Language of document : ECLI:EU:T:2019:379

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

6 ta’ Ġunju 2019 (*)

“Disinn Komunitarju – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Reġistrazzjoni internazzjonali li tindika l-Unjoni Ewropea – Disinn Komunitarju rreġistrat li jirrappreżenta l-vettura VW Caddy – Disinn Komunitarju preċedenti – Raġuni għal invalidità – Karattru individwali – Utent avżat – Impressjoni globali differenti – Artikolu 6 u Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 – Oneru tal-prova fuq min jitlob l-invalidità – Rekwiżiti marbuta mar-riproduzzjoni tad-disinn preċedenti”

Fil-Kawża T‑192/18,

Rietze GmbH & Co. KG, stabbilita f’Altdorf (il-Ġermanja), irrappreżentata minn M. Krogmann, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn S. Hanne, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Volkswagen AG, stabbilita f’Wolfsburg (il-Ġermanja), irrappreżentata minn C. Klawitter, avukat,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO tal-11 ta’ Jannar 2018 (Każ R 1244/2016-3), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Rietze u Volkswagen,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn A. M. Collins (Relatur), President tal-Awla, M. Kancheva u G. De Baere, Imħallfin,

Reġistratur: R. Ūkelytė, amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Marzu 2018,

wara li rat ir-risposta tal-EUIPO ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-31 ta’ Mejju 2018,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Mejju 2018,

wara s-seduta tal-24 ta’ Jannar 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        L-intervenjenti, Volkswagen AG, hija l-proprjetarja tar-reġistrazzjoni internazzjonali li tindika l-Unjoni Ewropea tad-disinn ippreżentat fl-1 ta’ Frar 2010 u rreġistrat fl-istess jum bir-referenza DM/073118–3 mal-Uffiċċju Internazzjonali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (il-WIPO) u ppubblikat fil-Bullettin tal-Uffiċċju Internazzjonali tal-WIPO fil-31 ta’ Ottubru 2010 (iktar ’il quddiem id-“disinn ikkontestat”).

2        Il-prodotti li għalihom huwa intiż li jiġi applikat id-disinn ikkontestat huma fil-klassi 12–08 fis-sens tal-Ftehim ta’ Locarno li jistabbilixxi klassifikazzjoni internazzjonali għad-disinni industrijali, tat-8 ta’ Ottubru 1968, kif emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “Vetturi bil-mutur”. Id-disinn ikkontestat huwa rrappreżentat kif ġej:


Image not found


Image not found



Image not found

Perspettiva 1

Perspettiva 2

Perspettiva 3


Image not found


Image not found


Image not found

Perspettiva 4

Perspettiva 5

Perspettiva 6


Image not found


Image not found


Image not found

Perspettiva 7

Perspettiva 8

Perspettiva 9


Image not found


Perspettiva 10


3        Fil-5 ta’ Jannar 2015, ir-rikorrenti, Rietze GmbH & Co. KG, li tikkummerċjalizza minjaturi ta’ karozzi, ippreżentat, quddiem l-Uffiċċju tal-Unjoni Ewropea għall-Proprjetà Intellettwali (EUIPO), applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-effetti tad-disinn ikkontestat fl-Unjoni Ewropea, ibbażata fuq l-Artikolu 106f tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat-12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142), moqri flimkien mal-Artikolu 25(1)(b) ta’ dan l-istess regolament, għar-raġuni li d-disinn ikkontestat kien nieqes min-novità, b’mod konformi mal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, u minn karattru individwali, b’mod konformi mal-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament.

4        Insostenn tat-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, ir-rikorrenti argumentat li d-disinn ikkontestat kien disinn li jindika l-vettura MPV VW Caddy imqiegħda fis-suq mill-intervenjenti fl-2011. Sabiex tipprova l-iżvelar ta’ disinn preċedenti, ir-rikorrenti għamlet riferiment għal mudell preċedenti ta’ din il-vettura, jiġifieri l-mudell VW Caddy (2K) Life, imqiegħed fis-suq mill-intervenjenti fl-2004. Ir-rikorrenti bbażat it-talba tagħha fuq, b’mod partikolari, id-disinn Komunitarju Nru 49895–0002, li r-reġistrazzjoni tiegħu, mitlub mill-intervenjenti fis-7 ta’ Lulju 2003, ġiet ippubblikata fid-9 ta’ Diċembru 2003 (iktar ’il quddiem id-“disinn preċedenti”).

5        B’deċiżjoni tal-20 ta’ Ġunju 2016, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-EUIPO ddikjarat l-invalidità tad-disinn ikkontestat minħabba l-assenza ta’ karattru individwali tiegħu, b’mod konformi mal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002.

6        Fis-7 ta’ Lulju 2016, l-intervenjenti ressqet appell, abbażi tal-Artikoli 55 sa 60 tar-Regolament Nru 6/2002, kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

7        Permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Jannar 2018 (Każ R 1244/2016–3) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO laqa’ r-rikors, annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u ċaħad it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-disinn ikkontestat. Huwa ddeċieda li d-disinn ikkontestat kien ġdid fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 6/2002 u kellu karattru individwali fis-sens tal-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament.

 It-talbiet tal-partijiet

8        Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tiddikjara l-invalidità tad-disinn ikkontestat;

–        tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż.

9        L-EUIPO u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

10      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv uniku, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, moqri flimkien mal-Artikolu 4(1) u mal-Artikolu 6 tal-istess regolament. Essenzjalment, hija tikkritika lill-Bord tal-Appell talli qies li d-disinn ikkontestat kellu karattru individwali peress li l-impressjoni globali li jipproduċi fuq l-utent avżat hija differenti mill-impressjoni globali li d-disinn preċedenti jipproduċi fuq l-utent.

