Language of document :

Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Novembru 2023 – Sulberg Services vs Il-Kunsill

(Kawża T-1084/23)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrent: Sulberg Services Ltd (Road Town, Tórtola, il-Gżejjer Verġni Brittaniċi) (rappreżentant: H. Sbert Pérez, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara, b’mod konformi ma’ dak previst fl-Artikoli 263 u 264 TFUE, l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni (PESK) 2023/1767 1 tat-13 ta’ Settembru 2023 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1765 2 tat-13 ta’ Settembru 2023, għal dak li jirrigwarda r-riferiment sussegwenti fl-espożizzjoni tal-motivi għall-punt 923 tal-Anness I li jikkorrispondi għas-sanzjoni ta’ Anastasia IGNATOVA, “Anastasia Ignatova kienet formalment tippossiedi l-jott ta’ 85 metru ‘Valerie’ li jiswa USD 140 miljun (aktar minn RUB 10 biljun) permezz ta’ kumpanija tal-Gżejjer Verġni Brittaniċi li jisimha Delima Services Limited”, billi tneħħi u tirrendi mingħajr valur jew effett l-imsemmi riferiment.

tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 269/2014 1 u tal-Artikolu 6(3) tad-Deċiżjoni 2014/145/PESK 2 , dwar is-sanzjonijiet imposti fuq ir-Russja fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina, fuq il-prinċipju ta’ ċertezza legali, fuq il-prinċipju ta’ legalità u fuq il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba mingħajr użu ħażin ta’ poter.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ legalità fil-qasam ta’ sanzjonijiet fil-kuntest tal-politika esterna u tas-sigurtà komuni.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt għall-ugwaljanza quddiem il-liġi.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt għall-proprjetà.

____________

1 Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1767 tat-13 ta’ Settembru 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2023, L 226, p. 104).

1 Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1765 tat-13 ta’ Settembru 2023 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2023, L 226, p. 104).

1 Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 tas-17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2014, L 78, p. 6, rettifika fil-ĠU 2014, L 294, p. 64).

1 Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK tas-17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2014, L 78, p. 16).