiegħu sa fejn id-deċiżjoni li huwa ma jingħatax iktar l-allowance ta’ espatrijazzjoni ġiet adottata mingħajr is-smiegħ minn qabel tiegħu.

____________