11      Dan il-motiv uniku jinqasam f’erba’ partijiet. Fl-ewwel lok, il-Bord tal-Appell b’mod żbaljat illimitat ruħha li sempliċement jelenka l-allegati differenzi bejn id-disinni kunfliġġenti, mingħajr ma kkunsidrahom u mingħajr ma għamel distinzjoni bejn il-karatteristiċi estetiċi u l-karatteristiċi tekniċi. Fit-tieni lok, huwa għażel livell eċċessivament għoli ta’ attenzjoni min-naħa tal-utent avżat u, konsegwentement, huwa ta importanza kbira wisq lid-differenzi bejn id-disinni kunfliġġenti. Fit-tielet lok, huwa wettaq żbalji fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-libertà tad-disinjatur. Fir-raba’ u l-aħħar lok, huwa naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni ċerti provi.

12      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

13      Preliminarjament, għandu jitfakkar li r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1891/2006 tat-18 ta’ Diċembru 2006 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 6/2002 u (KE) Nru 40/94 biex jagħti effett lill-adeżjoni tal-Komunità Ewropea għall-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ l-Aja dwar ir-reġistrazzjoni internazzjonali ta’ disinji industrijali (ĠU 2006, L 386, p. 14), introduċa, fir-Regolament Nru 6/2002, it-Titolu XIa, li jinkludi l-Artikoli 106a sa 106f.

14      Skont l-Artikolu 106a tar-Regolament Nru 6/2002, kull iskrizzjoni ta’ reġistrazzjoni internazzjonali li tindika l-Unjoni Ewropea fir-Reġistru Internazzjonali miżmum mill-Uffiċċju Internazzjonali tal-WIPO għandu jkollha l-istess effetti bħal li kieku kienet saret fir-Reġistru tal-EUIPO, u kull pubblikazzjoni ta’ reġistrazzjoni internazzjonali li tindika l-Unjoni Ewropea fil-Bullettin tal-Uffiċċju Internazzjonali tal-WIPO tipproduċi l-istess effetti bħal pubblikazzjoni fil-Bullettin tad-Disinnji Komunitarji.

15      L-Artikolu 106f tar-Regolament Nru 6/2002 jipprovdi li l-effetti ta’ reġistrazzjoni internazzjonali fl-Unjoni jistgħu jkunu ddikjarati invalidi totalment jew parzjalment mill-EUIPO, b’mod konformi mal-proċedura msemmija fit-Titoli VI u VII tar-Regolament Nru 6/2002.

16      L-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002 jipprovdi li disinn Komunitarju għandu jiġi ddikjarat invalidu jekk dan ma jissodisfax il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 4 sa 9 tal-istess regolament.

17      Skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 6/2002, il-protezzjoni ta’ disinn permezz ta’ disinn Komunitarju hija żgurata biss sa fejn dan ikun ġdid u jkollu karattru individwali.

18      Skont l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, il-karattru individwali għandu jiġi evalwat, fil-każ ta’ disinn Komunitarju rreġistrat, fid-dawl tal-impressjoni globali prodotta fuq l-utent avżat, li għandha tkun differenti minn dik prodotta minn kull disinn żvelat lill-pubbliku qabel id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jew, jekk ikun hemm talba dwar il-prijorità, qabel id-data tal-prijorità. L-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 6/2002 jippreċiża li, għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-livell tal-libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp tad-disinn.

19      Għalhekk, il-karattru individwali ta’ disinn jirriżulta minn impressjoni globali ta’ differenza jew ta’ assenza ta’ “déja vu”, mill-perspettiva tal-utent avżat, meta mqabbla ma’ kull preċedenza fi ħdan il-patrimonju tad-disinni, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni d-differenzi li, għalkemm huma iktar minn dettalji insinjifikattivi, xorta waħda jibqgħu ma jgħatux suffiċjentement fil-għajn sabiex joħolqu impressjonijiet globali differenti (ara s-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013, Budziewska vs UASI – Puma (Félin bondissant), T-666/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:584, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20      Waqt l-evalwazzjoni tal-karattru individwali ta’ disinn meta mqabbel ma’ kull preċedenza fi ħdan il-patrimonju tad-disinni, għandha tiġi kkunsidrata n-natura tal-prodott li għalih japplika d-disinn jew li fih dan huwa inkorporat u, b’mod partikolari, tal-qasam industrijali li taħtu huwa jaqa’, tal-livell ta’ libertà tad-disinjatur fit-tfassil tad-disinn, ta’ eventwali saturazzjoni tal-eċċellenza, li tista’ tkun tali li tagħmel lill-utent avżat iktar sensittiv għad-differenzi bejn id-disinni mqabbla, kif ukoll tal-mod kif il-prodott inkwistjoni jintuża, b’mod partikolari fir-rigward tal-manipulazzjonijiet li huwa suġġett għalihom normalment f’din l-okkażjoni (ara s-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013, Félin bondissant, T‑666/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:584, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21      Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell għandha tiġi evalwata biss abbażi tar-Regolament Nru 6/2002, kif interpretat mill-qorti tal-Unjoni, u mhux abbażi ta’ ġurisprudenza nazzjonali, anki jekk ibbażata fuq dispożizzjonijiet analogi għal dawk ta’ dan ir-regolament (ara s-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2017, Murphy vs EUIPO – Nike Innovate (Ċinga ta’ arloġġ tal-polz elettroniku), T-90/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:464, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti.

