Language of document :

Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Novembru 2023 – BT GS Belgium vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-1081/23)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: BT Global Services Belgium (Machelen, il-Belġju) (rappreżentanti: V. Dor, A. Lepièce u M. Vilain XIIII, avukati)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, li d-data tagħha ma hijiex magħrufa, kif ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit-18 ta’ Awwissu 2023, li tħabbar l-emenda tal-kuntratt bin-numru ta’ referenza DIGIT/A3/PN/2019/026, Servizzi Trans-Ewropej għat-Telematika Bejn l-Amministrazzjonijiet – Estensjoni ta’ Ġenerazzjoni Ġdida (TESTA-ng II Ext), mingħajr it-tnedija ta’ proċedura ġdida ta’ għoti ta’ kuntratt;

tordna kwalunkwe miżura oħra li l-Qorti Ġenerali tqis xierqa fiċ-ċirkustanzi;

u, fi kwalunkwe każ, tordna lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż legali tar-rikorrenti u tariffi u spejjeż oħra sostnuti b’rabta ma’ dan ir-rikors.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi, li minnhom jirriżulta li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta żiedet il-valur massimu tal-kuntratt mingħajr ma nediet proċedura ġdida ta’ għoti ta’ kuntratt.

L-ewwel motiv: il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi peress li l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jiġi emendat kuntratt taħt l-Artikolu 72(1)(c) tad-Direttiva 2014/24/UE 1 ma kinux issodisfatti inkwantu l-ħtieġa ta’ emenda ma kinitx dovuta minħabba ċirkustanzi li awtorità kontraenti diliġenti ma setgħetx tipprevedi u peress li l-emendi li għalhekk saru fil-kuntratt inizjali kienu maħsuba sabiex jiġu evitati r-rekwiżiti tad-Direttiva.

It-tieni motiv: il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi peress li lanqas il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jiġi emendat kuntratt taħt l-Artikolu 172(3)(a) tad-Direttiva 2014/24/UE 1 ma kienu ssodisfatti inkwantu bidla tal-kuntrattur kienet tkun possibbli mingħajr żieda sostanzjali tal-ispejjeż għall-awtorità kontraenti li kieku kienet aġixxiet b’mod diliġenti.

It-tielet motiv: il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi peress li fl-ebda każ ma setgħet iżżid il-valur massimu tal-kuntratt qafas, konformement mal-prinċipji fundamentali ta’ ugwaljanza u ta’ trasparenza stabbiliti fl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2014/24/UE u rrikonoxxuti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

____________

1     Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68).

1     Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68).