Language of document : ECLI:EU:T:2014:932

Kawża T‑53/13

(pubblikazzjoni ta’ estratti)

Vans, Inc.

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja figurattiva li tirrappreżenta linja mmewġa — Raġuni assoluta għal rifjut — Assenza ta’ karattru distintiv — Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 — Assenza ta’ karattru distintiv miksub permezz tal-użu — Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009 — Artikolu 76 tar-Regolament Nru 207/2009 — Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tas-6 ta’ Novembru 2014

Trade mark Komunitarja — Dispożizzjonijiet proċedurali — Eżami ex officio tal-fatti — Reġistrazzjoni ta’ trade mark ġdida — Eżami superfijċali tal-provi jew assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċerti provi mill-Uffiċċju — Assenza ta’ ksur tal-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 207/2009

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 76(1))

Skont l-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja, l-eżaminaturi u l-Bordijiet tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) għandhom jeżaminaw il-fatti ex officio. Isegwi li l-korpi kompetenti tal-Uffiċċju jistgħu jibbażaw id-deċiżjonijiet tagħhom fuq fatti li ma jkunux ġew invokati mill-applikant għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja. Minbarra dan, l-Uffiċċju jikser l-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 207/2009 jekk jirrifjuta li jieħu inkunsiderazzjoni argumenti jew provi mressqa mill-partijiet fil-ħin.

Eżami superfiċjali tal-provi mill-Bord tal-Appell ma jistax jikkostitwixxi ksur tad-dispożizzjoni proċedurali tal-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 207/2009. Skont il-każ, evalwazzjoni żbaljata tal-provi prodotti minn parti tista’ tagħti lok għal ksur tad-dispożizzjoni materjali applikabbli f’dan il-każ.

Iċ-ċirkustanza li l-Bord tal-Appell ma rreferiex għall-argumenti kollha ta’ parti waħda u għall-provi prodotti minnha jew ma weġibx għal kull wieħed minn dawn l-argumenti u provi ma jippermettix, waħdu, li jiġi konkluż li l-Bord tal-Appell irrifjuta li jeħodhom inkunsiderazzjoni.

Għalhekk, il-fatt biss li l-kontenut ta’ ċerti dokumenti seta’ ħarab mill-attenzjoni tal-Bord tal-Appell ma huwiex ta’ natura li jikkostitwixxi ksur tad-dispożizzjoni proċedurali tal-Artikolu 76 tar-Regolament. Dan jikkostitwixxi evalwazzjoni żbaljata tal-provi prodotti mill-applikant li tista’, skont il-każ, tagħti lok għal ksur ta’ dispożizzjoni materjali. L-eventwali konsegwenzi ta’ din l-evalwazzjoni żbaljata mill-Bord tal-Appell għandhom jiġu eżaminati fil-kuntest tal-fondatezza tad-deċiżjoni tiegħu.

(ara l-punti 12, 17, 20-22)