23      Huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq it-tieni parti tal-motiv uniku, dwar il-livell ta’ attenzjoni tal-utent avżat, qabel ma tiġi analizzata l-ewwel parti, dwar l-evalwazzjoni, mill-perspettiva ta’ dan l-utent, tal-impressjoni globali mogħtija mid-disinni kunfliġġenti, biex imbagħad nipproċedu bl-eżami tal-motiv uniku, fit-tielet u fir-raba’ partijiet tiegħu.

 Fuq it-tieni parti tal-motiv uniku, dwar il-livell ta’ attenzjoni tal-utent avżat

24      Skont ir-rikorrenti, il-Bord tal-Appell għażel livell eċċessivament għoli ta’ attenzjoni min-naħa tal-utent avżat u, konsegwentement, ta importanza kbira wisq lid-differenzi bejn id-disinni kunfliġġenti.

25      L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-utent avżat ma huwiex f’pożizzjoni li, lil hinn mill-esperjenza li huwa kiseb minħabba l-użu tal-prodott li jinkludi d-disinn ikkontestat, jiddistingwi l-aspetti tad-dehra ddettati mill-funzjoni teknika minn dawk li huma arbitrarji. Id-differenzi bejn id-disinni kunfliġġenti msemmija mill-Bord tal-Appell jikkonċernaw dettalji tekniċi li ma jiġux ipperċepiti minn persuna li għandha ċertu livell ta’ għarfien fir-rigward tal-elementi li normalment ikollhom il-vetturi bil-mutur. Dan jgħodd, b’mod partikolari, għall-bampers, għall-indicators u għat-tailgates.

26      Sussegwentement, ir-rikorrenti ssostni li l-utent avżat jagħti inqas importanza lid-differenzi bejn mudelli ta’ vetturi tal-istess manifattur li jsegwu lil xulxin direttament milli lid-differenzi bejn il-mudelli ta’ vetturi ta’ manifatturi differenti. Fir-rigward tal-mudelli ta’ vetturi mill-istess manifattur, l-utent avżat huwa inqas attent għad-disinn milli għan-novitajiet tekniċi u għall-iżviluppi fil-qasam tas-sigurtà, ta’ prestazzjoni u ta’ kumdità tas-sewqan. Barra minn hekk, minn naħa, xerrej ma jibbażax id-deċiżjoni tiegħu li jixtri VW Caddy fuq paragun ma’ mudelli preċedenti, iżda fuq paragun ma’ vetturi ta’ manifatturi oħra. Insostenn ta’ dan l-argument, ir-rikorrenti tirreferi għal deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tat-13 ta’ Settembru 2016 fil-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità rreġistrati bir-referenza ICD 9742. Min-naħa l-oħra, is-suċċess tal-VW Caddy ma huwiex ibbażat fuq l-apparenza, iżda fuq l-affidabbiltà tiegħu.

27      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq artiklu li deher fl-istampa Ġermaniża dwar il-karozzi li jenfasizza n-nuqqas ta’ differenzi bejn id-disinni kunfliġġenti. Hija tikkritika lill-Bord tal-Appell talli injora l-kontenut tiegħu, billi rrileva li dan l-artikolu jinkludi indikazzjonijiet konkreti dwar il-perċezzjoni tal-utent avżat.

28      Għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-kwalità ta’ “utent” timplika li l-persuna kkonċernata tuża l-prodott li fuqu jiġi inkorporat id-disinn b’konformità mal-għan li għalih dan il-prodott huwa intiż. Il-kwalifika “avżat” tissuġġerixxi barra minn hekk li, mingħajr ma jkun disinjatur jew espert tekniku, l-utent ikun jaf bid-diversi disinni li jeżistu fil-qasam ikkonċernat, għandu ċertu livell ta’ konoxxenza fir-rigward tal-elementi li dawn id-disinni normalment jinkludu u, minħabba l-interess tiegħu fir-rigward tal-prodotti kkonċernati, għandu livell ta’ attenzjoni relattivament għoli meta huwa jużahom (ara s-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2011, PepsiCo vs Grupo Promer Mon Graphic, C‑281/10 P, EU:C:2011:679, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2010, Shenzhen Taiden vs UASI – Bosch Security Systems (Tagħmir ta’ komunikazzjoni), T‑153/08, EU:T:2010:248, punti 46 u 47).

29      Il-kunċett ta’ utent avżat għandu jinftiehem bħala kunċett intermedju bejn dak ta’ konsumatur medju, applikabbli fil-qasam tat-trade marks, fejn dan ma jeħtieġ l-ebda għarfien speċifiku u li, ġeneralment, ma jagħmilx paragun dirett bejn it-trade marks kunfliġġenti, u dak ta’ bniedem tax-xogħol, espert li għandu kompetenzi tekniċi kbar. Għalhekk, il-kunċett ta’ “utent avżat” jista’ jinftiehem bħala li ma jindikax utent li għandu attenzjoni medja iżda utent li għandu viġilanza partikolari, sewwa jekk din ġejja mill-esperjenza personali tiegħu jew mill-għarfien estiż tas-settur inkwistjoni (sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2011, PepsiCo vs Grupo Promer Mon Graphic, C‑281/10 P, EU:C:2011:679, punt 53).

30      Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li n-natura stess tal-utent avżat timplika li, meta dan ikun possibbli, huwa jwettaq paragun dirett bejn id-disinn preċedenti u d-disinn ikkontestat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, Neuman u Galdeano del Sel vs Baena Grup, C‑101/11 P u C‑102/11 P, EU:C:2012:641, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell iddeskriva, fil-punti 18 u 20 tad-deċiżjoni kkontestata, l-utent avżat bħala persuna li, mingħajr ma jkun disinjatur jew espert tekniku, għandu għarfien ta’ diversi disinni li jeżistu fis-settur tal-vetturi bil-mutur, għandu ċertu livell ta’ għarfien dwar il-karatteristiċi li dawn il-vetturi bil-mutur normalment jinkludu u, minħabba l-interess tiegħu fir-rigward tal-prodotti kkonċernati, juri livell ta’ attenzjoni għoli meta jużahom. L-utent avżat ta’ vetturi bil-mutur huwa persuna li tiħu interess f’dawn il-vetturi, issuqhom u tużahom u, abbażi tal-qari tal-ġurnali rilevanti u ta’ frekwentazzjoni ta’ espożizzjonijiet u ta’ konċessjonarji ta’ karozzi, hija familjari mal-mudelli disponibbli fis-suq. Huwa konxju li l-manifatturi jaġġornaw regolarment il-mudelli stabbiliti sew fis-suq, kemm teknikament kif ukoll fl-apparenza tagħhom. Huwa jaf ukoll li din il-“manutenzjoni tal-mudelli” isservi biex jiġu implimentati ċerti tendenzi tal-moda, mingħajr madankollu ma jiġu abbandunati kompletament il-karatteristiċi tad-dehra tal-mudell tal-vettura kkonċernata. Skont il-Bord tal-Appell, ebda waħda mid-differenzi elenkati fil-punti 40 sa 42 iktar ’il quddiem ma taħrab lill-utent avżat kif deskritt.

32      Għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti tar-rikorrenti ma jikkontestawx l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell fir-rigward tal-livell ta’ attenzjoni tal-utent avżat esposta iktar ’il fuq.

33      Għandu jiġi miċħud, qabel kollox, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-utent avżat ma huwiex kapaċi jipperċepixxi d-differenzi identifikati mill-Bord tal-Appell dwar il-bampers, il-fanali, l-indicators u t-tailgates, għaliex jikkonċernaw dettalji tekniċi. Minn naħa, il-Bord tal-Appell ma indikax differenzi bejn l-indicators tad-disinni kunfliġġenti. Min-naħa l-oħra, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li d-differenzi indikati mill-Bord tal-Appell fir-rigward tal-bampers, tal-fanali u tat-tailgates jikkonċernaw id-dehra tagħhom, u mhux id-dettalji tekniċi tagħhom. Għaldaqstant, l-utent avżat huwa kapaċi li jipperċepixxihom. Il-fatt li tibdil imwettaq f’uħud minn dawn il-partijiet tal-karozzi jista’ jkollu wkoll effett tekniku huwa irrilevanti f’dan ir-rigward.

34      Sussegwentement, ma jistax jiġi milqugħ l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-utent avżat jagħti inqas importanza lid-differenzi bejn il-mudelli ta’ vetturi tal-istess manifattur li jsegwu lil xulxin direttament milli lid-differenzi bejn il-mudelli ta’ vetturi ta’ manifatturi differenti. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma tressaq ebda punt ta’ fatt jew ta’ liġi insostenn ta’ dan l-argument li jista’ jqiegħed f’dubju l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell fir-rigward tal-livell ta’ attenzjoni tal-utent avżat fil-kuntest tal-paragun tad-disinni kunfliġġenti. Il-parti tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tat-13 ta’ Settembru 2016, iċċitata mir-rikorrenti insostenn ta’ dan l-argument, ma hijiex rilevanti f’dan ir-rigward peress li ma tikkonċernax il-livell ta’ attenzjoni li l-utent avżat jagħti lil mudelli suċċessivi tal-istess manifattur meta mqabbel ma’ dak mogħti lil mudelli ta’ manifatturi oħra. Barra minn hekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 28 u 29 iktar ’il fuq, għandu jitqies li l-argument tar-rikorrenti dwar il-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ xiri u l-fatt li, fil-fehma tagħha, is-suċċess ta’ VW Caddy ma jiddependix fuq l-apparenza tiegħu iżda fuq l-affidabbiltà tiegħu huma irrilevanti.

35      Fl-aħħar nett, l-argument li jgħid li l-Bord tal-Appell kellu jieħu inkunsiderazzjoni l-fehmiet espressi fl-istampa Ġermaniża dwar il-karozzi għandu jiġi miċħud. Ma jistax jiġi eskluż li artikli tal-istampa jittieħdu inkunsiderazzjoni, iżda l-Bord tal-Appell ma huwiex obbligat li jagħmel dan meta jqis, bħal f’dan il-każ, li l-fehmiet espressi ma humiex rilevanti peress li ma jirriflettux l-impressjoni globali prodotta fuq l-utent avżat.

36      Minn dan isegwi li t-tieni parti tal-motiv uniku għandha tiġi miċħuda għaliex infondata.

 Fuq l-ewwel parti tal-motiv uniku, dwar l-impressjoni globali mogħtija lill-utent avżat

37      Ir-rikorrenti tiddikjara li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-EUIPO għandu jwieżen il-karatteristiċi tad-disinni kunfliġġenti peress li d-diversi karatteristiċi jistgħu ftit jew wisq jinfluwenzaw id-dehra tad-disinni. Għalhekk, minn naħa, il-Bord tal-Appell kellu janalizza l-punti komuni bejn id-disinni kunfliġġenti. Tali analiżi kienet twasslu sabiex jiddeċiedi li d-disinni kunfliġġenti kienu kważi identiċi fil-forma bażika tal-karrozzerija, tas-siluwett, fil-forma u fil-pożizzjonament tat-twieqi, fil-windscreen u fil-bonet, fix-xibka tar-radjatur u fil-fanali tagħhom. Min-naħa l-oħra, huwa kellu jagħmel distinzjoni bejn il-karatteristiċi estetiċi u l-karatteristiċi tekniċi minħabba li, fid-dawl tal-funzjoni prinċipalment teknika tal-fanali kif ukoll tad-differenzi li jikkonċernaw biss il-kuluri tal-bampers u tax-xbieki tar-radjaturi, l-utent avżat jagħtihom biss importanza sekondarja fl-impressjoni globali tiegħu. Min-naħa l-oħra, sempliċi elenkar tal-allegati differenzi bejn id-disinni kunfliġġenti, bħal dak imwettaq mill-Bord tal-Appell fil-punti 24 et seq. u 33 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata, ma jippermettix li huwa jiddeċiedi jekk l-impressjoni globali tal-utent avżat hijiex ser tkun differenti.

38      Għandu jiġi osservat li l-Bord tal-Appell evalwa, fil-punti 23 sa 31 tad-deċiżjoni kkontestata, il-karattru individwali tad-disinn ikkontestat fil-konfront tad-disinn preċedenti. Huwa uża bħala bażi ta’ evalwazzjoni l-perspetivi li ġejjin tad-disinni kunfliġġenti:

Disinn ikkontestat

Disinn preċedenti


Image not found


Image not found


Image not found


Image not found


Image not found


Image not found


Image not found


Image not found


Image not found


Image not found

2/5

Image not found

1/5

Image not found

3/5

Image not found

5/5

Image not found

4/5




39      Il-Bord tal-Appell iddeċieda, fil-punti 24 sa 29 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-disinni kunfliġġenti kienu jippreżentaw differenzi ċari.

40      Fl-ewwel lok, il-Bord tal-Appell ikkonstata, fuq il-bażi tal-perspettivi laterali, frontali u ta’ wara fl-intier tagħhom, li l-bonet tad-disinn ikkontestat kien iqsar u li l-impressjoni globali prodotta mill-vettura kienet li din hija iktar wiesgħa u massiva, filwaqt li l-vettura korrispondenti għad-disinn preċedenti kienet tidher idjaq u f’forma ta’ kaxxa.

41      Fit-tieni lok, il-Bord tal-Appell ikkonstata, fuq il-bażi tal-perspettivi frontali, li kien hemm differenzi fir-rigward tal-forma u tal-pożizzjonament tal-fanali u tal-bampers ta’ quddiem. Fid-disinn ikkontestat, ix-xibka dejqa u ta’ kulur skur tar-radjatur testendi ruħha b’mod armonjuż fil-fanali, li jagħtu għal fuq in-naħa ta’ barra, u li għalhekk jixbhu l-għajnejn ta’ qattus. Il-parti ta’ fuq tal-bamper ta’ quddiem għandha l-istess kulur tal-karozza, filwaqt li l-parti ta’ isfel hija ta’ kulur skur, b’żewġ lampi tondi żgħar addizzjonali, li ma jinsabux fid-disinn preċedenti. Il-fanali ta’ quddiem tad-disinn preċedenti għandhom forma kważi rettangolari u huma b’mod ċar separati mix-xibka tar-radjatur ta’ kulur skur, tal-istess għoli, li flimkien mal-bamper, ukoll ta’ kulur skur, tifforma unità kompatta li tikkuntrasta permezz tal-kuluri tagħha mal-bqija tal-karozzerija (perspettiva 1/5). Minħabba l-fanali daqsxejn inklinati, il-perspettiva frontali tad-disinn ikkontestat tfakkar f’wiċċ stilizzat ta’ felin, impressjoni li ma tingħatax mid-disinn preċedenti. Sussegwentement, fid-disinn ikkontestat, il-mirja tal-ġenb huma tal-istess kulur tal-vettura, li jistgħu jingħalqu u li globalment huma ta’ forma ttundjata, filwaqt li dawk tad-disinn preċedenti huma ċatti u skuri u għalhekk jikkuntrastaw mal-kulur tal-karozza.

42      Fit-tielet lok, il-Bord tal-Appell ikkonstata, fuq il-bażi tal-perspettivi ta’ wara, li d-disinn ikkontestat kien juri tailgate f’biċċa waħda u bamper tal-istess kulur bħall-karozz. Fid-disinn preċedenti, it-tailgate tinsab il-fuq mill-pjanċa ta’ reġistrazzjoni u l-bamper skur huwa differenti viżwalment mill-kulur tal-karozza. Minħabba li l-bamper huwa viżwalment integrata fil-body, il-perspettiva ta’ wara tad-disinn ikkontestat hija ġeneralment aktar “aggressiva” minn dik tad-disinn preċedenti. Il-perspettiva laterali tad-disinn ikkontestat (perspettivi 3.3 u 3.7) turi b’mod ċar il-kulur tal-bamper ta’ quddiem u ta’ wara kif ukoll il-fanali ta’ quddiem. Min-naħa l-oħra, fil-perspettiva laterali tad-disinn preċedenti, il-bampers skuri jispikkaw b’mod nett mill-kulur tal-karozza u l-fanali ta’ quddiem bilkemm huma viżibbli.

43      Il-Bord tal-Appell ikkonkluda li l-ebda waħda mid-differenzi msemmija fil-punti 40 sa 42 iktar ’il fuq ma għandha taħrab l-għajn tal-utent avżat. Dawn jipproduċu impressjoni globali tal-vettura korrispondenti għad-disinn ikkontestat li hija differenti minn dik prodotta mill-vettura korrispondenti għad-disinn preċedenti. Huwa kkonstata, b’mod partikolari, li l-forma u l-pożizzjonament differenti tal-fanali ta’ quddiem jagħtu aspett ieħor lill-vettura, u dan jaffettwa l-impressjoni globali.

44      Għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti tar-rikorrenti ma jikkontestawx l-evalwazzjoni magħmula mill-Bord tal-Appell fil-punti 24 sa 31 tad-deċiżjoni kkontestata u riprodotta fil-punti 40 sa 43 iktar ’il fuq.

45      L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li, bil-kontra ta’ dak li tiddikjara r-rikorrenti, il-Bord tal-Appell ma llimitatx ruħha li sempliċement jelenka d-differenzi bejn id-disinni kunfliġġenti. Minn naħa, mill-punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li hija ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li d-disinni kunfliġġenti kienu jaqblu fil-karrozzerija f’għamla ta’ kaxxa u fin-numru u l-pożizzjonament tat-twieqi, tal-bibien, tal-fanali, tad-dwal ta’ wara u tal-mirja tal-ġenb. Min-naħa l-oħra, mill-punti 25 sa 31 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li huwa evalwa l-impressjoni globali prodotta mid-disinni kunfliġġenti billi analiżahom mill-perspettivi frontali, laterali u ta’ wara, meħuda inkunsiderazzjoni flimkien u separatament.

46      Insostenn tal-argument tagħha li jgħid li l-Bord tal-Appell kellu janalizza l-punti komuni bejn id-disinni kunfliġġenti, ir-rikorrenti tirreferi għall-fatt li, fil-punt 73 tas-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2010, Apparat għall-komunikazzjoni (T‑153/08, EU:T:2010:248), il-Qorti Ġenerali qieset li ornament stillizzat li jinstab fid-disinn ikkontestat fil-kawża inkwistjoni ma setgħax jikkontrobilanċja x-xebh ikkonstatat u ma kienx, konsegwentement, suffiċjenti sabiex jagħti karattru individwali lill-imsemmi disinn. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-kunsiderazzjoni inkwistjoni tikkostitwixxi konstatazzjoni fattwali speċifika għall-każ inkwistjoni u mhux rekwiżit legali dwar kif għandu jiġi evalwat il-karattru individwali ta’ disinn.

47      Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punti 19 u 20 iktar ’il fuq ma teżiġix tweżin tal-karatteristiċi sabiex jiġi deċiż jekk id-disinn ikkontestat jagħtix lill-utent avżat impressjoni globali li tkun differenti minn dik mogħtija mid-disinn preċedenti. F’ċirkustanzi fejn, bħal f’dan il-każ, l-evalwazzjoni tad-differenzi suffiċjentement evidenti bejn id-disinni kunfliġġenti tindika bi grad suffiċjenti ta’ ċarezza li d-disinn ikkontestat jagħti, lill-utent avżat, impressjoni globali differenti minn dik prodotta mid-disinn preċedenti, ma jistax jiġi meħtieġ li l-EUIPO jwieżen kull waħda mill-karatteristiċi tad-disinni kunfliġġenti.

48      Fl-aħħar nett, ma jistax jintlaqa’ l-argument li jgħid li l-Bord tal-Appell kellu jagħmel distinzjoni bejn il-karatteristiċi estetiċi u l-karatteristiċi tekniċi. Minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tippreżenta ebda punt ta’ fatt jew ta’ liġi insostenn tad-dikjarazzjoni tagħha li l-utent avżat jagħti biss importanza sekondarja, fl-impressjoni globali tiegħu, lill-fanali, minħabba l-funzjoni prinċipalment teknika tagħhom, u lid-differenżi fil-kulur tal-bampers u tax-xibka tar-radjatur, minħabba l-funzjoni prinċipalment teknika tagħhom. Min-naħa l-oħra, għalkemm dawn il-karatteristiċi għandhom funzjoni teknika, dawn ma humiex purament funzjonali u l-apparenza tagħhom tista’ tinbidel, b’tali mod li l-eventwali differenzi fil-forma u fil-pożizzjonament tagħhom jistgħu jinfluwenzaw l-impressjoni globali tal-prodott li fih ikunu ġew inkorporati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2017, Ċinga ta’ arloġġ elettroniku, T‑90/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:464, punt 61).

49      Minn dan isegwi li l-ewwel parti tal-motiv uniku għandha tiġi miċħuda għaliex infondata.

 Fuq it-tielet parti tal-motiv uniku, dwar il-libertà tad-disinjatur

50      Il-Bord tal-Appell iddeskriva, fil-punt 17 tad-deċiżjoni kkontestata, il-libertà tad-disinjatur tal-vetturi privati. Huwa kkonstata li din il-libertà hija limitata mill-funzjoni teknika ta’ vettura bil-mutur, li sservi għat-trasport ta’ persuni u ta’ tagħbija. Barra minn hekk, jeżistu rekwiżiti legali, b’mod partikolari fil-qasam tas-sigurtà fit-toroq. Min-naħa l-oħra, il-libertà tad-disinjatur ma hija suġġetta għal ebda limitazzjoni f’dak li jirrigwarda d-disinn tal-karatteristiċi tekniċi u legali. L-aspettattivi potenzjali tas-suq jew xi tendenzi fil-qasam tad-disinn ma jirrappreżentawx limitazzjonijiet rilevanti għal-libertà tad-disinjatur.

51      Ir-rikorrenti ssostni, minn naħa, li l-argumenti mqajma fil-kuntest tal-ewwel żewġ partijiet tal-motiv uniku japplikaw iktar u iktar meta d-disinjatur ikollu livell għoli ta’ libertà. Min-naħa l-oħra, hija tiddikjara li l-eżistenza ta’ eventwali limitazzjonijiet imposti fuq id-disinjatur mis-suq ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat.

52      L-EUIPO jirribatti li r-rikorrenti ma tagħmel ebda lment u li huwa ma jista’, għaldaqstant, iressaq ebda osservazzjoni f’dan ir-rigward.

53      Hemm lok li jitfakkar li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-imsemmi statut, u l-Artikolu 177(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, kull rikors promotur għandu jindika, b’mod partikolari, sunt tal-motivi invokati. Din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti li l-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar ir-rikors. L-istess japplika għal kull talba li għandha tkun akkumpanjata minn motivi u argumenti li jippermettu li kemm il-konvenut kif ukoll il-qorti jevalwaw il-fondatezza tagħhom. Għalhekk, il-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat rikors għandhom jirriżultaw, għall-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jiftiehem, mit-test tar-rikors innifsu. Rekwiżiti simili huma meħtieġa meta lment jew argument jiġi invokat insostenn ta’ motiv (ara s-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2013, Biodes vs UASI – Manasul Internacional (FARMASUL), T‑553/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:126, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tikkontestax il-konstatazzjonijiet tal-Bord tal-Appell li jgħidu li l-libertà tad-disinjatur hija limitata, minn naħa, minħabba l-funzjoni teknika ta’ vettura bil-mutur li sservi għat-trasport ta’ persuni u ta’ tagħbija, u, min-naħa l-oħra, minħabba l-eżistenza ta’ rekwiżiti legali, b’mod partikolari fil-qasam tas-sigurtà fit-toroq. Barra minn hekk, l-EUIPO u r-rikorrenti t-tnejn li huma jammettu li l-aspettattivi potenzjali tas-suq jew xi tendenzi fil-qasam tad-disinn ma jirrappreżentawx limiti rilevanti għal-libertà tad-disinjatur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Frar 2014, Sachi Premium-Outdoor Furniture vs UASI – Gandia Blasco (Fauteuil), T‑357/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:55, punti 23 u 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tippreżenta ebda punt ta’ fatt jew ta’ liġi insostenn ta’ din il-parti tal-motiv uniku. Hija ma tispjegax fiex kien jikkonsisti l-iżball imwettaq mill-Bord tal-Appell fl-evalwazzjoni tal-grad ta’ libertà tad-disinjatur.

56      Isegwi li t-tielet parti tal-motiv uniku għandha tiġi miċħuda għaliex inammissibbli.

 Fuq ir-raba’ parti tal-motiv uniku, ibbażata fuq il-fatt li l-Bord tal-Appell kellu jieħu inkunsiderazzjoni ċerti provi

57      Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell kellu jieħu inkunsiderazzjoni, minn naħa, illustrazzjoni intitolata “VW Caddy Life (2004–2010)”, ippreżentata f’artiklu fl-enċiklopedija onlajn Wikipedia u, min-naħa l-oħra, illustrazzjoni li tinsab f’offerta ta’ vettura użata, annessi mat-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. It-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn l-illustrazzjonijiet huwa importanti għaliex il-vettura riprodotta fihom għandha bamper tal-istess kulur tal-bqija tal-vettura. Id-differenza fil-kulur fil-livell tal-bamper, enfasizzat diversi drabi fid-deċiżjoni kkontestata, hija għalhekk irrilevanti.

58      Ir-rikorrenti tikkritika wkoll lill-Bord tal-Appell talli ma ħax inkunsiderazzjoni artiklu onlajn għax ma kienx anness mal-atti. Hija ssostni li dan l-artikolu kien anness man-nota tal-13 ta’ Jannar 2017 mibgħuta lill-Bord tal-Appell.

59      Għandu neċessarjament jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell kien iġġustifikat meta eskluda mill-analiżi tiegħu l-illustrazzjoni ppreżentata f’artiklu tal-enċiklopedija onlajn Wikipedia. Għandu jitfakkar li, sabiex jiġi evalwat il-valur probatorju ta’ dokument, għandha tiġi vverifikata l-probabbiltà u l-veraċità tal-informazzjoni inkluża fih. Għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-oriġini tad-dokument, iċ-ċirkustanzi li fihom tfassal u d-destinatarju tiegħu, kif ukoll jiġi mistoqsi jekk, skont il-kontenut tiegħu, jidhirx sensibbli u affidabbli (ara s-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2012, Coverpla vs UASI– Heinz-Glas (Flacon), T‑450/08, mhux ippubblikata, EU:T:2012:117, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-każ, fid-dawl tal-fatt li Wikipedia hija enċiklopedija onlajn li, fi kwalunkwe ħin, tista’ tiġi emendata minn kull utent tal-Internet, għandu jiġi kkunsidrat li l-imsemmija illustrazzjoni għandha valur probatorju limitat ħafna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Frar 2010, O2 (Germany) vs UASI (Homezone), T‑344/07, EU:T:2010:35, punt 46).

60      Fir-rigward tal-ilment li jgħid li l-Bord tal-Appell ma ħax inkunsiderazzjoni l-illustrazzjoni li tinsab fl-offerta ta’ vettura użata, għandu jiġi rrilevat li huwa essenzjali li d-dipartimenti tal-EUIPO jkollhom immaġni tad-disinn preċedenti li tippermetti li ssir magħrufa d-dehra tal-prodott li fih ikun inkorporat id-disinn u li jiġi identifikat b’mod preċiż u ċert id-disinn preċedenti sabiex ikunu jistgħu jwettqu, skont l-Artikoli 5 sa 7 tar-Regolament Nru 6/2002, l-evalwazzjoni tal-karattru ġdid u tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat u l-paragun li din tinvolvi bejn id-disinni inkwistjoni. Fil-fatt, l-eżami ta’ jekk id-disinn ikkontestat huwiex effettivament nieqes minn novità jew minn karattru individwali jirrikjedi li jkun hemm disinn preċedenti preċiż u ddeterminat (sentenza tal-21 ta’ Settembru 2017, Easy Sanitary Solutions u EUIPO vs Group Nivelles, C‑361/15 P u C‑405/15 P, EU:C:2017:720, punt 64).

61      Hija l-parti li ressqet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità li għandha tipprovdi lill-EUIPO l-indikazzjonijiet neċessarji u, b’mod partikolari, l-identifikazzjoni u r-riproduzzjoni preċiża u sħiħa tad-disinn li tkun allegat l-prijorità tiegħu, bil-għan li jintwera li d-disinn ikkontestat ma jistax jiġi rreġistrat b’mod validu (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2017, Easy Sanitary Solutions u EUIPO vs Group Nivelles, C‑361/15 P u C‑405/15 P, EU:C:2017:720, punt 65).

62      Ma jistax jiġi meħtieġ li l-EUIPO, b’mod partikolari fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-karattru ġdid tad-disinn ikkontestat, jgħaqqad flimkien id-diversi elementi tad-disinn preċedenti, peress li hija l-persuna li titlob dikjarazzjoni ta’ invalidità li għandha tipproduċi rappreżentazzjoni sħiħa ta’ dan id-disinn preċedenti. Barra minn hekk, kull tagħqid eventwali jkun jinkludi imperfezzjonijiet sa fejn dan ikun jimplika neċessarjament xi approssimazzjonijiet (sentenza tal-21 ta’ Settembru 2017, Easy Sanitary Solutions u EUIPO vs Group Nivelles, C‑361/15 P u C‑405/15 P, EU:C:2017:720, punt 69). L-istess jgħodd f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat. Fil-fatt, sabiex disinn ikun jista’ jitqies li għandu karattru individwali, l-impressjoni globali li dan id-disinn jipproduċi fuq l-utent avżat għandha tkun differenti minn dik li tiġi prodotta fuq dan l-utent, mhux minn tagħqid ta’ elementi iżolati, meħuda minn numru ta’ disinni preċedenti, iżda minn wieħed jew diversi disinni preċedenti, meħuda individwalment (sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2014, Karen Millen Fashions, C‑345/13, EU:C:2014:2013, punt 35).

63      F’dan il-każ, ir-rikorrenti mhux biss talli tistenna li l-EUIPO jgħaqqad diversi rappreżentazzjonijiet tal-prodott li fih ġie inkorporat id-disinn preċedenti, iżda wkoll li huwa jibdel element li jidher fil-parti l-kbira tar-rappreżentazzjonijiet, jiġifieri bamper ta’ kulur differenti minn dak tal-vettura, b’element li jidher biss f’rappreżentazzjoni waħda, jiġifieri bamper tal-istess kulur tal-vettura. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma pprovdietx lill-EUIPO l-identifikazzjoni u r-riproduzzjoni preċiża u sħiħa tad-disinn li l-prijorità tiegħu hija allegata fil-kuntest ta’ dan il-motiv. Minn dan jirriżulta li l-Bord tal-Appell ma wettaq l-ebda żball meta ma ħax inkunsiderazzjoni l-fatt li l-prodott li fih ġie inkorporat id-disinn preċedenti, li jinsab f’offerta ta’ vettura użata, għandu bamper tal-istess kulur tal-vettura.

64      Dwar l-artiklu onlajn li l-Bord tal-Appell kien injora, għandu jiġi kkonstatat li dan tal-aħħar ma kienx obbligat li jieħdu inkunsiderazzjoni peress li ma kienx rilevanti peress li, kif jirriżulta mill-punt 34 tad-deċiżjoni kkontestata, dan ma kienx jipprovdi informazzjoni fuq l-impressjoni globali prodotta fuq l-utent avżat. Barra minn hekk, l-osservazzjoni, li tinsab ukoll fil-punt 34 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn jingħad li l-artikolu inkwistjoni ma kienx verament anness mal-osservazzjonijiet tar-rikorrenti, ġiet ifformulata b’mod sussidjarju, b’tali mod li l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-Bord tal-Appell kellu jieħdu inkunsiderazzjoni peress li kien anness b’mod validu huwa ineffettiv.

65      Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li r-raba’ parti tal-motiv uniku għandha tiġi miċħuda u, għalhekk, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tat-tieni kap tat-talbiet, intiż sabiex il-Qorti Ġenerali tiddikjara l-invalidità tad-disinn ikkontestat.

 Fuq l-ispejjeż

66      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, konformement mat-talbiet tal-EUIPO u tal-intervenjenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Rietze GmbH & Co. KG hija kkundannata għall-ispejjeż.

Collins

Kancheva

De Baere

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-6 ta’ Ġunju 2019.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.